Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2025 (1)

Kawża C‑541/23 P

Polwax S.A.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tax-xama’ slack u tax-xama’ tal-paraffina – Akkwist ta’ kontroll fuq Grupa Lotos minn PKN Orlen – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Rikors għal annullament ippreżentat minn terz – Definizzjoni tas-swieq rilevanti – Oneru u livell ta’ prova – Livell ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali f’kawżi ta’ konċentrazzjoni”






1.        Permezz tal-appell tagħha, Polwax S.A. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ġunju 2023, Polwax vs Il‑Kummissjoni (T‑585/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:332). Din is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑14 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża” (2)), li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat kompatibbli mas-suq intern u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) konċentrazzjoni bejn Polski Koncern Naftowy Orlen S.A. (iktar ’il quddiem “Orlen”) u Grupa Lotos S.A. (iktar ’il quddiem “Lotos”), bla ħsara għall-osservanza minn Orlen ta’ ċerti impenji.

2.        Insostenn tal-appell tagħha, Polwax tinvoka disa’ aggravji. Madankollu, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss l-ewwel aggravju.

3.        B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, Polwax issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni u żnaturat il-pożizzjoni ta’ Polwax (i) meta ddikjarat li, bħala parti interessata, hija kienet obbligata tipprovdi “indizji serji” li kien hemm problema ta’ kompetizzjoni f’sitwazzjoni fejn dan il-kriterju ma kellux jiġi applikat; u (ii) billi eżiġiet minn Polwax “indizji serji” li l-prodotti eżaminati mill-Kummissjoni fis-suq upstream (is-suq tax-xama’ slack (3)) ma kinux sostitwibbli min-naħa tad-domanda jew tal-provvista, filwaqt li tali obbligi ma jinsabux fir-Regolament Nru 139/2004 fir-rigward ta’ terzi, u (iii) billi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta minn Polwax matul il-proċedura ma tikkostitwixxix tali “indizji serji”. Barra minn hekk, Polwax issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tanalizza d-dinamika tas-segmenti individwali tas-suq upstream u l-assenza effettiva ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-konstatazzjonijiet tan-nuqqas ta’ qsim jew tas-segmentazzjoni tas-suq upstream.

I.      Il-fatti li wasslu għat-tilwima u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

4.        Il-fatti li wasslu għat-tilwima huma esposti fid-dettall fil-punti 2 sa 23 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biżżejjed li niġbor fil-qosor il-kuntest kif ġej.

5.        L-appellanti, Polwax, hija kumpannija Pollakka li tipproduċi u tikkummerċjalizza xama’ tal-paraffina u prodotti fuq bażi tal-paraffina. Orlen hija impriża integrata vertikalment, prinċipalment attiva fir-raffinar u l-kummerċjalizzazzjoni (inkluż bl-imnut) ta’ kombustibbli u prodotti relatati ma’ kombustibbli fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Litwanja u fil-Polonja, filwaqt li Lotos hija impriża integrata vertikalment, prinċipalment attiva fir-raffinar u l-kummerċjalizzazzjoni (inkluż bl-imnut) ta’ kombustibbli u prodotti relatati ma’ kombustibbli, prinċipalment fil-Polonja. Orlen hija attiva fis-suq tal-petrokimika, ut-tnejn huma attivi fl-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass naturali upstream.

6.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża, Orlen akkwistat il-kontroll totali ta’ Lotos. Fil‑15 ta’ Mejju 2020, Polwax ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u sostniet li kellhom jiġu previsti impenji sabiex jiġi żgurat li l-konċentrazzjoni ma taffettwax l-aċċess tagħha għal ċerti inputs li hija kienet tuża fil-produzzjoni tagħha. Fl‑14 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

7.        Il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li “l-kombinament ta’ trasferimenti u ta’ impenji oħra jippermetti lix-xerrejja tal-entitajiet ittrasferiti, kif ukoll lil kompetituri oħra, li jissuġġettaw l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati fil-futur”, li, “[f]is-swieq bl-ingrossa tad-diżil u tal-petrol b’mod partikolari, ix-xerrej tal-holding fir-raffinerija jkun f’pożizzjoni li jimporta volumi sinjifikattivi permezz ta’ aċċess iktar wiesa’ għall-infrastrutturi” u li, “[m]inħabba dan il-kombinament ta’ kapaċità ta’ raffinar u ta’ potenzjal ta’ importazzjoni, ix-xerrej jeżerċita pressjoni kompetittiva simili għal dik ta’ Lotos qabel l-operazzjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li “l-operazzjoni, kif emendata mill-impenji, ma toħloqx iktar problema ta’ kompetizzjoni” u ppreċiżat li “[d]in id-deċiżjoni kienet suġġetta għall-osservanza sħiħa tal-impenji meħuda” (4).

8.        Fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni proposta fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 2003 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-possibbiltà, enfasizzata minn Polwax, li l-konċentrazzjoni twassal għal esklużjoni tal-input. Polwax sostniet li “l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma kinitx ser tibqa’ tipprovdilha x-xama’ slack jew inkella kienet ser tagħmel dan biss bi prezz ħafna ogħla, b’tali mod li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tikkompeti man-negozju downstream tal-paraffina tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni”.

9.        F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2004 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, kieku s-suq tax-xama’ slack upstream kien iddefinit bħala nazzjonali, Lotos kien ikollha sehem mis-suq ta’ bejn 30 u 40 % fil-Polonja fl‑2017 u fl‑2018. Filwaqt li rrikonoxxiet li tali sehem mis-suq kien jimplika l-eżistenza ta’ effetti vertikali, il-Kummissjoni rrilevat li, bejn 60 u 70 % tas-sorsi tax-xama’ slack kienu baqgħu disponibbli u li Orlen kienet tuża hija stess fornituri esterni. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li ma kienx jidher li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha l-kapaċità li teskludi l-aċċess għax-xama’ slack għall-klijenti ta’ Lotos attivi fis-suq tax-xama’ tal-paraffina.

10.      Il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 2005 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Orlen kellha biss sehem żgħir ħafna mis-suq downstream u għalhekk ikkonkludiet li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni lanqas ma jkollha interess li teskludi l-aċċess għall-inputs għall-klijenti ta’ Lotos attivi f’dan is-suq. Il-Kummissjoni nnotat li Polwax stess enfasizzat li l-kompetizzjoni fl-imsemmi suq kienet ħajja, xi drabi fuq livell dinji u li anki l-produtturi Ċiniżi kienu qegħdin jeżerċitaw pressjoni.

11.      Il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 2006 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-investigazzjoni tagħha ma kinitx żvelat indizji serji li jindikaw ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva (iktar ’il quddiem “OSKE”) fir-rigward tar-rabta vertikali bejn is-suq tax-xama’ slack fil-Polonja u s-suq tax-xama’ tal-paraffina fiż-ŻEE.

12.      Quddiem il-Qorti Ġenerali, Polwax invokat, essenzjalment, żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-konċentrazzjonijiet. L-allegat żball tal-Kummissjoni jikkonsisti fid-definizzjoni b’mod żbaljat tas-swieq, l-ewwel, f’dak li jirrigwarda s-suq downstream tax-xama’ tal-paraffina u, it-tieni, f’dak li jirrigwarda s-suq upstream tax-xama’ slack. Barra minn hekk, Polwax ikkritikat lill-Kummissjoni talli evalwat b’mod żbaljat l-effetti tal-konċentrazzjoni kemm fis-suq tax-xama’ slack kif ukoll fis-suq tax-xama’ tal-paraffina. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (iżda sussegwentement ġie rtirat waqt is-seduta). Fir-replika tagħha, Polwax ippreżentat ukoll motiv ġdid, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-swieq rilevanti. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu (5).

