European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5139

28.10.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Ir-rwol tat-trade unions fit-titjib tal-produttività

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/5139)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

27.2.2025

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

4.7.2025

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

16.7.2025

Sessjoni plenarja Nru

598

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

156/5/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrakkomanda bil-qawwa l-investiment produttiv fil-kapital, fit-teknoloġija u fil-kapital uman, li min-naħa tagħhom jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-produttività tax-xogħol. Dawn l-investimenti jgħinu biex jiżdied it-tkabbir tal-produttività u maż-żmien jintlaħqu l-livelli tal-produttività fl-Istati Uniti. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tan-negozji fl-UE huma SMEs b’rappreżentanza limitata fi ħdan it-trade unions. Il-KESE jirrakkomanda appoġġ mill-gvern, bħal konsulenza strateġika u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità, biex tingħata spinta lill-produttività fl-SMEs.

1.2.

It-trade unions għandhom rwol importanti fil-produttività tax-xogħol permezz tal-mekkaniżmi li huma biss jistgħu jikkontribwixxu għalihom, jiġifieri n-negozjar kollettiv u/jew ftehimiet skont is-settur, u speċifikament billi jiffaċilitaw l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol li min-naħa tagħha tista’ ttejjeb il-produttività tax-xogħol. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali jistgħu jestendu għat-tfassil ta’ mudelli ta’ ħidma ġodda li jagħtu spinta lill-innovazzjoni, bħal strutturi kollaborattivi ta’ timijiet, flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol u inizjattivi ta’ tmexxija kondiviżi.

1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-trade unions jistgħu jkunu involuti fl-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji tal-produttività u indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għas-settur. Il-kontribut tagħhom jiżgura li l-metriċi jirriflettu xogħol ta’ kwalità, l-innovazzjoni u prattiki kummerċjali sostenibbli, aktar milli tnaqqis tal-kostijiet fuq terminu qasir.

1.4.

Il-KESE jħeġġeġ vuċi aktar b’saħħitha tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ibbażata fuq il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni effettiva mal-ħaddiema f’konformita mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, li fl-istess ħin ma taffettwax il-kapaċità tal-kumpaniji li jieħdu deċiżjonijiet. Għalkemm il-koġestjoni jew il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati fl-istrutturi governattivi tan-negozji hija effettiva f’xi pajjiżi tal-UE u tista’ sservi bħala mudell għal oħrajn, il-ġestjoni responsabbli tal-maniġment tal-kumpaniji, inklużi l-SMEs, għandha tiġi ppreservata.

1.5.

Il-KESE jenfasizza r-rwol tal-kunsilli tax-xogħol li għandhom il-potenzjal li jgħinu biex jinkiseb aktar sodisfazzjon fl-impjieg, salarji ogħla u stabbiltà akbar fl-impjiegi meta mqabbla ma’ kumpaniji mingħajr kunsilli tax-xogħol.

1.6.

Minbarra li jappoġġjaw il-produttività billi jippermettu lill-ħaddiema jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol, billi jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa u konsultazzjonijiet effettivi, it-trade unions jistgħu jtejbu wkoll l-eżiti tan-negozju billi jgħinu lill-kumpaniji jżommu ħaddiema b’esperjenza li jistgħu jkunu aktar produttivi. Dan jappoġġja l-istabbiltà meħtieġa għall-investimenti fil-kapital uman speċifiku għall-kumpanija u t-taħriġ meħtieġ biex tingħata spinta lill-produttività.

1.7.

It-trade unions jistgħu jkunu wkoll parti mill-ekwazzjoni biex jitnaqqas kwalunkwe livell għoli eżistenti ta’ assenteiżmu, peress li r-rati għoljin ta’ assenteiżmu jirrappreżentaw spiża sinifikanti għan-negozji u l-finanzi pubbliċi. Permezz tan-negozjar kollettiv u l-kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol, it-trade unions jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-assenteiżmu.

