European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/770

11.2.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-settur tat-trasport, tal-enerġija, tal-infrastruttura u dak diġitali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/770)

Relatur:

Thomas KATTNIG

Konsulent

Simon THEURL

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

26.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

5.12.2024

Sessjoni plenarja Nru

592

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

166/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jenfasizza l-isfida dejjem akbar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija, tal-infrastruttura u tat-teknoloġija diġitali. Dawn is-setturi huma kruċjali għall-prosperità u għas-sostenibbiltà ekoloġika tal-UE u huma ċentrali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll għall-kompetittività futura tal-UE. Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa u riformi fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-kura hija kruċjali biex tiżdied il-provvista tal-ħaddiema u, fil-każ tal-edukazzjoni, biex tiġi stabbilita l-bażi għat-taħriġ ta’ ħaddiema tas-sengħa.

1.2.

Il-KESE jemmen li huma meħtieġa miżuri aktar ambizzjużi biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, li tinkludi l-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, it-tisħiħ tal-attraenza tas-setturi rilevanti, il-promozzjoni tal-produttività, l-ibbilanċjar tas-suq tax-xogħol, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (1). Dan se jinvolvi wkoll, fost affarijiet oħra, konverġenza soċjali ’l fuq, l-iżgurar ta’ taħriġ rilevanti, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonalitajiet għall-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv u tal-kriterji ta’ kwalità u soċjali b’konformità stretta mal-istandards tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD), l-integrazzjoni tal-prinċipju ta’ “bniedem fil-kontroll” fil-post tax-xogħol (2) u ħidma kontinwa biex jintemmu x-xogħol prekarju u l-internships mhux imħallsa.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet, billi tqis lill-ħaddiema tas-sengħa bħala subsett tal-forza tax-xogħol bi kwalifiki speċjali. Huwa essenzjali li jitqiesu l-iżvilupp pożittiv fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba meta jiġi ddeterminat in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jitqies it-tul normali tar-reklutaġġ tal-forza tax-xogħol mill-kumpaniji, iċ-ċaqliq ekonomiku, in-nuqqasijiet fuq terminu qasir u l-valutazzjoni tal-imsieħba soċjali meta jiġu ddefiniti l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-integrazzjoni ta’ persuni sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol, il-kisba ta’ ħiliet, taħriġ u edukazzjoni, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u mobbiltà ġusta fi ħdan l-UE għall-ħaddiema u l-istudenti.

1.5.

Ħafna negozji jiffaċċjaw il-problema li l-ħaddiema li ħarrġu spiss imorru jaħdmu ma’ kumpaniji kompetituri. Biex jitnaqqsu d-diżinċentivi u jiġu appoġġjati n-negozji fl-għoti ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol, bħall-apprendistati, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw fondi għat-taħriġ ġestiti b’mod tripartitiku, u li jirrispetta l-karatteristiċi ta’ sistemi nazzjonali differenti. Dawn il-fondi jistgħu jiġu alimentati primarjament minn kumpaniji u, kull meta jkun possibbli, id-dispożizzjonijiet prattiċi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ negozjar kollettiv. Il-kumpaniji li jipprovdu taħriġ imbagħad jistgħu jibbenefikaw billi jirċievu appoġġ.

1.6.

L-Istati Membri tal-UE għandhom rwol importanti biex jissodisfaw id-domanda għal ħaddiema tas-sengħa. Għandu jkollhom l-għan li jirriformaw is-sistemi edukattivi. Barra minn hekk, il-miżuri tal-edukazzjoni u tal-kwalifiki ffinanzjati pubblikament għandhom jiffokaw fuq setturi ekonomikament u soċjalment strateġiċi, identifikati f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u allinjati mal-għanijiet tal-UE kif artikolati fil-Patt Ekoloġiku.

1.7.

Il-KESE jenfasizza li t-taħriġ ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-UE u l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol huma preferibbli mir-reklutaġġ ta’ talent minn pajjiżi terzi.

1.8.

Il-KESE jissuġġerixxi l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ programmi mmirati, gwidi ċċentrati fuq l-istudenti u miżuri kkoordinati ta’ appoġġ għall-istudenti biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati u żvantaġġati (3). Dawn jinkludu n-nisa fil-professjonijiet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, nies b’diżabilità u ħaddiema akbar fl-età.

1.9.

