|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1339 |
11.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1339
tal-10 ta’ Lulju 2025
li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kompiti tal-korpi ta’ ġbir
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(11), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-korpi ta’ ġbir jagħmlu l-informazzjoni disponibbli dwar il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (European Single Access Point, ESAP) b’mod armonizzat, filwaqt li jużaw sa fejn ikun possibbli l-proċeduri u l-infrastrutturi eżistenti ta’ ġbir fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. |
|
(2) |
Minħabba li l-għan tal-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi meħtieġa mill-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/2859 huwa li tiġi żgurata kwalità uniformi tal-informazzjoni fl-ESAP, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jwettqu dawk il-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi b’mod konsistenti, filwaqt li jqisu l-Artikolu 5(10), il punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/2859. B’mod speċifiku, huwa importanti li l-entitajiet li jissottomettu l-informazzjoni jirċievu kwalunkwe notifika ta’ rifjut fil-ħin. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit il-perjodu massimu li fih il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jinnotifikaw lill-entitajiet bir-rifjut tal-informazzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, inkluż aċċidenti u żbalji kbar, attakki intenzjonati u avvenimenti naturali, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jkunu intitolati jinnotifikaw lill-entitajiet lil hinn minn dak il-perjodu massimu. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2023/2859, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi tal-ġbir jirrikjedu siġill elettroniku kwalifikat biex jiżguraw livelli xierqa ta’ awtentiċità, integrità u nonripudju tal-informazzjoni sottomessa lill-ESAP. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà transfruntiera tas-siġilli elettroniċi kwalifikati li jakkumpanjaw l-informazzjoni sottomessa lill-ESAP, dawk is-siġilli meħtieġa minn korp tal-ġbir jenħtieġ li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1506 (2). Sabiex jiġi żgurat li s-siġill elettroniku kwalifikat jibqa’ validu fuq perjodu twil ta’ żmien, jenħtieġ li jkun fil-livell ta’ konformità fuq Terminu Twil (LT) jew ogħla. Sabiex tissaħħaħ aktar l-awtentikazzjoni tal-informazzjoni sottomessa lill-ESAP, iċ-ċertifikat diġitali li jakkumpanja dak is-siġill jenħtieġ li jkun fih, fejn disponibbli, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ entità ġuridika li jidentifika l-entità li tuża dak is-siġill meta tali identifikatur jikkonforma mal-ISO 17442. Tali informazzjoni tista’ tkun disponibbli fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali kif previst mir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(4) |
Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha l-għan li tippromwovi l-użu ta’ liċenzji pubbliċi standard disponibbli online għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Il-linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-liċenzji standard rakkomandati, is-settijiet tad-data u t-tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti (5) jidentifikaw il-liċenzji tal-Creative Commons (“CC”), u b’mod partikolari l-aktar verżjoni reċenti (4.0) bħala eżempju tal-liċenzji pubbliċi standard rakkomandati. Il-liċenzji tas-CC huma żviluppati minn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u saru soluzzjoni ewlenija ta’ liċenzjar għall-informazzjoni tas-settur pubbliku, għar-riżultati tar-riċerka u għall-materjal ta’ dominju kulturali madwar id-dinja. Għalhekk, biex jiġu ffaċilitati l-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni disponibbli, huwa xieraq li ssir referenza għad-dedikazzjoni tad-dominju pubbliku tas-CC (CC0) għall-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn korp ta’ ġbir għall-ESAP, ħlief fejn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati oħra jkunu mehmuża. Għaldaqstant, fir-rigward tat-tip ta’ informazzjoni koperta mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati oħra, jenħtieġ li tiġi applikata l-Liċenzja CC BY-NC-ND, sabiex jiġi ristrett l-użu kummerċjali ta’ dik l-informazzjoni. Il-korpi ta’ ġbir jistgħu jużaw liċenzja ekwivalenti għas-sett CC. |
