European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5546

23.10.2026

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Lulju 2026

relatat ma’ deċiżjoni skont l-Artikoli 29(1), il-punt (a), 30(1), il-punt (a), u 31(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/1925

(Il-Każ DMA.100075 — ALPHABET — ONLINE INTERMEDIATION SERVICES — APP STORES — GOOGLE PLAY — L-ARTIKOLU 5(4))

(notifikat bin-numru tad-dokument C(2026)5346 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2026/5546)

Fit-23 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1), il-punt (a), 30(1), il-punt (a), u 31(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1) . F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità (id-“Deċiżjoni”) tistabbilixxi s-sejbiet tal-Kummissjoni li Alphabet ma hijiex konformi mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 b’rabta mas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma (“CPS”) tagħha ta’ Google Play. Alphabet tillimita l-kapaċità tal-iżviluppaturi tal-apps li jiddistribwixxu applikazzjonijiet tas-software (“apps”) fuq Google Play biex jiggwidaw lill-utenti finali miksuba permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tagħha jew permezz ta’ kanali oħrajn (“utenti miksuba”) lejn offerti fl-apps tagħhom jew barra minnhom (“steer” jew “steering”) sabiex jikkonkludu kuntratti fl-apps tagħhom jew barra minnhom wara t-tranżazzjonijiet iggwidati (“steered transactions”). Alphabet timponi wkoll tariffi fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet iggwidati, li jmorru lil hinn mir-remunerazzjoni possibbli għal akkwiżizzjoni inizjali ta’ dak l-utent finali li tkun ġiet iffaċilitata minn Alphabet.

(2)

B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni tordna lil Alphabet ittemm in-nuqqas ta’ konformità fi żmien 60 jum min-notifika tad-Deċiżjoni (“ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija”), timponi multa fuq Alphabet, kif ukoll pagamenti perjodiċi ta’ penali potenzjali jekk Alphabet tonqos milli tikkonforma mal-ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija stabbilit fid-Deċiżjoni.

2.   QAFAS LEGALI

(3)

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali jikkomunikaw u jippromwovu offerti mingħajr ħlas, inkluż b’kundizzjonijiet differenti, lill-utenti finali miksuba permezz tas-CPS tiegħu jew b’mezzi oħrajn, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawk l-utenti finali, irrispettivament minn jekk jużawx is-CPS tal-gwardjan għal dak l-iskop.

(4)

Meta s-CPS inkwistjoni jkun ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software (“app store”), l-utenti kummerċjali ta’ dak is-CPS ikunu l-iżviluppaturi tal-apps li jagħmlu l-apps u l-oġġetti u s-servizzi diġitali tagħhom disponibbli għall-utenti finali permezz tal-app store tal-gwardjan (“żviluppaturi tal-apps”). F’dak il-kuntest, mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 jirriżulta li l-gwardjani għandhom jippermettu lill-iżviluppaturi tal-apps li jiddistribwixxu l-app(s) tagħhom permezz tal-app store tal-gwardjan biex jiggwidaw lill-utenti finali miksuba u sussegwentement jikkonkludu kuntratti magħhom (kemm ġewwa kif ukoll barra l-app), jiġifieri tranżazzjonijiet iggwidati, mingħajr ma l-gwardjan jitlob tariffa minbarra, fejn applikabbli, ir-remunerazzjoni dovuta lill-gwardjan għall-faċilitazzjoni tal-akkwiżizzjoni inizjali mill-utent kummerċjali tal-utent finali (jiġifieri l-pariġġar).

(5)

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-gwardjan għandu jiżgura u juri l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dak l-obbligu għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti.

3.   TERMINI TAN-NEGOZJU TA’ ALPHABET

(6)

Matul il-perjodu ta’ żmien ivvalutat f’din id-Deċiżjoni, Alphabet kellha stabbiliti żewġ settijiet ta’ termini u kundizzjonijiet tan-negozju li rregolaw ir-relazzjoni tagħha mal-utenti tan-negozju, jiġifieri l-iżviluppaturi tal-apps, bl-użu ta’ Google Play u li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità ta’Alphabet mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 (flimkien “It-Termini ta’ Alphabet”), jiġifieri:

(a)

it-Termini Ġenerali tan-Negozju stabbiliti prinċipalment f’(a) il-Ftehim ta’ Distribuzzjoni tal-Iżviluppatur ta’ Google Play (id-“DDA”) u (b) il-Politika dwar il-Pagamenti ta’ Google Play, kif ukoll

(b)

it-termini skont il-Programm għall-Offerti Esterni (il-“Programm għall-Offerti Esterni” jew l-“EOP”) li jikkonsistu minn (a) it-Termini tas-Servizz tal-Iżviluppatur għall-Programm għall-Offerti Esterni, u (b) ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paġna web tal-Programm għall-Offerti Esterni. Alphabet adottat il-Programm għall-Offerti Esterni bil-ħsieb li tikkonforma mar-Regolament (UE) 2022/1925.

