IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.11.2025
COM(2025) 709 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm l-UE għas-Saħħa għall-2021-2024
{SEC(2025) 304 final} - {SWD(2025) 369 final}
1.Introduzzjoni
Is-saħħa hija prekondizzjoni sabiex is-soċjetà u l-ekonomija tagħna jiffunzjonaw. L-għanijiet tal-UE jinkludu l-promozzjoni tal-benesseri tal-popli tagħha
. Għandu jiġi assigurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet kollha tal-UE
.
L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-UE trid tikkomplementa u tappoġġa l-politiki nazzjonali tas-saħħa, tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tinkoraġixxi l-koordinazzjoni bejn il-programmi tagħhom. L-UE trid tilħaq dan filwaqt li tħares ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għat-tfassil tal-politiki tas-saħħa tagħhom stess u għall-organizzazzjoni, għall-ġestjoni u għall-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.
Mill-2020, abbażi tat-tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea bdiet tibni l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, li fiha l-Istati Membri kollha tal-UE: iħejju u jirrispondu flimkien għall-kriżijiet tas-saħħa; jagħmlu l-provvisti mediċi disponibbli, affordabbli u innovattivi; u jaħdmu flimkien biex itejbu l-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ wara l-mard, bħal fil-każ tal-kanċer. Il-programm ewlieni ta’ finanzjament tal-UE biex titwettaq l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa huwa l-Programm l-UE għas-Saħħa.
2.Programm l-UE għas-Saħħa
Il-Programm l-UE għas-Saħħa ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522 (“ir-Regolament l-UE għas-Saħħa”) biex itejjeb is-saħħa tal-bniedem madwar l-UE kollha u biex jiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-UE.
L-objettivi tal-Programm huma wesgħin, allinjati mal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, u huma interkonnessi mill-qrib mal-objettivi tal-inizjattivi tas-saħħa leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tal-UE li l-Programm jappoġġa finanzjarjament. L-erba’ objettivi ġenerali huma:
a)it-titjib u t-trawwim tas-saħħa fl-Unjoni biex jitnaqqas il-piż ta’ mard li jittieħed u mard li ma jitteħidx, billi jiġu appoġġati l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa, jitrawmu modi ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u jiġi promoss l-aċċess għall-kura tas-saħħa;
b)il-protezzjoni tan-nies fl-Unjoni minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u t-tisħiħ tar-rispons tas-sistemi tas-saħħa u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri sabiex jaffrontaw theddid transfruntier serju għas-saħħa;
c)it-titjib tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti mediċinali u l-apparat mediku, u ta’ prodotti rilevanti għal kriżi fl-Unjoni, u l-appoġġ għall-innovazzjoni fir-rigward ta’ tali prodotti;
d)it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa billi jittejbu r-reżiljenza u l-effiċjenza tar-riżorsi tagħhom, partikolarment: (i) bl-appoġġ għal ħidma integrata u kkoordinata bejn l-Istati Membri; (ii) bil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u bil-promozzjoni tal-kondiviżjoni tad-data; (iii) bit-tisħiħ tal-forza tax-xogħol; (iv) bl-indirizzar tal-implikazzjonijiet tal-isfidi demografiċi; u (v) bl-avvanz fit-trasformazzjoni diġitali.
L-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament l-UE għas-Saħħa jiġu segwiti permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-UE, u billi jiġi segwit l-approċċ "Saħħa Waħda":
a)f’sinerġija ma’ azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, appoġġ għal azzjonijiet għall-prevenzjoni tal-mard, għall-promozzjoni tas-saħħa u għall-indirizzar tad-determinanti tas-saħħa, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa minħabba l-użu illeċitu tad-droga u d-dipendenza fuqha, appoġġ għal azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-saħħa, biex jitjieb l-għarfien dwar is-saħħa, biex jittejbu d-drittijiet tal-pazjenti, is-sikurezza tal-pazjenti, il-kwalità tal-kura u l-kura tas-saħħa transfruntiera, u appoġġ għal azzjonijiet għat-titjib tas-sorveljanza, id-dijanjożi u t-trattament ta’ mard li jittieħed u li ma jitteħidx, b’mod partikolari l-kanċer u l-kanċer pedjatriku, kif ukoll appoġġ għal azzjonijiet biex tittejjeb is-saħħa mentali, b’attenzjoni speċjali mogħtija għal mudelli ġodda tal-kura u l-isfidi tal-kura fit-tul, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa fl-Unjoni;
b)it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons rapidu għat-theddid transfruntier serju għas-saħħa f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, u tittejjeb il-ġestjoni tal-kriżijiet tas-saħħa, b’mod partikolari permezz tal-koordinazzjoni, il-provvediment u l-użu tal-kapaċità tal-kura tas-saħħa ta’ emerġenza, appoġġ għall-ġbir tad-data, skambju ta’ informazzjoni, sorveljanza, il-koordinazzjoni tal-ittestjar tal-istress volontarju tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali, u l-iżvilupp ta’ standards għal kura tas-saħħa ta’ kwalità fil-livell nazzjonali;
c)appoġġ għal azzjonijiet li jtejbu d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta’ prodotti mediċinali, apparat mediku u prodotti rilevanti għal kriżi billi jinkoraġġixxu l-produzzjoni sostenibbli u l-ktajjen tal-provvista u l-innovazzjoni fl-Unjoni, filwaqt li jappoġġaw l-użu prudenti u effiċjenti tal-prodotti mediċinali, b’mod partikolari tal-antimikrobiċi, u azzjonijiet li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali li huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent, kif ukoll il-produzzjoni u r-rimi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta’ prodotti mediċinali u apparat mediku;
d)f’sinerġija ma’ strumenti, programmi u fondi oħra tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi rilevanti tal-Unjoni, appoġġ għall-azzjonijiet li jikkomplementaw il-kumulazzjoni nazzjonali ta’ prodotti essenzjali rilevanti għal kriżi, fil-livell tal-Unjoni, fejn meħtieġ;
e)f’sinerġija ma’ strumenti, programmi u fondi oħra tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ECDC, jiġu stabbiliti struttura u riżorsi ta’ taħriġ għal riżerva ta’ persunal mediku, tal-kura tas-saħħa u ta’ appoġġ allokati volontarjament mill-Istati Membri għall-mobilizzazzjoni tagħha fil-każ ta’ kriżi tas-saħħa;
f)it-tisħiħ tal-użu u l-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa għall-provvista tal-kura tas-saħħa u għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ għodod u servizzi diġitali, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, inkluż billi jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ spazju Ewropew għad-data dwar is-saħħa;
g)it-titjib tal-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità, iċċentrati fuq il-pazjent, ibbażati fuq ir-riżultati u servizzi ta’ kura relatati, bil-għan li tinkiseb kopertura tas-saħħa universali;
h)appoġġ għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar u, fejn meħtieġ, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa tal-Unjoni u l-appoġġ għall-għoti ta’ data ta’ kwalità għolja valida, affidabbli u komparabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-monitoraġġ ibbażati fuq l-evidenza; u l-promozzjoni tal-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-saħħa ta’ politiki rilevanti oħra tal-Unjoni;
i)appoġġ għall-ħidma integrata fost l-Istati Membri, u b’mod partikolari s-sistemi tas-saħħa tagħhom, inkluża l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ prevenzjoni b’impatt għoli, appoġġ għall-ħidma dwar l-HTA, u t-tisħiħ u l-espansjoni tan-networking permezz ta’ NRE u networks tranżnazzjonali oħra, inkluż relattivament għal mard li mhuwiex mard rari, biex tiżdied il-kopertura tal-pazjenti u jitjieb ir-rispons għal prevalenza baxxa u mard kumpless li jittieħed u mard li ma jitteħidx;
j)appoġġ għal impenji globali u inizjattivi tas-saħħa billi jissaħħaħ l-appoġġ tal-Unjoni għal azzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari azzjonijiet mid-WHO, u titrawwem il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
Il-baġit inizjali ta’ EUR 5,8 biljun għas-snin 2021-2027 previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament l-UE għas-Saħħa tnaqqas għal EUR 4,6 biljun meta l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2021-2027 ġie rivedut. Il-fondi riallokati ġew allokati għal, fost affarijiet oħra, il-ħtiġijiet immedjati, l-irkupru u l-appoġġ tal-Ukrajna għat-triq Ewropea tagħha; l-indirizzar tal-ħtiġijiet relatati mal-pressjonijiet tal-migrazzjoni; it-tisħiħ tas-sħubijiet globali; u r-rispons għall-emerġenzi.