II.    Evalwazzjoni

13.      L-ewwel aggravju ta’ Polwax jallega żbalji ta’ liġi, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal-pożizzjoni tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 45 u 57 sa 62 tas-sentenza appellata, naqset milli twettaq stħarriġ effettiv tad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq rilevanti fid-deċiżjoni kontenzjuża u imponiet livell ta’ prova żbaljat fuq l-appellanti. L-ewwel aggravju jinqasam fi tliet partijiet.

A.      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju

14.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Polwax issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 meta imponiet fuqha, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li tipproduċi “indizji serji” li juru l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni, insostenn tal-motiv tagħha li jallega d-definizzjoni żbaljata tas-suq upstream tax-xama’ slack.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

15.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, peress li Polwax ikkontestat, quddiem il-Qorti Ġenerali, in-nuqqas ta’ qsim tas-suq upstream tal-provvista tax-xama’ slack fi swieq sekondarji distinti oħra. B’hekk, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta ma komplietx taqsam jew tissegmenta s-suq tax-xama’ slack fi swieq għall-provvista ta’ xama’ slack ħafifa, medja u tqila. Għaldaqstant, Polwax tikkontradixxi lilha nnifisha, l-ewwel, billi ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ilment tagħha ma kienx jirrigwarda swieq “oħra” għajr dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha u, it-tieni, li l-Kummissjoni messa qasmet is-suq tax-xama’ slack fi swieq sekondarji iżgħar (jew tal-inqas f’segmenti) fid-deċiżjoni kontenzjuża għall-finijiet tal-analiżi tagħha tal-effetti prospettivi tal-konċentrazzjoni.

16.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ammissibbli, sa fejn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-allegat ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-provi huwa kwistjoni ta’ liġi, li hija ammissibbli fil-kuntest ta’ appell (6).

2.      Fuq il‑mertu

17.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-livell ta’ prova għat-terzi rikorrenti li jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tagħha, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx (7). Għalhekk, l-ewwel, għandu jiġi evalwat, b’mod ġenerali, il-livell ta’ prova xieraq fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kompatibbli mal-livell ta’ prova xieraq; u, it-tieni, għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk il-Qorti Ġenerali applikatx b’mod korrett dan il-livell fil-kawża ineżami fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

a)      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-oneru u l-livell ta’ prova kif ukoll dwar il-livell ta’ stħarriġ

18.      Kif ser nuri fl-analiżi li ġejja, il-kunċetti ta’ oneru u ta’ livell ta’ prova kif ukoll dak ta’ livell ta’ stħarriġ (ġudizzjarju) huma marbuta ma’ xulxin, b’mod partikolari f’kawżi ta’ konċentrazzjoni, u għalhekk għandhom jiġu ttrattati flimkien (8).

1)      Il-Kummissjoni għandha turi li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni tfixkel (jew le) b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni

19.      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-swieq fejn jeżisti riskju ta’ ostakolu sinjifikattiv effettiv għal kompetizzjoni effettiva (OSKE), b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

20.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li “d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq intern għandhom ikunu sostnuti minn elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti” (9). Dawn il-provi għandhom ikunu preċiżi u affidabbli u għandhom ikunu ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (10). Barra minn hekk, kif ippreċiżat ukoll il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni għandha mhux biss tibbaża l-argument tagħha fuq provi konvinċenti, iżda għandha tagħmel dan ukoll “bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti” (11) li l-konċentrazzjoni jkollha (jew le) impatt sinjifikattiv fuq kompetizzjoni effettiva.

21.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 139/2004, peress li hija twettaq analiżi ekonomika prospettiva fir-rigward tal-probabbiltà ta’ ċerti żviluppi futuri fis-suq rilevanti (12). Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni li, fil-kawżi ta’ konċentrazzjoni, l-analiżi tal-Kummissjoni ma tistax tkun ċerta daqs l-analiżi ex post tagħha (skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE) u hija ta’ natura prospettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha tipprovdi elementi li juru li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni kkonċernata tfixkel jew le b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni (13).

22.      Kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali, “ċ-ċirkustanza li konċentrazzjoni tipproduċi effetti antikompetittivi ma kinitx, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu” (14).

2)      Ir-rikorrent għandu juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

23.      Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni “jiġġustifika li l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet ikun limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni” (15).

24.      Sabiex jingħata aċċess għal dan l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni jagħti lill-partijiet ikkonċernati minn deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet (inklużi terzi bħal kompetituri jew klijenti) id-dritt, bħala prinċipju, li jippreżentaw rikors kontra l-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE, konformement mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

25.      Madankollu, dan id-dritt huwa akkumpanjat minn obbligu għar-rikorrent li jiddefinixxi l-motivi li huwa jqajjem u li jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi.

26.      Meta rikorrent jippreżenta tali rikors, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, “[s]abiex rikors ikun ammissibbli jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, u dan sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” (16). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li r-rikorrent għandu rwol importanti billi tfakkar li “huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra [d-deċiżjoni] u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi” (17).

27.      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-oqsma tad-dritt tal-Unjoni li huma relatati mal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni, bħad-dritt tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, “huwa mitlub minn rikorrent [...] li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji [(18)] li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati” (19).

28.      Fis-sentenza EFIM vs Il‑Kummissjoni (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motiv tal-appellanti intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi imponitilha tipproduċi prova tal-allegat ksur, il-Qorti Ġenerali kienet kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huwa r-rikorrent li għandu jippreżenta argumenti u jipproduċi provi lill-qrati tal-Unjoni u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq ir-rikorrent (21). Din is-sentenza hija iktar u iktar rilevanti peress li kemm (i) terzi fil-kawżi ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll (iii) terzi lanjanti fil-proċeduri relatati mal-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom karatteristiċi simili, inkluż il-fatt li huma għandhom biss dritt limitat ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (22).

29.      Jistgħu jinsiltu osservazzjonijiet simili mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra relatati tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel, fid-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li l-Qorti Ġenerali tistenna li parti li tippreżenta rikors għal annullament tipproduċi provi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha ma jmurx kontra t-tqassim korrett tal-oneru tal-prova. Minflok, “fil-prinċipju hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba jew ta’ argument li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà tagħhom” (23). It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ukoll l-istess formula fil-ġurisprudenza fil-qasam tal-antidumping (24).

3)      Il-livell ta’ prova: l-informazzjoni għandha turi żball manifest ta’ evalwazzjoni li jagħmel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni implawżibbli, u b’hekk jixxaqleb il-bilanċ

30.      Sussegwentement, ser nindirizza l-kwistjoni tal-livell xieraq tal-livell ta’ prova meħtieġ mir-rikorrent fil-kawżi ta’ konċentrazzjoni.

31.      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-provi prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni jitqiesu implawżibbli (25).

32.      F’kawżi ta’ konċentrazzjoni, il-provi rarament ikunu uniformi u, għalhekk, il-Kummissjoni jkollha twettaq ibbilanċjar (jew prijoritizzar) tal-provi u tal-indizji. Sabiex tirrispondi għal din is-sitwazzjoni speċifika, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-ġurisprudenza eżistenti tagħha, li rikorrent jirbaħ biss jekk ikun jista’ jintwera li l-ibbilanċjar tal-provi differenti li jinsabu fil-proċess ma huwiex iġġustifikat u huwa implawżibbli, sal-punt li ma jkunx jista’ jissostanzja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (26).

33.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistennewx li rikorrent jipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli (27) li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni. Il-kriterju rilevanti huwa l-bilanċ tal-probabbiltajiet (28), li huwa akkumpanjat minn rekwiżiti speċifiċi dwar il-kwalità tal-provi li, bħala prinċipju, ma jaffettwawx il-livell ta’ prova meħtieġ (29).