|
(5) |
Sabiex l-informazzjoni li tinġabar mill-korpi ta’ ġbir issir disponibbli għall-ESAP permezz ta’ interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API), jenħtieġ li jiġu speċifikati ċerti elementi tal-API. Dawk l-elementi jinkludu l-metodu tal-iskambju tad-data li permezz tiegħu jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni lill-ESAP, il-formati tad-data appoġġati, it-tip ta’ protokolli li fuqhom tiddependi l-API, il-kontroll tal-aċċess applikat biex l-ESAP ikun jista’ jiġbor data mill-korpi tal-ġbir maħtura u s-sjieda tal-proċess ta’ aġġornament jew modifika tal-API. Għal dik ir-raġuni, kwalunkwe bidla fl-API jenħtieġ li tiġi kkomunikata fi żmien xieraq, flimkien ma’ skeda ta’ żmien ċara għall-implimentazzjoni. |
|
(6) |
Għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-ġbir tal-informazzjoni għall-fini li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, l-ESMA, fil-kapaċità tagħha bħala kontrollur tad-data tal-ESAP, u l-korpi ta’ ġbir, jenħtieġ li tiżgura l-konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (6) u (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(7) |
Id-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) tispeċifika l-elementi ta’ metadata li l-entitajiet jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-korpi ta’ ġbir meta jissottomettu l-informazzjoni. Il-korpi ta’ ġbir kollha jenħtieġ li jagħmlu disponibbli tali metadata għall-ESAP, sabiex il-metadata rilevanti tkun disponibbli għall-funzjoni tat-tiftix tal-ESAP. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-ESAP, il-korpi ta’ ġbir jista’ jkollhom jipprovdu wkoll metadata addizzjonali, li hija ta’ natura teknika, lill-ESAP. Sabiex tiġi żgurata l-konverġenza u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-karatteristiċi tal-metadata kollha pprovduta lill-ESAP. |
|
(8) |
Il-bażi tad-data Global Legal Entity Identifier Foundation (Global Legal Entity Identifier Foundation, GLEIF) hija sors globali online għal data ta’ referenza tal-entità ġuridika miftuħa, standardizzata u ta’ kwalità għolja miżmuma mill-GLEIF. Sabiex jiġi żgurat li l-ESAP ikun jista’ jipprovdi funzjoni ta’ tiftix abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2023/2859 mingħajr ma jinħoloq piż addizzjonali fuq l-entitajiet, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) u l-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jkunu jistgħu kemm jista’ jkun jiksbu ċerta metadata mill-bażi tad-data tal-GLEIF abbażi tal-identifikatur tal-entità ġuridika msemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1338 (10) li jiġi pprovdut lilhom. Dan jillimita l-piż tar-rapportar, peress li l-entitajiet jagħmlu disponibbli metadata għall-Indiċi Globali tal-LEI u jaġġornawha biss fejn rilevanti, aktar milli jipprovdu dik il-metadata flimkien ma’ kull sottomissjoni lill-korpi ta’ ġbir. Dik il-metadata tinkludi l-ismijiet tal-entità li ssottomettiet l-informazzjoni, l-ismijiet tal-persuna ġuridika li magħha hija relatata l-informazzjoni, u l-pajjiż tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika li magħha hija relatata l-informazzjoni. |
|
(9) |
L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2023/2859 jirrikjedi li l-entitajiet jidentifikaw u jindikaw l-inklużjoni ta’ data personali fl-informazzjoni li jissottomettu lil korp ta’ ġbir. L-indikazzjoni li l-informazzjoni fiha data personali għandha tiġi pprovduta lill-ESAP permezz ta’ metadata li takkumpanja l-informazzjoni sottomessa; L-ESMA jenħtieġ li tiżgura li tali informazzjoni ma tinżammx jew ma ssirx aċċessibbli fuq l-ESAP għal aktar minn ħames snin, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-dritt rilevanti tal-Unjoni. |
|