L-enfasi fuq it-titjib tal-ħiliet bażiċi u l-proposta ta’ Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM jistgħu jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema kwalifikati f’oqsma marbuta max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u għandhom ukoll jattiraw aktar bniet u nisa fl-edukazzjoni u l-karrieri STEM. Huwa importanti wkoll li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jingħataw il-prominenza li jistħoqqilhom, peress li jħejju lin-nies għax-xogħol u jagħtuhom il-ħiliet li qed ifittxu l-kumpaniji, inkluż permezz tal-Istrateġija Ewropea proposta għall-Edukazzjoni u għat-Taħriġ Vokazzjonali.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex twieġeb għall-ħtieġa ta’ ħaddiema u ħaddiema tas-sengħa bi pjan ta’ azzjoni, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri janalizzaw l-aspetti li ġejjin, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, u billi jqisu l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati ppreżentati, kif ukoll il-perspettiva tal-koeżjoni reġjonali u l-perspettivi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

L-Ewropa qed tiffaċċja bidliet demografiċi, ikkaratterizzati minn popolazzjoni li qed tixjieħ u tnaqqis fir-rati tat-twelid, li qed iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-provvista tal-ħaddiema (4). Bejn l-2009 u l-2023, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE naqset minn 272 miljun għal 263 miljun, u din hija mistennija li tkompli tonqos. L-iżviluppi teknoloġiċi jirrikjedu ħiliet ġodda u speċjalizzati, b’mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġiji ekoloġiċi u d-diġitalizzazzjoni. Madankollu, ħafna negozji jiffaċċjaw diffikultajiet biex jipprovdu taħriġ intern u żvilupp professjonali (5). Il-perċentwal ta’ negozji li jipprovdu taħriġ (6) ivarja ħafna bejn l-Istati Membri; fl-UE-27 kollha naqas minn 60,2 % fl-2015 għal 54,9 % fl-2020. Bl-istess mod, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (7) qed iwasslu biex kemm ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet kif ukoll ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet jiċċaqilqu lejn impjiegi aktar attraenti f’setturi oħra. Dawn l-iżviluppi diġà wasslu għal żieda fil-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet f’ċerti oqsma f’dawn l-aħħar snin, u huwa mistenni li d-domanda tkompli toħloq sfida kemm f’termini ta’ politika kif ukoll għan-negozji.

2.2.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni (8) bħala parti minn sett ta’ miżuri stabbiliti matul il-perjodu leġiżlattiv tal-UE 2019-2024 biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet. Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq ħames oqsma strateġiċi: (1) il-promozzjoni tal-“attivazzjoni” ta’ gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; (2) l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kurrenti u futuri tas-suq tax-xogħol; (3) it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u li l-impjiegi jsiru aktar attraenti; (4) il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema u tal-istudenti fl-UE; u (5) l-attrazzjoni ta’ talent minn pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-pjan ta’ azzjoni jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali. Il-KESE jilqa’ d-direzzjoni meħuda mill-pjan ta’ azzjoni, iżda jara l-ħtieġa li jiġu ddefiniti b’mod aktar preċiż it-termini u l-kunċetti stabbiliti fih u li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli.

2.3.

Hemm spariġġ fil-ħiliet u nuqqas ta’ ħaddiema f’għadd ta’ setturi u dawn se jkomplu jikbru. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jipprovdu edukazzjoni bażika u politiki tas-suq tax-xogħol adatti, kif ukoll fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-integrazzjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li diġà jinsabu fil-pajjiż. L-impjegaturi għandhom rwol daqstant importanti x’jaqdu biex joffru aktar taħriġ fuq il-post tax-xogħol peress li jikkompetu għall-ħaddiema billi joffru l-aktar impjiegi attraenti. Il-KESE jemmen li n-negozji huma responsabbli wkoll biex jissodisfaw il-ħtieġa tagħhom ta’ ħaddiema, inklużi ħaddiema tas-sengħa, billi joffru impjiegi attraenti adatti u taħriġ u kwalifiki speċifiċi għall-impjieg. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom jimpenjaw ruħhom li jallinjaw il-kwalifiki, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) mal-ħtieġa għal ħaddiema tas-sengħa fis-suq tax-xogħol (9). F’dan ir-rigward, l-Istati Membri u l-impjegaturi għandhom rwol importanti fil-finanzjament u l-inċentivar tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ. It-tisħiħ tas-sħubija soċjali jista’ jagħti spinta lill-kwalità tal-impjiegi u b’hekk jgħin biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-ħaddiema.