34.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kawżi ta’ konċentrazzjoni, ir-rikorrent huwa obbligat jipprovdi informazzjoni koerenti u suffiċjenti (jiġifieri, motivi u provi jew indizji). Pereżempju, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami (li tikkonċerna d-definizzjoni tas-suq rilevanti), il-kwalità tal-informazzjoni għandha tikkorrispondi, fil-portata u l-grad ta’ preċiżjoni tagħha, mar-rekwiżiti tat-Taqsima 6 tal-Formola CO (30) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 802/2004 (31) intitolata “Definizzjonijiet tas-suq”. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjoni essenzjali tal-provi hija li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-fondatezza ta’ argument(32), u, għalhekk, il-kwalità tal-provi għandha, fi kwalunkwe każ, tkun ta’ natura li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddetermina l-eżistenza tal-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni (33).

35.      Minn dan isegwi li r-rikorrent għandu jipprovdi informazzjoni koerenti u suffiċjenti sabiex juri l-allegat żball manifest, ħaġa li, min-naħa tagħha, tirrendi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni implawżibbli, u b’hekk ixxaqleb il-bilanċ favur il-konklużjoni tar-rikorrent u kontra dik tal-Kummissjoni (dwar il-kwistjoni jekk il-konċentrazzjoni inkwistjoni għandhiex tiġi approvata jew le). Madankollu, il-livell ta’ prova meħtieġ mir-rikorrent għandu jkun limitat, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-proċedura tagħha. Qabelxejn, il-Kummissjoni hija obbligata tipproduċi provi li juru li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tostakola (jew le) b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva. Konsegwentement, ma jistax jiġi mitlub mir-rikorrent li huwa jagħmel iktar milli juri żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jxaqleb dan il-bilanċ lejn id-direzzjoni indikata iktar ’il fuq.

36.      Żewġ aspetti oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kwalità tal-provi fil-limiti tal-livell ta’ prova impost fuq rikorrent. L-ewwel, ir-rikorrent jiltaqa’ wkoll ma’ diffikultajiet meta jwettaq l-analiżi prospettiva tiegħu sabiex jikkontesta d-deċiżjoni proposta fil-qasam tal-konċentrazzjoni. Il-provi li għandhom jiġu prodotti sabiex jintwera l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma wkoll ikkaratterizzati minn inċertezza u min-natura prospettiva tal-analiżi li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni ta’ konċentrazzjoni (34). It-tieni, u barra minn hekk, għall-finijiet tal-ġbir tal-provi, rikorrent ma għandux l-istess setgħat investigattivi bħal dawk li għandha l-Kummissjoni (35). Għaldaqstant, l-obbligu tar-rikorrent li jissostanzja b’mod suffiċjenti l-motivi tiegħu ma jistax jitqiegħed fuq livell kompletament ugwali mar-rekwiżiti imposti fuq dik l-istituzzjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti fuq ir-rikorrent jibqgħu limitati għall-obbligu li jipprovdi informazzjoni koerenti u suffiċjenti li tissostanzja l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni, li jirrendi, minħabba f’hekk, l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar implawżibbli (36).

37.      Kunsiderazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet ġew espressi wkoll fid-duttrina (37), filwaqt li ġie enfasizzat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Bertelsmann u Sony għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rikorrent għandu jipproduċi provi sabiex jissostanzja l-allegazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda ma huwiex obbligat jipproduċi provi li fir-realtà jipprovaw l-evalwazzjoni tiegħu stess fil-mertu (u, pereżempju, ma huwiex obbligat jipprova għalfejn il-konċentrazzjoni ser tippreġudika l-kompetizzjoni). Ladarba r-rikorrent jegħleb l-ostakolu li jissostanzja b’mod suffiċjenti żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni hija sussegwentement obbligata tiddefendi l-konstatazzjonijiet fattwali tagħha u l-evalwazzjoni ġuridika u ekonomika tagħha, u b’hekk issostni l-oneru finali tal-prova (38).

38.      Konsegwentement, inqis li, bħala prinċipju, ir-rikorrent huwa obbligat juri, fuq il-bażi tal-motivi u tal-provi jew tal-indizji tiegħu insostenn ta’ dawn il-motivi, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet li hija siltet minnhom ma humiex fondati. Sabiex jirnexxu, il-provi għandhom ikunu ta’ natura li jissostanzjaw b’mod koerenti u suffiċjenti l-implawżibbiltà tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tikkostitwixxi żball manifest ta’ din l-evalwazzjoni.

4)      Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti indizji serji dwar l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni reali, li l-Kummissjoni kellha teżamina

39.      Is-sentenza appellata hija bbażata fuq ir-rekwiżiti, li sa issa ġew żviluppati mill-Qorti Ġenerali (fis-sentenza easyJet u fis-sentenza Niki Luftfahrt), iżda li għadhom ma ġewx indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, qabel ma nipproċedi għall-evalwazzjoni tal-mertu tal-ewwel aggravju, ser neżamina jekk il-livell ta’ prova żviluppat minn din il-ġurisprudenza huwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif analizzata iktar ’il fuq (39).

40.      Fis-sentenza easyJet, il-Qorti Ġenerali tispjega, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni hija obbligata, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe talba espressa minn terzi, iżda fil-preżenza ta’ indizji serji f’dan is-sens, li tevalwa l-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni fis-swieq kollha li jistgħu jiġu affettwati minnha (40).

41.      Meta r-rikorrent terz jallega li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-livell ta’ prova kif ġej: “hija r-rikorrenti li għandha tippreżenta provi serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema tal-kompetizzjoni li għandha, minħabba l-effetti tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni” (41).

42.      Meta tispjega t-tip u l-kwalità tal-provi, il-Qorti Ġenerali tindika li, “[s]abiex jiġi sodisfatt [l-oneru u l-livell ta’ prova], hija r-rikorrenti li għandha tidentifika s-swieq konċernati, tiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, u tindika liema jkunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq” (42).

43.      Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, ir-rekwiżit li tintwera l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni jippermetti lill-Qorti Ġenerali, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju stabbilit fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tiddeċiedi dwar ir-rikors, mingħajr ma jkollha titlob informazzjoni oħra, sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (43).

44.      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fis-sentenza easyJet, li ma kienx biżżejjed għar-rikorrenti li “tillimita ruħha li tafferma” (44) teorija tad-dannu mingħajr madankollu “ma sostniet l-argument tagħha” (45) u kkonkludiet li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma setgħux ikunu teoretiċi, astratti jew jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet ġenerali (46). Għall-kuntrarju, dawn għandhom jiġu fformulati b’mod suffiċjentement ċar (47) u għandhom jitressqu provi tanġibbli sabiex jintwera li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni (48).

45.      Fil-fehma tiegħi, il-preċiżazzjonijiet magħmula fir-rigward tat-tip u tal-kwalità tal-provi meħtieġa huma konsistenti mar-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni koerenti u suffiċjenti sabiex jiġu sostnuti l-motivi.

46.      Fis-sentenza Niki Luftfahrt, il-Qorti Ġenerali affermat mill-ġdid il-prinċipji tas-sentenza easyJet u introduċiet gwida addizzjonali għar-rikorrenti.

47.      B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza Niki Luftfahrt, li r-rikorrenti għandha “tidentifika s-swieq konċernati, tiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, u tindika liema jkunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq” (49). Rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jissodisfa dan ir-rekwiżit billi jipprovdi informazzjoni li l-ammont u n-natura tagħha huma paragunabbli mal-informazzjoni meħtieġa skont it-Taqsima 6 tal-formola CO tal-Anness I tar-Regolament Nru 802/2004 ippreżentata mill-partijiet fil-konċentrazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tan-notifika ta’ konċentrazzjoni (50).