(7)

Kull żviluppatur tal-apps li juża Google Play huwa soġġett għat-Termini Ġenerali tan-Negozju. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-apps li jixtiequ jipparteċipaw fil-Programm għall-Offerti Esterni (“EOP”) iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-EOP u jagħżlu u jaqblu mat-Termini ta’ Servizz tal-Iżviluppatur għall-EOP. F’każ bħal dan, it-termini tal-EOP japplikaw flimkien mat-Termini Ġenerali tan-Negozju. L-EOP jipprevali f’każ ta’ kunflitt.

(8)

It-Termini Ġenerali tan-Negozju ma jippermettux lill-iżviluppaturi jwasslu lill-utenti għal metodu ta’ pagament għajr is-sistema tal-kontijiet ta’ Google Play. Din il-projbizzjoni tinkludi l-fatt li l-utenti jiġu diretti lejn metodi oħrajn ta’ pagament permezz ta’ elenkar in-app fuq Google Play, promozzjonijiet in-app relatati ma’ kontenut li jista’ jinxtara, buttuni ta’ web view in-app, links, messaġġi, reklami, jew sejħiet oħrajn għal azzjoni u flussi ta’ interfaċċa tal-utent in-app, inkluż il-ħolqien ta’ kontijiet jew flussi ta’ reġistrazzjonijiet, li jwasslu lill-utenti minn app għal metodu ta’ pagament għajr is-sistema tal-kontijiet ta’ Google Play bħala parti minn dawk il-flussi. It-Termini Ġenerali tan-Negozju lanqas ma jippermettu lill-iżviluppaturi jwasslu lill-utenti għal metodu ta’ pagament differenti permezz ta’ link diretta għal paġna web jew bl-użu ta’ lingwa li tħeġġeġ lil utent jixtri l-oġġett diġitali barra mill-app. Issir eċċezzjoni parzjali għal apps li ma jipprevedux il-possibbiltà li jsir xiri in-app (“apps għall-konsum biss”), meta l-iżviluppaturi jistgħu juru komunikazzjonijiet u promozzjonijiet għal offerti barra mill-app. Dan ifisser, madankollu, li sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw u jippromwovu l-offerti disponibbli barra mill-app ġewwa l-app stess, l-iżviluppaturi huma meħtieġa jċedu l-possibbiltà li jippermettu xiri in-app. Ir-regoli għal dawn l-apps għall-konsum lanqas ma jippermettu lill-iżviluppaturi jipprovdu links diretti għal dawn l-għażliet ta’ xiri u jillimitaw strettament it-tip ta’ lingwaġġ li jistgħu jużaw l-iżviluppaturi biex jikkomunikaw mal-utenti tagħhom.

(9)

Skont it-Termini Ġenerali tan-Negozju, l-apps u l-prodotti in-app mibjugħa permezz tas-sistema tal-kontijiet ta’ Google Play (“Sistema tal-Kontijiet ta’ Google Play”) f’konformità mal-Politika tal-pagamenti huma soġġetti għal tariffa tas-servizz ta’ 30 % għal dħul ta’ aktar minn USD 1 miljun miksub mill-iżviluppatur (imnaqqas għal 15 % għall-iżviluppaturi eliġibbli bi qligħ ta’ inqas minn USD 1 miljun jew il-prodotti ta’ abbonament li jiġġeddu awtomatikament).

(10)

Il-Programm għall-Offerti Esterni jippermetti lill-iżviluppaturi tal-apps jiddistribwixxu l-apps tagħhom permezz ta’ Google Play biex jinkludu, fl-apps tagħhom, iperlinks (“links esterni”) li jieħdu lill-utenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) f’destinazzjoni barra mill-app fejn l-utenti jistgħu jikkonkludu kuntratti (“tranżazzjonijiet esterni”), inkluż biex jippromwovu offerti għal karatteristiċi u servizzi in-app. L-EOP ma jirrestrinġix in-numru ta’ link-outs li l-iżviluppaturi tal-apps jistgħu juru fi kwalunkwe app distribwita permezz ta’ Google Play. L-iżviluppaturi għandhom ukoll libertà relattivament wiesgħa biex ifasslu l-formulazzjoni tal-messaġġi promozzjonali in-app tagħhom kif jixtiequ.