(10) |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun siewja għall-utenti, jenħtieġ li tkun disponibbli fuq l-ESAP malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-limitu ta’ żmien għall-korpi ta’ ġbir biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-ESAP jenħtieġ li jkun qasir kemm jista’ jkun, u jistinkaw biex jillimitaw id-dewmien bejn li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku u li tkun aċċessibbli fuq l-ESAP. Għal dak l-għan, il-punt ta’ referenza għall-bidu tal-limitu ta’ żmien jenħtieġ li dejjem ikun il-mument meta l-informazzjoni tkun ġiet sottomessa lill-korp ta’ ġbir minn entità għall-fini li dik l-informazzjoni ssir aċċessibbli fuq l-ESAP u s-sottomissjoni tal-informazzjoni tkun għaddiet mill-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi. Dak il-limitu ta’ żmien jenħtieġ li jiġi skattat biss meta l-iskop tas-sottomissjoni tal-informazzjoni jkun qed jagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli fuq l-ESAP. Għalhekk, meta l-informazzjoni tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti għal finijiet oħra, inkluż l-approvazzjoni ta’ dik l-informazzjoni jew meta dokument ma jkunx jista’ jsir disponibbli għall-pubbliku qabel mument speċifikat fil-futur, jenħtieġ li dik l-informazzjoni ma titqiesx li ġiet sottomessa lill-korp ta’ ġbir għall-fini li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Il-limiti ta’ żmien jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra li jistgħu japplikaw għall-korpi ta’ ġbir li jirriżultaw minn atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, inkluż l-obbligu li jitwettqu validazzjonijiet addizzjonali tad-data jew l-obbligu li l-informazzjoni ssir aċċessibbli għall-ESMA f’limiti ta’ żmien oħra għajr dawk speċifikati f’dan ir-Regolament. F’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, inkluż aċċidenti kbar, żbalji, attakki intenzjonati u avvenimenti naturali, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jkunu intitolati jipprovdu l-informazzjoni lil hinn mil-limiti ta’ żmien speċifikati, dment li l-ESMA tkun infurmata kif xieraq. Peress li dak il-proċess ma jistax jitwettaq kompletament awtomatikament, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jinfurmaw lill-ESMA b’tali ċirkostanzi barra mill-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. |
|
(11) |
Fid-dawl tal-għażliet teknoloġiċi attwali u tal-formati użati għat-tħejjija tal-informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESAP, il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jaċċettaw l-informazzjoni fil-format HTML, PDF u txt bħala data li tista’ tiġi estratta sakemm it-test li jkun fih ikun jista’ jiġi estratt. Il-korpi ta’ ġbir jenħtieġ li jaċċettaw l-informazzjoni fil-formati XBRL, XBRL-XML, XBRL-csv u XML u Inline XBRL bħala li jinqraw mill-magni minħabba li l-applikazzjonijiet tas-software jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu faċilment data speċifika li tinsab fihom. Dawk il-formati jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista indikattiva ta’ formati aċċettabbli minħabba li dawk huma l-formati attwalment meħtieġa għall-oqfsa ta’ divulgazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESAP. Madankollu, dik il-lista mhijiex restrittiva u għalhekk jenħtieġ li jiġu aċċettati formati addizzjonali ta’ data li tista’ tiġi estratta u li tinqara minn magna għall-informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESAP. Peress li l-formati li jinqraw mill-magni jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-estrazzjoni tad-data, jenħtieġ li l-formati kollha li jinqraw mill-magni jiġu aċċettati wkoll bħala formati ta’ data li tista’ tiġi estratta. |
|
(12) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) f’konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Insurance and Occupational Pensions Authority, ESMA). |
|
(13) |
L-ESMA, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbu l-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
|
(14) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u pprovda kummenti formali fid-29 ta’ April 2025, |
|
(15) |
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 23a tad-Direttiva 2004/109/KE, l-Artikolu 11a tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mhux aktar tard mill-10 ta’ Lulju 2026. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi
1. Meta jkun meħtieġ format speċifiku li jinqara mill-magni minn kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/2859, il-korpi ta’ ġbir għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni sottomessa lilhom skont dak l-att tkun konformi mal-format li jinqara mill-magni speċifikat f’dawk l-atti.
