KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fl‑24 ta’ Novembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑234/21
Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL,
NG,
WL
vs
Conseil des ministres
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar – Armi tan-nar ipprojbiti – Direttiva 91/477/KEE – Artikolu 7(4a) – Sistema Tranżitorja għal ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi – Assenza tas-setgħa tal-Istati li jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tal-isparar in bjank – Artikolu 1(1)(1) – Kunċett ta’ arma tan-nar – Ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni għall-pussess tal-armi tal-isparar inbjank – Validità – L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi – Dritt għall-propjetà”
|
1. |
Fil-kuntest ta’ rikors kontra r-riforma tal-Liġi dwar l-Armi ( 2 ), il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi ( 3 ), introdott mid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi ( 4 ), li dik ir-riforma inkorporat fl-ordinament ġuridiku Belġjan. |
|
2. |
Bis-saħħa ta’ din ir-riforma leġiżlattiva, fis-sena 2019 ġew ipprojbiti fil-Belġju ċerti tipi ta’ armi semiawtomatiċi li l-akkwist u l-pussess tagħhom kien awtorizzat sa dak iż-żmien. Għall-kuntrarju, dawn l-istess armi, kieku kienu ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, kienu jibqgħu awtorizzati, b’mod tranżitorju u taħt ċerti kundizzjonijiet, skont il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(4a) il-ġdid tad-Direttiva 91/477. |
|
3. |
Madankollu, is-sistema tranżitorja prevista f’dan l-artikolu ma tapplikax għall-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi li ġew ikkonvertiti sabiex ikunu kapaċi jisparaw skrataċ in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew skrataċ pirotekniċi, jew sabiex jisparaw armi tas-salut jew akustiċi. |
|
4. |
Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477. Hija tqis li dan l-artikolu jista’ imur kontra d-drittijiet tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni u għall-proprjetà, previsti, rispettivament fl-Artikoli 20, 21 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal‑Unjoni. Id-Direttiva 91/477
|
5. |
L-Artikolu 1 jiddefinixxi: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]”. |
|
6. |
L-Artikolu 3 jistipula li: “Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’ din id-Direttiva […].” |
|
7. |
L-Artikolu 6 jistabbilixxi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon essenzjali miżmuma illegalment bi ksur ta’ dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati. 2. Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, ta’ edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu f’każijiet individwali, eċċezzjonali u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku. […] 6. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin: […]”. |
|
8. |
L-Artikolu 7(4a) jipprovdi li: “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta’ arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-Direttiva […]. […]”. |
|
9. |
Il-Parti II tal-Anness I hija fformulata kif ġej: “II. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-armi tan-nar huma kklasifikati fil-kategoriji li ġejjin: 1. Kategorija A – Armi tan-nar ipprojbiti
[…]”. |
B. Id‑dritt Belġjan. Il‑Liġi dwar l-Armi ( 5 )
|
10. |
L-Artikolu 3(1) jindika li: “Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala armi pprojbiti: […]
|
|
11. |
L-Artikolu 3(4) jipprovdi li: “L-armi tan-nar li ġew ikkonvertiti għall-isparar ta’ skrataċ inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew skrataċ pirotekniċi, jew li ġew ikkonvertiti f’armi tas-salut u akustiċi, u l-armi tan-nar li ma ġewx ikkonvertiti għal dan il-għan, li l-uniku użu tagħhom huwa li jisparaw l-iskrataċ jew is-sustanzi msemmija iktar ’il fuq, jibqgħu inklużi fil-Kategorija A li lilha ġew assenjati skont il-paragrafi 1 u 3”. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 45/2: “Dawk li akkwistaw b’mod legali u rreġistraw qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 arma tat-tip imsemmija fil-punti 19 u 20 tal-Artikolu 3(1), jew billi kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi ta’ liċenzja tal-kaċċa, kemm permezz ta’ ċertifikat ta’ kustodja privata jew liċenzja ta’ tiratur sportiv, jew permezz ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ persuna awtorizzata, jistgħu jżommu din l-arma, sakemm ir-rekwiżiti legali l-oħra relatati mal-pussess tal-armi jkunu ssodisfatti. Din l-arma tista’ tiġi ttrasferita biss lit-tiraturi sportivi msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 27(3) u lin-negozjanti tal-armi-, kolletturi jew mużewijiet awtorizzati għal dan il-għan. L-arma tan-nar tista’ wkoll tiġi ddiżattivata skont il-punt 3 tal-Artikolu 3(2) jew tiġi ċeduta”. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari
|
13. |
Fit‑22 ta’ Novembru 2019, l-assoċjazzjoni Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL u żewġ individwi ppreżentaw quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) rikors kontra diversi artikoli tal-Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019 ( 6 ), li temenda l-Liġi dwar l-Armi, li tittrasponi d-Direttiva 2017/853 fid-dritt Belġjan. |
|
14. |
Skont il-qorti tar-rinviju, fil-Belġju, l-armi semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar ta’ skrataċ inbjank kienu jinbiegħu liberament. Mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 153(5) u tal-Artikolu 163 tal-Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019 ( 7 ), il-persuni li kienu akkwistaw dawn it-tip ta’ armi saru proprjetarji kemm ta’ arma pprojbita, kif ukoll ta’ arma li, fl-assenza tal-awtorizzazzjoni mitluba, ma setgħetx tiġi rregolarizzata, peress li l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb, bħala prinċipju, qabel ma tiġi akkwistata l-arma. |
|
15. |
