|
15.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/105 |
P9_TA(2022)0106
Linji gwida għall-Baġit 2023 – Taqsima III
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2022 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2023, Taqsima III – Kummissjoni (2021/2226(BUI))
(2022/C 434/18)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1) (ir-“Regolament Finanzjarju”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2) (ir-“Regolament QFP”), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ ta' programmi speċifiċi u l-adattament ta' atti bażiċi (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu ta' rimborżi mill-Faċilità ta' Investiment tal-AKP għall-benefiċċju tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (4), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid ta' fondi diżimpenjati fir-rigward tal-programm ta' riċerka (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-trattament tal-ispejjeż tal-imgħax u r-ripagamenti ta' NGEU fil-QFP 2021-2027 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iskrutinju baġitarju ta' proposti ġodda bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE b'implikazzjonijiet potenzjali apprezzabbli għall-baġit tal-Unjoni (7), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul assenjat estern u l-għoti u t-teħid b'self fir-Regolament Finanzjarju (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2021 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2021)0569), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (10), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2021 biex temenda dik id-Deċiżjoni (COM(2021)0570), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament u l-Kummissjoni f'Novembru 2017, il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-4 ta' Marzu 2021 u d-Dikjarazzjoni ta' Porto dwar l-affarijiet soċjali adottata mill-membri tal-Kunsill Ewropew f'Mejju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (16) (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar tisħin globali ta' 1,5 oC, dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta' Pariġi”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tas-26 ta' Mejju 2021 bit-titolu “L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 (18) u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2022 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2023 (07218/2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0062/2022), |
|
A. |
billi f'sensiela ta' riżoluzzjonijiet, il-Parlament irrakkomanda li l-Istati Membri kollha jallokaw minimu ta' 2 % tal-finanzjament tagħhom tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) għas-setturi kulturali u kreattivi u minimu ta' 10 % għall-edukazzjoni, u li jallokaw mill-inqas 5 % tar-riżorsi tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) b'ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw attivitajiet taħt il-Garanzija Ewropea għat-Tfal; |
Baġit 2023: l-irkupru jinżamm fit-triq it-tajba għal kulħadd
|
1. |
Jinnota li minkejja s-sinjali inkoraġġanti li jagħtu lok għal tkabbir ulterjuri mistenni fl-2022, l-inċertezza fil-perspettiva ekonomika għada tippersisti, fid-dawl ta' fatturi bħat-tfixkil fil-katina tal-provvista, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, l-inflazzjoni li qed tiżdied u l-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja, kif ukoll il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna; ifakkar, għalhekk, li l-baġit tal-Unjoni għall-2023 se jkollu rwol importanti fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni u l-kompetittività tagħha, kif ukoll fil-bini tar-reżiljenza komuni tagħna, billi jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ta' tranżizzjoni ġusta, sabiex ħadd ma jitħalla jibqa' lura, u fit-trawwim tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala waħda mill-pedamenti tal-irkupru flimkien mar-rispons għall-isfidi ġeopolitiċi; |
|
2. |
Jimpenja ruħu għalhekk li jaħdem biex jadotta baġit orjentat lejn il-futur li jaqbel mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni li jiżguraw Unjoni tas-Saħħa aktar b'saħħitha, jagħmel suċċess mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jrawwem irkupru ġust, inklużiv, sostenibbli u reżiljenti, inkluża żieda fl-appoġġ għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs), jippromwovi l-istat tad-dritt, il-valuri tal-UE, u d-drittijiet fundamentali u l-applikazzjoni tagħhom, jikkontribwixxi għal opportunitajiet akbar għal kulħadd, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ madwar l-Unjoni kollha, u jiżgura Ewropa aktar b'saħħitha għaċ-ċittadini tagħha u fid-dinja; |
|
3. |
Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE bħala politika ta' investiment essenzjali tal-Unjoni u wieħed mill-pedamenti ta' rkupru sostenibbli u inklużiv, u jindika l-valur miżjud Ewropew uniku u l-kontribut tagħha għall-iżvilupp armonjuż kumplessiv tal-UE u tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħha; jindika li l-2023 se tkun l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, b'mod partikolari dawk b'ġestjoni kondiviża fil-qasam tal-koeżjoni, kif ukoll is-sena li fiha l-implimentazzjoni ta' programmi ġodda se tibda żżid fir-ritmu; jistenna għalhekk li dan jiġi rifless f'żieda sostanzjali fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit għall-2023; |
|
4. |
Jenfasizza l-fatt li l-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida se tidħol fis-seħħ mill-2023; ifakkar fl-importanza ċentrali tal-PAK u l-politika komuni tas-sajd għas-sistema tal-ikel tal-Ewropa li tipprovdi ikel affordabbli u ta' kwalità għolja u sigurtà nutrizzjonali għall-Ewropej kollha; jindika wkoll l-importanza tal-funzjonament xieraq tas-swieq agrikoli, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni rurali, il-qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u s-sajjieda, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità kif ukoll it-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura fuq skala żgħira, lill-bdiewa żgħażagħ u lin-negozji ż-żgħar tas-sajd billi jsir l-aħjar użu tal-programmi kollha rilevanti tal-UE; jindika li numru ta' setturi agrikoli ntlaqtu ħażin mit-tifqigħa tal-COVID-19, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u kriżijiet oħra; |
|
5. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkuntrattaw ir-riżorsi disponibbli kollha fl-RRF sal-aħħar tal-2023 u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji f'dan ir-rigward filwaqt li tinvolvi lill-Parlament fis-superviżjoni u l-valutazzjoni trasparenti tal-proċess; ifakkar, barra minn hekk, fl-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi rilevanti tal-UE; |
Unjoni tas-Saħħa aktar b'saħħitha
|
6. |
Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 poġġiet lis-sistemi tas-saħħa pubblika taħt stress bla preċedent u aggravat l-isfidi eżistenti; jilqa' l-prijorità mogħtija lill-politika tas-saħħa tal-Unjoni u jenfasizza l-programm EU4Health u r-raggruppament tas-saħħa fi ħdan Orizzont Ewropa; jinnota li l-baġit għall-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) huwa meħud minn dawk il-programmi u mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, u jesprimi tħassib kbir li dan jista' jikkomprometti l-kisba ta' objettivi importanti oħra tas-saħħa maqbula mil-leġiżlaturi; ifakkar għalhekk fil-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi ġodda lill-HERA; jissottolinja, barra minn hekk, li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iskrutinju tal-Parlament tal-HERA; jenfasizza l-importanza li jinbena l-Korp Mediku Ewropew fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u jistieden lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għalih b'aktar riżorsi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer b'enfasi qawwija fuq azzjonijiet li jagħtu riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini, pereżempju l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer jew il-programmi ta' tilqim kontra l-HPV; |
|
7. |
Jirrikonoxxi l-importanza ta' programmi oħra tal-Unjoni, inkluża l-RRF, li jipprovdu investiment u appoġġ għall-prevenzjoni tal-kriżijiet tas-saħħa u għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-infrastruttura; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' allinjament bejn dawk l-attivitajiet u programmi oħra ffinanzjati mill-UE, inkluż l-EU4Health, filwaqt li jitnaqqsu d-disparitajiet fl-aċċess għall-kura tas-saħħa; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kampanji ta' informazzjoni dwar it-tilqim fl-Istati Membri kollha u lil hinn minnhom; ifakkar, barra minn hekk, fl-importanza ta' implimentazzjoni kostanti u aċċess għall-assistenza teknika għall-Istati Membri b'kapaċità amministrattiva baxxa; jenfasizza li l-aġenziji u l-korpi deċentralizzati relatati mas-saħħa u s-sikurezza għandhom jingħataw finanzjament u persunal adegwati u, jekk meħtieġ, jiġu msaħħa; |
Jiġi garantit is-suċċess mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
|
8. |
Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-kisba tal-għan tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sal-2050 u l-ambizzjoni ta' tniġġis żero se jirrikjedu investimenti pubbliċi u privati sinifikanti sabiex jitnaqqas id-distakk fl-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika identifikat mill-Kummissjoni u jintlaħqu l-objettivi vinkolanti tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq, madankollu, li l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni tkun ħafna ogħla; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni huwa fil-qalba tal-isforzi biex issir tranżizzjoni ġusta lejn Unjoni aktar ekoloġika, sostenibbli, soċjalment inklużiva, aktar reżiljenti u kompetittiva u li huma meħtieġa sforzi finanzjarji akbar; jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji adegwati biex l-Unjoni tkun tista' twettaq l-impenji tagħha filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jinsisti li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jiddependi anki mill-finanzjament tiegħu u jitlob il-varar bi prijorità tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni fir-reġjuni, is-setturi u ż-żoni li se jkunu affettwati l-aktar mit-tranżizzjoni ekoloġika, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li l-SMEs ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u mit-tranżizzjoni tan-negozju tagħhom stess lejn is-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni; |
|
9. |
Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi ambizzjużi għall-programmi li jappoġġaw l-azzjoni dwar il-klima u l-bijodiversità u l-protezzjoni ambjentali, bħal LIFE, u l-ħtieġa li jiġi aċċellerat u implimentat bis-sħiħ il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, inkluż billi tiġi pprovduta aktar assistenza teknika biex tappoġġa lill-Istati Membri f'dan il-kompitu; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-infiq tal-Unjoni jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż billi tissaħħaħ it-tħejjija għad-diżastri naturali, b'mod partikolari permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jistenna li l-Kummissjoni tonora l-impenn tagħha, li sar matul il-konċiljazzjoni għall-baġit tal-2022, biex issaħħaħ l-aġenzija f'dak il-qasam, b'mod partikolari fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħha fl-implimentazzjoni tal-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %” u r-rapportar relatat; jinsab imħasseb ħafna, barra minn hekk, dwar in-nuqqas fit-tul ta' riżorsi umani f'ċerti servizzi tal-Kummissjoni u għalhekk itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura livelli adegwati ta' riżorsi u persunal; Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara” sabiex tiġi żgurata l-koerenza meħtieġa bejn l-objettivi tal-politiki u l-effiċjenza massima tal-infiq matul it-tranżizzjoni u lil hinn minnha; |
|
10. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni f'teknoloġiji, proċessi u ħiliet ekoloġiċi, inkluż bil-ħsieb li l-Unjoni tingħata vantaġġ kompetittiv fl-ekonomija futura ta' newtralità karbonika, u jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati riżorsi adegwati għal Orizzont Ewropa f'dak il-kuntest; iqis li l-għoti ta' appoġġ adegwat għall-SMEs huwa essenzjali biex jitjieb ir-rwol tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni; iqis li l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel użu sħiħ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) biex timmodernizza u tgħaqqad l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija tagħha u biex iżżid is-sostenibbiltà tagħha, issaħħaħ is-sigurtà u l-awtonomija tal-enerġija tal-UE u tiżviluppa aktar l-Unjoni Ewropea permezz tal-interkonnettività bejn l-Istati Membri; iqis għalhekk li jeħtieġ li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi għall-FNE; jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-programm spazjali tal-UE; |
|
11. |
Jieħu nota tal-proposti leġiżlattivi mressqa mill-Kummissjoni għal Att dwar iċ-Ċipep u programm ta' konnettività sigura; ifakkar fil-prinċipju li m'għandhomx jinħolqu programmi ġodda għad-detriment ta' dawk eżistenti u jtenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' riżorsi ġodda; biħsiebu jeżamina mill-qrib l-implikazzjonijiet baġitarji tal-proposti u l-impatt tagħhom fuq il-proċedura baġitarja tal-2023; |
|
12. |
Iqis li huwa essenzjali għall-kompetittività tal-Unjoni li l-ekonomija u s-settur pubbliku jiġu diġitalizzati aktar; jemmen li tranżizzjoni diġitali ta' suċċess tirrikjedi sforzi ta' riċerka u innovazzjoni sostanzjali fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, investiment sinifikanti fl-infrastruttura diġitali permezz tal-FNE-Diġitali, u appoġġ f'oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà u l-computing ta' prestazzjoni għolja tal-UE permezz tal-programm Ewropa Diġitali; jindika l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet diġitali billi jiġu promossi ħiliet diġitali avvanzati u apprendiment inklużiv; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' għodod ta' rikonverżjoni professjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati biżżejjed finanzjament tal-programmi tal-UE u allinjament bejniethom biex jinħolqu kundizzjonijiet għall-adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, u li jippermettu lill-ekonomija u lis-settur pubbliku tal-Ewropa jkunu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni diġitali u l-kompetittività; |