48.      Fil-fatt, it-Taqsima 6 tal-formola CO tista’ tikkostitwixxi indikatur utli għall-ammont u n-natura tal-provi meħtieġa f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami, dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn din tippermetti lil rikorrenti terzi, bħal Polwax, li jifhmu aħjar it-tip ta’ provi u indizji li għandhom jipproduċu quddiem il-Qorti Ġenerali, meta jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni f’deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni.

49.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta rikorrent jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova konċentrazzjoni, huwa għandu juri żball manifest fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jipproduċi indizji serji tal-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni reali li, minħabba l-effett tagħha, kellha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Sabiex iwettaq dan l-obbligu, ir-rikorrent għandu jipproduċi informazzjoni koerenti u suffiċjenti ta’ kwalità li tissostanzja b’mod konvinċenti l-fondatezza tal-argumenti u li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddetermina jekk jeżistix l-allegat żball manifest. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent huwa obbligat juri, fuq il-bażi tal-informazzjoni li huwa pprovda (jiġifieri, motivi u provi jew indizji insostenn ta’ dawn il-motivi), li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet li hija siltet minnha ma humiex fondati u huma implawżibbli, u b’hekk ixaqleb il-bilanċ tal-probabbiltajiet favur il-konklużjoni tar-rikorrent u kontra l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha. L-istħarriġ ġudizzjarju għandu madankollu jieħu inkunsiderazzjoni l-limiti imposti min-natura ex ante tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

5)      Osservazzjonijiet finali dwar it-terminoloġija użata fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali

50.      Bħala l-osservazzjonijiet finali tiegħi dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, invokata fis-sentenza appellata, ser nindirizza fil-qosor ċerti inkonsistenzi terminoloġiċi f’din il-ġurisprudenza. Madankollu, kif ser nispjega, dawn jirriżultaw prinċipalment mid-differenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, iżda ma jirrendux din il-ġurisprudenza inkonsistenti fuq il-mertu u, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ prova.

51.      Fis-sentenza Niki Luftfahrt, it-terminu “serious indicia” użat fil-verżjoni Ingliża, huwa fil-verżjoni Ġermaniża, li, skont l-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija t-test awtentiku, “zuverlässige Indizien” u dak użat fil-verżjoni Franċiża huwa “indices sérieux”. Fil-verżjoni Pollakka ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li, sabiex tikkontesta d-definizzjoni tas-suq rilevanti, ir-rikorrenti kellha tipprovdi “wiarygodne przesłanki” li bl-Ingliż ifisser “reliable evidence” (“provi affidabbli”).

52.      Għall-kuntrarju, fil-verżjoni Pollakka tas-sentenza appellata (punti 59 u 60), li hija t-test awtentiku, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fir-rigward tad-definizzjoni allegatament żbaljata tas-suq rilevanti, il-ħtieġa li tiġi pprovduta “poważne poszlaki” (“indizji serji”) (51). Dan huwa kunċett differenti minn dak użat fis-sentenza Niki Luftfahrt. Bl-istess mod, fil-verżjoni Ingliża tas-sentenza appellata, huwa neċessarju li tiġi prodotta “compelling evidence” (punti 57 sa 61) jew “compelling indications” (punt 45), filwaqt li l-verżjoni Ingliża tas-sentenza Niki Luftfahrt, kif intqal iktar ’il fuq, kienet teħtieġ il-produzzjoni ta’ “serious indicia”. Fil-verżjoni Franċiża tas-sentenza appellata, madankollu, il-Qorti Ġenerali użat il-kunċett ta’ “indices sérieux” (kemm għal “indizji serji” kif ukoll għal “indikazzjonijiet serji”), jiġifieri l-istess kunċett bħal fis-sentenza Niki Luftfahrt.

53.      Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dawn id-differenzi terminoloġiċi ma għandhomx impatt fuq il-livell ta’ prova u l-kwalità tal-provi meħtieġa mill-Qorti Ġenerali. Dan huwa dovut għall-fatt li, kif indikat iktar ’il fuq, fis-sentenzi kollha inkwistjoni tal-Qorti Ġenerali, hija eżiġiet li r-rikorrent juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jipprovdi informazzjoni paragunabbli, li, essenzjalment, kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Formola CO.

b)      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza (is-sentenza easyJet u s-sentenza Niki Luftfahrt) fis-sentenza appellata

54.      Id-deċiżjoni kontenzjuża ddefinixxiet is-suq upstream, fil-premessa 1997 tagħha, bħala dak tal-provvista tax-xama’ slack, prinċipalment fuq il-bażi tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (punti 52 u 53 tas-sentenza appellata).

55.      Il-Qorti Ġenerali (punt 56 tas-sentenza appellata) irrilevat li n-nota bil-miktub ta’ Polwax kienet tinkludi numru ta’ riferimenti għat-tipi differenti ta’ xama’ slack, jiġifieri ta’ kwalità ħafifa, medja jew tqila, kif ukoll għall-proprjetajiet u l-użi differenti tagħhom, iżda li, sa fejn dawn ir-riferimenti kellhom jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu lment ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq upstream minħabba li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li kienu jeżistu tliet swieq differenti, fir-rigward ta’ dawn it-tliet tipi ta’ xama’ slack, tali lment ma jistax jintlaqa’ (52). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fil-punti 57 sa 62 tas-sentenza appellata.

56.      Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal-livell ta’ prova applikabbli, li fuq il-bażi tiegħu r-rikorrenti kienet obbligata, b’mod partikolari, li “tipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni” (53).

57.      Fil-punti 57 sa 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali iddeċidiet, essenzjalment, li kienet Polwax li kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-grad ta’ interkambjabbiltà bejn xama’ slack ta’ kwalità ħafifa, medja u tqila kien insuffiċjenti sabiex dawn jaqgħu taħt l-istess suq, u b’mod iktar preċiż li kienet ir-rikorrenti li kellha tipproduċi indizji serji biex turi li dawn it-tipi differenti ta’ xama’ slack ma kinux suffiċjentement sostitwibbli min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista sabiex jaqgħu taħt l-istess suq, ħaġa l-appellanti ma kinitx għamlet.

58.      Fl-appell, Polwax issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 billi eżiġiet li Polwax, fil-punti 45 u 57 sa 60 tas-sentenza appellata, tipproduċi, insostenn tal-motiv tagħha bbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq upstream, “indizji serji” li jippermettu li jiġu ddefiniti swieq rilevanti iktar ristretti mis-suq iddefinit mill-Kummissjoni. Polwax issostni li tali rekwiżit li jiġu pprovduti “indikazzjonijiet serji” (“indizji serji”) li juru l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni, skont is-sentenzi easyJet u Niki Luftfahrt, ma kienx japplika fil-kawża ineżami. Skont Polwax, tali rekwiżit ta’ prova jikkonċerna biss problemi “fi swieq differenti minn dawk koperti mill-analiżi kompetittiva tal-Kummissjoni”, li ma huwiex il-każ tal-allegati swieq rilevanti, iktar limitati, li kienu jikkonċernaw prodotti eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

59.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ Polwax hija ineffettiva u, għaldaqstant, inammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u Orlen isostnu, essenzjalment, li l-argumenti ta’ Polwax huma kontradittorji u li din il-parti hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

60.      Inqis li l-argument prinċipali ta’ Polwax li s-sentenza appellata fiha applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza fis-sentenza easyJet u fis-sentenza Niki Luftfahrt, sa fejn din il-ġurisprudenza allegatament tikkonċerna biss problemi dwar swieq oħra minbarra dawk koperti mill-analiżi kompetittiva tal-Kummissjoni, ma huwiex fondat.