Għall-kuntrarju, il-proprjetarji ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi oriġinali (mhux ikkonvertiti) li kienu akkwistawhom b’mod legali u rreġistrawhom qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 jibbenefikaw minn sistema tranżitorja li tippermettilhom jikkonservawhom ( 8 ). |
|
16. |
Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tispjega kif id-Direttiva 2017/853, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika, emendat id-Direttiva 91/477 u inkludiet l-armi semiawtomatiċi fil-lista ta’ armi tan-nar ipprojbiti (punti 6 sa 8 tal-Kategorija A). Għal raġunijiet simili, l-armi li ġew ikkonvertiti għall-użu bi skrataċ inbjank ġew miżjuda ma’ din l-istess lista fil-punt 9 tal-Kategorija A ( 9 ). |
|
17. |
Din l-emenda:
|
|
18. |
Konsegwentement, jekk l-armi, kemm semiawtomatiċi (punti 6 sa 8 tal-Kategorija A) kif ukoll dawk li ġew ikkonvertiti għall-użu tagħhom bi skrataċ inbjank (punt 9 tal-Kategorija A), kienu ġew akkwistati wara t‑13 ta’ Ġunju 2017, il-proprjetarji tagħhom jirċievu l-istess trattament sfavorevoli, peress li huma ma jibbenefikaw minn ebda sistema tranżitorja ( 10 ). |
|
19. |
Għall-kuntrarju, teżisti inugwaljanza fit-trattament bejn il-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi inklużi fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, meta mqabbla mal-proprjetarji tal-armi inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A, meta it-tnejn li huma kienu akkwistawhom qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017. Tal-ewwel kategorija jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja; tat-tieni kategorija, le. |
|
20. |
Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u mad-dritt għall-proprjetà tal-oġġetti ( 11 ). |
|
21. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, moqri flimkien mal-punti 6 sa 9 tal-Kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tal-istess direttiva, jikser l-Artikolu 17(1), l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta […] u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi inkwantu ma jawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar imsemmija fil-Kategorija A9 li ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it-13 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li jawtorizzahom jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar imsemmija fil-Kategoriji A6 sa A8 li ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it-13 ta’ Ġunju 2017?” |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
22. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2021. |
|
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-assoċjazzjoni rikorrenti, NG u WL, mill-Gvern Belġjan, mill-Kunsill, mill-Parlament kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn it-tliet istituzzjonijiet, minbarra l-Gvern Belġjan, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Settembru 2022. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Delimitazzjoni tat‑tilwima
|
24. |
Id-Direttiva 91/477 kienet tiddistingwixxi, fil-verżjoni oriġinali tagħha, diversi kategoriji ta’ armi tan-nar: A (“armi tan-nar ipprojbiti”); B (“armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni”); C (“armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni”); u D (“armi tan-nar oħra”) ( 12 ). |
|
25. |
Id-Direttiva 2017/853 irriformat il-klassifikazzjoni billi pprojbixxiet ċerti armi semiawtomatiċi li sa dak iż-żmien kienu ġew inklużi b’mod pjuttost ġeneriku fil-punti 1 u 4 tal-Kategoriji B (skont jekk dawn kinux armi qosra jew twal), bħala armi suġġetti għal awtorizzazzjoni. |
|
26. |
Għaldaqstant, bħala riżultat ta’ din ir-riforma, ċertu numru ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi li qabel kienu jaqgħu taħt il-Kategorija B (suġġetti għal awtorizzazzjoni) ġew inklużi fil-Kategorija A (armi pprojbiti). |
|
27. |
B’mod partikolari, fil-Parti II tal-Anness I, il-Kategorija A kienet tinkludi, fost l-oħrajn, tliet subkategoriji ( 13 ):
|
|
28. |
Barra minn hekk, inħolqot subkategorija fil-Kategorija A (il-punt 9), li tinkludi “kull arma tan-nar (li taqa’ taħt il-Kategorija A) li ġiet ikkonvertita għall-isparar ta’ skrataċ inbjank”. |
|
29. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-mogħdija ta’ dawn l-armi mill-Kategorija B għall-Kategorija A kienet timplika li numru għoli ta’ proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi akkwistati b’mod legali jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom (il-projbizzjoni tal-akkwist u l-pussess tagħhom kienet timplika s-sekwestru tagħhom) ( 14 ). |
|
30. |
Din hija r-raġuni għaliex ġiet ikkontemplata, fl-Artikolu 7(4a) il-ġdid, tad-Direttiva 91/477, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għal armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, relatati ma’ armi tan-nar li kienu ġew ikklassifikati fil-Kategorija B u li kienu ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 (data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853). |
|
31. |
Madankollu, din is-sistema tranżitorja ma ssemmix l-armi fil-punt 9 tal-Kategorija A, jiġifieri dawk li ġew ikkonvertiti għall-isparar ta’ skrataċ inbjank. Il-fatt li r-regola ma ssemmi xejn dwar dawn tal-aħħar ( 15 ), filwaqt li jissemmew espressament l-armi li jaqgħu taħt il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, iwassal għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni fit-termini tagħha stess: il-proprjetarji ta’ dawn biss (dawk li ma ġewx ikkonvertiti), u mhux tal-oħrajn (li ġew ikkonvertiti), jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja. |
|
32. |
Ma nemminx li interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4a), li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, mhux biss għall-armi tan-nar semiawtomatiċi li ma ġewx ikkonvertiti li jaqgħu taħt il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A tiżda wkoll għal dawn l-istess armi li ġew ikkonvertiti għall-isparar ta’ skrataċ inbjank, li jaqgħu taħt il-punt 9 tal-Kategorija A tad-Direttiva 91/477 hija plawsibbli, dan wara r-riforma tad-Direttiva 2017/853 ( 16 ). |