1.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li n-negozjar kollettiv jista’ jikkontribwixxi għall-produttività billi jippromovi ambjent tax-xogħol pożittiv u ta’ appoġġ, jirrikonoxxi l-valur tal-impjegati, u jħeġġeġ il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni fosthom l-applikazzjoni ta’ metodi diġitali ċċentrati fuq il-ħaddiema u l-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn it-trade unions u n-negozji fit-tfassil konġunt u l-implimentazzjoni ta’ programmi kontinwi ta’ taħriġ u titjib tal-ħiliet, b’mod partikolari f’setturi li għaddejjin minn trasformazzjoni teknoloġika.

1.10.

It-trade unions jista’ jkollhom ukoll rwol ta’ appoġġ fi skemi li jinkoraġġixxu l-mobbiltà volontarja tal-ħaddiema qiegħda lejn reġjuni b’nuqqas ta’ ħaddiema, inkluż permezz ta’ ftehimiet tal-mobbiltà, appoġġ għall-akkomodazzjoni u rikonoxximent tal-kwalifiki, waqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

1.11.

Il-KESE jafferma mill-ġdid li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jistgħu jgħinu biex tiżdied il-produttività u jiżdiedu l-pagi permezz tal-parteċipazzjoni u l-involviment tat-trade unions, skont ir-regoli u l-prattiki nazzjonali. Barra minn hekk, il-proċess ta’ negozjar kollettiv jista’ jqis ukoll kif l-investiment produttiv u t-teknoloġiji l-ġodda għandhom impatt fuq il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

1.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Paga Minima Adegwata għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Unjoni u li tippromovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Ir-rapporti ta’ Draghi u ta’ Letta jikkonkludu, fost affarijiet oħra, li l-UE qed titlef il-vantaġġ kompetittiv tagħha meta mqabbla mal-Istati Uniti u maċ-Ċina. Hemm raġunijiet varji għal dan, iżda jissemmew l-ispejjeż li qed jiżdiedu, inklużi l-pagi, bħala waħda mill-kawżi ewlenin. L-iżviluppi fil-pagi sa mill-2022 ġew iffurmati fil-biċċa l-kbira mill-inflazzjoni u l-klima ekonomika dejjem aktar diffiċli. Iż-żieda qawwija f’daqqa fl-inflazzjoni fl-2022 ikkawżata minn prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ikel wasslet għal żieda ttardjata fil-pagi nominali, li rriżultat f’telf sinifikanti fil-pagi reali u fil-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi (1).

2.2.

Matul dawn l-aħħar sentejn, il-pagi nominali fl-UE żdiedu parzjalment biex jikkumpensaw għal prezzijiet ogħla. It-tkabbir fil-kumpens nominali għal kull impjegat laħaq 6,1 % fl-2023, iżda ż-żidiet naqsu fl-2024. Fl-ewwel trimestru tal-2024, dan laħaq 5,6 % sena wara sena iżda ż-żieda kompliet tonqos fit-trimestri sussegwenti tal-2024 hekk kif l-inflazzjoni naqset (2).

2.3.

It-tkabbir fil-pagi nnegozjati kien mutur ewlieni ta’ din id-dinamika tal-pagi u, kif mistenni, dan it-tkabbir kien meħtieġ biex jikkumpensa għat-telf fil-kapaċità tal-akkwist kif spjegat fil-punt 2.1 hawn fuq. Il-pagi nnegozjati huma, naturalment, ir-riżultat tan-negozjar tal-pagi u l-ftehimiet milħuqa bejn l-impjegaturi u t-trade unions. Skont it-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-kumpens nominali għal kull impjegat huwa mistenni li jikber bi 3,5 % fl-2025. Dan huwa ogħla miż-żieda medja ta’ madwar 1,8 % irreġistrata bejn l-2013 u l-2019, u jirrifletti talbiet leġittimi mit-trade unions biex jikkumpensaw għar-rati għoljin ta’ inflazzjoni li ġew osservati fl-2022 u fl-2023 (3). It-tkabbir mistenni fl-2025 huwa konsiderevolment aktar baxx mil-livelli tal-2023 (6,1 %), minħabba t-tnaqqis fl-inflazzjoni u ambjent ekonomiku diffiċli ħafna.