61.      L-oneru li jiġu pprovduti indikazzjonijiet konvinċenti jaqa’, bħala prinċipju, fuq ir-rikorrent f’dak li jikkonċerna kwalunkwe suq partikolari, sa fejn huwa għandu l-intenzjoni li jissostanzja mil-lat sostantiv l-ilmenti li huwa jagħmel fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti magħmula mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

62.      Inqis li, fil-punti 45 u 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tal-marġni ta’ stħarriġ limitat tagħha fil-qasam tal-evalwazzjoni ekonomika kumplessa, li appellant sempliċement jiddikjara quddiemha li d-definizzjoni tas-suq hija żbaljata.

63.      Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “[b]’mod iktar partikolari, fid-dawl tal-metodu espost fl-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi [tal-Unjoni] dwar il-kompetizzjoni [(54)]), hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi indizji serji li juru li t-tipi differenti ta’ xama’ slack ma humiex sostitwibbli min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista sabiex dawn jaqgħu fl-istess suq”.

64.      Sussegwentement, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “[m]ill-perspettiva tat-talba, ir-rikorrenti kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-klijenti ta’ tip ta’ xama’ slack ma kinux ser jaqilbu għal tip ieħor ta’ xama’ slack fil-każ ta’ żieda żgħira fil-prezz, b’tali mod li dawn ma setgħux jitqiesu li huma sostitwibbli [(55)]”.

65.      Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, “[m]ill-perspettiva tal-offerta, ir-rikorrenti kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-fornituri ta’ tip ta’ xama’ slack ma setgħux jorjentaw il-produzzjoni tagħhom lejn il-produzzjoni ta’ tip ieħor ta’ xama’ slack u jikkummerċjalizzawha fi żmien qasir, mingħajr ma jsostnu ebda spiża jew riskju addizzjonali sostanzjali b’reazzjoni għal varjazzjonijiet żgħar, iżda permanenti, tal-prezzijiet relattivi (ara, f’dan is-sens, il-punti 20 sa 24 tal-Komunikazzjoni Dwar id-Definizzjoni tas-Suq Rilevanti)”.

66.      Il-ħtieġa li r-rikorrent jipprovdi “indikazzjonijiet serji” (jew “indizji serji”) ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tirrikjedi analiżi komprensiva u sistemika (li għandha ssir mill-Kummissjoni). Għall-kuntrarju, konformement mar-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni koerenti u suffiċjenti li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-fondatezza tal-argumenti, ir-rikorrent huwa obbligat, tal-inqas, jipprovdi indikazzjonijiet affidabbli, verifikabbli u oġġettivi, li jistgħu juru li definizzjoni iktar limitata tas-suq kienet b’mod ċar neċessarja, a fortiori fl-assenza ta’ kwalunkwe sovrappożizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni fis-swieq ikkonċernati.

67.      Il-loġika tar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza easyJet u sentenza Niki Luftfahrt) ma tirrikjedix li r-rikorrent juri l-eżistenza ta’ OSKE fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali minflok il-Kummissjoni, iżda pjuttost jistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti u fl-analiżi kompetittiva tagħha. Tali żball manifest seta’ jitwettaq li kieku l-Kummissjoni injorat kompletament l-eżistenza ta’ ċerti swieq oħra, li għalhekk ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fl-analiżi ta’ kompetizzjoni tagħha. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit tali żball manifest, ma huwiex biżżejjed li jiġi sostnut sempliċement li l-Kummissjoni wettqet żball; jeħtieġ ukoll li jiġu identifikati s-swieq l-oħra li ma kinux jissovrapponu mal-attivitajiet tal-partijiet u li tiġi pprovduta informazzjoni koerenti u suffiċjenti li turi li, f’dawn is-swieq, teżisti problema ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (56).

68.      Fi kliem ieħor, li wieħed jeżiġi, fil-fehma tiegħi, “indizji serji” min-naħa tar-rikorrent tfisser li l-indizji prodotti għandhom ikunu konvinċenti u preċiżi biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-inverżjoni tal-evalwazzjoni kumplessa tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Dawn l-indizji għandhom juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u li l-evalwazzjoni tagħha ma tippermettix iktar li jiġi konkluż “li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx (jew “tfixkel”, jekk ikun il-każ) b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva”.

69.      Jekk l-istandard tal-livell ta’ prova jkun tant baxx li jippermetti lil rikorrenti terzi jirnexxilhom ibiddlu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr indizji serji – sempliċement fuq il-bażi ta’ argumenti teoretiċi jew sempliċi allegazzjonijiet – dan ifixkel bla bżonn l-implimentazzjoni effettiva tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni (57).

70.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta imponiet fuq Polwax l-obbligu li “[t]ipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni” (punt 45 tas-sentenza appellata). Dan ippermetta lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, essenzjalment, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li Polwax ma kinitx issostanzjat l-allegazzjonijiet tagħha b’indizji serji li juru li l-livell ta’ interkambjabbiltà bejn dawn it-tipi differenti ta’ xama’ slack ma kienx suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu sostitwibbli mill-perspettiva tad-domanda jew mill-perspettiva tal-provvista.

71.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

72.      Polwax ikkontestat, quddiem il-Qorti Ġenerali, in-nuqqas ta’ qsim tas-suq upstream tax-xama’ slack fi swieq distinti tal-provvista ta’ xama’ slack ta’ kwalità ħafifa, medja u tqila.

73.      Kif irrilevat il-Kummissjoni, jista’ jiġi sostnut li Polwax ma tistax, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, minn naħa, tilmenta fl-appell tagħha min-nuqqas ta’ analiżi kompetittiva ta’ dak li hija tqis bħala swieq rilevanti distinti u, min-naħa l-oħra, issostni, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (58), li dawn is-swieq kienu madankollu s-suġġett ta’ analiżi kompetittiva. Indipendentement minn din il-kontradizzjoni potenzjali, xorta jibqa’ l-fatt li Polwax kienet obbligata tissostanzja l-motiv tagħha b’informazzjoni koerenti u suffiċjenti.

74.      Barra minn hekk, kif irrilevat Orlen, essenzjalment, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Polwax ma hijiex f’pożizzjoni li tiddefinixxi bi preċiżjoni l-limiti tad-definizzjonijiet l-oħra tas-suq proposti u lanqas, fuq kollox, li tissostanzja b’xi mod plawżibbli l-idea li hija neċessarja definizzjoni tas-suq differenti.

75.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali indirizzat b’mod korrett l-argumenti ta’ Polwax imqajma fl-ewwel istanza u, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (is-sentenza easyJet u s-sentenza Niki Luftfahrt) kienet applikabbli u kienet ġiet applikata b’mod korrett fis-sentenza appellata.

76.      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

B.      It-tieni parti tal-ewwel aggravju

77.      Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata, li huma wkoll rilevanti għat-tieni parti tal-ewwel aggravju, huma ċċitati fil-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-punt 61 tas-sentenza appellata huwa miġbur fil-qosor fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

78.      Polwax issostni, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, essenzjalment, li, anki jekk ir-rekwiżit li “tippreżenta provi serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema tal-kompetizzjoni li għandha, minħabba l-effetti tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni” (59) japplika fil-kawża ineżami, dan ma jfissirx li Polwax kienet obbligata (60) tipproduċi indizji serji fir-rigward ta’ kull wieħed mid-diversi fatturi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit is-suq rilevanti. Fi kliem ieħor, Polwax ma kellhiex tkun obbligata, peress li hija kienet biss “terz ikkonċernat” fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li tipproduċi indizji serji li juru li l-kategoriji differenti ta’ xama’ slack (ta’ kwalità ħafifa, medja u tqila) la kienu sostitwibbli min-naħa tad-domanda u lanqas min-naħa tal-provvista.