|
33. |
Din l-interpretazzjoni hija affaċċjata bil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 li, ninsisti, ma ssemmix l-armi tan-nar tal-punt 9 tal-Kategorija A, li jirriżultaw mill-adattament (għall-isparar ta’ skrataċ inbjank) ta’ dawk tal-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A. |
|
34. |
Nammetti li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, ikun iktar faċli li tingħata interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 ( 17 ) li tevita l-konsegwenzi marbuta mad-dikjarazzjoni eventwali ta’ invalidità tagħha. Skont din it-teżi, ikun biżżejjed li jitqies li s-sistema tranżitorja testendi wkoll għall-armi tan-nar semiawtomatiċi tal-punt 9 tal-Kategorija A, minkejja li d-dispożizzjoni ma tinkludihomx letteralment. |
|
35. |
Madankollu, inqis li ma huwiex possibbli li tiġi ssostitwita r-rieda tal-leġiżlatur, jew li tiġi ostakolata, meta huwa stess għażel sistema tranżitorja li expressis verbis tirreferi biss għal xi kategoriji ta’ armi u mhux għal oħrajn. Dan huwa wisq inqas minnu peress li, kif intqal waqt is-seduta, din il-miżura ġiet adottata b’mod konxju u intenzjonat. |
|
36. |
Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, “interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill‑formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni” ( 18 ). |
|
37. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dubji dwar il-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 (emendata) huma bbażati fuq il-fatt li l-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi inbjank, li ġew inklużi fil-Kategorija A ( 19 ), ma għandhomx iktar l-għażla li jżommuhom. Il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tikser d-drittijiet li l-qorti tar-rinviju tenfasizza, kif ukoll il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, hija unikament il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddeċiedi dwarha. |
2. Ammissibbiltà tad‑domanda preliminari
|
38. |
Skont il-Kummissjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija, b’mod ipotetiku, inammissibbli. Fil-fehma tagħha:
|
|
39. |
Jiena ma naqbilx mal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, għaliex, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni (minn qabel) u r-reġistrazzjoni tal-armi kontenzjużi ma jippermettux biss il-qari li din l-istituzzjoni tħaddan. Barra minn hekk, tali qari huwa, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, dipendenti fuq l-evalwazzjoni tal-qorti inkwistjoni, li minnha r-rinviju jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ rilevanza. |
|
40. |
Fi kwalunkwe każ, id-dubji mqajma ma humiex ta’ natura ipotetika u s-soluzzjoni tagħhom teħtieġ l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/477:
|
B. Validità tal‑Artikolu 7(4a) tad‑Direttiva 91/477 fid‑dawl tal‑Artikoli 20 u 21 tal‑Karta
|
41. |
Fil-kuntest tal-eżami tas-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u ta’ nondiskriminazzjoni (Artikoli 20 u 21 tal-Karta). |
|
42. |
Id-diskriminazzjoni pprojbita fl-Artikolu 21 tal-Karta tirreferi għal ċirkustanzi personali ( 20 ) ta’ natura suġġettiva, li fuqhom hija bbażata differenza fit-trattament mhux iġġustifikata u li tkun ta’ ħsara għall-persuna li ġġarabha. |
|
43. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax għalfejn, fil-kawża ineżami, teżisti diskriminazzjoni ta’ natura simili. Għall-kuntrarju, mill-argumenti tagħha jirriżulta li l-eventwali differenza fit-trattament tikkonċerna element oġġettiv, jiġifieri l-proprjetà ta’armi (il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A) jew oħrajn (il-punt 9 tal-Kategorija A), b’rabta ma’ fattur temporali, jiġifieri, id-data tal-akkwist tagħhom. |
|
44. |
Għalhekk, ser niffoka l-attenzjoni fuq l-Artikolu 20 tal-Karta, li jipprovdi li d-dritt għall-ugwaljanza “jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament” ( 21 ). |
|
45. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur ta’ dan id-dritt, għandu inevitabbilment l-ewwel jiġi evalwat, jekk il-proprjetarji ta’ armi li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/477 (emendata) fil-punt 6 sa 8 tal-Kategorija A, kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-proprjetarji ta’ armi li ġew ikklassifikati fil-punt 9 tal-Kategorija A. |
|
46. |
Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk, taħt id-Direttiva 91/477, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2017/853, l-akkwist u l-pussess tal-armi semiawtomatiċi kinux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ reġistrazzjoni. |
1. L‑armi tal‑isparar inbjank qabel id‑Direttiva 2017/853
|
47. |
L-osservazzjonijiet tal-intervenjenti ma jaqblux dwar is-sistema ta’ armi semiawtomatiċi tal-isparar inbjank ta’ qabel id-Direttiva 2017/853:
|
|
48. |
Din l-aħħar perspettiva tippreżenta, fil-fehma tiegħi, konsistenza ikbar, peress li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “arma tan-nar” li jinsab fl-Artikolu 1(1)(1) tad-Direttiva 91/477, kemm qabel kif ukoll wara l-emenda tagħha bid-Direttiva 2017/853. Dan il-kunċett ikopri “kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita [faċilment] biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli […]” ( 25 ). |
|
49. |
Mill-osservazzjonijiet tal-intervenjenti fuq dan il-punt, jidhirli li huwa iktar konvinċenti dak li jesponi l-Parlament, li nikkondividi l-argumenti tiegħu. Din l-istituzzjoni targumenta li ż-żieda tal-punt 9 fil-Kategorija A timplika li jeħtieġ tiġi ċċarata regola diġà fis-seħħ, iktar milli tiġi introdotta emenda sostantiva ( 26 ). |
|
50. |
L-armi inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A, kienu inizjalment maħsuba biex jisparaw tiri, balal jew projettili u, skont l-Artikolu 1(1)(1) tad-Direttiva 91/477 qabel l-emenda tal‑2017, setgħu jiġu esklużi mill-kunċett ta’ arma tan-nar biss minħabba waħda miċ-ċirkustanzi elenkati fil-Parti III(a), (b) u (ċ) ( 27 ) tal-Anness I, fejn, f’dan il-każ, l-ebda waħda minnhom ma kienet teżisti. |