|
13. |
Jirrikonoxxi l-kontribut tal-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni għall-irkupru ekonomiku, għall-ġlieda kontra l-qgħad u l-għoti ta' spinta għall-investiment, u b'mod partikolari bħala sostenn għall-SMEs u n-negozji ġodda; ifakkar li l-SMEs jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u jkomplu jaqdu rwol vitali fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir; jenfasizza l-programm InvestEU, it-tieqa għall-SMEs tiegħu u l-possibbiltà għall-SMEs milquta b'mod negattiv mill-pandemija li jirċievu appoġġ kapitali fl-ambitu tal-programm; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss suq uniku li jiffunzjona tajjeb permezz ta' finanzjament suffiċjenti sabiex tiġi garantita l-protezzjoni tal-konsumatur, tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji ż-żgħar bl-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u intraprenditorjali, jiġi mtejjeb l-aċċess għas-swieq, titkompla l-ħidma fuq Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, u jiġu estiżi aktar l-opportunitajiet biex jinħolqu u jiżdiedu n-negozji ġodda; |
|
14. |
Jesprimi solidarjetà ma' dawk li jaħdmu f'setturi affettwati serjament mill-pandemija, b'mod partikolari fit-turiżmu, l-ospitalità, u s-setturi kulturali u kreattivi; jenfasizza li dawk is-setturi jirrappreżentaw pilastru importanti tal-ekonomija tal-Unjoni u jimpjegaw sehem sinifikanti mill-forza tax-xogħol tagħha, b'mod speċjali f'SMEs; iqis li dawk is-setturi għandhom jibbenefikaw minn appoġġ akbar mill-Istati Membri u mill-Unjoni, inkluż permezz tal-RRF, u jappella għal miżuri addizzjonali għal dawk is-setturi u finanzjament suffiċjenti għal programmi relatati tal-UE; jinsisti li, jekk il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) tinbidel f'inizjattiva jew programm aktar fit-tul, tkun teħtieġ riżorsi ġodda; itenni d-diżappunt tiegħu li t-talba li ilu jagħmel il-Parlament għal programm tal-UE ddedikat għat-turiżmu ma ntlaħqitx; |
Promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-valuri tal-UE u d-drittijiet fundamentali u l-applikazzjoni tagħhom
|
15. |
Iqis li huwa essenzjali għall-kredibbiltà tal-Unjoni li tiżgura l-użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni u li tieħu l-passi kollha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jenfasizza r-rabta ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba; iqis li r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni għandu jiġi applikat immedjatament u b'mod sħiħ, kif mitlub ripetutament mill-Parlament; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma implimentatx ir-Regolament, minkejja l-fatt li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021, u jissottolinja l-konformità sħiħa tar-Regolament mat-Trattati tal-UE kif ikkonfermat mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Frar 2022 (19); jistenna li l-Kummissjoni tiskatta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament mingħajr dewmien għall-Istati Membri fejn ikunu diġà ntbagħtu ittri ta' informazzjoni, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament; jemmen li għandu jkun hemm disponibbli riżorsi adegwati għall-aġenziji u l-korpi f'dan il-qasam, u għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), b'mod partikolari fid-dawl tal-ammont ta' xogħol dejjem jiżdied tagħhom, inkluż fil-monitoraġġ u l-kontroll tan-nefqa tal-RRF; |
|
16. |
Jenfasizza li l-istat tad-dritt jipproteġi l-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u huwa intrinsikament marbut mar-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament sinifikanti tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indipendenza u l-libertà tal-media f'xi Stati Membri; jenfasizza l-importanza tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, b'mod partikolari fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri kif minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fis-sostenn u l-iżvilupp ulterjuri tal-involviment u tal-edukazzjoni taċ-ċittadini, u soċjetajiet miftuħa, bbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, indaqs u inklużivi; jitlob, għalhekk, li jiġi allokat livell ambizzjuż ta' riżorsi għal dan il-programm; ifakkar li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet nazzjonali hija essenzjali għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni; jappella għal finanzjament adegwat għall-Programm tal-Ġustizzja; |
Opportunitajiet akbar għal kulħadd u b'mod partikolari għaż-żgħażagħ fl-Unjoni kollha
|
17. |