79.      Polwax issostni li r-rekwiżiti tal-Qorti Ġenerali jmorru lil hinn milli tintwera l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li hija de facto obbligata, bħala terz ikkonċernat, li tiddefinixxi fid-dettall is-suq rilevanti. Polwax issostni li kienet pjuttost il-Kummissjoni li kellha tipprovdi definizzjoni ddettaljata tas-suq rilevanti. La r-Regolament Nru 139/2004 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 ma jimponu obbligi daqstant estiżi fuq terzi kkonċernati. Fir-replika, Polwax issostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddikjarat – għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa għalhekk inammissibbli – li r-rikorrenti għandha tipproduċi provi rilevanti u konsistenti li jissodisfaw il-kriterju tal-OSKE.

80.      Il-Kummissjoni u Orlen isostnu, essenzjalment, li l-argumenti dwar żball ta’ liġi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati u li l-argumenti kollha dwar allegat żball ta’ evalwazzjoni huma inammissibbli. Il-Kummissjoni tfakkar, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li huwa fil-kuntest ta’ din il-verifika tal-preċiżjoni tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li r-rikorrenti għandha “tippreżenta provi serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema tal-kompetizzjoni li għandha, minħabba l-effetti tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni” (61). Madankollu, hija tenfasizza li dan l-obbligu għandu jiġi distint minn dak impost fuq Polwax, bħala terz ikkonċernat fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, filwaqt li Polwax ma tidhirx li tagħmel tali distinzjoni (62). Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Polwax. Hija tirrileva wkoll li l-paragun ta’ Polwax mal-kawża easyJet huwa daqslikieku jintlaqgħu l-argumenti tal-Kummissjoni għaliex, f’din il-kawża, bħal fil-kawża ineżami, l-ilmenti tar-rikorrenti kienu jirrigwardaw swieq distinti mingħajr ebda sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet.

81.      Inqis li, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni Polwax permezz ta’ dan l-argument, ma hijiex kwistjoni tad-drittijiet tar-rikorrent bħala terz għall-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 802/2004. Il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija pjuttost li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali applikatx, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità, livell ta’ prova xieraq sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ allegat żball manifest.

82.      It-tieni, fil-fehma tiegħi, il-punt 45 tas-sentenza appellata għandu jinqara flimkien mal-punti 57 sa 60 tagħha. Kif spjegajt fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jiġġustifika li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat, b’mod partikolari, għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, irrilevajt ukoll li, fil-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tal-marġni ta’ stħarriġ limitat tagħha fil-qasam tal-evalwazzjoni ekonomika kumplessa, li rikorrent sempliċement isostni quddiemha li d-definizzjoni tas-suq hija żbaljata. Minflok, dan ir-rikorrent għandu jipproduċi wkoll indizji serji sabiex juri l-fondatezza tal-motivi legali tiegħu.

83.      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “id-definizzjoni adegwata tas-suq rilevanti hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għal kull evalwazzjoni magħmula fuq l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni” (63). Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti Ġenerali indikat espressament, fis-sentenza appellata, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza easyJet u s-sentenza Niki Luftfahrt, li, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li jiġu prodotti indizji serji, hija r-rikorrenti li għandha “tidentifika s-swieq konċernati, tiddeskrivi s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, u tindika liema jkunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq” (64).

84.      Għaldaqstant, kif spjegajt fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju (65), fil-punti 45 u 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha d-dritt li teżiġi li Polwax tipproduċi “indizji serji” jew “indikazzjonijiet serji” rispettivament, li juru interkambjabbiltà insuffiċjenti bejn l-allegati tipi differenti ta’ xama’ slack, insostenn tal-motivi tagħha, li permezz tagħhom Polwax fittxet li turi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq inkwistjoni mill-Kummissjoni, u li tipprova li s-suq tal-prodotti inkwistjoni fi-kawża ineżami kien suq iktar ristrett, u għalhekk trendi d-definizzjoni tas-suq żbaljata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tal-istħarriġ ristrett fil-qasam tal-evalwazzjoni ekonomika kumplessa, li rikorrent sempliċement isostni quddiemha li d-definizzjoni tas-suq rilevanti kienet żbaljata. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma talbitx li Polwax tissodisfa xi livell ta’ prova li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mir-rikorrenti, f’sitwazzjonijiet bħal fil-kawża ineżami, sabiex tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi tagħhom (66).

85.      Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, sabiex jiġi stabbilit eventwali żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni – billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq swieq iktar ristretti mis-suq tax-xama’ slack eżaminat minnha fl-analiżi ta’ kompetizzjoni tagħha – Polwax kienet obbligata, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, tipprovdi indizji serji li jidentifikaw tali swieq iktar ristretti (67).

86.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma adottatx livell ta’ prova żbaljat fil-kawża ineżami. Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

C.      It-tielet parti tal-ewwel aggravju

87.      Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata, li huma rilevanti wkoll għat-tielet parti tal-ewwel aggravju, huma ċċitati fil-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-punt 61 tas-sentenza appellata huwa miġbur fil-qosor fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

88.      Polwax issostni, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, li, fil-punti preċedenti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li Polwax ma kinitx ipproduċiet indizji serji tal-assenza ta’ sostitwibbiltà bejn il-kategoriji differenti ta’ xama’ slack min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista. Skont Polwax, il-konklużjoni dwar l-assenza ta’ provi ta’ sostitwibbiltà hija manifestament żbaljata, peress li l-affermazzjonijiet u l-provi mressqa minn Polwax innifisha iwasslu għall-konklużjoni opposta. Barra minn hekk, hija ssostni li, billi ċaħdet it-talba tagħha għal perizja, il-Qorti Ġenerali pprekludietha milli turi li l-affermazzjonijiet tagħha kienu preċiżi.

89.      Barra minn hekk, Polwax tqis li l-Qorti Ġenerali aċċettat l-assenza ta’ ġustifikazzjoni jew ta’ analiżi reali tas-suq ta’ prodotti fid-deċiżjoni kontenzjuża u tilmenta li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha biss fuq żewġ deċiżjonijiet preċedenti mingħajr ma wettqet l-analiżi tagħha stess.

90.      Fl-aħħar, Polwax issostni li, anki li kieku kellha tiġi aċċettata d-definizzjoni tas-suq rilevanti adottata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-liġi billi naqset milli tanalizza d-dinamika tas-segmenti differenti tas-suq u billi aċċettat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-pożizzjoni ta’ dik l-istituzzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

91.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, sa fejn din tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, u hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

92.      Fir-replika tagħha, Polwax tinsisti fuq l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tal-aggravju, billi tirreferi għall-ġurisprudenza li tgħid li, minkejja li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet legali li siltet minnhom il-Qorti Ġenerali. Dan huwa l-każ fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, peress li din tikkonċerna r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tikklassifika bħala “provi solidi” tal-assenza ta’ sostitwibbiltà tad-domanda (i) il-fatt li x-xama’ slack ta’ tip partikolari (pereżempju, ix-xama’ slack ta’ kwalità ħafifa) ma tistax tiġi ssostitwita b’tip ieħor ta’ xama’ slack (pereżempju, ix-xama’ slack ta’ kwalità medja) u (ii) il-fatt li kull tip ta’ xama’ slack jintuża għall-manifattura ta’ prodotti speċifiċi. Skont Polwax, dak li ntqal iktar ’il fuq ma jipprevedix biss “indizju serji”, iżda jikkostitwixxi wkoll “prova” tal-assenza ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda. Barra minn hekk, hija ssostni li d-definizzjoni tas-suq rilevanti tikkostitwixxi klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u, bħala tali, kienet is-suġġett ta’ domandi preliminari (68). Hija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma indikatx kif hija kienet eżaminat is-sostitwibbiltà tax-xama’ slack min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista.