|
51. |
F’dan ir-rigward, huwa jsostni li:
|
|
52. |
Għaldaqstant, il-konverżjoni ta’ arma tan-nar f’arma tal-isparar inbjank ma kinitx tippreġudika l-kwalità oriġinali tagħha (ta’ arma tan-nar suġġetta għas-sistema armonizzata tad-Direttiva 91/477), skont l-Artikolu 1(1)(1) ta’ din id-direttiva qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2017/853. |
|
53. |
Kif diġà spjegajt, jiena essenzjalment naqbel ma’ dawn l-argumenti, li għad jonqsilhom xi tisħiħ. |
|
54. |
Armi semiawtomatiċi kkonvertiti f’armi tal-isparar inbjank huma mgħammra b’mekkaniżmi oriġinarjament ddisinjati sabiex jifilħu għal sparatura reali. F’dan ir-rigward, huma jikkonformaw mingħajr ambigwità mal-kunċett imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(1) tad-Direttiva 91/477, qabel ma ġie emendat bid-Direttiva 2017/853 ( 29 ). |
|
55. |
Fil-fatt, dan it-tip ta’ “oġġett” jista’ jiġi kkonvertit biex jispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli. Jekk, barra minn hekk, “ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar” u “bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi faċilment konvertit hekk”, x’kapaċità ikbar għal dan il-għan minn dik tal-arma oriġinali kkonvertita? |
|
56. |
L-istess riżultat jinkiseb mill-perspettiva tal-kuntrast mal-armi ddiżattivati. F’rinviju għal deċiżjoni preliminari ieħor ( 30 ), tqajmet kwistjoni dwar jekk dawn tal-aħħar jaqgħux taħt il-kunċett ta’ arma tan-nar. Jiena nxaqleb lejn ir-risposta fl-affermattiv wara li nispjega li:
|
|
57. |
Jekk dan huwa l-każ fir-rigward tal-armi ddiżattivati, dan għandu iktar u iktar ikun il-każ għal dawk li ssirilhom konverżjoni li tippermettilhom jisparaw munizzjon inbjank. Fl-armi semiawtomatiċi kkonvertiti għal dan it-tip ta’ sparaturi, il-komponenti essenzjali jibqgħu intatti u operattivi, bl-eċċezzjoni tal-kanna ( 33 ). L-emenda li saret mid-Direttiva 2017/853, li wessgħet il-katalogu tal-komponenti essenzjali (elenkati issa fl-Artikolu 1(2)), tikkorrobora din l-affermazzjoni ( 34 ). |
|
58. |
Fil-qosor, l-armi semiawtomatiċi eżistenti fid-dħul fis-seħħ tar-riforma tad-Direttiva 91/477 li kienu jikkorrispondu għall-Kategorija B u li jaqgħu, wara r-riforma, taħt il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, kienu jeħtieġu l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni, kemm jekk adattati jew le għall-isparar ta’ skrataċ inbjank. |
|
59. |
Il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri, meta stabbilixxew il-leġiżlazzjonijiet interni tagħhom, osservaw jew le dan il-kriterju hija kwistjoni differenti. Mill-informazzjoni pprovduta jirriżulta li f’ċerti Stati Membri (fosthom il-Belġju), dan ma kienx il-każ ( 35 ). Madankollu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jikkontesta dak li ġie espost sa issa. |
2. Differenza fit‑trattament u ugwaljanza f’għajnejn il‑liġi
|
60. |
Il-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi kklassifikati fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, għalkemm jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (fir-rigward tas-sistema legali tagħhom), huma għalhekk ittrattati b’mod differenti: jekk kellhom armi mhux ikkonvertiti, tapplika għalihom is-sistema tranżitorja tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, wara r-riforma tad-Direttiva 2017/853; jekk l-istess armi ġew adattati għall-isparar ta’ skrataċ inbjank, ma jistgħux jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja. |
|
61. |
Differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli “tkun ġustifikata [biss] meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit‑trattament ikkonċernat” ( 36 ). |
|
62. |
Peress li, f’dan il-każ, id-dubju ta’ validità jestendi għal att leġiżlattiv tal-Unjoni, “huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqa bħala ġustifikazzjoni u li għandu jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minn din tal-eżistenza tal-kriterji msemmija” ( 37 ). |
|
63. |
L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-istituzzjonijiet intervenjenti huma diverġenti fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-proprjetarji ta’ armi inklużi fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, ma’ dik tal-proprjetarji tal-armi inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A:
|
|
64. |
Fid-dawl tad-diversità tal-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, waqt is-seduta, ġiet diskussa l-kwistjoni dwar jekk l-estensjoni tas-sistema tranżitorja tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, tal-armi tal-isparar inbjank kinitx tikkomprometti l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika mfittex minn din l-aħħar direttiva. |
|
65. |
Bi sfumaturi differenti, l-istituzzjonijiet ftiehmu li s-sistema tranżitorja kienet ġiet maħsuba skont il-varjetà ta’ mudelli li sa dak iż-żmien kienu jeżistu fl-Istati Membri. Għall-armi tal-isparar inbjank intuża kriterju differenti minn dak tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477: minflok ma tpoġġiet enfasi fuq l-awtorizzazzjoni għal kategoriji ta’ armi (bħalma jagħmel dak l-artikolu), kien ippreferut li tingħata attenzjoni għall-possibiltajiet ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 6, li jippermetti l-eżami ad casum taċ-ċirkustanzi tal-proprjetarju tal-arma tal-isparar inbjank ikkonvertita. |
|
66. |
Fil-fehma tiegħi, din l-ispjegazzjoni tippreżenta tal-inqas tliet perspettivi dgħajfa, mill-perspettiva tad-dritt għall-ugwaljanza tal-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi, ikkonvertiti jew le, li kienu legalment akkwistawhom, fiż-żewġ każijiet, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017. |
|
67. |
Fl-ewwel lok, id-disparità leġiżlattiva fuq livell nazzjonali ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet li jinjoraw ir-realtà tal-kamp ta’ applikazzjoni (uniformi) tad-Direttiva 91/477, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2017/853. |
