Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU V - AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - KAPITOLU VI - FTEHIM INTERNAZZJONALI - Artikolu III-326
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0148 - 0149
Artikolu III-326 1. B'deroga mill-Artikolu III-325, il-Kunsill jista', jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bl-iskop li jintlaħaq qbil bejn kulħadd li huwa koerenti mal-mira ta' stabbilità tal-prezzijiet, jikkonkludi ftehim formali dwar is-sistema tar-rata tal-kambju għall-euro fir-rigward tal-muniti ta' Stati terzi. Il Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 3. Il-Kunsill jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew bl-iskop li jintlaħaq qbil bejn kulħadd koerenti mal-mira ta' stabbilità tal-prezzijiet, jista' jadotta, jaġġusta jew jabbanduna r-rati ċentrali tal-euro fis-sistema tar-rata tal-kambju. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bl-adozzjoni, l-aġġustament jew l-abbandun tar-rati ċentrali tal-euro. 2. Fl-assenza ta' sistema ta' rata tal-kambju fir-rigward ta' munita waħda jew iktar ta' Stati terzi kif previst fil-paragrafu 1, il-Kunsill, li jaġixxi jew fuq rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jifformula orjentazzjonijiet ġenerali għall-politika tar-rata tal-kambju fir-rigward ta' dawn il-muniti. Dawn l-orjentazzjonijiet ġenerali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-mira primarja tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li tinżamm l-istabbilità tal-prezzijiet. 3. B'deroga mill-Artikolu III-325, meta ftehim dwar materji li għandhom x'jaqsmu mas-sistema monetarja jew tal-kambju għandhom ikunu s-suġgett ta' negozjati bejn l-Unjoni u Stat terz wieħed jew aktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jiddeċiedi l-arranġamenti għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' dawn il-ftehim. Dawn l-arranġamenti għandhom jassiguraw li l-Unjoni tesprimi posizzjoni waħda. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata għal kollox man-negozjati. 4. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Unjoni u l-ftehim ta' l-Unjoni fir-rigward ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, l-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw fi gruppi internazzjonali u jikkonkludu ftehim. --------------------------------------------------