(11)

Il-Programm għall-Offerti Esterni jimponi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li ġejjin fuq l-iżviluppaturi tal-apps li jixtiequ jużaw il-link-outs:

(a)

L-ewwel nett, l-offerti esterni jridu biss jidderieġu lill-utenti finali għall-kontenut diġitali tal-iżviluppatur tal-apps stess jew għal oġġetti assoċjati mal-app. Il-Programm għall-Offerti Esterni ma jippermettix link-outs għal destinazzjonijiet għal xi ħaġa għajr il-kontenut diġitali jew l-oġġetti assoċjati mal-app. Dan jinkludi wkoll destinazzjonijiet fejn l-utent jista’ jixtri prodotti jew servizzi pprovduti minn partijiet terzi kif ukoll destinazzjonijiet fejn l-apps jistgħu jitniżżlu barra minn Google Play.

(b)

It-tieni, kull darba li utent finali jsegwi link esterna, l-iżviluppatur tal-apps irid jinforma lill-utent finali b’mod prominenti u bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u li jinftiehem qabel it-tranżazzjoni li l-iżviluppatur tal-apps ikun in-negozjant fi kwalunkwe tranżazzjoni esterna ta’ segwitu u jkollu responsabbiltà unika. Għal dan il-għan, Alphabet tipprovdi l-hekk imsejħa “Google Linkout Prompt” permezz ta’ API.

(c)

It-tielet, l-iżviluppaturi tal-apps ma jridux jgħaddu parametri addizzjonali fil-URL tal-link esterna jew jimlew il-kampijiet minn qabel fil-paġna tad-destinazzjoni bid-data personali tal-utenti finali (eż. id-dettalji tal-pagament jew tal-kont tagħhom) mill-app.

(12)

Il-Programm għall-Offerti Esterni jistabbilixxi struttura tat-tariffi ġdida għal dawk l-iżviluppaturi tal-apps li jagħżlu li jipparteċipaw f’dan il-programm, li tikkonsisti f’żewġ tipi ta’ tariffi: (i) Tariffa tal-Akkwiżizzjoni Inizjali (“IAF”) u (ii) Tariffa tas-Servizzi Kontinwi (“OSF”). Iż-żewġ tariffi huma tariffi ta’ kummissjoni fuq kwalunkwe dħul iġġenerat bi tranżazzjonijiet esterni bejn utent finali u żviluppatur tal-apps relatati ma’ kontenut jew oġġetti diġitali assoċjati mal-app, u japplikaw mill-ewwel “tranżazzjoni esterna” tal-utent ’il quddiem. Jekk żviluppatur juża s-Sistema tal-Kontijiet ta’ Google Play, japplika l-mudell tat-tariffa standard minkejja li jkun għażel li jipparteċipa fl-EOP.

(13)

It-Tariffa tal-Akkwiżizzjoni Inizjali tammonta għal 10 % għax-xiri ta’ offerti ta’ kontenut diġitali in-app (5 % għal abbonamenti ta’ tiġdid awtomatiku) u tapplika għal sentejn wara l-ewwel tranżazzjoni esterna tal-utent finali.

(14)

It-Tariffa tas-Servizzi Kontinwi tammonta għal 17 % għax-xiri ta’ offerti ta’ kontenut diġitali in-app (7 % għal abbonamenti ta’ tiġdid awtomatiku). Dan ma huwiex limitat fiż-żmien. Matul il-perjodu ta’ żmien ivvalutat f’din id-deċiżjoni, l-iżviluppaturi tal-apps setgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx fis-servizzi kontinwi ta’ Google Play u għalhekk ma jipparteċipawx fil-ħlas tal-OSF minn sentejn wara l-ewwel tranżazzjoni esterna, dment li l-utent finali jagħti l-kunsens tiegħu.

(15)

Filwaqt li Alphabet tippermetti lill-apps jużaw il-web view (2) u teknoloġiji tal-brawżer in-app, inklużi apps li jużaw l-iggwidar skont l-EOP, it-tranżazzjonijiet li jsiru permezz tal-web view u tat-teknoloġiji tal-ibbrawżjar in-app wara li utent juża link jiġu ttrattati bħala xiri in-app u għalhekk huma soġġetti għall-imposti standard skont il-mudell tat-tariffa standard ta’ Google Play.