|
68. |
Fit-tieni lok, xejn ma kien jipprekludi milli, bid-dovuti prekawzjonijiet, tiġi rrikonoxxuta sistema tranżitorja għall-proprjetarji ta’ armi semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank, ikkundizzjonata mill-fatt li (fl-Istati Membri li ma suġġettawhomx għal awtorizzazzjoni) il-proprjetarji tagħhom jirreġistrawhom kif suppost. Din is-soluzzjoni, li għaliha ser nirreferi sussegwentement, kienet tevita li, fl-Istati Membri (il-maġġoranza) li kienu jibbenefikaw mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, il-proprjetarji ta’ dawn l-armi ma jiġux f’daqqa waħda mċaħħda mill-pussess tagħhom. |
|
69. |
Fit-tielet lok, l-użu tas-sistema tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477 ma jirrimedjax l-inugwaljanza. Ċertament, din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, wara li stabbilixxiet il-projbizzjoni tal-armi tal-Kategorija A, irregolat (Artikolu 6(2) sa (7)) sistema ta’ eċċezzjonijiet. Din tipprovdi:
|
|
70. |
Madankollu, l-armi kollha semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank ma humiex koperti mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853. B’mod partikolari:
|
|
71. |
Għaldaqstant, anki jekk l-Artikolu 6 jtaffi xi ftit l-anomalija, huwa ma jsolvihiex kompletament, u dan jikkonferma li d-dibattitu jinsab fil-kuntest tas-sistema tranżitorja nnifisha tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477. |
|
72. |
Il-paragun tal-armi huwa, fil-fehma tiegħi, determinanti għas-soluzzjoni tal-problema. Filwaqt li wħud (ikklassifikati fil-punti 6, 7 jew 8 tal-Kategorija A) huma kompletament funzjonali u kapaċi jisparaw balal jew projettili, oħrajn (dawk inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A), jiddetonaw u jirrilaxxaw gass biss. Tal-ewwel joħolqu perikolu reali, it-tieni joffru riskju potenzjali fil-każ ta’ rikostituzzjoni. |
|
73. |
Mill-perspettiva tas-sigurtà, huwa għalhekk oġġettivament raġonevoli u proporzjonat li l-armi inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A, jiġu ttrattati b’mod inqas strett minn dawk inklużi fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A. Madankollu, is-soluzzjoni legali hija eżattament l-opposta. |
|
74. |
Ċertament, jeżisti riskju li l-armi semiawtomatiċi tal-isparar inbjank jiġu ttrasformati sabiex jisparaw balal jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli. B’hekk, il-klassifikazzjoni tagħhom fil-Kategorija A (jiġifieri l-projbizzjoni tagħhom) hija raġonevoli. L-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika kien, skont l-premessa 20 tad-Direttiva 2017/853, l-għan determinanti għall-introduzzjoni tal-punt 9 tal-Kategorija A. |
|
75. |
Madankollu, l-armi semiawtomatiċi inklużi fil-punti 6, 7 jew 8 tal-Kategorija A, jippreżentaw, kif għadni kif indikajt, għall-inqas dak l-istess riskju: mingħajr il-ħtieġa ta’konverżjoni, huma waħedhom kapaċi jisparaw balal jew projettili (f’numru limitat). Il-klassifikazzjoni tagħhom fil-Kategorija A ta’ armi pprojbiti kienet għalhekk ukoll raġonevoli. |
|
76. |
Dak li għandu inqas loġika, mill-perspettiva tal-għan ta’ sigurtà pubblika, huwa, nirrepeti, li, għall-armi l-iktar perikolużi (l-armi semiawtomatiċi li ma ġewx ikkonvertiti), hija permessa b’mod tranżitorju ż-żamma tagħhom, filwaqt li din l-istess sistema tranżitorja ma hijiex disponibbli għal dawk, teoretikament, inqas perikolużi minħabba l-konverżjoni tagħhom f’armi tal-isparar inbjank. |
|
77. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-istituzzjonijiet intervenjenti jsostnu li l-assenza ta’ reġistrazzjoni minn qabel tal-armi tal-isparar inbjank tipprekludi l-kontroll ta’ dawk eżistenti. Madankollu ma naħsibx li din l-ispjegazzjoni hija sodisfaċenti:
|
|
78. |
Fl-aħħar lok, naħseb li l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’għajnejn il-liġi, peress li, mingħajr ġustifikazzjoni raġonevoli, huwa jittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet komparabbli. |
|
79. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi, ma jkunx neċessarju li tiġi eżaminata l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Jekk dan ma jkunx il-każ, ser nanalizzahom fil-qosor. |
C. Validità tal‑Artikolu 7(4a) tad‑Direttiva 91/477 fid‑dawl tal‑Artikolu 17(1) tal‑Karta
|
80. |
Il-premessa hija li x-xerrejja ta’ armi inklużi fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, ikkonvertiti f’armi tal-isparar inbjank qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, huma pprojbiti milli jżommuhom, anki b’mod tranżitorju. Id-dubju huwa dwar jekk dan l-indħil fid-dritt għalll-proprjetà huwiex raġonevolment iġġustifikat jew, għall-kuntrarju, sproporzjonat ( 41 ). |
|
81. |
Din l-istess problema tqajmet fil-kawża deċiża mis-sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 17(1) tal-Karta ( 42 ), sostniet li l-projbizzjoni tal-armi tan-nar semiawtomatiċi msemmija fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, ma kinitx tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà tal-proprjetarji tagħhom. |
|
82. |
Issa, ir-raġunijiet li ddeterminaw din id-deċiżjoni kienu, essenzjalment:
|
|
83. |
Barra minn hekk, l-ewwel raġuni ma tapplikax għall-armi semiawtomatiċi inklużi fil-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A, ikkonvertiti għall-isparar inbjank, ikklassifikati fil-punt 9 tal-Kategorija A. L-assenza, għalihom, ta’ kwalunkwe sistema tranżitorja tfisser li dawk li ġew akkwistati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, jitqiesu bħala pprojbiti mingħajr aktar dewmien u għandhom jiġu kkonfiskati. |
|
84. |
Fir-rigward tat-tieni raġuni, diġà argumentajt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477, fil-verżjoni emendata tiegħu bid-Direttiva 2017/853, ma jneħħix il-lakuni, peress li jħalli kategoriji importanti ta’ armi tal-isparar inbjank li jinżammu legalment, li ma humiex koperti minnu, mingħajr il-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-proprjetarji tal-armi tal-isparar inbjank akkwistati minn qabel u legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 ser iħabbtu wiċċhom ma’ konfiska immedjata, mingħajr sistema tranżitorja, li mhux ser tkun akkumpanjata minn l-ebda dispożizzjoni għal kumpens. |