2. Meta ma jkun meħtieġ l-ebda format speċifiku li jinqara mill-magni minn kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/2859, il-korpi ta’ ġbir għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni sottomessa lilhom:
|
(a) |
tiġi ppreżentata f’wieħed mill-formati msemmija fl-Artikolu 7(1) jew f’format ieħor li minnu tista’ tiġi estratta d-data meħtieġa minn kwalunkwe att leġiżlattiv vinkolanti tal-Unjoni; |
|
(b) |
ikun fiha test li jista’ jiġi estratt minn magna. |
3. Il-korpi ta’ ġbir għandhom jivverifikaw li:
|
(a) |
id-data sottomessa tkun kompluta u konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-metadata stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-metadata tkun konsistenti ma’ kwalunkwe metadata oħra pprovduta mod ieħor mill-istess entità; |
|
(c) |
meta pprovduta mill-entità li tissottometti, il-metadata li tindika l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-entità li qed tissottometti tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1338 fil-mument tas-sottomissjoni tal-informazzjoni lill-ESAP; kif ukoll |
|
(d) |
meta pprovduta mill-entità li tissottometti, il-metadata li tindika l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-entità li magħha hija relatata l-informazzjoni tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1338 fid-data jew il-perjodu li miegħu hija relatata l-informazzjoni. |
4. Meta jkun meħtieġ siġill elettroniku kwalifikat f’konformità mal-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2023/2859, il-korpi ta’ ġbir għandhom:
|
(a) |
iwettqu l-validazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014; kif ukoll |
|
(b) |
jivverifikaw li s-siġill elettroniku kwalifikat li jakkumpanja l-informazzjoni sottomessa lilhom jikkonforma mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. |
5. Il-korpi ta’ ġbir għandhom jirrifjutaw informazzjoni li ma tikkonforma ma’ ebda wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.
6. Il-korpi ta’ ġbir għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu lill-entitajiet li jissottomettu informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tal-validazzjonijiet awtomatizzati msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 fi żmien 60 minuta wara li jkunu rċevew l-informazzjoni.
7. F’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, inkluż aċċidenti u żbalji kbar, attakki intenzjonati u avvenimenti naturali, il-korpi ta’ ġbir jistgħu jipprovdu r-riżultati tal-validazzjonijiet awtomatizzati lil hinn mil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 6. F’dak il-każ, il-korpi ta’ ġbir għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jipprovdu r-riżultati tal-validazzjonijiet awtomatizzati lill-entitajiet li jissottomettu fi żmien 60 minuta wara r-riżoluzzjoni taċ-ċirkostanza eċċezzjonali rilevanti.
Artikolu 2
Karatteristiċi tas-siġill elettroniku kwalifikat
1. Meta Stat Membru jirrikjedi siġill elettroniku kwalifikat, dak is-siġill li jakkumpanja l-informazzjoni għandu jikkonforma mal-lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1506 u għandu jkun fil-livell ta’ konformità LT jew ogħla.
2. Meta l-entità li tissottometti tiġi identifikata b’identifikatur ta’ entità ġuridika konformi mal-ISO 17442, is-siġill elettroniku kwalifikat għandu jkun ibbażat fuq iċ-ċertifikat kwalifikat li fih l-entità li tissottometti tkun identifikata b’dak l-identifikatur ta’ entità ġuridika.
Artikolu 3
Il-liċenzja standard miftuħ
L-użu u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni magħmula disponibbli għall-ESAP mill-korpi ta’ ġbir għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet tad-dedikazzjoni tad-dominju pubbliku Creative Commons (CC0) jew kwalunkwe liċenzja miftuħa ekwivalenti li tippermetti l-użu u l-użu mill-ġdid mhux ristrett tad-data. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni koperta mid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati oħra, li l-użu u l-użu mill-ġdid tagħhom għandhom ikunu rregolati mill-kundizzjonijiet tal-Liċenzja Creative Commons BY-NC-ND jew kwalunkwe liċenzja miftuħa ekwivalenti.