4.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(16)

Wara l-proċedimenti tal-Kummissjoni li nfetħu bid-Deċiżjoni C(2024) 2055 tal-25 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925, abbażi tal-evidenza miġbura mill-Kummissjoni u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, wara li kkunsidrat it-tweġiba ta’ Alphabet tad-9 ta’ Mejju 2025 għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 li sabet li t-Termini ta’ Alphabet fl-UE ma jikkonformawx mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

(17)

Il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq ir-raġunijiet li ġejjin.

(18)

L-ewwel nett, it-Termini ta’ Alphabet ma jippermettux l-iggwidar lejn offerti ta’ partijiet terzi peress li jipprevjenu lill-iżviluppaturi tal-apps milli jużaw link-outs biex jiggwidaw lill-utenti lejn destinazzjonijiet u offerti li ma humiex tagħhom stess. Din il-prevenzjoni effettivament teskludi l-iggwidar lejn kwalunkwe destinazzjoni fejn l-utent jista’ jixtri prodotti jew servizzi pprovduti minn partijiet terzi kif ukoll destinazzjonijiet fejn l-apps jistgħu jitniżżlu barra minn Google Play.

(19)

Alphabet hija obbligata li tippermetti lill-utenti tan-negozju ta’ Google Play Store biex jiggwidaw lejn kwalunkwe tip ta’ offerta, inkluż lejn kanali b’offerti ta’ partijiet terzi bħal pereżempju kanali ta’ distribuzzjoni tal-apps f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Skont it-Termini ta’ Alphabet, dan ma huwiex il-każ.

(20)

Barra minn hekk, it-Termini ta’ Alphabet jirrikjedu li l-iżviluppaturi tal-apps jinformaw lill-utent finali kull darba li l-utent finali jsegwi link estern billi juża l-Prompt ta’ Google Linkout. Filwaqt li l-prompts jistgħu jintużaw biex jinformaw lill-utenti b’mod newtrali li huwa proporzjonat għall-mitigazzjoni ta’ riskju, il-frekwenza u l-formulazzjoni tal-Prompt ta’ Google Linkout jintroduċu frizzjoni bla bżonn li tagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 indebitament diffiċli. L-ewwel nett, il-formulazzjoni partikolari tal-Prompt ta’ Google Linkout tinferixxi riskju irrispettivament minn jekk oġġettivament jeżistix dan ir-riskju. It-tieni, il-fatt li l-utenti finali jintwerew il-Prompt ta’ Google Linkout kull darba li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, jimponi frizzjoni indebita biex jiġi indirizzat riskju preżunt aktar milli wieħed stabbilit.

(21)

Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-apps huma ristretti fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li “jikkomunikaw [...] inkluż b’kondizzjonijiet differenti” kif deskritt fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, skont it-Termini ta’ Alphabet li jżommu lill-iżviluppaturi tal-apps milli jgħaddu parametri addizzjonali fil-URL ta’ link-out u fil-kampijiet li jimtlew minn qabel bid-data personali tal-utenti fid-destinazzjonijiet iggwidati. Dawn ir-restrizzjonijiet ma humiex ġustifikati mill-obbligu u jikkostitwixxu ksur.

(22)

Il-Kummissjoni tinnota li, għall-kuntrarju ta’ obbligi oħrajn fir-Regolament (UE) 2022/1925 bħall-Artikolu 6(4), l-Artikolu 5(4) ma jinkludi l-ebda eċċezzjoni espliċita dwar is-sigurtà. Madankollu, il-Kummissjoni qieset jekk ir-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħux ikunu miżuri oġġettivament neċessarji u proporzjonati biex jittaffew ir-riskji għas-sigurtà. Madankollu, minħabba b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ eċċezzjoni espliċita dwar is-sigurtà fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riskju li r-restrizzjonijiet allegatament kienu jindirizzaw baqa’ ġenerali, astratt u li r-restrizzjonijiet fihom infushom fi kwalunkwe każ kienu sproporzjonati biex jindirizzaw kwalunkwe riskju bħal dan.