2.4.

Ta’ min jinnota li, minkejja t-tkabbir qawwi fil-pagi nominali fl-2023 u, minħabba d-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, bħala medja l-pagi reali (4) fl-2024 kienu 1,1 % taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija. Id-differenza bejn il-bidliet reali fil-pagi (%) meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija (2019) kienet partikolarment kbira fl-Italja, fil-Greċja (li rreġistrat tkabbir fil-pagi nominali baxx) kif ukoll fiċ-Ċekja (li ffaċċjat inflazzjoni għolja ħafna), fil-Ġermanja, fi Franza u fil-Finlandja (5). Fl-2025, it-tkabbir fil-pagi nominali u fil-pagi reali huwa mistenni li jikkonverġi, li jimplika li l-kumpens tal-ħaddiema għandu jkopri ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet minħabba l-inflazzjoni.

2.5.

Fl-UE, is-sehem tal-introjtu mix-xogħol bħala perċentwal tal-PDG kien ta’ 58,9 % fl-2004 u laħaq l-ogħla livell ta’ 60 % fl-2009. Dan il-proporzjon niżel għal 57 % fl-2021, li hija l-aktar ċifra baxxa mill-2004 ’l hawn (6). Dan huwa kkorroborat mill-Kummissjoni fi Labour market and wage developments in Europe, Annual Review 2024 (7), li jikkonkludi li f’dawn l-aħħar żewġ deċennji s-sehem tax-xogħol naqas (għalkemm mhux b’ħafna), fost varjazzjonijiet ċikliċi. Is-sehem tal-ħaddiema huwa l-parti tal-introjtu nazzjonali allokat lill-ħaddiema bħala kumpens. Dan it-tnaqqis x’aktarx li kien ikkawżat minn fluttwazzjonijiet ċikliċi fl-ekonomiji tal-UE u huwa spjegat mill-fatt li l-pagi u l-impjiegi jieħdu ż-żmien biex jaġġustaw għal fluttwazzjonijiet ċikliċi minħabba n-natura riġida tas-swieq tax-xogħol. Is-sehem tal-pagi għandu t-tendenza li jiżdied matul ir-reċessjonijiet u jonqos matul l-irkupri. Evidenza ta’ dan huwa dak li ġara matul ir-Reċessjoni l-Kbira tal-2009, u l-kriżi ekonomika fl-2020 wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

2.6.

Huwa importanti wkoll li wieħed iħares lejn kif id-dinamika mistennija tal-pagi tikkorrelata mal-pressjonijiet inflazzjonarji fuq medda qasira ta’ żmien. Skont il-Kummissjoni, id-dinamika tal-pagi ma kkawżatx pressjonijiet inflazzjonarji. Minkejja dan, għad hemm tħassib dwar il-kompetittività f’xi Stati Membri, inkluż fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li jitolbu valutazzjoni fil-livell mikro tal-impatt taż-żidiet fil-pagi fuq il-kompetittività. Naturalment, wieħed ma jistax jeskludi lin-negozji milli jaġġustaw il-prezzijiet biex ikopru parti miż-żidiet riċenti fil-pagi. Madankollu, kif kien il-każ fl-eqqel tal-kriżi tal-enerġija, in-negozji rreġistraw profitti ogħla għal kull unità u dawn il-profitti ogħla (8) aġixxew bħala buffer u assorbew kwalunkwe pressjoni inflazzjonarja li setgħet tirriżulta minn żidiet fil-pagi. Il-profitti korporattivi żdiedu sostanzjalment f’xi setturi bil-kriżi tal-enerġija, minn 51,3 % fl-2021 għal 53,2 % tal-PDG fl-2022 (9). Madankollu, dawn bdew jonqsu fl-2023 u huwa mbassra li jkomplu jonqsu fl-2024, għalkemm jibqgħu għoljin.

2.7.