2.4.

Id-dibattiti dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fl-Istati Membri spiss ma jkollhomx data reali u definizzjonijiet standardizzati. Sabiex ikunu affidabbli u rappreżentattivi, l-istħarriġiet u t-tbassir tal-ħtiġijiet ta’ ħaddiema u ħiliet għandhom ikunu bbażati fuq metodoloġiji sodi, sabiex jiżvelaw xejriet u sfidi reali u jevitaw li jirrappreżentaw perspettivi uniċi, bħal fil-każ ta’ dawk ibbażati biss fuq postijiet vakanti miftuħa jew stħarriġiet tan-negozju (10). Sabiex tiġi ġġustifikata u titħeġġeġ in-nefqa pubblika fuq il-politika tas-suq tax-xogħol jew miżuri oħrajn tal-Istat, it-termini “domanda għall-ħaddiema” u “domanda għall-ħiliet” jeħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod ċar, jirriflettu l-valur miżjud għall-pubbliku, jiġu identifikati f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u jkunu bbażati fuq żbilanċi strutturali (11). F’dan ir-rigward, l-objettivi politiċi u strateġiċi, bħall-ilħuq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (12), jistgħu jservu bħala l-bażi għal miżuri tal-Istat. Barra minn hekk, objettivi politiċi definiti b’mod ċar jipprovdu ċertezza legali u tal-ippjanar bil-ħsieb li tiġi vvalutata b’mod preċiż il-ħtieġa futura għal ħaddiema tas-sengħa.

2.5.

L-istħarriġ dwar il-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet u l-ispariġġ li jirriżulta huma kumplessi u jipproduċu riżultati diverġenti minħabba d-definizzjonijiet, il-metodi u d-data differenti użati. Diversi studji jenfasizzaw domanda ċara għall-ħaddiema u għall-ħaddiema tas-sengħa fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija, tal-infrastruttura u tat-teknoloġiji diġitali (13). It-tbassir tal-ħiliet tas-Cedefop għall-2035 jissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin fix-xjenza u fl-inġinerija u għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni se jibqa’ sostanzjali fid-deċennju li ġej (14). Bl-istess mod, diġà tista’ tiġi dedotta domanda għall-ħaddiema f’dawn l-oqsma minn proġetti statutorji fil-livell nazzjonali. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza strateġika u soċjetali partikolari ta’ dawn l-oqsma fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.6.

Jista’ jiġi identifikat spariġġ bejn l-attivitajiet f’termini tat-tip u l-livell tal-kwalifiki (15). Id-differenzi bejn il-ġeneri għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward, u jeżistu disparitajiet reġjonali. Tul il-livell medju (ISCED 3-4) kien hemm spariġġ fost il-forza tax-xogħol b’livell ogħla ta’ ħiliet, b’surplus ta’ dawk b’ċertifikat ta’ tlestija tat-tielet livell (eż. lawrja ta’ baċellerat) u nuqqas ta’ okkupazzjonijiet ta’ artiġjanat (apprendistati), jiġifieri l-qasam li fih in-negozji jipprovdu taħriġ.

2.7.

Id-disponibbiltà tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija marbuta ma’ nuqqas ta’ servizzi għall-indukrar tat-tfal u għall-persuni dipendenti mill-kura, żewġ fatturi li huma essenzjali għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, flimkien ma’ ħafna oħrajn, bħal tradizzjonijiet u drawwiet li spiss jirriżultaw fi vjolenza u fastidju (pereżempju fuq it-trasport pubbliku), il-ħtieġa għal aktar appoġġ għall-familji, eċċ (16).. Il-KESE jirrakkomanda li jitwettqu kampanji fl-UE kollha biex jiġi promoss aċċess ugwali għax-xogħol, jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fi professjonijiet iddominati min-nisa u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-irġiel f’dawn il-professjonijiet, kif ukoll kampanji biex in-nisa jistudjaw, jitħarrġu u japplikaw għal xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet f’setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa (STEM) (17), speċjalment meta wieħed iqis li, kif indikat fir-rapport ta’ Draghi (18), hemm kważi d-doppju ta’ gradwati rġiel fil-qasam STEM meta mqabbla man-nisa.

