|
3.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 365/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1599
tat-23 ta’ Ottubru 2020
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. |
|
(2) |
Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) inħoloq permezz tal-Artikolu 15(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (il-“Protokoll”) biex iservi ta’ forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-konsultazzjoni reċiproka dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 15(2) tal-Protokoll, il-grupp ta’ ħidma għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit u jwettaq il-funzjonijiet tiegħu taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, stabbilit mill-punt (c) tal-Artikolu 165(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li lilu għandu jirrapporta. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll, il-grupp ta’ ħidma għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’kunsens reċiproku. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-iskop u l-għamla tal-grupp ta’ ħidma u r-relazzjoni tiegħu mal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura jkunu simili għar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti mill-Artikolu 165(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
|
(6) |
Għaldaqstant, ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma. |
|
(7) |
Sabiex il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu applikati fil-pront, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Artikolu 15(1) tal-Protokoll fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 15(6) tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-grupp ta’ ħidma mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deċiżjoni tal-grupp ta’ ħidma għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
S. SCHULZE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).
ANNESS
DEĊIŻJONI NRU .../2020 TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
ta’ …
li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu
IL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Protokoll”),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’kunsens reċiproku. |
|
(2) |
Fid-dawl tal-iskop u l-għamla tal-grupp ta’ ħidma u r-relazzjoni tiegħu mal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, ir-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li jkunu simili għar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti taħt l-Artikolu 165 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt stabbilit mill-Artikolu 15(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandha tkun regolata mir-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Grupp ta’ Ħidma
Konsultattiv Konġunt
Il-Kopresidenti
ANNESS
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT
Regola 1
Il-President
|
1. |
Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) għandu jkun kopresedut minn rappreżentant maħtur mill-Kummissjoni Ewropea u minn rappreżentant nominat mill-Gvern tar-Renju Unit. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar ir-rappreżentanti li jiġu nominati. |
|
2. |
Kopresident li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa jista’ jiġi sostitwit għal dik il-laqgħa minn persuna oħra nominata bħala supplenti. Il-persuni supplenti nominati mill-Kummissjoni jew mill-Gvern tar-Renju Unit għandhom jinformaw lill-kopresident l-ieħor u lis-Segretarjat tal-grupp ta’ ħidma bil-miktub dwar in-nomina tagħhom mill-aktar fis possibbli. |
|
3. |
Il-persuna nominata bħala supplenti tal-kopresident għandha teżerċita d-drittijiet ta’ dak il-kopresident fil-limiti tan-nomina. Kull referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għall-kopresidenti għandha tinftiehem li tinkludi supplenti nominati. |
Regola 2
Is-Segretarjat
Is-Segretarjat tal-grupp ta’ ħidma (is-“Segretarjat”) għandu jkun magħmul minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tar-Renju Unit. Is-Segretarjat għandu, taħt l-awtorità tal-kopresidenti, iwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.
Regola 3
Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat
|
1. |
Qabel kull laqgħa, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jinfurmaw lil xulxin permezz tas-Segretarjat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet. |
|
2. |
Fejn xieraq u b’deċiżjoni tal-kopresidenti, l-esperti jew persuni oħra li ma jkunux membri tad-delegazzjonijiet jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari. |
Regola 4
Il-laqgħat
|
1. |
Il-grupp ta’ ħidma għandu jagħmel il-laqgħat tiegħu alternattivament fi Brussell u fir-Renju Unit, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. |
|
2. |
B'deroga mill-paragrafu 1, il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li laqgħa tal-grupp ta’ ħidma ssir permezz ta’ vidjokonferenza jew telekonferenza. |
|
3. |
Kull laqgħa tal-grupp ta’ ħidma għandha titlaqqa’ mis-Segretarjat f’data u post deċiżi mill-kopresidenti. Fejn l-Unjoni jew ir-Renju Unit ikunu għamlu talba għal laqgħa, il-grupp ta’ ħidma għandu jagħmel ħiltu biex jiltaqa’ fi żmien 15-il jum minn tali talba. F’każijiet ta’ urġenza huwa għandu jagħmel ħiltu biex jiltaqa’ qabel. |
Regola 5
Id-dokumenti
Id-dokumenti bil-miktub li jiġu skambjati b’mod formali fil-grupp ta’ ħidma, kemm jekk matul il-laqgħat jew bejn laqgħa u oħra, għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati lill-Unjoni u lir-Renju Unit mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-grupp ta’ ħidma.