Fl-aħħar nett, jekk nanalizzaw il-kompetittività tal-kostijiet (u nqabblu mal-Istati Uniti), imkejla bħala kost ta’ unità lavorattiva, jiġifieri l-proporzjon tal-kumpens nominali għall-produttività, il-kost ta’ unità lavorattiva fl-UE żdied prattikament bl-istess rata bħal fl-Istati Uniti, madwar 15-17 %. Il-kwistjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompetittività mhijiex neċessarjament il-kost, li parti minnu huwa l-kost lavorattiv, iżda l-fatt li l-produttività żdiedet b’pass aktar bil-mod fl-UE meta mqabbla mal-Istati Uniti (0,7 % fl-UE bejn l-2019 u l-2023; 6,4 % fl-Istati Uniti). Min-naħa l-oħra, it-tkabbir nominali tal-kumpens kien ta’ 15,9 % fl-UE bejn l-2019 u l-2023 meta mqabbel ma’ 20,5 % fl-Istati Uniti.

3.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

3.1.

Jekk il-produttività għandha tikber fl-UE mill-inqas bl-istess rata bħal fl-Istati Uniti, kif imsemmi fil-punt 2.5 hawn fuq, l-UE jeħtieġ li tinvesti ħafna fil-kapital, fit-teknoloġija u fil-kapital uman. Fl-istess ħin, huma meħtieġa wkoll sforzi biex tingħata spinta lill-produttività tax-xogħol (10), li hija xprunata l-aktar mill-investiment fil-kapital, il-progress teknoloġiku u l-kapital uman. Għalkemm il-produttività tax-xogħol hija mistennija li tibqa’ strutturalment baxxa fil-livell ta’ 0,9 % fl-2025 (11), it-tisħiħ tal-produttività (12) jista’ jippermetti ambitu usa’ biex il-pagi jiżdiedu b’mod sostenibbli (permezz ta’ produttività tax-xogħol imtejba) fl-UE. Abbażi tal-evidenza pprovduta fit-Taqsima 2, kemm il-produttività kif ukoll il-pagi jistgħu jiżdiedu fl-istess ħin mingħajr ma jkollhom ebda impatt negattiv fuq il-kompetittività.

3.2.

L-evidenza ta’ dan hija ppreżentata fl-istudju ta’ Genz et al. (2019) (13), li sab li l-investiment tal-kumpaniji fit-teknoloġiji diġitali fil-Ġermanja kellu impatt pożittiv fuq il-pagi tal-ħaddiema, kemm fil-manifattura intensiva fl-għarfien (eż. il-manifatturi tal-karozzi u tal-magni) kif ukoll f’servizzi mhux intensivi fl-għarfien (eż. bejjiegħa bl-ingrossa u ristoranti). Primarjament, huwa l-investiment minn kumpaniji li se jagħti spinta lill-produttività tax-xogħol. Jekk il-kumpaniji jonqsu milli jinvestu biżżejjed fl-innovazzjoni tal-prodotti jew produttività akbar, ma jkunux jistgħu javvanzaw fil-katina tal-valur u jibqgħu kompetittivi (14).

3.3.

Il-gvernijiet għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-produttività, bl-infiq pubbliku fuq it-teknoloġija, il-kapital fiżiku u l-kapital uman, kif ukoll permezz ta’ skemi ta’ appoġġ immirati lejn it-tisħiħ tal-produttività fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fejn ir-rappreżentanza tat-trade unions hija limitata. It-trade unions, min-naħa l-oħra, għandhom rwol importanti fil-produttività tax-xogħol permezz tal-mekkaniżmi li huma biss jistgħu jikkontribwixxu għalihom, jiġifieri n-negozjar kollettiv u/jew ftehimiet ibbażati fuq is-settur li jkopru aspetti ewlenin oħra minbarra n-negozjati dwar il-pagi. Dawn jistgħu jinfluwenzaw ukoll id-direzzjoni tal-politika billi jiggwidawha lejn attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud ogħla. Barra minn hekk, it-trade unions, skont id-disinn, jikkombinaw is-setgħa tal-ħaddiema individwali permezz ta’ negozjar kollettiv u azzjoni kollettiva. B’dan il-mod, huma jistgħu jsawru d-dinamika tas-suq tax-xogħol b’appoġġ għas-swieq kompetittivi. Permezz tan-negozjati, it-trade unions jistgħu jappoġġjaw l-istrateġiji tan-negozju billi jallinjaw l-interessi tan-negozji ma’ dawk tal-ħaddiema, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol li min-naħa tagħha tista’ ssaħħaħ il-produttività tax-xogħol. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali jista’ jestendi għat-tfassil ta’ mudelli ta’ ħidma ġodda li jagħtu spinta lill-innovazzjoni, bħal strutturi kollaborattivi ta’ timijiet, flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol u inizjattivi ta’ tmexxija kondiviżi. It-trade unions jistgħu jippromovu esperimentazzjoni inklużiva b’mudelli bħal dawn.