2.8.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu l-momentum tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u s-Sena Ewropea tal-Ħiliet billi jħeġġu liż-żgħażagħ jaħdmu fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija, tal-infrastruttura u diġitali, u jara ħtieġa kbira li jiġi rfinat it-taħriġ eżistenti fil-ħiliet ewlenin għal dawn is-setturi tul il-katina tal-valur, u li dan jitfassal skont il-ħtiġijiet speċifiċi identifikati.

3.   Kummenti ġenerali

It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali

3.1.

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni aktar ambizzjuża u komprensiva, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, biex jiġu indirizzati b’mod effettiv in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. It-titjib tad-djalogu soċjali dwar il-politika tal-ħiliet, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Tripartitika ta’ Barċellona (19) u d-Dikjarazzjoni ta’ Val Duchesse (20), se jappoġġja dawn il-miżuri.

Miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

3.2.

Il-KESE jemmen li huma meħtieġa miżuri aktar ambizzjużi biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, li tinkludi l-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba, it-tisħiħ tal-attraenza tas-setturi rilevanti, il-promozzjoni tal-produttività, l-ibbilanċjar tas-suq tax-xogħol, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan se jinvolvi wkoll, fost affarijiet oħra, konverġenza soċjali ’l fuq, l-iżgurar ta’ taħriġ rilevanti, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonalitajiet għall-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv u tal-kriterji ta’ kwalità u soċjali b’konformità stretta mal-istandards tas-CSRD, l-integrazzjoni tal-prinċipju ta’ “bniedem fil-kontroll” fil-post tax-xogħol (21) u billi ssir ħidma kontinwa biex jintemmu x-xogħol prekarju u l-internships mhux imħallsa.

Ħtiġijiet ta’ stħarriġ

3.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Eurostat jiddefinixxi l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħaddiema u l-ħiliet b’mod kemm jista’ jkun uniformi u jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati stħarriġiet u tipi oħra ta’ data biex tiġi prodotta informazzjoni dwar il-ħiliet (22). Il-KESE jipproponi li jsir l-aħjar użu mill-indikaturi tas-CSRD f’dan ir-rigward, speċjalment dawk marbuta mal-iżviluppi fil-pagi, l-ugwaljanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa fi ħdan in-negozji, u l-pjani għall-avvanz tan-nisa. Indikaturi ulterjuri li jistgħu jiġu osservati jinkludu r-rati ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema mħarrġa mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u istituzzjonijiet relatati, iż-żmien medju ta’ reklutaġġ, u d-durata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti. Il-big data minn reklami online għall-impjiegi tista’ tiġi użata biex jinftiehmu x-xejriet tal-ħiliet f’ħin reali fl-okkupazzjonijiet u fis-setturi li jixprunaw it-tranżizzjoni ekoloġika, bħall-enerġija rinnovabbli (23).

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-negozji biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-ħtiġijiet tagħhom stess

3.4.

Ħafna negozji jiffaċċjaw il-problema li l-ħaddiema li ħarrġu spiss imorru jaħdmu ma’ kumpaniji kompetituri. Biex jitnaqqsu d-diżinċentivi u jiġu appoġġjati n-negozji fl-għoti ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol, bħall-apprendistati, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw fondi għat-taħriġ ġestiti b’mod tripartitiku, li jirrispettaw il-karatteristiċi ta’ sistemi nazzjonali differenti. Dan il-fond jista’ jiġi alimentat primarjament minn kumpaniji u, kull meta jkun possibbli, id-dispożizzjonijiet prattiċi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ negozjar kollettiv. Il-kumpaniji li jipprovdu taħriġ imbagħad jistgħu jibbenefikaw billi jirċievu appoġġ.

Il-politika tat-taħriġ bħala bażi għall-kwalifika

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea, stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni, li tappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-kapaċità bażika li jitlesta kors ta’ taħriġ speċjalizzat hija stabbilita fis-sistema edukattiva. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tippromovi politiki tal-edukazzjoni li jieħdu l-edukazzjoni primarja bħala l-punt tat-tluq tagħhom, sabiex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola u jinħolqu opportunitajiet indaqs.

3.6.