Skont ir-Regolament l-UE għas-Saħħa, mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Programm irid jiġi riżervat għall-promozzjoni tas-saħħa u għall-prevenzjoni tal-mard. Il-Programm għandu jinvesti mhux aktar minn 12,5 % fl-akkwisti biex jikkomplementa l-kumulazzjoni nazzjonali ta’ riżervi ta’ prodotti essenzjali rilevanti għall-kriżijiet, mhux aktar minn 12,5 % biex jappoġġa l-impenji globali u l-inizjattivi internazzjonali tas-saħħa, u massimu ta’ 8 % biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi.
Il-baġit tal-Programm l-UE għas-Saħħa jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali adottati mill-Kummissjoni bħala segwitu ta' opinjoni pożittiva mill-Istati Membri fil-Kumitat tal-Programm l-UE għas-Saħħa u abbażi tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-programmazzjoni annwali l-UE għas-Saħħa hija bbażata fuq l-analiżi tal-Kummissjoni tad-distakk bejn l-istat attwali tal-implimentazzjoni u l-objettivi tal-Programm. Il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-programm ta’ ħidma annwali jqisu l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati u huma żviluppati f’konsultazzjoni mal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Programm tal-objettivi ġenerali tal-politika tas-saħħa tal-UE.
Il-Programm huwa implimentat prinċipalment permezz ta’ ġestjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-akkademiċi u mal-istabbilimenti tal-edukazzjoni, mal-istituti tar-riċerka, mal-isptarijiet, mas-soċjetà ċivili u ma’ entitajiet pubbliċi jew privati oħrajn. Xi kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit huma fdati permezz ta’ ġestjoni indiretta lil korpi bħal organizzazzjonijiet internazzjonali jew l-aġenziji tagħhom (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO, World Health Organization), il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for the Economic Cooperation and Development)), il-Bank Ewropew tal-Investiment u organizzazzjonijiet oħra. Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stipulati fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet, premjijiet u akkwist.
Għall-għotjiet, ir-rata ta’ kofinanzjament hija sa 60 % u, fil-każ ta’ utilità eċċezzjonali, sa 80 %. Fil-każ ta’ għotjiet diretti lin-networks ta’ referenza Ewropew (ERNs, European reference networks), networks tranżnazzjonali oħra stabbiliti skont id-dritt tal-UE u d-WHO, tali għotjiet jistgħu jkunu sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.
Il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jistgħu jingħataw lil kwalunkwe entità legali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas legali applikabbli.
Il-benefiċjarji eliġibbli tal-Programm huma fost l-oħrajn, amministrazzjonijiet (tas-saħħa) nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati, korpi ta’ riċerka, istituti edukattivi, entitajiet privati u mingħajr skop ta’ qligħ.
Il-Kummissjoni ffirmat ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tal-Programm l-UE għas-Saħħa mal-Ukrajna, mal-Moldova, mal-Montenegro u mal-Bożnija-Ħerzegovina, li jippermettu lil dawn il-pajjiżi jaċċessaw il-finanzjament l-UE għas-Saħħa. L-assoċjazzjoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda (il-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA) mal-Programm l-UE għas-Saħħa hija regolata mill-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.
3.Approċċ u metodoloġija interim ta’ evalwazzjoni
Kriterji ta’ evalwazzjoni u kuntest
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim tal-Programm l-UE għas-Saħħa huwa obbligu legali f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament l-UE għas-Saħħa u huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jippreżenta l-evidenza disponibbli. L-evalwazzjoni interim tivvaluta: l-effettività u l-effiċjenza tal-Programm; il-koerenza fi ħdan il-Programm u ma’ inizjattivi rilevanti oħra ta’ finanzjament tal-UE u politiki rilevanti; il-valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet iffinanzjati; u r-rilevanza tal-objettivi tal-Programm. L-evalwazzjoni interim tipprovdi intuwizzjoni għall-implimentazzjoni kontinwata tal-Programm l-UE għas-Saħħa, tistabbilixxi x-xena għall-evalwazzjoni finali li jmiss, u tinforma r-riflessjonijiet dwar Programm suċċessur potenzjali għall-QFP li jmiss.
Perjodu ta’ evalwazzjoni
L-evalwazzjoni interim tkejjel il-progress tal-Programm mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ April 2024 (data limitu), madwar is-27 Stat Membru u 6 pajjiżi mhux tal-UE assoċjati mal-Programm
.