Regola 6
Il-korrispondenza
|
1. |
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jibagħtu l-korrispondenza tagħhom indirizzata lill-grupp ta’ ħidma lis-Segretarjat. Tali korrispondenza tista’ tintbagħat fi kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika. |
|
2. |
Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-grupp ta’ ħidma tintbagħat lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont ir-Regola 5. |
|
3. |
Il-korrispondenza kollha mill-kopresidenti jew indirizzata direttament lilhom għandha tintbagħat lis-Segretarjat u għandha tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont ir-Regola 5. |
Regola 7
L-aġenda tal-laqgħat
|
1. |
Għal kull laqgħa għandu jitfassal abbozz ta' aġenda provviżorja mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-kopresidenti sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data tal-laqgħa. |
|
2. |
L-aġenda provviżorja għandha tinkludi dawk il-punti li l-inklużjoni tagħhom fl-aġenda tkun intalbet mill-Unjoni jew mir-Renju Unit. Kwalunkwe tali talba, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti, għandha tiġi ppreżentata lis-Segretarjat mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel il-bidu tal-laqgħa. |
|
3. |
Mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel id-data tal-laqgħa, il-kopresidenti għandhom jiddeċiedu dwar l-aġenda provviżorja għal laqgħa. Huma jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu din l-aġenda provviżorja, jew xi parti minnha, pubblika qabel il-bidu tal-laqgħa. |
|
4. |
L-aġenda għandha tiġi adotta mill-grupp ta’ ħidma fil-bidu ta’ kull laqgħa. Fuq talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, il-grupp ta’ ħidma jista’ jieħu deċiżjoni li tinkludi punt ieħor fl-aġenda provviżorja minbarra dawk li jkunu diġà ġew inklużi fiha. |
|
5. |
Il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mil-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafi minn 1, 2 u 3. |
Regola 8
Il-minuti
|
1. |
Is-Segretarjat għandu jfassal l-abbozz tal-minuti, fi żmien ħamest ijiem minn tmiem il-laqgħa, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. Is-Segretarjat għandu jħejji wkoll sommarju tal-minuti. |
|
2. |
Il-minuti għandhom, bħala regola, jagħtu sinteżi ta’ kull punt fl-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:
|
|
3. |
Il-minuti għandhom jinkludu lista tal-ismijiet, it-titoli u l-funzjoni tal-individwi kollha li jkunu attendew il-laqgħa. |
|
4. |
Il-kopresidenti jistgħu jitolbu l-emendar tal-abbozz tal-minuti jew tas-sommarju fi żmien ħamest ijiem minn meta jiġu ċċirkolati mis-Segretarjat skont il-paragrafu 1. Il-minuti u s-sommarju għandhom jitqiesu bħala approvati mill-kopresidenti malli jiskadi dak il-perjodu jekk ma tkun intalbet ebda emenda. Jekk kopresident jitlob li ssir emenda fi żmien dak il-perjodu, il-minuti u s-sommarju għandhom jitqiesu bħala approvati ladarba l-kopresident l-ieħor ikun qabel mal-emenda mitluba. |
|
5. |
Ladarba jiġu approvati, kopji elettroniċi tal-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-membri tas-Segretarjat u jintbagħtu lill-Unjoni u lir-Renju Unit, kif ukoll lill-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Il-kopresidenti jistgħu konsegwentement jiddeċiedu li jagħmlu pubbliku s-sommarju tal-minuti. |
Regola 9
Id-deċiżjonijiet
|
1. |
Id-deċiżjonijiet tal-kopresidenti previsti minn dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jittieħdu b’kunsens reċiproku. |
|
2. |
Fil-perjodu bejn laqgħa u oħra, il-kopresidenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet b'komunikazzjoni bil-miktub permezz ta’ skambju ta’ noti elettroniċi bejn il-kopresidenti. Is-Segretarjat għandu jinforma lill-Partijiet dwar kwalunkwe tali deċiżjoni meħuda mill-kopresidenti. |
Regola 10
Il-kunfidenzjalità
|
1. |
Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma għandhom ikunu kunfidenzjali. |
|
2. |
Fejn l-Unjoni jew ir-Renju Unit jippreżentaw informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni taħt il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom lill-grupp ta’ ħidma, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni li tkun irċeviet bħala kunfidenzjali. |
Regola 11
Il-lingwa operazzjonali
Il-lingwa operazzjonali tal-grupp ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-grupp ta’ ħidma għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumenti mħejjija bl-Ingliż.
Regola 12
L-ispejjeż
|
1. |
L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom kull wieħed minnhom jassumu kull spiża li jġarrbu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma. |
|
2. |
L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni għal-laqgħat li jsiru fi Brussell, u mir-Renju Unit għal-laqgħat li jsiru fir-Renju Unit. |
|
3. |
L-ispejjeż marbuta mal-interpretazzjoni fil-lingwa operazzjonali, jew minnha, tal-grupp ta’ ħidma waqt il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li titlob tali interpretazzjoni. |
Regola 13
Rapport annwali lill-Kumitat Speċjalizzat
|
1. |
Kull sena kalendarja s-Segretarjat għandu jfassal rapport dwar il-ħidma tal-grupp ta’ ħidma. Ir-rapport għandu jitfassal sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara. |
|
2. |
Kull rapport għandu jiġi adottat u ffirmat mill-kopresidenti u għandu jintbagħat lill-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq minnufih wara li jiġi ffirmat. |