Il-KESE jisħaq li l-miżuri biex tiżdied il-mobbiltà edukattiva jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jogħlew l-istandards edukattivi. Filwaqt li r-Riżerva ta’ Talent tal-UE tgħin biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ, din tibqa’ limitata ħafna f’termini ta’ forniment reali ta’ opportunitajiet ta’ migrazzjoni tax-xogħol għal ħaddiema migranti fil-livelli u s-setturi tal-ħiliet differenti. Il-KESE jirrakkomanda li s-servizz jitwessa’ biex jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal boroż ta’ studju u assistenza għalihom, u li jittieħdu miżuri biex jitrażżan l-“istazzjonar fittizju”, sabiex ir-rekwiżiti legali għall-istazzjonar transfruntier tal-ħaddiema ma jiġux evitati. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi aktar għotjiet Ewropej għall-kwalifiki għall-impjegati u għal dawk li qed ifittxu impjieg, immirati lejn it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet, sabiex itejbu l-possibbiltajiet tagħhom għal perkorsi ta’ karriera għall-aħjar. Barra minn hekk, l-ostakli attwali għall-aċċess li huma stabbiliti mir-rekwiżiti nazzjonali ta’ viża għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ sforzi biex jiġi introdott dritt uniku ta’ dħul. Għalhekk, jeħtieġ ukoll li jsiru aktar sforzi biex jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki u l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż u/jew f’ambjenti ta’ tagħlim mhux formali u informali (24).

Kwalifiki fil-qasam tal-politika tas-suq tax-xogħol

3.7.

Il-KESE jemmen li l-“informazzjoni dwar il-ħiliet” spjegata fir-Rapport ta’ Draghi (25), li tfisser li informazzjoni affidabbli, granulari u komparabbli dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet, l-istokkijiet eżistenti u l-flussi mixtieqa fl-Istati Membri u bejniethom, trid tittejjeb sabiex l-investiment jiġi ggwidat b’mod aktar orjentat lejn id-domanda u biex ikunu jistgħu jiġu identifikati u eliminati l-lakuni.

3.8.

Sabiex ma nibqgħux lura fl-iżvilupp tal-IA fl-UE, neħtieġu kollaborazzjoni transfruntiera fl-Unjoni u nippermettu lir-riċerkaturi, lill-intraprendituri u lill-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv li, min-naħa tiegħu, se jippermetti lill-UE telimina s-silos bejn id-dixxiplini u s-setturi, u b’hekk nippromovu l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda għat-tranżizzjoni lejn l-IA. Dan jeħtieġ l-introduzzjoni tal-ħames libertà kif mitlub minn Enrico Letta fir-Rapport tiegħu (26).

3.9.

Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-politika tas-suq tax-xogħol (27), peress li din tista’ tintuża biex tħarreġ liż-żgħażagħ qabel ma jibdew il-ħajja tax-xogħol tagħhom jew fi stadju bikri, u b’hekk tagħti kontribut importanti biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa. Barra minn hekk, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jistgħu joħolqu miżuri speċifiċi fir-rigward tat-taħriġ, it-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet, kif ukoll opportunitajiet attraenti għal dawk li qed ifittxu bidla fil-karriera. L-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fis-settur tal-VET u, meta jkun rilevanti, tal-atturi reġjonali (28), huwa kundizzjoni meħtieġa għas-suċċess.

3.10.

Il-KESE jirrimarka li t-tqegħid rapidu tal-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol imur kontra l-miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol biex jiġu żgurati ħiliet ta’ kwalità għolja. Sabiex tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa fil-futur, huwa meħtieġ li l-objettivi tal-politika tas-suq tax-xogħol jiġu bbilanċjati billi wieħed ixaqleb minn kollokament rapidu fis-suq tax-xogħol lejn il-kisba ta’ ħiliet fuq terminu twil. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali jsaħħu l-politiki dwar l-apprendiment għall-adulti biex jagħmlu tali apprendiment – inklużiv u ta’ kwalità tajba – għall-ħiliet għall-ħajja, dritt għall-adulti kollha sabiex tintlaħaq u tinqabeż il-mira ta’ 60 % tal-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti kull sena. […] Huwa importanti wkoll li l-investimenti, ir-riformi meħtieġa u d-djalogu soċjali effettiv immirati lejn it-trawwim tal-iżvilupp tal-ħiliet, f’konformità mal-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar id-dritt għat-taħriġ u għall-apprendiment tul il-ħajja, ikunu parti integrali mill-kuntest tas-Semestru Ewropew.”