Metodoloġija ta’ evalwazzjoni
L-evalwazzjoni interim, kif deskritta fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament l-UE għas-Saħħa, tibni fuq id-data tal-output u tar-riżultati minn għadd limitat ta’ azzjonijiet kompluti sad-data limitu. Konsegwentement, kien hemm biss data limitata disponibbli dwar ir-riżultati u l-ebda data dwar l-impatti. L-interventi tal-UE fis-saħħa pubblika spiss jinvolvu diversi komponenti u partijiet ikkonċernati u jikkomplementaw dawk tal-Istati Membri. Dan jista’ jagħmilha diffiċli sabiex jiġu iżolati l-effetti ta’ azzjonijiet speċifiċi u li jiġi evalwat l-impatt tagħhom b’mod akkurat. L-istabbiliment ta’ rabta kawżali bejn l-inputs, l-outputs, ir-riżultati u l-impatti f’intervent tal-UE fis-saħħa pubblika huwa diffiċli minħabba n-natura kumplessa u multidimensjonali ta’ tali interventi, fejn diversi varjabbli u fatturi esterni jistgħu jinfluwenzaw l-eżiti.
L-evalwazzjoni hija bbażata fuq evidenza addizzjonali pprovduta minn studju estern imwettaq bejn Diċembru 2023 u Ottubru 2024. Id-data miġbura fil-livell tal-Programm u tal-proġett hija kkomplementata minn studji tal-każ, evidenza miġbura mill-partijiet ikkonċernati online u permezz ta’ intervisti u rieżami tal-letteratura. L-analiżi tad-data tinkludi tqabbil mal-linja bażi u l-miri, analiżi tal-kostijiet/benefiċċji sa fejn ikun possibbli u l-immappjar tal-vjaġġi tal-klijenti. Twettqet analiżi tal-“megatrends” (bħat-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni, eċċ.) biex jiġi vvalutat kif dawn jistgħu jħallu impatt fuq l-interventi fis-sistemi tas-saħħa, inklużi l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Programm.
4.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni interim
Fiż-żmien tal-evalwazzjoni interim, id-data disponibbli hija limitata għal riżultati bikrija mill-azzjonijiet iffinanzjati, u l-impatti ta’ dawn l-azzjonijiet għad iridu jimmaterjalizzaw. Is-sejbiet inizjali minn 26 għotja u 136 akkwist juru li l-approċċ tal-ġbir tad-data huwa affidabbli, u li l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tipprovdi bażi b’saħħitha biex titwettaq l-evalwazzjoni finali.
Effettività u effiċjenza
Il-governanza tal-Programm l-UE għas-Saħħa ġiet stabbilita fil-ħin u ppermettiet li l-proċess ta’ programmazzjoni jinfetaħ malajr u b’mod effiċjenti matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-proċess ta’ programmazzjoni tal-UE għas-Saħħa kien faċilitatur kritiku fl-allinjament tal-attivitajiet tal-Programm mal-objettivi ġenerali tiegħu. Il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ Direttorati Ġenerali (DĠ) prinċipali, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) u l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA, Health Emergency Preparedness and Response Authority), l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA, European Health and Digital Executive Agency), kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri fil-kumitati ta’ tmexxija u fil-proċessi ta’ żvilupp tal-programmi, żguraw li l-azzjonijiet jindirizzaw ħtiġijiet urġenti tas-saħħa pubblika u jallinjaw mal-istrateġiji usa’ tal-UE inkluża l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Il-programmi ta’ ħidma annwali kienu effettivi fit-traduzzjoni tal-objettivi wesgħin tal-Programm l-UE għas-Saħħa f’azzjonijiet konkreti, b’allokazzjoni ċara tar-riżorsi għal oqsma ta’ prijorità bħat-tħejjija għall-kriżijiet, is-saħħa diġitali (eHealth), u l-prevenzjoni tal-mard. L-ewwel programm ta’ ħidma annwali għall-2021 ġie adottat madwar 3 xhur wara li ġie adottat ir-Regolament l-UE għas-Saħħa. Il-proċessi ta’ programmazzjoni tħaddmu b’mod parallel mal-programmi ta’ ħidma tal-2021 u l-2022, li ġew adottati wara perjodu preparatorju ta’ madwar 10 xhur. L-ipprogrammar fl-2023 u fl-2024 segwa ċikli ta’ programmazzjoni aktar regolari, bl-adozzjoni f’waqtha tal-programmi ta’ ħidma u proċess ta’ emenda effettiv.
L-azzjonijiet kollha pprogrammati għall-2021, għall-2022 u għall-2023 delegati lill-HaDEA mid-DĠ prinċipali tnedew b’suċċess. Konsegwentement, ġew iffirmati 726 kuntratt (li jkopru dawn l-azzjonijiet kollha għal dawn it-3 snin) ma’ 1 274 entità legali bħal: ministeri tas-saħħa; awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u oħrajn; organizzazzjonijiet ta’ riċerka dwar il-kura tas-saħħa u s-saħħa; u entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ u privati. Il-biċċa l-kbira tal-fondi tal-UE għas-Saħħa ġew żborżati permezz ta’ għotjiet u akkwist. Barra minn hekk, intużaw ftehimiet ta’ kontribuzzjoni biex jappoġġaw il-prijoritajiet tas-saħħa globali. Sa April 2024, madwar EUR 2,63 biljun mill-baġit totali tal-UE għas-Saħħa (ta’ EUR 5,8 biljun għas-snin 2021-2027) kienu ġew ipprogrammati u EUR 1,39 biljun kienu ġew impenjati b’mod effettiv.
Il-programm ta’ ħidma l-UE għas-Saħħa jikkonsisti f’erba’ “fergħat” ġenerali: tħejjija għall-kriżi; promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard; sistemi tas-saħħa u forza tax-xogħol fil-kura tas-saħħa; u diġitali. Il-kanċer jitqies li huwa fergħa orizzontali.
Il-benefiċjarji tal-għotjiet minn 22 pajjiż huma prinċipalment awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali nnominati mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom biex jipparteċipaw f’azzjonijiet konġunti jew biex jirċievu għotjiet diretti oħra. Il-benefiċjarji l-oħra tal-għotjiet huma organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika (bħall-unitajiet tal-kura tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-NGOs, eċċ.).
Matul l-2021-2024, 255 NGO irċevew għotjiet ta’ azzjoni u pparteċipaw f’55 proġett, fejn assorbew EUR 41,2 miljun. Barra minn hekk, 27 NGO irċevew għotjiet operattivi, fejn assorbew EUR 23,2 miljun.
Total ta’ 94 entità legali minn 18-il Stat Membru bbenefikaw minn fondi permezz ta’ akkwist bejn l-2021 u l-2024. L-akbar akkwist ta’ servizzi sar taħt il-fergħa ta’ tħejjija għall-kriżijiet. Dan l-akkwist jinkludi l-iżgurar ta’ faċilitajiet ta’ tisħin (il-proġett EU FAB) għall-produzzjoni tal-vaċċini u l-iżvilupp tal-IT biex jittejbu s-sistemi ta’ twissija bikrija, l-immudellar, is-simulazzjoni u t-tbassir. Mill-baġit totali li jammonta għal EUR 396,4 miljun, sitt Stati Membri assorbew il-parti l-kbira tal-fondi tal-akkwist b’mill-inqas EUR 22 miljun għal kull Stat Membru.