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-trade unions jistgħu jkunu involuti fl-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji tal-produttività u indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għas-settur. Il-kontribut tagħhom jiżgura li l-metriċi jirriflettu xogħol ta’ kwalità, l-innovazzjoni u prattiki kummerċjali sostenibbli, aktar milli tnaqqis tal-kostijiet fuq terminu qasir. Qafas ta’ valutazzjoni komparattiva tal-produttività jista’ jinkludi aspetti bħar-redditu fuq it-taħriġ, u l-output għal kull siegħa ta’ xogħol skont is-settur.

3.5.

Meta l-vuċi tal-ħaddiema tkun aktar b’saħħitha f’post tax-xogħol, abbażi ta’ sistema fejn il-ħaddiema jkollhom rwol fil-mod kif jiġu ġestiti l-kumpaniji (15), il-post tax-xogħol ikollu t-tendenza li jesperjenza dawran tal-impjegati aktar baxx, u b’hekk jonqsu l-kostijiet assoċjati għan-negozji waqt li jiġi żgurat ukoll li l-ħaddiema jitħallsu daqs il-valur li jikkontribwixxu. Permezz tan-negozjar kollettiv, il-fallimenti tas-suq jistgħu jiġu kkoreġuti, l-inugwaljanza fl-introjtu tista’ titreġġa’ lura, u t-tkabbir ekonomiku jista’ jiġi appoġġjat.

3.6.

Riċerka partikolari ssib li r-rabta pożittiva bejn il-produttività, minn naħa waħda, u l-ħaddiema li għandhom vuċi, min-naħa l-oħra, hija aktar evidenti meta l-impjegati jkollhom vuċi diretta fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija (16). Il-kontributi tal-ħaddiema għat-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jkollhom impatt sinifikanti u pożittiv fuq il-produttività tan-negozju. Dan jidher ukoll li huwa minnu anki meta l-ħaddiema jesprimu l-fehmiet tagħhom permezz ta’ mezzi oħra, bħal pereżempju permezz ta’ tip ta’ sjieda konġunta li tallinja l-interessi tal-ħaddiema ma’ dawk tan-negozju. It-tkebbis mill-ġdid tal-interess fis-setgħa tar-rappreżentanza tal-ħaddiema, permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u konsultazzjoni effettiva mal-ħaddiema, jista’ jkun mod kif il-kumpaniji jżidu l-output tagħhom waqt li jsaħħu l-interessi tal-ħaddiema.

3.7.

Daqstant ieħor rilevanti huwa r-rwol tal-kunsilli tax-xogħol. Studju tal-Eurofound (17) sab li l-impjegati f’kumpaniji b’kunsilli tax-xogħol juru sodisfazzjon ogħla fl-impjieg, għandhom salarji ogħla u jgawdu minn stabbiltà akbar fl-impjiegi mill-persunal f’kumpaniji mingħajr kunsilli tax-xogħol. Dawn is-sejbiet jistgħu jintużaw bħala argument b’saħħtu għall-mudell soċjali Ewropew, li fih il-parteċipazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema, is-sħubija soċjali u l-istandards għoljin tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom rwol kruċjali.

3.8.