Artikolu 4
Karatteristiċi tal-API għall-ġbir tad-data
L-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (application programming interface, API) għall-ġbir tad-data tal-ESAP mill-korpi ta’ ġbir għandha:
|
(a) |
tippermetti lill-korpi tal-ġbir jagħmlu disponibbli l-informazzjoni, il-metadata ta’ akkumpanjament għal dik l-informazzjoni u, fejn meħtieġ, is-siġill elettroniku kwalifikat lill-ESAP u jirċievu feedback dwar id-data skambjata; |
|
(b) |
tappoġġa l-formati għall-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 7; |
|
(c) |
tappoġġa l-formati għall-metadata speċifikati fl-Artikolu 5; |
|
(d) |
tiddependi fuq protokolli tal-Internet siguri, inklużi SFTP jew HTTPS biex jiskambjaw data permezz tat-trasferiment ta’ fajls; |
|
(e) |
tippermetti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) timplimenta proċeduri ta’ kontroll tal-aċċess; kif ukoll |
|
(f) |
tinkorpora kwalunkwe bidla jew aġġornament mitlub mill-ESMA biex tiżgura l-konformità mal-punti (a) sa (e). |
Artikolu 5
Karatteristiċi tal-metadata
1. Meta jipprovdu lill-ESAP bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/2859, il-korpi ta’ ġbir għandhom jagħmlu disponibbli għall-ESAP il-metadata ta’ akkumpanjament rilevanti f’konformità mat-tabella tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-korpi ta’ ġbir għandhom jipprovdu l-metadata f’format komuni f’konformità mal-metodoloġija ISO 20022. Meta l-informazzjoni titħejja f’format li jinqara mill-magni skont kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/2859, il-korpi ta’ ġbir għandhom jiżguraw li l-metadata għal dik l-informazzjoni tiġi pprovduta jew f’konformità mal-metodoloġija ISO 20022 jew fl-istess format bħall-informazzjoni.
Artikolu 6
Limiti ta’ żmien għall-korpi ta’ ġbir
1. Mingħajr preġudizzju għal obbligi legali oħra li jirriżultaw minn atti leġiżlattivi tal-Unjoni, il-korpi ta’ ġbir għandhom jipprovdu lill-ESAP l-informazzjoni, il-metadata għal dik l-informazzjoni u, fejn meħtieġ, is-siġill elettroniku kwalifikat malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn 60 minuta wara li l-informazzjoni tkun ġiet sottomessa lill-korp ta’ ġbir għall-fini li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP u s-sottomissjoni tal-informazzjoni tkun għaddiet mill-validazzjonijiet awtomatizzati tekniċi msemmija fl-Artikolu 1.
2. F’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, inkluż aċċidenti u żbalji kbar, attakki intenzjonati u avvenimenti naturali, il-korpi ta’ ġbir jistgħu jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lil hinn mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, il-korpi ta’ ġbir għandhom jinformaw lill-ESMA malajr kemm jista’ jkun matul il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni fi żmien 60 minuta wara r-riżoluzzjoni taċ-ċirkostanza eċċezzjonali rilevanti.
Artikolu 7
Lista indikattiva u karatteristiċi ta’ formati ta’ data aċċettabbli
1. Il-formati HTML, PDF u txt għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu formati li minnhom tista’ tiġi estratta d-data, meta dawk il-formati jippermettu l-estrazzjoni ta’ test minn magna u jkunu jistgħu jinqraw mill-bniedem.
2. Il-formati XML, XBRL, XBRL-csv, XBRL-xml u inline XBRL għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu formati li jinqraw mill-magni, meta dawk il-formati jkunu strutturati sabiex l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu faċilment data speċifika, inkluż dikjarazzjonijiet tal-fatti individwali, u l-istruttura interna tagħhom li tinsab fihom.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-10 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1506 tat-8 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet marbutin mal-formati tal-firem elettroniċi avvanzati u tas-siġilli avvanzati li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-entitajiet tas-settur pubbliku skont l-Artikoli 27(5) u 37(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1506/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1024/oj).
(5) Avviż tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet ta’ dejta u imposti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti (ĠU C 240, 24.7.2014, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(8) Id-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li temenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2864, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2864/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda ċerti Regolamenti fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2869, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2869/oj).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1338 tal-10 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonalitajiet tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2025/1338, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1338/oj).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1094/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/236/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1129/oj)..