L-għotjiet u l-akkwist għas-servizzi ppermettew azzjonijiet immirati taħt il-fergħat kollha tal-programm ta’ ħidma. Il-baġit globali impenjat sad-data limitu jammonta għal EUR 1,39 biljun. Il-ġestjoni diretta tinkludi għotjiet ta’ EUR 741,84 miljun u akkwist ta’ EUR 420,44 miljun. Il-ġestjoni indiretta tinkludi l-EUR 227,72 miljun li jifdal. L-azzjonijiet konġunti u għotjiet diretti oħra lill-Istati Membri jlaqqgħu flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali li jiffaċilitaw u jtejbu l-kollaborazzjoni, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tal-għarfien. L-akkwist tas-servizzi jinvolvi fornituri tas-settur privat prinċipalment mill-Istati Membri, u fi ftit każijiet minn pajjiżi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali jew servizzi tal-Kummissjoni. Il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi inkluż lil hinn mill-fruntieri tal-UE, bħall-indirizzar tal-konsegwenzi fuq is-saħħa relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jew azzjonijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet biex jiġi indirizzat it-theddid emerġenti għas-saħħa transfruntiera fil-post tal-oriġini, bħal fl-Afrika fil-każ tal-virus tal-Mpox.
Sad-data limitu, l-azzjonijiet konġunti ppermettew lil 499 organizzazzjoni jikkollaboraw madwar il-pajjiżi Ewropej, b’40 % tal-organizzazzjonijiet kollha pparteċipaw f’aktar minn azzjoni konġunta waħda. Il-kriterji ta’ utilità eċċezzjonali wrew ir-rilevanza tagħhom bħala mekkaniżmu ta’ finanzjament fil-Programm l-UE għas-Saħħa, li jipprovdi appoġġ finanzjarju akbar (kontribuzzjoni tal-UE sa 80 %) għal azzjonijiet li jinvolvu mill-inqas 14-il Stat Membru, li minnhom, mill-inqas 4 huma pajjiżi li l-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-UE jew fejn 30 % tal-baġit ta’ azzjoni huwa dirett lejn tali pajjiżi.
Il-piżijiet amministrattivi jibqgħu sfida sinifikanti, b’mod partikolari għall-Istati Membri iżgħar u għall-NGOs. Dan jinkludi rekwiżiti kumplessi ta’ applikazzjoni u ta’ rapportar, li jistgħu jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni. It-titjib tat-trasparenza u tal-effiċjenza tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-akkwist, pereżempju, permezz ta’ għodod diġitali mtejba, jista’ jnaqqas id-dewmien u jżid is-sodisfazzjon tal-partijiet ikkonċernati.
Il-Programm diġà għamel progress sinifikanti f’dan l-istadju interim.
Il-Programm jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-mard u għall-promozzjoni tas-saħħa billi jappoġġa b’mod effettiv ħafna t-twassil ta’ Healthier together - inizjattiva tal-UE dwar il-mard mhux komunikabbli, kif muri, fost affarijiet oħra, mill-ħidma konġunta tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-obbligu legali li jiġi allokat minimu ta’ 20 % tal-baġit totali tal-Programm għall-azzjonijiet ta’ prevenzjoni tal-mard u ta’ promozzjoni tas-saħħa ġie ssodisfat sal-2024. Kien hemm progress sostanzjali fit-titjib tan-networks tal-kura tas-saħħa. L-ERNs, li jipprovdu kura speċjalizzata għal mard rari, issa jinkludu 1 619-il fornitur tal-kura tas-saħħa, li sad-data limitu juru żieda ta’ 40 % meta mqabbla mal-2021. Din l-espansjoni kellha impatt tanġibbli, peress li sal-2024, 2,24 miljun pazjent b’mard rari rċevew parir espert dwar l-aktar dijanjożi u trattamenti xierqa. L-inizjattivi tas-saħħa diġitali qed javvanzaw ukoll, permezz tal-implimentazzjoni tal-MyHealth@EU, l-infrastruttura li tippermetti l-kontinwità transfruntiera tal-kura billi tipprovdi aċċess għas-Sommarji tal-Pazjenti u l-e-Riċetti u qed twitti t-triq għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Din il-ħidma saret possibbli permezz ta’ 44 proġett ewlieni ffinanzjati mill-Programm, li jiżguraw aċċess aħjar għal – u ġestjoni ta’ – data dwar is-saħħa madwar l-UE. L-innovazzjoni u l-aċċessibbiltà fil-kontromiżuri mediċi komplew jiġu appoġġati minn investiment ta’ EUR 104 miljun immirat lejn it-trawwim ta’ avvanzi f’dan il-qasam, inklużi inċentivi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-antibijotiċi. Barra minn hekk, taħt l-EU FAB, sitt operaturi ekonomiċi żguraw il-kapaċitajiet tal-manifattura biex jiżguraw li l-vaċċini jkunu jistgħu jiġu prodotti bis-sħiħ fl-UE f’każ ta’ emerġenza. Sadanittant, fil-ġlieda kontra l-kanċer, l-Istati Membri qed jadattaw u jadottaw il-linji gwida Ewropej dwar l-iskrinjar u d-dijanjożi tal-kanċer tas-sider, u l-iskema ta’ mistoqsijiet u tweġibiet tlestiet u hija lesta għall-implimentazzjoni wara li ġiet ittestjata f’9 Stati Membri. Pass kruċjali wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2022 dwar l-iskrinjar tal-kanċer. Barra minn hekk, b’reazzjoni għar-riskju dejjem akbar ta’ patoġeni transfruntiera, f’Jannar 2024, 23 Stat Membru bdew jimplimentaw sistema ta’ sorveljanza ta’ “Saħħa Waħda”, li ssaħħaħ it-tħejjija tal-UE kontra t-theddid għas-saħħa li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Bl-istess mod, l-azzjoni konġunta tal-UE dwar is-sorveljanza integrata tal-ilma mormi għas-saħħa pubblika (EU-WISH, EU wastewater integrated surveillance for public health) laqqgħet flimkien ukoll lil 26 pajjiż biex tagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jipprevjenu, jippreparaw għal, u jirrispondu malajr għal theddid transfruntier serju għas-saħħa permezz tas-sorveljanza tal-ilma mormi.
Il-ġbir tad-data tal-Programm huwa permess minn 52 indikatur, li huma deskritti fil-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Programm tal-UE għas-Saħħa (PPMEF, Programme performance monitoring and evaluation framework)
. L-indikaturi jimmonitorjaw l-inputs, l-outputs, ir-riżultati u l-impatti. Disa’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ddeżinjati huma relatati mal-politiki ewlenin tas-saħħa u jservu biex jirriflettu l-kisbiet ewlenin fir-rapportar annwali tal-prestazzjoni
.