|
85. |
Ċertament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jeskludi l-possibbiltà li tinżamm il-proprjetà tal-armi tan-nar akkwistati minn qabel u b’mod legali, fid-dawl tal-“użu tal-beni fl-interess pubbliku, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta” ( 45 ). |
|
86. |
Issa, jekk hija tiddeċiedi dan fir-rigward tal-armi akkwistati minn qabel u b’mod legali li fir-rigward tagħhom, ma teżistix il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-eċċezzjonijiet ġenerali, ma jkunx hemm possibbiltà oħra ħlief l-abbandun jew id-diżattivazzjoni b’mod definittiv, bil-konsegwenza li l-garanzija tad-dritt għall-proprjetà ma tkunx osservata. |
|
87. |
Din il-garanzija tista’ tinżamm biss bil-kumpens tal-proprjetarju li tkun ittiħditlu l-arma, li ma huwiex previst mid-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853. |
|
88. |
Waħda mill-istituzzjonijiet intervenjenti tirrakkomanda li tiġi ddevjata r-responsabbiltà lejn l-Istati Membri, billi ssostni li huma msejħa sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni korretta tad-direttivi u li, billi jittrasponu d-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, fid-dritt tagħhom, huma setgħu jistabbilixxu kumpens ( 46 ). |
|
89. |
Dan l-argument jista’ jkun validu jekk ir-regola tal-Unjoni tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, iżda mhux meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami, il-qari konġunt tal-Artikoli 6 u 7(4a) tad-Direttiva 91/477 ma jippermettix li ċerti kategoriji ta’ armi semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank, akkwistati dak iż-żmien legalment, jistgħu jkomplu jkunu s-suġġett ta’ pussess legali. |
D. Prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi
|
90. |
“Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jassumi li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-parti kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt huwa miftuħ għal kull parti fil-kawża li għandha tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi jkunu tawha assigurazzjonijiet preċiżi Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata” ( 47 ). |
|
91. |
Bħat-tliet istituzzjonijiet intervenjenti f’dan il-proċess (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni), inqis li fid-deċiżjoni tar-rinviju ma ġiet identifikata l-ebda garanzija li l-leġiżlatur jew awtoritajiet oħra tal-Unjoni taw lill-proprjetarji ta’ armi kklassifikati fil-punt 9 tal-Kategorija A, tad-Direttiva 91/477 sabiex jiġġustifikaw l-aspettattiva li huma jistgħu jżommu dawn l-armi, miksuba qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, permezz ta’ sistema tranżitorja. |
|
92. |
Għall-kuntrarju, l-istudji li ppreċedew ir-riforma tad-Direttiva 2017/853 kienu jenfasizzaw id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 u jissuġġerixxu li jiġu ddefiniti kriterji uniformi li jikkonċernaw l-armi ta’ allarm jew ta’ spettaklu sabiex tiġi prekluża l-konverżjoni tagħhom f’armi tan-nar reali ( 48 ). |
|
93. |
Jekk, fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477, kien prevedibbli, b’mod ġenerali, tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-pussess tal-armi tan-nar, il-predeċessuri immedjati tar-riforma kienu jindikaw din it-tendenza b’mod speċifiku. |
V. Konklużjoni
|
94. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) fit-termini li ġejjin: “L-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017, jikser l-Artikoli 17 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn: Huwa ma jawtorizzax lill-Istati Membri jestendu s-sistema tranżitorja li fiha huwa previst fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-punti 6 sa 8 tal-Kategorija A tal-Parti II tal-Anness I, għal dawn l-istess armi li, peress li ġew ikkonvertiti għall-isparar ta’ skrataċ inbjank, jaqgħu taħt il-punt 9 tal-Kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tal-istess direttiva, u lanqas milli jipprevedu sistema analoga għal dawn tal-aħħar. Huwa ma jipprevedix kumpens, fil-każ ta’ ċaħda tal-proprjetà u tal-użu ta’ armi akkwistati legalment, meta l-proprjetarji tagħhom ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-possibbiltà eċċezzjonali ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Loi du 5 mai 2019 portant des dispositions diverses en matière pénale et en matière de cultes, et modifiant la loi du 28 mai 2002 relative à l’euthanasie et le Code pénal social (il-Liġi dwar Dispożizzjonijiet Differenti f’Materji Kriminali u Reliġjużi u li temenda l-Liġi tat‑28 ta’ Mejju 2002 dwar l-Ewtanasja u l-Kodiċi Kriminali Soċjali) (Moniteur belge tal‑24 ta’ Mejju 2019, p. 50023; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019”). Emendat il-Loi du 8 juin 2006 réglant des activités économiques et individuelles avec des armes (il-Liġi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, li tirregola l-attivitajiet ekonomiċi u individwali b’armi (Moniteur belge tad‑9 ta’ Ġunju 2006, p. 29840; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Armi”)).
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3, rettifika fil-ĠU 2020 L 191, p. 5. Din tħassret bid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2021, L 115, p. 1).
( 4 ) ĠU 2017, L 137, p. 22.
( 5 ) Qiegħed nittraskrivi l-artikoli kif emendati bil-Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019.
( 6 ) Għal dak li huwa rilevanti għal din il-kawża, il-kontestazzjoni kienet diretta kontra l-Artikolu 153(5) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 163, li jemenda, rispettivament, l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 45/2 tal-Liġi dwar l-Armi.
( 7 ) Dawn daħlu fis-seħħ fit‑3 ta’ Ġunju 2019.