Minbarra l-appoġġ għall-produttività billi jippermettu li l-ħaddiema jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol, it-trade unions jistgħu jtejbu wkoll l-eżiti tan-negozju billi jgħinu lill-kumpaniji jżommu ħaddiema b’esperjenza li jistgħu jkunu aktar produttivi. Il-ħaddiema msieħba fi trade unions huma inqas probabbli li jitilqu l-impjieg tagħhom. Dan joffri l-istabbiltà meħtieġa għall-investimenti fil-kapital uman speċifiku għall-kumpanija u t-taħriġ meħtieġ biex tingħata spinta lill-produttività.

3.9.

It-trade unions jistgħu jkunu wkoll parti mill-ekwazzjoni biex jitnaqqas kwalunkwe livell għoli eżistenti ta’ assenteiżmu (18) peress li r-rati għoljin ta’ assenteiżmu jirrappreżentaw spiża sinifikanti għan-negozji u l-finanzi pubbliċi. Permezz tan-negozjar kollettiv u l-kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol, it-trade unions jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-assenteiżmu.

3.10.

In-negozjar kollettiv jista’ jikkontribwixxi għall-produttività billi jippromovi ambjent tax-xogħol pożittiv u ta’ appoġġ, jirrikonoxxi l-valur tal-impjegati, u jħeġġeġ il-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni inkluża l-applikazzjoni ta’ metodi diġitali ċċentrati fuq il-ħaddiema u l-Intelliġenza Artifiċjali fuq il-post tax-xogħol. Dan kollu huwa ferm importanti, speċjalment f’ambjent ekonomiku diffiċli ħafna.

3.11.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn it-trade unions u n-negozji fit-tfassil konġunt u l-implimentazzjoni ta’ programmi kontinwi ta’ taħriġ u titjib tal-ħiliet, b’mod partikolari f’setturi li għaddejjin minn trasformazzjoni teknoloġika. L-involviment tagħhom jiżgura l-allinjament tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tal-kumpaniji u x-xejriet tas-suq tax-xogħol. Dan huwa wkoll ta’ rilevanza f’suq tax-xogħol ikkaratterizzat minn forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-migrazzjoni legali biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema, jimtlew id-diskrepanzi fil-ħiliet u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku hija parti mis-soluzzjoni, iżda jridu jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati fl-Istati Membri kollha.

3.12.

It-trade unions jista’ jkollhom ukoll rwol ta’ appoġġ fi skemi li jinkoraġġixxu l-mobbiltà volontarja tal-ħaddiema qiegħda lejn reġjuni b’nuqqas ta’ ħaddiema, inkluż permezz ta’ ftehimiet tal-mobbiltà, appoġġ għall-akkomodazzjoni u rikonoxximent tal-kwalifiki, waqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti.

3.13.

Li t-trade unions għandhom impatt pożittiv u sinifikanti fuq il-pagi huwa stabbilit sew. B’mod partikolari, is-sħubija f’union hija b’saħħitha fost il-ħaddiema b’inqas edukazzjoni formali. Dan jgħin biex tingħata spinta lill-attività ekonomika, peress li l-ħaddiema b’introjtu aktar baxx għandhom it-tendenza li jonfqu sehem ogħla mill-introjtu tagħhom fuq il-konsum. Minbarra li għandu impatt pożittiv fi ħdan il-kumpaniji bħal produttività ogħla u inqas dawran tal-impjegati, fl-aħħar mill-aħħar dan l-effett makroekonomiku huwa ta’ benefiċċju wkoll għan-negozji, peress li jistgħu jikkondividu fil-gwadanji ta’ produttività akbar u tkabbir ekonomiku ogħla. Aktar milli l-interessi tal-ħaddiema jitqiesu li min-natura tagħhom stess imorru kontra l-interessi tan-negozju, l-allinjament tagħhom permezz tal-proċess ta’ negozjar kollettiv jista’ jtejjeb l-eżiti tal-kumpaniji u jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija usa’. Il-KESE jafferma mill-ġdid li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jistgħu jgħinu biex tiżdied il-produttività u jiżdiedu l-pagi permezz tal-parteċipazzjoni u l-involviment tat-trade unions. Barra minn hekk, il-proċess ta’ negozjar kollettiv jista’ jqis ukoll kif l-investiment produttiv u t-teknoloġiji l-ġodda għandhom impatt fuq il-ħaddiema, it-taħriġ tal-ħaddiema u l-iżvilupp tal-ħiliet, l-iżviluppi tal-industrija, il-ġlieda kontra l-assenteiżmu, il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol.