L-analiżi tal-prestazzjoni annwali tal-2023 (l-aħħar waħda disponibbli qabel id-data limitu tal-evalwazzjoni interim tat-30 ta’ April 2024) tindika li l-prestazzjoni ġenerali tal-Programm tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettivi tagħha.
Il-progress tad-disa’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huwa illustrattiv. Il-mira tal-2027 diġà nqabżet fl-2024 għall-indikatur relatat mal-ERNs u għall-indikatur dwar l-għadd ta’ Stati Membri li jimplimentaw l-aħjar prattiki fil-promozzjoni tas-saħħa u fil-prevenzjoni tal-mard. Kważi l-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati (30) ħadu passi biex jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ tħejjija u ta’ rispons tagħhom għal theddid transfruntier serju għas-saħħa. L-istadju importanti tal-2024 huwa qrib li jintlaħaq għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni “Għadd ta’ persunal tal-kura tas-saħħa u tas-saħħa pubblika mħarreġ” u fit-triq it-tajba sabiex jintlaħaq għal erba’ indikaturi oħra.
L-istadji importanti tal-2024, pereżempju, intlaħqu u saħansitra nqabżu taħt fergħat differenti. Hekk kif l-implimentazzjoni tal-Programm qed tavvanza, sar progress sinifikanti fuq diversi indikaturi lejn l-ilħuq tal-miri tal-2027 f’oqsma ewlenin bħal: it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet; il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard; il-kanċer; u l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ pazjenti b’mard rari permezz tal-ERNs.
Koerenza
It-tfassil tar-Regolament l-UE għas-Saħħa huwa tajjeb b’mod ġenerali, u l-objettivi huma koerenti. L-objettivi ġenerali u speċifiċi kollha tal-Programm jirriflettu b’mod akkurat u komprensiv il-ħtiġijiet u l-isfidi tas-saħħa tal-UE. L-objettivi speċifiċi komprensivi jippermettu l-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet eżistenti tal-politika tas-saħħa tal-UE, inkluża l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-saħħa.
Il-Programm huwa konsistenti ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE bħal Orizzont Ewropa, il- programm Ewropa Diġitali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (rescEU), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-GE, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument – Global Europe). Orizzont Ewropa javvanza r-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa permezz tal-inizjattivi tiegħu tar-Raggruppament 1 u l-Missjoni tal-UE dwar il-Kanċer, filwaqt li jindirizza l-prevenzjoni tal-mard u jippromwovi sinerġiji mal-politiki tas-saħħa pubblika. Dan jiffinanzja r-riċerka f’oqsma bħall-mard infettiv u l-kanċer u jgħin biex jiġu inkorporati teknoloġiji diġitali fil-kura tas-saħħa u jippromwovi l-kooperazzjoni globali fis-saħħa. Sħubijiet fi ħdan Orizzont Ewropa, bħal dawk li jiffukaw fuq it-trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u tal-mard rari, isaħħu l-ekosistema tal-innovazzjoni tas-saħħa tal-Ewropa. Il-programm Ewropa Diġitali jtejjeb il-ħiliet diġitali fis-saħħa u qed jgħin biex jiġi stabbilit spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa għal aċċess u interoperabbiltà aħjar tad-data. Barra minn hekk, fondi bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew+, ERASMUS+ il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, jappoġġaw l-infrastruttura tas-saħħa, is-saħħa diġitali, u l-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol.
Il-koerenza tal-Programm l-UE għas-Saħħa ma’ fondi oħra tal-UE hija żgurata wkoll permezz ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi dwar il-programmi ta’ ħidma annwali u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti konġunti tal-partijiet ikkonċernati biex jiġu ppreżentati proġetti dwar oqsma tematiċi speċifiċi (eż. is-saħħa mentali). Il-koerenza bejn l-UE għas-Saħħa u Orizzont Ewropa hija l-aktar prominenti fil-każ ta’ azzjonijiet dwar il-kanċer. Dan jirriżulta mill-allinjament mill-qrib tal-Missjoni tal-UE dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa mal-fergħa tal-kanċer tal-UE għas-Saħħa, li hija żgurata permezz tal-governanza konġunta tal-Missjoni tal-UE dwar il-Kanċer u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.
Hemm ukoll potenzjal għal sinerġija bejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-UE għas-Saħħa. 15-il azzjoni li jirrappreżentaw EUR 23,5 miljun, jappoġġaw direttament il-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku.
Valur miżjud tal-UE
L-azzjonijiet taħt il-Programm l-UE għas-Saħħa pprovdew valur miżjud sinifikanti tal-UE permezz tal-bini tal-kapaċità, l-ippjanar strateġiku, u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet u azzjonijiet biex tiżdied u tiġi promossa l-innovazzjoni u jsir l-aħjar użu mir-riżultati tar-riċerka.
Il-Programm l-UE għas-Saħħa nieda azzjonijiet li jiswew EUR 623 miljun dwar it-tħejjija għall-kriżijiet u s-sigurtà tas-saħħa, bejn Jannar 2021 u d-data limitu tal-evalwazzjoni interim (it-30 ta’ April 2024). Dawn l-azzjonijiet tejbu l-kapaċità tal-UE li tipprevjeni aħjar, tkun imħejjija aħjar u twieġeb aħjar għall-emerġenzi tas-saħħa. Huma żguraw ukoll il-kapaċità tal-UE li tiżgura l-aċċess għal kontromiżuri mediċi. Eżempji jinkludu l-attivitajiet dwar l-iżvilupp u l-akkwist tal-kontromiżuri mediċi; il-laboratorji ta’ referenza Ewropej; il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza u ta’ ġbir ta’ intelligence; is-sistemi ta’ twissija bikrija u ta’ rispons. Azzjonijiet bħal dawn huma kruċjali biex jiġi miġġieled it-theddid transfruntier futur għas-saħħa fl-UE.
EUR 27 miljun saru disponibbli biex jappoġġaw il-ġbir tal-intelligence permezz ta’ sorsi miftuħa, sistemi ta’ sorveljanza tal-ilma mormi u kapaċitajiet ta’ sekwenzjar u ġbir ta’ intelligence dwar l-epidemiji fil-livell globali.