Jirrikonoxxi li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv sever fuq iż-żgħażagħ, il-prospetti ta' impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa mentali tagħhom, u dan wassal għal telf ta' opportunitajiet u prospetti mnaqqsa u t-twessigħ tad-distakk edukattiv; jindika l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f'dan il-kuntest; jemmen bis-sħiħ li l-baġit 2023 għandu jinkludi enfasi fuq iż-żgħażagħ biex jinbena l-momentum tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 b'azzjonijiet u politiki konkreti li għandhom jitkomplew fl-2023; jenfasizza l-importanza ta' Erasmus+ u jissottolinja l-importanza kbira li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi finanzjarji għal dak il-programm, li s-suċċess tiegħu fit-twessigħ tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-opportunitajiet ta' xogħol fl-Unjoni kollha huwa inkontestabbli u li kiseb riżultati tanġibbli; iqis li dan għandu jsir aktar inklużiv u joffri opportunitajiet akbar u aċċess indaqs għal kulħadd, b'mod partikolari għal persuni li jkunu ġejjin minn ambjent żvantaġġat u minn żoni rurali u remoti; |
|
18. |
Jisħaq li jridu jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul biex jiġu miġġielda b'suċċess l-isfidi demografiċi strutturali u biex jiġi mmitigat l-eżodu ta' mħuħ f'żoni rurali, remoti u anqas żviluppati tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' riżorsi finanzjarji biex f'żoni li qed ibatu minn tnaqqis fil-popolazzjoni jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi lokali ta' kwalità għolja u terġa' tingħata l-ħajja lil dawn l-opportunitajiet; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-baġit tal-UE fil-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fit-tisħiħ tal-azzjonijiet soċjali lokali u reġjonali, it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-għoti ta' aċċess lil kulħadd għal servizzi ewlenin essenzjali bħall-kura tas-saħħa, il-mobilità, nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni deċenti; |
|
19. |
Jindika wkoll il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jgħin liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika fi Stat Membru ieħor, u b'hekk iżidu l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet għall-ħajja tagħhom; ifakkar fl-importanza ta' finanzjament adegwat tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-UE għaż-żgħażagħ u t-tfal, b'mod partikolari taħt l-FSE+, ir-ReactEU u l-RRF; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tirrapporta fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar l-istabbiliment ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal u Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa; |
|
20. |
Ifakkar li l-pandemija kellha impatt sever fuq l-anzjani wkoll; jinsisti li l-baġit 2023 għandu jipprovdi biżżejjed appoġġ lil dawk fosthom li huma l-aktar vulnerabbli u jipproteġi l-benesseri, id-dinjità u d-drittijiet fundamentali tagħhom; jinnota li Erasmus+ joffri opportunitajiet għall-adulti u l-anzjani u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn jibbenefikaw ħafna aktar minnu; jindika r-rwol tal-baġit tal-UE fil-kontribut għall-iżgurar tal-aċċess tal-anzjani għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, il-mobilità u l-opportunitajiet għall-volontarjat; jistieden lill-UE tissimplifika u żżid l-azzjonijiet tagħha mmirati lejn l-anzjani fi ħdan qafas koerenti assoċjat mal-finanzjament mill-programmi tal-UE; |
Unjoni aktar b'saħħitha għall-poplu tagħha u fid-dinja
|
21. |
Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa u t-tentattivi kollha biex jiġu destabbilizzati s-sħab tal-UE fil-Viċinat tal-Lvant, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni; jissottolinja l-ħtieġa li l-Unjoni tibqa' magħquda u jappella għal kooperazzjoni u solidarjetà msaħħa fost l-Istati Membri f'dan il-kuntest diffiċli; iħeġġeġ lill-Unjoni tiggarantixxi finanzjament sinifikanti biex tindirizza l-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-kriżi attwali inkluż l-appoġġ għall-varar ta' miżuri umanitarji u ta' tħejjija biex ir-refuġjati jintlaqgħu fl-Istati Membri u fil-Viċinat tal-Lvant; ifakkar li l-istabbiltà tal-Unjoni tiddependi wkoll fuq l-istabbiltà tal-viċinat tagħha; |
|
22. |
Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw il-mezzi finanzjarji kollha disponibbli biex jappoġġaw lill-Ukrajna; itenni l-appoġġ tiegħu, f'dan il-kuntest, għall-mobilizzazzjoni tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Parlament b'rapporti u informazzjoni bikrija u trasparenti f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar għajnuna umanitarja ta' emerġenza lill-Ukrajna f'kooperazzjoni mal-aġenziji umanitarji tan-NU u ma' organizzazzjonijiet sħab internazzjonali oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm enfasi speċjali fuq il-gruppi vulnerabbli, il-minoranzi u n-nisa u t-tfal, peress li dawn jiġu affettwati b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u jeħtieġu protezzjoni u appoġġ speċjali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-mezzi kollha disponibbli biex tiżgura l-għoti ta' appoġġ fl-ambitu tal-programmi rilevanti tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi soċjali u mediċi u l-edukazzjoni; |