(23)

It-tieni, hija l-fehma tal-Kummissjoni li t-Termini ta’ Alphabet ma jippermettux lill-iżviluppaturi tal-apps jiggwidaw b’mod effettiv lill-utenti finali u jikkonkludu tranżazzjonijiet iggwidati mingħajr ħlas skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

(24)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-IAF ma tistax titqies bħala remunerazzjoni għall-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni inizjali ta’ utent finali mill-iżviluppatur tal-app. Minn naħa waħda, l-IAF mhux biss tirremunera lil Alphabet għall-akkwiżizzjoni inizjali, peress li l-ambitu temporali tagħha huwa ferm remot fiż-żmien mill-istanza inizjali li fiha jseħħ il-pariġġar bejn l-iżviluppatur tal-app u l-utent finali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-IAF ta’ 10 % / 5 % huwa għoli wisq biex jitqies bħala remunerazzjoni għall-akkwiżizzjoni inizjali li hija proporzjonata għall-valur tas-servizzi ta’ pariġġar ipprovduti minn Alphabet.

(25)

It-tieni, il-Kummissjoni tqis li l-OSF lanqas ma tippermetti lill-iżviluppaturi tal-apps jiggwidaw b’mod effettiv lill-utenti finali u jikkonkludu tranżazzjonijiet iggwidati mingħajr ħlas. Dan minħabba li l-OSF, tal-inqas parzjalment, tirrenumera mill-ġdid lil Alphabet għal servizzi li huma relatati mal-akkwiżizzjoni tal-utent. Dan ma huwiex permess skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, peress li dawn is-servizzi relatati mal-akkwiżizzjoni jistgħu a) jiġu renumerati biss għal perjodu inizjali ta’ żmien (l-OSF tapplika b’mod indefinit) u b) darba biss (Alphabet diġà hija kkumpensata għal dawn is-servizzi permezz tal-IAF).

(26)

It-tielet, il-Kummissjoni tqis li Alphabet ma tippermettix lill-iżviluppaturi tal-apps jiggwidaw b’mod effettiv lill-utenti finali u jikkonkludu tranżazzjonijiet iggwidati mingħajr ħlas minħabba li Alphabet tippermetti biss l-iggwidar lejn il-web view soġġett għall-mudell tat-tariffa standard ta’ Google Play (aktar milli l-istruttura tat-tariffi għall-iggwidar skont l-EOP ta’ Alphabet). Madankollu, il-mudell tat-tariffa standard ma jistax jitqies bħala remunerazzjoni għal Alphabet biss għall-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni inizjali tal-utent finali mill-iżviluppaturi tal-apps. Għalhekk, Alphabet ma tippermettix l-iggwidar lejn il-web view ikun mingħajr ħlas skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

(27)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-Deċiżjoni tordna lil Alphabet biex ittemm il-ksur deskritt hawn fuq b’mod effettiv fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni (l-“Ordni ta’ Waqfien u Ebda Tkomplija”).

(28)

Sabiex tikkonforma mal-Ordni ta’ Waqfien u Ebda Tkomplija, Alphabet għandha:

 

Komunikazzjoni effettiva, promozzjoni tal-offerti u konklużjoni tal-kuntratti

(a)

Tiżgura li l-iżviluppaturi tal-apps jitħallew fil-prattika (jiġifieri jinkludu teknikament u kuntrattwalment) jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni, promozzjoni tal-offerti u konklużjoni ta’ kuntratti mal-utenti finali kemm in-app tagħhom kif ukoll barra minnha. Dan jinkludi, pereżempju, li l-iżviluppaturi tal-apps jitħallew:

(i)

jiggwidaw lill-utenti finali lejn kwalunkwe destinazzjoni jew kanal tal-għażla tagħhom (inkluż, iżda mhux limitat għal, siti web jew app stores li jopera l-iżviluppatur tal-apps, jew siti web jew app stores li jitħaddmu minn partijiet terzi). F’dan ir-rigward, Alphabet ma għandhiex, pereżempju, tillimita t-tip ta’ destinazzjoni li l-iżviluppatur tal-apps jista’ jiggwida lejha jew tipprojbixxi lill-iżviluppatur tal-apps milli jinkludi data addizzjonali fil-URL tal-paġna tad-destinazzjoni;

(ii)

tiggwida lill-utenti finali għal kwalunkwe tip ta’ offerta tal-għażla tagħhom, inklużi offerti għal kontenut, servizzi u apps diġitali pprovduti minn partijiet terzi, inkluż fuq app stores alternattivi u fuq apps oħrajn;