3.11.

Il-KESE jirrikonoxxi l-potenzjal tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal. Il-Kummissjoni Ewropea għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-Istati Membri u tivvaluta l-konformità tagħhom mal-istandards, waqt li tiżgura finanzjament suffiċjenti u tinvolvi lill-imsieħba soċjali u lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-Istati Membri b’mod aktar effettiv fl-implimentazzjoni tagħha.

Żieda fil-provvista tal-ħaddiema

3.12.

Il-KESE jappoġġja l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Madankollu, huwa jqis li l-kunċett ta’ inattività għandu jqis ukoll fatturi strutturali bħad-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabilità, il-persuni akbar fl-età u dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil. Barra minn hekk, dawk li huma parzjalment tajbin għax-xogħol spiss jiġu injorati. Il-kunċett ta’ parteċipazzjoni u integrazzjoni, min-naħa l-oħra, jagħmel enfasi fuq l-ostakli strutturali għad-dħul rapidu fis-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ ħiliet imfittxija, kif ukoll, pereżempju, restrizzjonijiet okkupazzjonali u tas-saħħa relatati mal-età, restrizzjonijiet finanzjarji, nuqqas ta’ ħiliet fir-rigward ta’ gwida għall-karriera, nuqqas ta’ għarfien tal-potenzjal tal-ħiliet proprji, nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet, u aċċess limitat għall-informazzjoni. Il-politiki tas-suq tax-xogħol orjentati lejn il-parteċipazzjoni jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni fir-reklutaġġ, xogħol adattat għall-età, postijiet tax-xogħol adattati għal persuni b’diżabilità u l-infrastruttura meħtieġa, bħal postijiet għall-indukrar tat-tfal, eċċ., sabiex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

3.13.

Il-KESE jqis li x-xogħol adattat għall-età u t-tnaqqis fil-liv minħabba mard u fl-irtirar huma miżuri essenzjali oħrajn li jistgħu jservu biex tiżdied il-provvista tal-ħaddiema fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ.

3.14.

Minbarra li jagħti spinta lill-kwalifiki tal-ħaddiema, il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi wkoll miżuri mmirati biex iżidu l-provvista tal-ħaddiema. Il-KESE jilqa’ l-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw parteċipazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol. Flimkien mal-aħjar użu tar-Riżerva ta’ Talent, il-KESE jirrakkomanda li jiżdied il-potenzjal tal-ħaddiema u l-professjonisti minn pajjiżi terzi li diġà jinsabu fl-UE. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jinħolqu opportunitajiet għalihom biex minflok japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali (eż. il-proċedura tal-ażil) jitolbu permess ta’ residenza Ewropew għall-professjonisti (29), li għadu kif inħoloq. Barra minn hekk, hemm bżonn li jsir investiment fl-edukazzjoni u l-kwalifiki, li jiġu ċċarati serjament il-ħiliet eżistenti, u li jiġi żgurat rikonoxximent standardizzat tal-kwalifiki. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-persuni fil-proċedura tal-ażil għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u f’miżuri ta’ taħriġ f’dawk l-oqsma li fihom ġiet identifikata ħtieġa għal taħriġ skont il-kriterji stabbiliti hawnhekk, minflok ma jitħallew fil-proċedura tal-ażil għal żmien twil wisq, kif inhu l-każ bħalissa.

3.15.

Trid tiġi promossa l-possibbiltà għaż-żgħażagħ li jfittxu l-ażil u għal dawk li jingħataw l-ażil li jibdew taħriġ vokazzjonali bil-ħsieb li jibqgħu fil-pajjiż bħala residenti fit-tul wara li jlestu t-taħriġ tagħhom.

3.16.

Il-finanzjament Ewropew għandu jiżgura li, fl-Istati Membri kollha, il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa jinkisbu sew u malajr, li jintlaħqu l-istandards bażiċi tal-edukazzjoni tal-pajjiżi ospitanti u li tkun disponibbli l-possibbiltà ta’ aktar taħriġ speċjalizzat.

Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn proposta leġiżlattiva għal tranżizzjoni ġusta u għodod ta’ politika tal-UE li jippermettu Patt Ekoloġiku Ewropew aktar soċjali, (ĠU C, C/2025/772, 11.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/772/oj).