( 8 ) Id-Direttiva 2017/853 tirrigwarda l-istess skema għall-armi tal-isparar inbjank fil-Kategoriji B u C tat-Taqsima II tal-Anness I (suġġetti għall-awtorizzazzjoni u għal dikjarazzjoni, rispettivament), b’tali mod li kull arma ser tkun suġġetta għas-sistema (projbizzjoni, awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni) li kienet applikabbli għaliha qabel il-konverżjoni tagħha f’arma tal-isparar inbjank. Peress li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss l-armi pprojbiti, ser nikkonċentra l-attenzjoni fuq il-punt 9 tal-Kategorija A, billi ninjora l-punt 8 tal-Kategorija B, u l-punt 5 tal-Kategorija C.
( 9 ) Minkejja li l-punt 9 jirreferi għal “Kwalunkwe arma tan-nar f’din il-kategorija [A] li tkun ġiet konvertita f’arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f’arma tas-salut jew akustika”, l-attenzjoni fil-kawża ineżami, hija esklużivament fuq dawk li ġew ikkonvertiti f’armi li jisparaw inbjank (il-punt B.14 tad-deċiżjoni tar-rinviju). Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-kawża ineżami, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet oħra, ir-riferiment għall-punt 9 tal-Kategorija A, ser ikun limitat għall-armi inbjanki.
( 10 ) Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat li l-projbizzjoni assoluta ta’ dawn l-armi mit‑13 ta’ Ġunju 2017 kienet prevedibbli mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2017/853. Hija tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035; iktar ’il quddiem is-“sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill”) sabiex issostni li din il-projbizzjoni kienet kompatibbli mad-dritt għall-proprjetà u mal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.
( 11 ) Skont il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali), is-sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill analizzat biss l-assenza ta’ sistema tranżitorja għall-armi inklużi fil-punti 6, 7 jew 8 tal-Kategorija A, akkwistati wara t‑13 ta’ Ġunju 2017 (il-punt B.18.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju). Dak li issa huwa kkontestat hija l-istess assenza ta’ sistema tranżitorja għall-armi inklużi fil-punt 9 tal-Kategorija A, akkwistati qabel din id-data.
( 12 ) Ir-riforma magħmula mid-Direttiva 2008/51/KE (tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi (ĠU 2008, L 179, p. 5)) żammet din l-istruttura sempliċement billi emendat il-kontenut tal-Kategorija B.
( 13 ) Il-punti 1 sa 5 tal-Kategorija A baqgħu kif kienu. Tipi oħra ta’ armi semiawtomatiċi ġew inklużi fil-Kategorija B.
( 14 ) Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/477.
( 15 ) Għall-Gvern Belġjan, li jargumenta dwar dan wara l-eżami tal-proċess leġiżlattiv, li dan kien wieħed ta’ żvista. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, għall-kuntrarju, sostnew fis-seduta li l-esklużjoni kienet intenzjonali, fid-dawl tal-inkonvenjenzi li kienet tinvolvi kull soluzzjoni oħra.
( 16 ) Jidher illi l-Kummissjoni qed tirreferi għal din l-interpretazzjoni meta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (il-punti 73 et seq.), hija ssostni li ma huwiex l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 li joħloq id-differenza fit-trattament bejn il-proprjetarji ta’ armi ta’ kategoriji differenti, iżda l-liġi Belġjana li tinvokaha, minħabba li setgħet tirrifjuta l-konferma, it-tiġdid jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-armi semiawtomatiċi tal-punti 6, 7 jew 8 tal-Kategorija A.
( 17 ) Din il-possibbiltà ġiet invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta. Ċerti intervenjenti ma injorawhiex, filwaqt li oħrajn ikkunsidrawha contra legem.
( 18 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR (C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703), punt 71, li tiċċita s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA Wind (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).
( 19 ) Nirreferi, kif ser niċċara iktar tard, għall-armi semiawtomatiċi għall-isparar inbjank, li sa dak iż-żmien kienu suġġetti għal awtorizzazzjoni (Kategorija B) skont id-Direttiva 91/477, anki jekk f’ċerti Stati kienu, fil-fatt, jinbiegħu liberament.
( 20 ) “[…] sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali”. Fil-paragrafu 2, in-nazzjonalità hija miżjuda, b’ ċerti riżervi.
( 21 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76).
( 22 ) Il-punti 26, 33 u 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ippreċiża l-pożizzjoni tiegħu, billi sostna li r-reġistru msemmi fil-punt 33 ma kienx jikkonċerna l-armi tal-isparar inbjank.
( 23 ) Il-punti 12 u 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 24 ) Il-Kummissjoni, wara li oġġezzjonat l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju, sussegwentement irrikonoxxiet li dawk tal-isparar inbjank kienu “armi tan-nar” suġġetti, għalhekk, għas-sistema tad-Direttiva 91/477 qabel l-emenda tagħha (il-punt 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).
( 25 ) L-avverbju “faċilment”, li huwa inkluż fil-verżjoni Spanjola, ma huwiex inkluż fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kkonsultati (bil-Ġermaniż: “eine Kugel oder ein anderes Geschoss mittels Treibladung durch einen Lauf verschießt, die für diesen Zweck gebaut ist oder die für diesen Zweck umgebaut werden kann”; bl-Ingliż: “may be converted to expel a shot, bullet or projectile”; bl-Ingliż: “may be converted to expel a shot, bullet or projectile”; bil-Franċiż: “qui propulse des plombs, une balle ou un projectile par l’action de la combustion d’une charge propulsive, ou qui est conçue pour ce faire ou peut être transformée à cette fin”; bit-Taljan: “o può essere trasformata al fine di espellere un colpo”; bil-Portugiż: “que possa ser modificada para disparar balas ou projéteis”; jew bir-Rumen: “sau poate fi transformată să expulzeze o alice, un glonț sau un proiectil”). Minbarra l-assenza tagħha f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma naħsibx, mill-perspettiva tas-sigurtà, li d-diffikultà jew il-faċilità ta’ konverżjoni tkun element addattat biex jikkwalifika jekk arma hijiex arma tan-nar jew le. Is-sempliċi possibbiltà ta’ konverżjoni tippreżenta, fiha nnifisha, riskju.