600 000 persuna spostata mill-Ukrajna rċevew l-ewwel għajnuna psikoloġika u servizzi tas-saħħa mentali fi 22 Stat Membru u fi 3 pajjiżi mhux tal-UE
Il-Programm għamel investimenti konsiderevoli biex jappoġġa direttament il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard (EUR 155,4 miljun), b’mod partikolari fir-rigward tal-mard mhux komunikabbli (inkluż il-kanċer), is-saħħa mentali, il-mard kardjovaskulari, id-dijabete, il-mard respiratorju u biex jippromwovi stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa li huma mistennija li jkollhom impatti pożittivi fuq is-saħħa fit-tul taċ-ċittadini tal-UE. L-azzjonijiet minn fergħat oħra jinkludu wkoll il-promozzjoni tas-saħħa u l-attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-mard. Flimkien mal-appoġġ dirett f’dan il-qasam ta’ intervent, issa ġew ipprogrammati EUR 536,7 miljun għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard. Dan jissodisfa l-impenn legali ta’ 20 % li sar skont ir-Regolament l-UE għas-Saħħa.
Il-Programm l-UE għas-Saħħa uża EUR 239 miljun fuq azzjonijiet biex jissaħħu s-sistemi nazzjonali tas-saħħa, pereżempju: permezz tal-azzjoni konġunta CIRCE li tittrasferixxi l-aħjar prattiki fil-kura tas-saħħa primarja fost l-Istati Membri tal-UE; permezz ta’ żieda fil-finanzjament tan-Networks ta’ Referenza Ewropej (EUR 100,5 miljun), u billi tiżdied ir-reżiljenza tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tibni fuq l-eżiti tal-programmi tas-saħħa preċedenti. Stabbiliti fl-2017, in-Networks ta’ Referenza Ewropej komplew jiffaċilitaw u jtejbu l-kollaborazzjoni bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u taw parir dwar l-aktar dijanjożi xierqa u l-aħjar trattament disponibbli għall-pazjenti b’mard rari. Il-Programm tejjeb ukoll it-tħejjija għall-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa permezz ta’ taħriġ immirat u inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità, filwaqt li żgura li l-Istati Membri jkunu mgħammra aħjar biex jimmaniġġaw żidiet fid-domanda għall-kura tas-saħħa.
Bejn Novembru 2023 u April 2024, 15-il mediċina kellhom l-informazzjoni elettronika tagħhom dwar il-prodott ippubblikata bħala parti mill-proċedura tagħhom ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, u dan witta t-triq għal diġitalizzazzjoni usa’ tan-network regolatorju.
It-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa (EUR 124,96 miljun) madwar l-UE avvanzat permezz tal-ħidma preparatorja u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa appoġġata mill-Programm l-UE għas-Saħħa. Dan jippermetti li d-data dwar is-saħħa tiġi skambjata bejn il-fruntieri u jtejjeb l-aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità. Iċ-ċittadini tal-UE issa għandhom aċċess eħfef għar-rekords tas-saħħa tagħhom u jistgħu jirċievu kura kontinwa meta jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri huma wkoll konnessi aħjar, u dan iwassal għal infrastruttura tal-kura tas-saħħa aktar integrata u aktar effiċjenti madwar l-UE. L-għan tal-enfasi tal-Programm fuq l-użu sekondarju tad-data dwar is-saħħa għar-riċerka u t-tfassil tal-politika hu li jagħmel lill-UE mexxejja fir-riċerka medika u fl-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa. L-azzjonijiet minn fergħat oħra jinkludu attivitajiet ta’ trasformazzjoni diġitali li jikkontribwixxu flimkien għall-prijoritajiet trażversali tal-UE.
22 pajjiż Ewropew, inkluż 20 Stat Membru tal-UE, irċevew appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tagħhom u żiedu l-kopertura ġeografika tas-servizzi ta’ MyHealth@EU, tal-interoperabbiltà u/jew tal-aċċess tal-pazjenti għad-data dwar is-saħħa tagħhom stess.
L-investimenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (EUR 220 miljun) jinkludu l-azzjonijiet ewlenin biex jitnaqqsu l-fatturi ta’ riskju tal-kanċer, tittejjeb il-kopertura tat-tilqim u tal-iskrinjar, u jittejbu r-reġistri tal-kanċer billi jissaħħaħ il-ġbir tad-data, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-identifikazzjoni bikrija u għal strateġiji ta’ trattament aktar effettivi. Sar progress f’diversi oqsma oħra, inkluż fiċ-Ċentru tal-Għarfien tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kanċer, fir-Reġistru Ewropew tal-inugwaljanzi b’rabta mal-kanċer, u fin-Network tal-UE li jgħaqqad Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer rikonoxxuti u networks ġodda ta’ għarfien espert. In-Network tal-UE jindaga fi ħdan il-komunità tal-onkoloġija Ewropea kollha għal oqsma tal-kanċer speċifiċi u ta’ sfida li jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni transfruntiera.
F’Diċembru 2023, ġew ippubblikati 29 profil tal-kanċer tal-pajjiżi mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Iżlanda u min-Norveġja, li jenfasizzaw il-kisbiet u l-isfidi ewlenin fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer.
L-appoġġ għall-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali jammonta għal EUR 61,5 miljun, li madwar EUR 50 miljun minnhom ġew impenjati għal azzjonijiet bħat-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa fil-livell globali. Studju li għaddej bħalissa għandu l-għan li jfassal u li jittestja qafas ta’ monitoraġġ biex jivvaluta l-progress u l-eżiti tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali. Appoġġati mill-finanzjament tal-Programm l-UE għas-Saħħa, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati qed isaħħu r-rwol tal-UE fis-saħħa globali billi jtejbu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-impenji globali u l-inizjattivi tas-saħħa konklużi ma’ sħab internazzjonali bħad-WHO u s-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar indirizzaw, fost kwistjonijiet oħra, il-konsegwenzi fuq is-saħħa tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna u l-ħtiġijiet tar-refuġjati.
Rilevanza
Is-sejbiet tal-istudju ta’ appoġġ tal-evalwazzjoni ppubblikati flimkien ma’ dan ir-rapport jindikaw li l-objettivi ġenerali u speċifiċi kollha tal-Programm l-UE għas-Saħħa kienu rilevanti ħafna, u jirriflettu b’mod akkurat u komprensiv il-ħtiġijiet u l-isfidi tas-saħħa li kienu jeżistu fl-2021, meta nħoloq il-Programm. L-istudju sab li l-objettivi speċifiċi kienu allinjati sew mal-prijoritajiet strateġiċi tas-saħħa pubblika tal-UE għall-perjodu 2019-2024, li jinkludu t-titjib tal-provvista ta’ mediċini affordabbli, l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-qafas regolatorju l-ġdid dwar l-apparati mediċi u l-prijoritizzazzjoni s-saħħa diġitali.
Matul il-perjodu 2021-2024, il-Programm l-UE għas-Saħħa baqa’ rilevanti ħafna fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Unjoni tas-Saħħa Ewropea bħal: il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa; l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2371/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa; il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer; l-inizjattiva “Healthier Together”; l-istrateġija farmaċewtika għall-Ewropa; l-appoġġ għall-ħidma tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u l-bini ta’ Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa.