(2)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar IA favur il-ħaddiema: mekkaniżmi biex jiġi sfruttat il-potenzjal u jittaffew ir-riskji tal-IA b’rabta mal-politiki dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol (għaddejja bħalissa) tittratta din il-kwistjoni fid-dettall.

(3)  Monitoring and evaluating lifelong guidance systems across Europe, https://www.cedefop.europa.eu/en/publications/9196.

(4)   Decline in labour supply (Tnaqqis fil-provvista ta’ ħaddiema): Eurostat (mhux disponibbli bil-Malti), https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/DEMO_PJANGROUP/default/table.

(5)   Enterprises providing training (Intrapriżi li jipprovdu taħriġ): Eurostat (mhux disponibbli bil-Malti), https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/trng_cvt_01s/default/table?category=educ.educ_part.trng_cvt.trng_cvt_00.

(6)  Korsijiet CPD, Intrapriżi li jipprovdu taħriġ bħala % tal-intrapriżi kollha. Sors: Eurostat.

(7)  Zwysen, Wouter (2023): Labour shortages – turning away from bad jobs. ETUI: Dokument ta’ sinteżi. Online: Labour shortages – turning away from bad jobs | etui.

(8)  Kummissjoni Ewropea, Action plan on labour and skills shortages (Pjan ta’ azzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Servizzi professjonali fit-tranżizzjoni ekoloġika, (ĠU C, C/2025/765, 11.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/765/oj).

(10)  Untangling labour shortages in Europe: unmet skill demand or bad jobs? https://www.cedefop.europa.eu/en/publications/6220.

(11)  Dan ifisser provvista żejda sostnuta f’oqsma speċifiċi li tikkoinċidi ma’ domanda sostnuta f’oqsma oħrajn.

(12)  Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.

(13)  Measures to tackle labour shortages: Lessons for future policy, Eurofound (2023): Online: https://www.eurofound.europa.eu/en/publications/2023/measures-tackle-labour-shortages-lessons-future-policy.

(14)   https://www.cedefop.europa.eu/en/tools/skills-forecast.

(15)  EURES (2022): Report on labour shortages and surpluses. Online: https://www.ela.europa.eu/sites/default/files/2023-09/ELA-eures-shortages-surpluses-report-2022.pdf.

(16)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 63.

(17)   ĠU C 429, 11.12.2020, p. 77, ĠU C 100, 16.3.2023, p. 16, ĠU C 75, 28.2.2023, p. 56 u ĠU C 443, 22.11.2022, p. 63.

(18)  Ir-Rapport ta’ Mario Draghi dwar Il-futur tal-kompetittività Ewropea – Parti A | Kapitolu 2, paġna 35, Settembru 2024 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Dikjarazzjoni Tripartitika ta’ Barċellona dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet.

(20)   Summit tal-Imsieħba Soċjali ta’ Val Duchesse (europa.eu).

(21)  L-Opinjoni tal-KESE dwar IA favur il-ħaddiema: mekkaniżmi biex jiġi sfruttat il-potenzjal u jittaffew ir-riskji tal-IA b’rabta mal-politiki dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol’ (għaddejja bħalissa) tittratta din il-kwistjoni fid-dettall.

(22)   https://www.cedefop.europa.eu/en/publications/9190.

(23)   https://www.cedefop.europa.eu/en/publications/9197.

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-pakkett dwar il-mobbiltà tat-talenti, ĠU C, C/2024/4067, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4067/oj.

(25)  Ir-Rapport ta’ Mario Draghi dwar Il-futur tal-kompetittività Ewropea – Parti A | Kapitolu 2, paġna 35, Settembru 2024 (mhux disponibbli bil-Malti).

(26)  Ir-Rapport ta’ Enrico Letta dwar il-Futur tas-Suq Uniku, April 2024 (mhux disponibbli bil-Malti).

(27)   ĠU C, C/2023/870, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/870/oj.

(28)   https://www.cedefop.europa.eu/en/landing-page/EYS2023/message2.html.

(29)  Hinterberger (2023): Regularisations of Irregularly Staying Migrants in the EU: Regularisations of Irregularly Staying Migrants in the EU - 978-3-7489-1279-8 | Nomos Online-Shop (nomos-shop.de).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/770/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)