( 26 ) Osservazzjonijiet tal-Parlament, punt 23. Fin-nota 7, huwa jirrileva li l-istess konfigurazzjoni hija segwita biż-żidiet tal-punt 8 tal-Kategorija B u tal-punt 5 tal-Kategorija C, għal armi tal-isparar inbjank li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ armi awtorizzati u suġġetti għal dikjarazzjoni, rispettivament.
( 27 ) Jiġifieri, li kienu jirrigwardaw: a) armi li saru permanentement mhux tajba għall-użu; b) huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, għas-salvataġġ, għal qtil tal-annimali, għas-sajd bl-azzarin jew għal għanijiet industrijali jew tekniċi, sakemm jistgħu jintużaw biss għal dan l-użu speċifiku; jew (ċ) armi antiki jew riproduzzjonijiet tagħhom.
( 28 ) Bħal l-armi tan-nar li ser jaqgħu fil-kategorija li tikkorrispondi għall-Parti II tal-Anness I, dawn ir-“riproduzzjonijiet […] jistgħu jinbnew bl-użu ta’ teknika moderna li ttejjeb is-sostenibbiltà u l-preċiżjoni tagħhom, b’mod li jissuġġerixxi li tali armi jistgħu jkunu ta’ periklu ikbar minn dak tal-armi antiki veri” (sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 129).
( 29 ) L-emenda magħmula mid-Direttiva 2017/853 ma kinitx sostanzjali fuq dan il-punt.
( 30 ) Kawża A (Moviment ta’ armi tan-nar iddiżattivati), li dwarha ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fis‑7 ta’ Lulju 2022 (C‑296/21, EU:C:2022:538).
( 31 ) Il-Parti III(a) tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2017/853.
( 32 ) Ir-riforma tad-Direttiva 2008/51 inkorporat fl-Artikolu 1(1b) tad-Direttiva 91/477 dak li kien diġà kkontemplat oriġinarjament fil-Parti II(b) tal-Anness I.
( 33 ) L-operazzjonijiet ta’ konverżjoni ta’ arma tan-nar reali f’waħda inbjank huma kkonċentrati fuq il-kanna tal-arma. Permezz ta’ sensiela ta’ firrolli li jgħaddu min-naħa għall-oħra tal-kanna, il-ħruġ ta’ projettili huwa fiżikament ostakolat, filwaqt li jħalli lok għall-ħruġ tal-gass mill-kombustjoni tat-trab tal-iskartoċċ inbjank. Wieħed mill-firrolli għandu jitqiegħed min-naħa għall-oħra tal-kompartiment, li jmiss mal-parti ta’ quddiem tal-kompartiment tal-balla, sabiex jiġi evitat li jiddaħħal skartoċċ reali tan-nar u b’hekk jiġu evitati inċidenti.
( 34 ) B’differenza mill-kompożizzjoni mill-ġdid ta’ arma abbażi tal-kombinazzjoni ta’ komponenti essenzjali li ġejjin minn armi oħra, rikostituzzjoni ta’ arma tan-nar permezz tat-tneħħija tal-adattamenti tal-kanna li tispara inbjank għandha l-garanzija li tappoġġja l-integrità strutturali tal-komponenti essenzjali tal-arma oriġinali, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda modifika jew aġġustament.
( 35 ) Numru kbir ta’ Stati Membri aderixxew ma’ dan. Ir-risposti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu dwar il-fatt li huwa biss f’sitt Stati Membri li l-akkwist u l-pussess ta’ armi tal-isparar inbjank ma kinux suġġetti għal awtorizzazzjoni. Waqt is-seduta, ġie rrilevat li l-varjetà tas-soluzzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali (li jikkwalifikaw bħala kakofonija u kaos leġiżlattiv) kienet fattur determinanti għas-soluzzjoni adottata sabiex jiġu ċċarati u rregolati iktar fid-dettall dak li kien diġà jirriżulta mid-Direttiva 91/477 qabel ir-riforma tal-2017.
( 36 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 77).
( 37 ) Ibidem, punt 78.
( 38 ) Għalkemm huwa jibbaża ruħu fuq id-diversità tas-sistemi legali fl-Istati Membri (punti 49 u 52 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu), b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa afferma li din id-diversità “ma jistax ikollha l-effett li tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477”.
( 39 ) Ara s-sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 122. Dawn l-awtorizzazzjonijiet eċċezzjonali, li jinvolvu salvagwardji relatati mas-sigurtà u l-ordni pubbliku għall-identifikazzjoni, għar-reġistrazzjoni, għall-ħżin, għall-kustodja u għall-kontroll tal-armi, jingħataw: (i) “Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, ta’ edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi”; ii) lil “kolletturi”; iii) lin-“negozjanti u sensara”; iv) lil “mużewijiet”; u v) lit-“tiraturi fuq bersall”.
( 40 ) L-istituzzjonijiet intervenjenti ma pprovdew, matul is-seduta, ebda spjegazzjoni sodisfaċenti fuq dan il-punt, lil hinn milli tennew li s-soluzzjoni tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477.
( 41 ) Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun hemm esproprjazzjoni de facto li, fl-assenza ta’ kumpens sħiħ u minn qabel, tikser l-Artikolu 17(1) tal-Karta.
( 42 ) Hija ddeċidiet li “ma jipprekludix, b’mod assolut, it-teħid ta’ proprjetà”, iżda “[j]ipprevedi, madankollu, li dan jista’ jsir biss għal raġunijiet ta’ utilità pubblika, f’każijiet u kundizzjonijiet previsti minn liġi, u filwaqt li jingħata, fi żmien xieraq, kumpens ġust għat-telf ta’ din il-proprjetà”.
( 43 ) Sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 135.
( 44 ) Ibidem, punt 136.
( 45 ) Ibidem, punt 137.
( 46 ) Hekk sostna, b’mod partikolari waqt is-seduta, il-Parlament Ewropew.
( 47 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172), punt 97.
( 48 ) Ara s-sentenza Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punti 87 u 89, kif ukoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat‑18 ta’ Novembru 2015 “Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat‑18 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal‑21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi” (COM(2015) 751 final).