L-azzjonijiet iffinanzjati fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2021, l-2022, l-2023 u l-2024 kienu rilevanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-objettivi ġenerali u speċifiċi kollha. Eżerċizzju ta’ mmappjar u analiżi ulterjuri tal-programmi ta’ ħidma annwali kkonfermaw li l-4 objettivi ġenerali kollha u l-10 objettivi speċifiċi kienu fil-biċċa l-kbira koperti u koperti b’mod adegwat. F’konformità ma’ dan, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati qablu li l-azzjonijiet fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2021-2024 kienu rilevanti għall-4 objettivi ġenerali u għall-10 objettivi speċifiċi kollha.
Ir-rilevanza kontinwa tal-Programm matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni hija enfasizzata mill-opinjoni għolja tal-partijiet ikkonċernati espressa permezz ta’ stħarriġ u matul intervisti mmirati f’April u f’Mejju 2024: mill-inqas żewġ terzi tar-rispondenti tal-istħarriġ irrapportaw li kull objettiv ġenerali kien rilevanti sa estent jew “kbir ħafna” jew “kbir”, filwaqt li mill-inqas nofs ir-rispondenti ħassewhom l-istess mod dwar kull objettiv speċifiku. L-intervisti mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw kunsens fost il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati li l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm tal-UE għas-Saħħa baqgħu rilevanti matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Programm minn Jannar 2021 sa April 2024.
L-isfidi għas-saħħa li l-Programm l-UE għas-Saħħa kien imfassal biex jindirizza, jibqgħu rilevanti għas-snin li ġejjin, b’mod partikolari fir-rigward ta’: ir-riskju akbar ta’ tifqigħat u epidemiji jew pandemiji; ir-reżistenza għall-antimikrobiċi li dejjem qed tikber; iż-żieda fil-lonġevità li, fin-nuqqas ta’ azzjoni ulterjuri, hija assoċjata ma’ prevalenza akbar ta’ mard mhux komunikabbli (NCDs, non-communicable diseases). Dawn l-isfidi għas-saħħa se jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE u riżorsi proporzjonati. Tali azzjoni tinkludi:
1.it-tkomplija tal-bini ta’ approċċ "Saħħa Waħda";
2.it-tisħiħ tal-innovazzjoni fil-politiki tas-saħħa;
3.it-titjib tal-oqfsa regolatorji għall-farmaċewtiċi u għall-apparat mediku, inklużi l-mediċini kritiċi;
4.it-tħejjija tal-pedamenti għat-tranżizzjoni diġitali;
5.il-mitigazzjoni tan-nuqqas ta’ ħaddiema;
6.it-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa;
7.it-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-mard mhux komunikabbli;
8.l-iffaċilitar tat-tixjiħ san permezz ta’ approċċ komprensiv u tul il-ħajja għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, inkluż il-mard kardjovaskulari, u l-ġlieda kontinwa kontra l-kanċer;
9.it-tnaqqis tad-danni għas-saħħa dovuti għall-użu u għad-dipendenza ta’ droga illeċita, inkluż l-informazzjoni u l-prevenzjoni; l-amplifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ detezzjoni tat-theddid u appoġġ għall-kontromiżuri mediċi ġodda kontra t-tifqigħat;
10.it-titjib tas-sigurtà tal-provvista ta’ mediċini kritiċi u kontromiżuri mediċi;
11.l-iżvilupp tal-bijoteknoloġiji tas-saħħa.
Il-Programm l-UE għas-Saħħa jibqa’ rilevanti minħabba li jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar is-saħħa u l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni tal-faċilitajiet mal-Istati Membri biex tinbena l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Il-Programm l-UE għas-Saħħa huwa l-fond ewlieni tal-UE li jsostni l-iżvilupp ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha, inklużi kemm id-dimensjonijiet interni kif ukoll dawk esterni tagħha. Dan jiffinanzja azzjonijiet biex tinbena l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa billi jimplimenta prijoritajiet u politiki tas-saħħa bħal:
1.it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet;
2.il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer;
3.ir-riforma tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE;
4.l-approċċ komprensiv lejn is-saħħa mentali;
5.il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA, health technology assessment);
6.l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa;
7.l-apparati mediċi;
8.l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro;
9.ir-regoli dwar sustanzi ta’ oriġini umana.
Il-Programm l-UE għas-Saħħa jappoġġa wkoll attivitajiet skont il-mandati estiżi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Barra minn hekk, dan jappoġġa l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali u jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-Għanijiet u l-miri ta’ Żvilupp sostenibbli tan-NU. Il-Programm l-UE għas-Saħħa jappoġġa l-prijoritajiet tas-saħħa tal-UE u l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-atti legali.
5.Konklużjonijiet u tagħlimiet meħuda
Konklużjonijiet
Il-proċessi ta’ governanza u ta' programmazzjoni tal-Programm l-UE għas-Saħħa ġew stabbiliti b’suċċess u wrew li huma effettivi għall-adozzjoni f’waqtha tal-programmi ta’ ħidma annwali u tal-emendi meħtieġa. Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huwa stabbilit sew. Il-programmi ta’ ħidma kienu effettivi fit-traduzzjoni tal-objettivi wesgħin tal-Programm l-UE għas-Saħħa f’azzjonijiet konkreti, b’allokazzjoni ċara ta’ riżorsi għal oqsma ta’ prijorità bħat-tħejjija għall-kriżijiet, is-saħħa diġitali, u l-prevenzjoni tal-mard. L-ewwel programm ta’ ħidma fl-2021 ġie adottat madwar 3 xhur wara li ġie adottat ir-Regolament l-UE għas-Saħħa. Il-proċessi ta’ programmazzjoni tħaddmu b’mod parallel għall-programmi ta’ ħidma tal-2021 u l-2022, li ġew adottati fuq perjodu rekord ta’ madwar 10 xhur.
Il-proċessi ta’ implimentazzjoni huma effettivi u ġew adattati fil-ħin biex jakkomodaw żieda kbira fil-baġit mill-HaDEA li għadha kif inħolqot. L-aġenzija eżekuttiva hija strumentali u essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Programm u tal-programmi ta’ ħidma annwali tiegħu. L-azzjonijiet ippjanati huma mfassla biex jipprovdu valur miżjud sinifikanti tal-UE mat-twettiq permezz ta’ ppjanar strateġiku tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-UE biex itejbu u jippromwovu l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċità u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżultati tar-riċerka madwar l-Ewropa. Għaldaqstant, il-Programm ikkontribwixxa sostanzjalment għall-prijoritajiet trażverżali tal-UE, bħat-tranżizzjoni diġitali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ibbaġitjar ekoloġiku billi impenja fondi għal azzjonijiet rilevanti tal-UE għas-Saħħa.