ANNESS
Tabella
Metadata
|
Numru |
Kamp |
Format |
|
1. |
Isem tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni; |
Kamp tat-test liberu sa 500 karattri alfanumeriċi. |
|
2. |
Isem tal-persuna fiżika jew ġuridika li magħha hija relatata l-informazzjoni |
Kamp ta’ test liberu sa 500 karattri alfanumeriċi. |
|
3. |
Identifikatur ta’ entità ġuridika tal-entità li tkun ssottomettiet l-informazzjoni; |
Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (Legal Entity Identifier, LEI) ISO 17442 kodiċi b’20 karattru alfanumeriku |
|
4. |
Identifikatur ta’ entità ġuridika tal-persuna ġuridika li magħha hija relatata l-informazzjoni |
Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (Legal Entity Identifier, LEI) ISO 17442 kodiċi b’20 karattru alfanumeriku |
|
5. |
Tip ta’ informazzjoni sottomessa mill-entità |
Tassonomija f’konformità mal-lista komuni ta’ tipi ta’ informazzjoni kif stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/1338 |
|
6. |
Daqs tal-entità li tkun issottomettiet l-informazzjoni; |
Tassonomija f’konformità mal-lista komuni ta’ kategoriji ta’ entitajiet skont id-daqs kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/1338 |
|
7. |
Dimensjoni tal-persuna ġuridika li magħha hija relatata l-informazzjoni |
Tassonomija f’konformità mal-lista komuni ta’ kategoriji ta’ entitajiet skont id-daqs kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/1338 |
|
8. |
Pajjiż tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni; |
Kodiċi tal-pajjiż ISO 3166 b’2 karattri |
|
9. |
Settur jew setturi tal-industrija tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha tirrelata l-informazzjoni; |
Tassonomija f’konformità mal-lista komuni tas-setturi tal-industrija kif stabbilita fit-Tabella 3 tal- Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2025/1338 |
|
10. |
Indikatur ta’ data personali |
“true” — l-informazzjoni sottomessa fiha data personali “falz” — l-informazzjoni sottomessa ma fihiex data personali |
|
11. |
Natura volontarja jew obbligatorja tal-informazzjoni sottomessa |
“true” – volontarju “false” – obbligatorju |
|
12. |
Data u ħin meta l-informazzjoni tkun ġiet sottomessa mill-entità lill-korp ta’ ġbir; |
Data skont l-istandard ISO 8601 fil-format tal-ħin universali koordinat (UTC) SSSS-XX-JJThh:mm:ssZ |
|
13. |
|
Data skont l-istandard ISO 8601 fil-format tal-ħin universali koordinat (UTC) SSSS-XX-JJ |
|
14. |
|
Data tal-ISO 8601 fil-format tal-Ħin Universali Koordinat (UTC) SSSS-XX-JJ |
|
15. |
Korp tal-ġbir responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni |
Isem il-korp tal-ġbir maħtur għall-ġbir tad-data kif ippubblikat fuq is-sit web tal-ESMA skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2023/2859 |
|
16. |
Stat Membru (fejn applikabbli) |
Kodiċi tal-pajjiż ISO 3166 b’2 karattri |
|
17. |
Stat Membru (fejn applikabbli) |
Kodiċi tal-pajjiż ISO 3166 b’2 karattri |
|
18. |
Identifikatur tal-istrument jew tal-prodott, fejn applikabbli |
ISIN jew sa 52 karattri alfanumeriċi |
|
19. |
Identifikatur uniku tar-rekord tad-data |
Test liberu sa 140 karattri alfanumeriċi |
|
20. |
Referenza tal-fajl tad-data |
Test liberu sa 500 karattri alfanumeriċi |
|
21. |
Referenza ta’ fajl ta’ siġill elettroniku kwalifikat, fejn applikabbli |
Test liberu sa 500 karattri alfanumeriċi |
|
22. |
Tip ta’ sottomissjoni |
NEWT = Ġdid (li għandu jintuża għal informazzjoni ġdida) MODI = Modifika (għandha tintuża għal modifiki fid-dawl ta’ informazzjoni ġdida disponibbli) EROR = Żball (li għandu jintuża f’każ ta’ żbalji li jwasslu għat-tneħħija tar-rekord kollu) CORR = Korrezzjoni (li għandha tintuża meta l-informazzjoni rrappurtata qabel tinstab li mhijiex korretta u għandha tiġi kkoreġuta) |
|
23. |
Verżjoni tas-sett tad-data (data u metadata) |
Numru sħiħ |
|
24. |
Qafas legali |
Tassonomija f’konformità mal-lista ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/2859 |
|
25. |
Marka ta’ informazzjoni storika |
“true” – Iva “false” – Le |
|
26. |
Lingwa li ntużat biex tiġi sottomessa l-informazzjoni |
Kodiċi tal-lingwa ISO 639- b’1 jew 2 b’żewġ karattri |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1339/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)