|
23. |
Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġawhom, b'mod partikolari r-Repubblika tal-Moldova, fl-għoti ta' kenn temporanju lir-refuġjati mill-Ukrajna; itenni l-ħtieġa ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri fir-rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra tar-refuġjati mill-Ukrajna li waslu l-Polonja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja; |
|
24. |
Jirrikonoxxi l-importanza tas-sanzjonijiet u l-unità tal-Unjoni fl-impożizzjoni tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tiffaċilita l-mezzi u l-modi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħhom għall-UE; |
|
25. |
Jissottolinja l-importanza strateġika tal-politika tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi provdut finanzjament adegwat lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'mod partikolari dawk li jimplimentaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, biex jiġu appoġġati riformi politiċi u soċjoekonomiċi komprensivi u jissaħħu s-soċjetà ċivili u l-istat tad-dritt, kif ukoll bħala għajnuna għall-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi fit-tul tagħha; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ finanzjarju li jkun biżżejjed għall-assistenza teknika sabiex l-assorbiment tal-fondi tal-UE jittejjeb f'dawk ir-reġjuni; |
|
26. |
Jistenna li, anki wara l-kriżi attwali, l-ażil u l-migrazzjoni jibqgħu prijorità fuq l-aġenda tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju kontinwu għall-akkoljenza, ir-reġistrazzjoni, l-eżami u l-integrazzjoni tal-applikanti għall-ażil, u li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-objettivi speċifiċi tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil; jisħaq li din is-sistema trid tkun ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża, jiġifieri b'mod li wħud mill-Istati Membri ma jitgħabbewx iż-żejjed u b'mod sproporzjonat, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-integrazzjoni, l-istabbiliment ta' qafas għall-migrazzjoni legali, kif mitlub mill-Parlament, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-titjib tas-sistemi għar-ritorn effettiv, sikur u dinjituż tal-persuni u għar-ritorn volontarju, f'konformità mal-valuri u l-impenji internazzjonali tal-UE; jappella, barra minn hekk, għal finanzjament adegwat għall-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi sabiex jissaħħu s-sistemi ta' ġestjoni tal-fruntieri; |
|
27. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda benefiċjarju ta' fondi tal-UE (inklużi kuntratturi jew sottokuntratturi, parteċipanti fi gruppi ta' ħidma jew sessjonijiet ta' taħriġ, jew partijiet terzi) fuq il-lista ta' persuni jew entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UE; |
|
28. |
Jisħaq li l-Unjoni għandha bżonn biżżejjed riżorsi biex tirreaġixxi għal kriżijiet kbar kif ukoll għall-isfidi fit-tul fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja, filwaqt li jfakkar li l-limitu massimu tal-Intestatura 6 tal-QFP diġà huwa baxx wisq u li reviżjoni tal-QFP attwali hija indispensabbli; jappella għal finanzjament li jkun biżżejjed għall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali u għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol kruċjali tagħhom fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u demokratiku u r-riformi politiċi u ekonomiċi, il-protezzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ għall-proċessi elettorali u l-indirizzar tal-isfidi soċjali u klimatiċi u l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni; jindika l-ħtieġa li jingħata appoġġ kontinwu lir-refuġjati, b'mod partikolari dawk fit-Turkija u fir-reġjun usa', u li jkun hemm rispons għall-iżviluppi fl-Afganistan, filwaqt li jtenni li l-baġit tal-Unjoni m'għandux ikun l-uniku sors ta' finanzjament; jappella li l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) tirċievi livell ambizzjuż ta' finanzjament mill-baġit tal-UE fl-2023 biex tkun tista' tipprovdi appoġġ adegwat għall-istabbiltà reġjonali u ssaħħaħ ir-reżiljenza tar-refuġjati Palestinjani; jisħaq fuq l-importanza tal-programm ta' għajnuna umanitarja u jinnota li r-riżorsi mhumiex jiżdiedu b'mod allinjat ma' bżonnijiet ogħla minn qatt qabel; jappella, għalhekk, li l-programm jiġi allokat finanzjament aktar sinifikanti u li l-Istati Membri jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom; |