(iii)

tikkonkludi kuntratti wara l-iggwidar, in-app jew barra minnha, permezz ta’ kwalunkwe forma ta’ teknoloġija, inkluż il-web view, u tippermetti l-installazzjoni ta’ apps jew ta’ app stores mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta’ konformità possibbli skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925;

(iv)

tiżgura li kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-kapaċità tal-iżviluppaturi tal-apps li jikkomunikaw, jippromwovu l-offerti u jikkonkludu kuntratti b’mod effettiv, irrispettivament mill-kanal ta’ distribuzzjoni, bħal prompts/skedi ta’ divulgazzjoni, tiġi żviluppata u implimentata b’mod newtrali u mhux dissważiv, abbażi ta’ data tanġibbli u verifikabbli miġbura minn Alphabet, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa oġġettivament neċessarju u proporzjonat biex tinforma lill-utenti finali li se jkunu qegħdin iwettqu tranżazzjonijiet mal-iżviluppatur tal-app minflok ma’ Alphabet;

 

Konklużjoni ta’ kuntratti “mingħajr ħlas”

(b)

Tiżgura li kemm (i) il-komunikazzjoni u l-promozzjoni tal-offerti, kif ukoll (ii) il-konklużjoni ta’ kuntratti, inkluż permezz tal-web view, tal-utenti finali miksuba minn Google Play, ikunu mingħajr ħlas. Dan jinkludi li jiġi żgurat li ma tiġi imposta l-ebda tariffa għall-iggwidar.

(c)

Tiżgura li kwalunkwe remunerazzjoni potenzjali għall-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni inizjali tal-utenti finali mill-iżviluppaturi tal-apps (i) tkun relatata mal-akkwiżizzjoni inizjali biss, li jfisser li ma tistax tiġi estiża għall-utenti finali diġà akkwistati; (ii) tkun proporzjonata għall-valur tal-akkwiżizzjoni inizjali u trid tqis kwalunkwe remunerazzjoni oħra, diretta jew indiretta, li jirċievu l-utenti kummerċjali meta jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni inizjali; u (iii) ma tirremunerax lill-gwardjan għall-valur tal-gwardjan tiegħu. Alphabet hija pprojbita milli timponi kwalunkwe tip ieħor ta’ tariffa (minbarra tariffa potenzjali għall-akkwiżizzjoni inizjali) li tkopri servizzi marbuta mal-akkwiżizzjoni ta’ utenti finali.

(29)

Alphabet lanqas ma għandha tinvolvi ruħha f’imġiba li għandha oġġett jew effett ekwivalenti bħall-miżuri stabbiliti hawn fuq.

5.   MULTI U PAGAMENTI PERJODIĊI TA’ PENALI

(30)

Wara s-sejba tal-Kummissjoni li t-Termini ta’ Alphabet ma jikkonformawx mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, id-Deċiżjoni timponi multa ta’ EUR 430 000 000 fuq Alphabet skont l-Artikolu 30(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Il-multa imposta ma taqbiżx il-massimu permess ta’ 10 % tal-fatturat dinji ta’ Alphabet, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Barra minn hekk, Alphabet għandha ġġarrab pagamenti perjodiċi ta’ penali skont l-Artikolu 31(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2022/1925, jekk tonqos milli tikkonforma mad-Deċiżjoni.

6.   KONKLUŻJONI

(31)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, id-Deċiżjoni ssib li t-Termini ta’ Alphabet ma jikkonformawx mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Għal din ir-raġuni, id-Deċiżjoni timponi multa fuq Alphabet. Id-Deċiżjoni timponi wkoll Ordni ta’ Waqfien u Ebda Tkomplija fuq Alphabet biex ittemm il-ksur fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni u tistabbilixxi li Alphabet għandha ġġarrab pagamenti perjodiċi ta’ penali jekk tonqos milli tikkonforma mad-Deċiżjoni.

(32)

Id-Deċiżjoni tagħlaq ukoll il-proċedimenti miftuħa bid-Deċiżjoni C(2024) 2055 final tal-25 ta’ Marzu 2024.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(2)  Il-web view hija funzjonalità li tippermetti li l-apps juru kontenut tal-web b’mod aktar faċli, u direttament in-app u, skont l-għodda speċifika għall-web view użata, tista’ tiġi ddefinita bħala wiri, applikazzjoni tas-sistema, komponent, element, jew interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (“API”) li tippermetti lill-iżviluppaturi tal-apps juru paġni web f’app.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5546/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)