Ir-riallokazzjoni ta’ EUR 1 biljun fl-2024, ma kellha l-ebda impatt fuq il-programmazzjoni għall-programm ta’ ħidma annwali tal-2021, l-2022, l-2023 u l-2024. Madankollu, dan it-tnaqqis kbir fil-baġit għall-Programm l-UE għas-Saħħa se jkollu impatt fuq il-programmazzjoni mill-2025 ’il quddiem. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat appoġġ suffiċjenti kemm għall-inizjattivi u għall-impenji li għaddejjin bħalissa kif ukoll għal dawk ġodda.
L-azzjonijiet konġunti jkomplu jipprovdu finanzjament kruċjali lill-awtoritajiet nazzjonali, inklużi dawk tal-pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross (ING) aktar baxx permezz tal-kriterji ta’ utilità eċċezzjonali. Dawn jippermettu wkoll kollaborazzjoni li tindirizza sfidi komuni Ewropej tas-saħħa u timplimenta soluzzjonijiet effettivi fil-livell nazzjonali. Il-benefiċjarji ewlenin, f’termini kemm tal-kontribut tal-UE riċevut kif ukoll tal-għadd- ta’ proġetti, huma entitajiet pubbliċi, bħall-ministeri tas-saħħa, l-aġenziji nazzjonali tas-saħħa, l-istituti, il-laboratorji, l-isptarijiet universitarji u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka. L-NGOs ibbenefikaw kemm minn għotjiet operattivi kif ukoll minn għotjiet ta’ azzjoni, b’27 NGO li bbenefikaw minn għotjiet operattivi u 255 NGO minn għotjiet ta’ azzjoni fil-perjodu 2021-2024.
Il-prestazzjoni tal-Programm hija kif kienet mistennija li tkun f’dan l-istadju interim meta għadd limitat biss ta’ azzjonijiet ikunu laħqu t-tlestija u taw ir-riżultati. L-impatti ta’ dawn ir-riżultati huma mistennija li jiżdiedu fis-snin li ġejjin u se jiġu analizzati fl-evalwazzjoni finali, li għandha ssir sa tmiem l-2031. Il-Programm l-UE għas-Saħħa ħoloq ukoll b’suċċess sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa u mal-programm Ewropa Diġitali u kkontribwixxa għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku billi ffinanzja l-azzjonijiet li jappoġġaw il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard u li jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju ambjentali għas-saħħa.
Inħarsu ’l quddiem
Fil-fażi ta’ programmazzjoni, l-istabbiliment ta’ prijoritajiet strateġiċi u tematiċi għal perjodi itwal minn sena jista’ jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jippjanaw għal perjodu ta’ żmien itwal. Fejn xieraq, f’xi oqsma speċifiċi (eż. is-sistemi tas-saħħa u l-forza tax-xogħol fil-kura tas-saħħa) jista’ jiġi esplorat ukoll ir-raggruppament strateġiku ta’ azzjonijiet fi strumenti speċifiċi. Dan jista’ joffri flessibbiltà akbar fl-akkomodazzjoni tal-azzjonijiet tal-Programm għall-ħtiġijiet ta’ politika li qed jinbidlu.
L-impatti dejjem akbar tat-tibdil fil-klima intensifikaw l-urġenza tat-tħejjija għall-kriżijiet tas-saħħa. Avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima bħall-mewġiet tas-sħana, l-għargħar, u t-tixrid ta’ mard li jinġarr minn vettur joħolqu sfidi ġodda u kumplessi għas-sistemi tas-saħħa pubblika.
Barra minn hekk, it-trawwim tas-sjieda politika u l-involviment fi ħdan l-Istati Membri f’azzjonijiet konġunti jista’ jgħin biex jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ ta’ dawn l-inizjattivi u fl-aħħar mill-aħħar jittejbu l-eżiti tas-saħħa madwar l-UE. Is-suċċess tal-azzjonijiet tas-saħħa fil-livell nazzjonali jeħtieġ l-involviment attiv tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi li jħallu impatt. Il-kollaborazzjoni eqreb u l-allinjament tal-prijoritajiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali/reġjonali huma essenzjali biex jiġu assenjati rwoli u responsabbiltajiet ċari f’azzjonijiet konġunti (eż. koordinatur u entitajiet affiljati).
It-tisħiħ tal-effiċjenza amministrattiva billi jiġu ssimplifikati proċeduri kumplessi ta’ akkwist u sejħiet għal offerti flessibbli, jitnaqqsu l-piżijiet tar-rapportar, u jiġu ssimplifikati l-proċessi ta’ applikazzjoni għall-għotjiet, jista’ jiffaċilita b’mod sinifikanti l-ammont ta’ xogħol għall-benefiċjarji. Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-allinjament tar-rekwiżiti fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tal-azzjonijiet amministrattivi u jissimplifikaw l-operazzjonijiet, b’mod partikolari f’oqsma bħaċ-ċertifikati tal-awditjar, fejn regoli differenti jżidu l-kumplessità. Il-koerenza bejn l-inizjattivi tista’ tittejjeb aktar billi r-rekwiżiti amministrattivi jiġu allinjati ma’ programmi oħra tal-UE, bħal Orizzont Ewropa, biex jiġi evitat sforż doppju u jiġu armonizzati l-proċeduri. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi għall-applikazzjoni tal-finanzjament, it-tnaqqis tal-piżijiet ta’ kofinanzjament, u s-simplifikazzjoni tal-proċessi ta’ monitoraġġ u rapportar jistgħu jtejbu l-effiċjenza u jattiraw parteċipazzjoni usa’. Il-miżuri identifikati għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fil-Programm l-UE għas-Saħħa jistgħu potenzjalment itejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod attiv għall-prijorità tal-Kummissjoni l-ġdida li ttejjeb is-simplifikazzjoni fil-politiki kollha.
Tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu aġġustati r-rati ta’ kofinanzjament, meta dan ikun iġġustifikat, u li tiġi pprovduta aktar flessibbiltà, inkluża kopertura sħiħa tal-kostijiet eliġibbli. Dan ikun ta’ għajnuna minħabba li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet fil-Programm, bl-eċċezzjoni tal-ERNs, ikopru biss parzjalment il-kostijiet eliġibbli tagħhom. Barra minn hekk, billi jiġu estiżi s-sħubijiet ma’ mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament, bħall-InvestEU, l-Istrument ta’ appoġġ Tekniku, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, ikun hemm opportunitajiet biex jiġi amplifikat aktar l-impatt tal-Programm.
Permezz tal-investiment fl-użu u fl-espansjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-kura tas-saħħa fl-Ewropa, il-Programm l-UE għas-Saħħa se jkompli jaqdi rwol vitali fl-ilħuq tal-prijoritajiet u tal-objettivi tal-politika tas-saħħa tal-Kummissjoni.