93.      Fil-fehma tiegħi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ Polwax sempliċement tressaq numru ta’ argumenti relatati mal-evalwazzjoni tal-fatti, li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li kkonkludiet li Polwax ma kinitx ipproduċiet indizji serji li juru: (i) “li x-xama’ slack ħafifa, ix-xama’ slack medja u x-xama’ slack tqila u x-xama’ slack ta’ kwalità Bright Stock ma kinux sostitwibbli bejniethom (assenza ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda)” u (ii) li dawn it-tipi ta’ xama’ slack ma kinux sostitwibbli min-naħa tal-provvista.

94.      B’mod partikolari, fil-punt 61 tas-sentenza appellata (69), il-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet ċari ta’ fatt.

95.      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jingħad li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi prodotti quddiemha ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi (70). Peress li Polwax tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti ppreżentati quddiemha, billi tirrepetihom issa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma tallega jew tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-provi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

96.      Fi kwalunkwe każ, l-argumenti ta’ Polwax huma infondati, peress li l-Qorti Ġenerali ġustament stabbilixxiet kriterji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ swieq potenzjalment iktar ristretti għax-xama’ slack u kkonkludiet li Polwax ma kienet ipproduċiet ebda indizju serju dwar l-assenza ta’ sostitwibbiltà tat-tipi differenti ta’ xama’ slack, kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista.

97.      L-ewwel, fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li “ir-rikorrenti kellha tipproduċi indizji serji li juru li l-klijenti ta’ tip ta’ xama’ slack ma kinux ser jaqilbu għal tip ieħor ta’ xama’ slack fil-każ ta’ żieda żgħira fil-prezz”.

98.      Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjonijiet li x-xama’ slack ta’ kwalità ħafifa, medja u tqila tikkostitwixxi inputs ta’ materji primi differenti ma jikkostitwixxux indizji serji li juru li l-livell ta’ interkambjabbiltà bejn dawn it-tipi differenti ta’ xama’ slack kien insuffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ssostitwiti mill-perspettiva tad-domanda.

99.      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li Polwax ma tindikax kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li allegazzjonijiet bħal dawk magħmula minn Polwax ma kinux jikkostitwixxu indizji serji tas-sostitwibbiltà tat-tipi differenti ta’ xama’ slack min-naħa tad-domanda.

100. It-tieni, fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, Polwax tressaq ċertu numru ta’ argumenti fattwali (li kienu diġà tqajmu fl-ewwel istanza) dwar ix-xama’ slack u l-karatteristiċi tagħha, il-fatt li mhux ir-raffineriji kollha jipproduċu xama’ slack, ċerti restrizzjonijiet fuq il-provvista ta’ xama’ slack, id-dipendenza tal-produzzjoni tax-xama’ slack fuq it-teknoloġiji tar-raffineriji u l-materja prima użata, kif ukoll l-assenza ta’ sostitut perfett għax-xama’ slack prodotta minn Lotos.

101. Madankollu, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li, sabiex tintwera l-assenza ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, kien neċessarju li jiġu prodotti indizji serji sabiex “juru li l-fornituri ta’ tip ta’ xama’ slack ma setgħux jorjentaw il-produzzjoni tagħhom lejn il-produzzjoni ta’ tip ieħor ta’ xama’ slack u jikkummerċjalizzawha fi żmien qasir, mingħajr ma jsostnu ebda spiża jew riskju addizzjonali sostanzjali[,] b’reazzjoni għal varjazzjonijiet żgħar, iżda permanenti, tal-prezzijiet relattivi”.

102. Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li Polwax ma kinitx indirizzat il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista.

103. Kif osservat il-Kummissjoni, Polwax ma tippreċiżax kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li tali allegazzjonijiet ġenerali dwar in-natura tal-produzzjoni tax-xama’ slack ma kinux jikkostitwixxu indizji serji tal-eżistenza ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista.

104. Fl-aħħar, għall-kompletezza, għalkemm Polwax issa ssostni li ċ-ċaħda tat-talba għal perizja ipprekludietha milli turi li l-affermazzjonijiet tagħha dwar is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista kienu preċiżi, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba tagħha għal perizja ma kinitx tirrigwarda effettivament is-sostitwibbiltà jew, b’mod iktar ġenerali, kwistjonijiet fattwali relatati mad-definizzjoni tas-suq.

105. Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

III. Konklużjoni

106. Bla ħsara għall-aggravji l-oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju ta’ Polwax bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ M.9014 – PKN Orlen/Grupa Lotos) (notifikat bid-dokument numru C(2020) (4651) (ĠU 2021, C 196, p. 8). Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


3      Din hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xama’ tal-paraffina u prodott sekondarju tal-produzzjoni taż-żejt bażi miż-żejt mhux maħdum fir-raffineriji.


4      Sentenza appellata, punt 13.


5      Il-partijiet rilevanti tas-sentenza appellata huma ċċitati fit-taqsima tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara, iktar ’il quddiem, il-punti 62 sa 65 u 70).


6      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bertelsmann u Sony”, EU:C:2008:392, punt 44).


7      Is-sentenzi li ġejjin ma ġewx appellati: tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni (T‑177/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza easyJet”, EU:T:2006:187); tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni (T‑162/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza NikiLuftfahrt”, EU:T:2015:283) u tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni (T‑240/18, EU:T:2021:723).


8      Il-ġurisprudenza ġiet ikkritikata fil-passat talli repetutament ħalltet il-livell ta’ prova u l-livell ta’ stħarriġ. Ara Vesterdorf, B., “Standard of proof in merger cases: Reflections in the light of recent case law of the Community courts’, European Competition Journal, 2005, Vol. 1(1), 2005, p. 3-33.


9      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza CK Telecoms”, EU:C:2023:561, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda minni).


10      Ibid., punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 340) (mhux appellata).


12      Sentenza CK Telecoms, punt 82.


13      Ibid., il-punt 87. Il-kriterju tal-“iktar probabbli milli improbabbli” huwa, fi kliem ieħor, il-“bilanċ ta’ probabbiltajiet” meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ OSKE.


14      Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2024, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑64/20, EU:T:2024:815, punt 192). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il‑Kummissjoni (T‑296/18, EU:T:2021:724, punt 107).


15      Sentenza CK Telecoms, punt 84.


16      Ara l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar ir-Regoli tal-Proċedura tagħha: is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni (T‑691/18, EU:T:2021:43, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda minni) (mhux appellata).


17      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64) (enfasi miżjuda minni).


18      “Provi diretti” tipikament ikunu: dokumenti, dikjarazzjonijiet orali u bil-miktub. Fil-fehma tiegħi, għall-għanijiet ineżami, provi “ċirkustanzjali”, jiġifieri, “indiretti”, huma simili għal “indizji”. “Provi ċirkustanzjali” huma “provi bbażati fuq inferenza u mhux fuq għarfien jew osservazzjoni personali” [traduzzjoni liberali]. “Indizji” huma ddefiniti bħala ‘sinjali, indikazzjonijiet [l-irċevuti tax-xiri huma indizji ta’ sjieda]” [traduzzjoni liberali], Black’s Law Dictionary, it-tnax-il edizzjoni, 2024. Ara wkoll is-sentenza Bertelsmann u Sony, punti 127 sa 129.


19      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 65) (enfasi miżjuda minni).


20      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, (C‑56/12 P, EU:C:2013:575, punti 44 u 77).


21      Ibid., punt 73.


22      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ilmenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 65, punt 69).