3.14.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Paga Minima Adegwata għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Unjoni u li tippromovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi. Kif issemma qabel, in-negozjar kollettiv li jallinja mal-istrateġiji tan-negozju jista’ jgħin biex tittejjeb il-produttività tax-xogħol u tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Tista’ tappoġġja wkoll it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-ħaddiema akbar fl-età, u żżid il-produttività tagħhom.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024 Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]): https://op.europa.eu/webpub/empl/lmwd-annual-review-leaflet-2024/.

(2)   Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024 Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]): https://op.europa.eu/webpub/empl/lmwd-annual-review-leaflet-2024/.

(3)  L-issikkar fis-suq tax-xogħol eżerċita wkoll pressjoni ’l fuq fuq il-pagi.

(4)  Il-pagi reali huma l-valur tal-pagi f’termini tal-kapaċità tal-akkwist. Il-pagi nominali (jew pagi “monetarji”) huma sempliċiment il-valur monetarju ta’ paga, filwaqt li l-pagi reali huma pagi nominali aġġustati biex iqisu l-inflazzjoni tal-prezzijiet, li tnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi nominali.

(5)   Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024 Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]): https://op.europa.eu/webpub/empl/lmwd-annual-review-leaflet-2024/.

(6)   https://www.euronews.com/business/2024/04/19/workers-slice-of-the-gdp-pie-how-do-income-shares-compare-across-europe.

(7)  Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024. Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]).

(8)  Il-profitti unitarji japprossimaw il-profitti korporattivi bħala d-differenza bejn il-valur miżjud gross u l-kumpens tal-impjegati. Din id-definizzjoni tinkludi surplus operatorju gross u introjtu mħallat għal kull unità ta’ PDG reali.

(9)   Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024 Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]): https://op.europa.eu/webpub/empl/lmwd-annual-review-leaflet-2024/.

(10)  Il-produttività tax-xogħol hija miżura li tqabbel il-produzzjoni ekonomika mal-ammont ta’ xogħol meħtieġ biex jiġi prodott dak l-output.

(11)   Labour Market and Wage Developments in Europe 2024, Annual Review 2024 Kummissjoni Ewropea (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi, Rieżami annwali 2024 [mhux disponibbli bil-Malti]): https://op.europa.eu/webpub/empl/lmwd-annual-review-leaflet-2024/.

(12)  L-impatt tal-kapaċità ta’ assorbiment fuq l-innovazzjoni jista’ jipprovdi vantaġġi kompetittivi sostenibbli lill-kumpaniji tas-servizzi.

(13)  Genz, S., Janser, M. u Lehmer, F. (2019), The impact of investments in new digital technologies on pay – Worker-level evidence from Germany , Jahrbücher für Nationalökonomie und Statistik, Vol. 239, Nru 3, pp. 483-521, https://www.degruyterbrill.com/document/doi/10.1515/jbnst-2017-0161/html.

(14)  Ara Financial Times, 20 ta’ Marzu 2025. Italy’s paper hub loses its story, page by page.

(15)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol qed tħeġġeġ lin-nazzjonijiet membri biex jippromovu l-iskema tal-Parteċipazzjoni tal-Ħaddiema fil-Ġestjoni.

(16)  How Unions Can Increase Firm Productivity and Strengthen Economic Growth, Kate Bahn, Joe Peck, 6 ta’ Settembru 2023.

(17)   https://www.eurofound.europa.eu/en/resources/article/2006/positive-effects-works-councils-working-conditions.

(18)  Skont l-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Istatistika, fl-2023 l-impjegati Ġermaniżi kienu fuq liv minħabba mard għal medja ta’ 15,1 jum ta’ xogħol, żieda ta’ 4 ijiem meta mqabbla mal-2021.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5139/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)