23      Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Ryanair u Laudamotion vs Il‑Kummissjoni (C‑591/21 P, EU:C:2024:635, punt 133): “fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li huma ‘ma pproduċew ebda prova speċifika u ssostanzjata ta’ natura li turi li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kollha jew parti minnhom huma intiżi sabiex ikopru l-istess spejjeż eliġibbli bħal dawk inklużi fid-dannu li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tirrimedja’, li b’hekk sistematikament qiegħdet l-oneru tal-prova fuq l-appellanti, għandu jiġi rrilevat li bħala prinċipju hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ allegazzjoni jew ta’ argument li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


24      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et (C‑464/07 P(I), EU:C:2008:49, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill (C‑223/17 P, EU:C:2018:442, punt 39), u tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments and Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑148/19 P, EU:C:2020:354), punt 72: “żball manifest jista’ jintwera permezz ta’ elementi li jċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, motiv ibbażat fuq żbalji manifesti għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata ma tidhirx ivvizzjata minn tali żball”. Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali: is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni (T‑387/11, EU:T:2013:98, punt 25), u tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑356/15, EU:T:2018:439, punt 170) (appell miċħud). Dan l-approċċ ġie traspost għall-qasam tal-unjoni bankarja, ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni (T‑570/17, EU:T:2022:314, punti 102 sa 109). Ara Lenaerts, K., Gutman, K., u J. T. Nowak, EU Procedural Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2023, p. 401, nota ta’ qiegħ il-paġna 769.


26      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑251/19, EU:T:2022:296, punti 165, 611 sa 618) (mhux appellata). Ara Castillo de la Torre, F., Predicting the future: Evidential basis for prospective assessments in EU Merger Control, f’Prete, L. U Rezki, L. (edituri.), “Judging & (Re) Thinking European Union Law. Liber Amicorum in Honour of Nils Wahl”, Springer 2025, p. 16, għadu jrid jiġi ppubblikat, disponibbli fuq <http://dx.doi.org/10.2139/ssrn.5050949>, p 16.


27      Dan huwa l-kriterju iktar strett applikabbli fil-proċeduri kriminali u kważi kriminali u jfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li teżamina l-provi, ma jista’ jkollha ebda dubju raġonevoli dwar il-fatti li jikkostitwixxu r-reat inkwistjoni.


28      Dan huwa l-kriterju inqas strett applikat f’materji ċivili, li jfisser li l-parti trid tikkonvinċi lill-qorti kkonċernata li l-att allegat huwa iktar probabbli milli improbabbli.


29      Sentenza CK Telecoms, punti 75 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


30      Il-formola CO hija formola li tistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont ir-Regolament Nru 139/2004.


31      Regolament tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8 Vol. 3, p. 88).


32      Sentenza CK Telecoms, punti 60 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Niki Luftfahrt, punti 174 sa 176 u 187.


34      Sentenza CK Telecoms, punt 82.


35      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament Nru 139/2004.


36      Li jfisser li, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Kummissjoni (li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva), ir-rikorrent juri li ma għadux il-każ li huwa iktar probabbli milli improbabbli li l-konċentrazzjoni tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva (u viċi versa, meta l-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva).


37      Hirsbrunner, S., u von Köckritz, C., Rebalancing EC Merger Control: The ECJ’s Judgment in Case C‑413/06 P (Bertelsmann and Sony), Global Competition Policy, Lulju 2008, p. 17.


38      Bengtsson, C., Carpi, J.M., u Subočs, A., “The Substantive Assessment of Mergers”, f’Jones, C., u Weinert, L. (editri.), EU Competition Law, vol. II, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2021, punt 4.74 et seq.


39      Ara l-punti 20 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Sentenza easyJet, punt 64.


41      Sentenza easyJet, punt 65.


42      Sentenza easyJet, punt 66.


43      Sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni (T‑691/18, EU:T:2021:43, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      easyJet sostniet li l-Kummissjoni llimitat b’mod żbaljat l-analiżi tagħha għall-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq fejn l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jikkoinċidu direttament jew indirettament.


45      Sentenza easyJet, punti 66 u 67.


46      Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn il-ftit ċifri mressqa minn easyJet ma kinux suffiċjenti sabiex jissostanzjaw l-argument tagħha fir-rigward ta’ swieq li ma kinux sovrapposti, peress li ma identifikatx tali swieq.


47      Fis-sentenza easyJet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-motiv, peress li r-rikorrenti kienet naqset milli “[tidentifika s-swieq mhux sovrapposti] b’mod ċar” punt 68.


48      Sentenza easyJet, punti 71 u 73.


49      Sentenza easyJet, punt 66 (iċċitata fis-sentenza Niki Luftfahrt, punt 175).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Niki Luftfahrt, punti 120 sa 123 u 176.


51      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-verżjoni Franċiża tas-sentenza appellata u meħud inkunsiderazzjoni l-użu tat-terminu “wiarygodne przesłanki” għat-traduzzjoni ta’ “indices sérieux” bil-Pollakk fiż-żewġ sentenzi easyJet u Niki Luftfahrt, kif ukoll fil-punt 45 tas-sentenza appellata, jidher li dan huwa wkoll it-terminu korrett li kellu jintuża fil-punt 59 tal-verżjoni Pollakka tas-sentenza appellata.


52      Jista’ jiġi enfasizzat li s-sottomissjonijiet ta’ Polwax quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex ċari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-fehma tagħha, ix-xama’ slack ta’ kwalità tqila u x-xama’ slack bright stock kinux jappartjenu għall-istess suq rilevanti jew le. Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, għalkemm, quddiem il-Qorti Ġenerali, Polwax, essenzjalment, għamlet distinzjoni biss bejn xama’ slack ta’ kwalità ħafifa, medja u tqila, jew saħansitra biss bejn xama’ slack ta’ kwalità ħafifa u dik ta’ kwalità tqila (ara r-rikors, punt 40), il-pożizzjoni li hija tesprimi tista’ tindika wkoll li hija kienet tikkunsidra x-xama’ slack tqila u x-xama’ slack Bright bħala li jikkostitwixxu suq uniku (replika, punt 120). Fi kwalunkwe każ, kull argument intiż sabiex juri, fl-istadju tal-appell, l-eżistenza ta’ tali distinzjoni, jew saħansitra jissuġġerixxi li x-xama’ slack Bright Stock kienet tikkostitwixxi suq/segment distint, huwa inammissibbli, sa fejn jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali (punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata).


53      Is-sentenza appellata hawnhekk tirreferi għas-sentenza easyJet, punti 65 u 66, u għas-sentenza Niki Luftfahrt, punti 174 u 175 li tuża “serious indicia” u mhux “compelling indications”.


54      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155; iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti”.


55      Il-Qorti Ġenerali tirreferi, f’dan is-sens, għall-punti 15 sa 20 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti.


56      Ara s-sentenza easyJet, punt 65.


57      L-għan tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni huwa li jiġu eżaminati konċentrazzjonijiet u akkwiżizzjonijiet proposti sabiex jiġu evitati effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 139/2004 jipprojbixxi l-konċentrazzjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet li jfixklu b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.


58      Sentenzi easyJet, punti 65 u 66, u Niki Luftfahrt, punti 174 u 175.


59      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet, punt 65.


60      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 57 sa 61 tas-sentenza appellata.


61      Sentenza easyJet, punt 65.


62      Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 11, 13 u 14 tal-appell.


63      Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64      Sentenza easyJet, punt 66.


65      Ara l-punti 60 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il‑Kummissjoni (C‑53/92 P, EU:C:1994:77, punt 38). Ara l-punti 39 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Ara l-punti 56, 59 u 65 sa 69 tas-sentenza appellata. Fost tali indizji serji hemm indizji tal-assenza ta’ sostitwibbiltà tal-prodotti mill-perspettiva tal-klijent.


68      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punti 48 sa 67).


69      Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).