|
29. |
Itenni l-fehma tiegħu li l-Unjoni għandu jkollha biżżejjed mezzi biex tirreaġixxi għal żviluppi mhux mistennija ġewwa u barra l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq analiżi fil-fond tal-implikazzjonijiet differenti tal-isfidi attwali u tal-impatt tagħhom fuq il-proċedura baġitarja tal-2023 kif ukoll fuq il-QFP 2021-2027 kollu, u tivvaluta meta tkun xierqa reviżjoni tal-QFP; |
|
30. |
Iqis li l-aħħar żieda fl-għadd ta' infezzjonijiet bil-COVID-19 hija prova ulterjuri li għandu jsir aktar biex titlaqqam id-dinja kollha; ifakkar fil-ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet bħala parti mill-baġit 2022 biex tiġi rieżaminata l-evoluzzjoni tar-rispons għall-pandemija sal-aħħar ta' Ġunju 2022, b'mod partikolari fir-rigward tat-tilqim internazzjonali, u biex tittieħed kwalunkwe azzjoni neċessarja mingħajr aktar dewmien; |
|
31. |
Jenfasizza l-ħtieġa dejjem akbar ta' appoġġ finanzjarju adegwat għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża, li jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tad-difiża; jappella għal sforzi akbar biex jissaħħu l-iskjerabbiltà u l-effettività operazzjonali u biex tittejjeb il-mobilità militari, anke bil-ħsieb li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu, u biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu u ċibernetiku; iqis li tali sforzi jżidu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u jsaħħu l-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea; jappella, barra minn hekk, għal finanzjament adegwat għall-Fond għas-Sigurtà Interna; |
|
32. |
Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex tindirizza t-theddid dejjem akbar għas-sigurtà bħat-tixrid tad-diżinformazzjoni, inklużi d-diżinformazzjoni online, il-kampanji ta' aħbarijiet foloz kontra l-UE, it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti fl-UE u fil-pajjiżi ġirien tagħha; iqis li l-allokazzjonijiet tal-finanzjament għandhom jirriflettu n-natura dejjem tinbidel tat-theddid u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu u li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-isforzi tal-Unjoni f'dan il-qasam; |
|
33. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex ilestu l-integrazzjoni fix-Schengen tal-Istati Membri kollha, b'mod partikolari tar-Rumanija, tal-Bulgarija u tal-Kroazja, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi kollha; iqis li t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità, is-sigurtà interna, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, id-drittijiet fundamentali, il-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen u l-libertà ta' moviment fi ħdan l-UE huma marbuta b'mod inseparabbli u huma ta' benefiċċju reċiproku; iqis li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-aġenziji kollha li joperaw fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-ażil, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-ġestjoni integrata tal-fruntieri jkollhom finanzjament, riżorsi umani u taħriġ tal-persunal adegwati; ifakkar li ż-żona Schengen iġġib benefiċċji ekonomiċi għall-istati parteċipanti; |
Kwistjonijiet trażversali
|
34. |
Ifakkar li l-ispejjeż tal-finanzjament għall-Istrument tal-UE għall-Irkupru (EURI) għandhom jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni, inkluż minn biżżejjed rikavati minn riżorsi proprji ġodda, u għandhom ikunu sostnuti minn approprjazzjonijiet meħtieġa u f'waqthom; jisħaq li l-pakketti finanzjarji tal-programmi tan-nefqa m'għandhomx jintużaw biex jimmaniġġjaw l-imprevedibbiltà tal-ispejjeż tal-finanzjament tal-EURI; iqis li l-awtorità baġitarja għandha s-setgħa sħiħa biex tiddeċiedi li ssaħħaħ kwalunkwe programm tal-UE, inkluż meta l-ispejjeż tal-finanzjament tal-EURI jkunu aktar baxxi milli mistenni; ifakkar li d-dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-ispiża tal-finanzjament tal-EURI fl-2022, miftiehma fil-15 ta' Novembru 2021 matul il-perjodu ta' konċiljazzjoni tapplika għall-proċedura baġitarja tal-2022 u ma toħloqx preċedent; ifakkar li d-deċiżjonijiet futuri kollha jistgħu jittieħdu biss matul il-proċedura baġitarja annwali; |
|
35. |
Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qablu fil-Ftehim Interistituzzjonali (FII) dwar pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda biex jiġi żgurat li l-kapital, u l-imgħax relatat, tal-pjan ta' rkupru tal-UE jitħallas kollu, mingħajr ma titnaqqas in-nefqa tal-programmi jew tal-istrumenti ta' investiment taħt il-QFP, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-universalità; jilqa' l-pakkett finanzjarju propost mill-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2021, li fih aġġornament tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (20), bi tliet riżorsi proprji ġodda: mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri; skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; u sehem mill-profitti residwi tal-akbar intrapriżi multinazzjonali u dawk l-aktar profittabbli; iqis li l-progress ta' dan il-pakkett huwa tal-akbar importanza; jitlob, għalhekk, li l-Kunsill jirrispetta l-iskeda ta' żmien miftiehma u jagħmel progress bl-ewwel basket ta' riżorsi proprji qabel ma tiġi finalizzata l-proċedura baġitarja tal-2023; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, tressaq proposta għat-tieni basket ta' riżorsi proprji ġodda qabel Diċembru 2023 sabiex jiġu żgurati biżżejjed riżorsi għall-ħlasijiet lura tan-NextGenerationEU; ifakkar li l-2023 se tkun it-tieni sena ta' applikazzjoni tal-aġġustament speċifiku għall-programm skont l-Artikolu 5 tar-Regolament li jistabbilixxi l-QFP; |
|
36. |
Jinnota li kien hemm ammont għoli mhux mistenni ta' diżimpenji għar-riċerka (aktar minn EUR 469 miljun), f'livell li ma kienx antiċipat fil-ftehim dwar il-QFP, u għalhekk mhuwiex kopert minnu; iqis li d-diżimpenji kollha għar-riċerka għandhom ikunu disponibbli kollha skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; biħsiebu jiffoka d-diżimpenji li huma addizzjonali għall-ammonti li għandhom jiġu inklużi mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' baġit fuq għadd ta' oqsma essenzjali; |
|
37. |
Jistenna bil-ħerqa l-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta tat-trekkjar klimatiku fl-abbozz ta' baġit 2023 skont l-FII dwar id-dixxiplina baġitarja u fir-rapportar dwar il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fir-rapport dwar il-prestazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni tadotta metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva għat-trekkjar tal-bijodiversità mill-aktar fis possibbli, filwaqt li żżomm f'moħħha l-miri stabbiliti għall-2024, l-2026 u l-2027; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha rilevanti sabiex kull nefqa fil-futur tkun trasparenti u tistabbilixxi rabta aktar ċara bejn in-nefqa klimatika u dik għall-bijodiversità u l-impatti reali tagħhom, inkluż bl-applikazzjoni ta' indikaturi tal-output u tar-riżultati; jappella għall-involviment sħiħ tal-Parlament fl-iżvilupp tal-metodoloġiji, kif stipulat fil-FII; jistenna li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament dwar il-metodoloġija għall-bijodiversità qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit 2023; |
|
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija għat-trekkjar tan-nefqa soċjali fil-baġit tal-UE abbażi tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; |
|
39. |
Itenni li n-nisa ġew affettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżi ekonomika u soċjali b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż b'żieda fil-każijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob, għalhekk, finanzjament sinifikanti għall-fergħa Daphne tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; jappella għal aktar finanzjament fil-baġit tal-UE mmirat lejn l-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni, b'mod partikolari kontra n-nisa u l-persuni LGBTI+, u jappella lill-Kummissjoni trawwem sinerġiji akbar bejn il-programmi tal-UE f'dawn l-oqsma; jappella wkoll għal riżorsi sinifikanti biex jiġu appoġġati l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll l-aċċess universali għalihom, u biex jiġu appoġġati d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
40. |
Ifakkar li l-Kummissjoni jeħtiġilha, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023, timplimenta metodoloġija, akkumpanjata mill-ġbir, ir-rapportar u l-evalwazzjoni sistematiċi ta' data diżaggregata skont il-ġeneru, biex tkejjel in-nefqa rilevanti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll id-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni u tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet, il-politiki u l-programmi kollha tal-UE; jissottolinja r-rwol importanti li għandhom l-aġenziji u l-korpi f'dan il-qasam u l-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjament u riżorsi umani adegwati biex jitwettqu l-kompiti tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025; |
|
41. |
Ifakkar fil-ħidma essenzjali mwettqa mill-aġenziji deċentralizzati; iqis li l-aġenziji jrid ikollhom ammont xieraq ta' riżorsi umani u riżorsi oħra adegwati sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom; ifakkar li l-kompiti tal-aġenziji jevolvu f'konformità mal-prijoritajiet tal-politiki u jisħaq li r-responsabbiltajiet l-ġodda jridu jkunu akkumpanjati minn livelli korrispondenti ta' riżorsi ġodda; |
|
42. |
Iqis li l-baġit 2023 għandu jkun fih livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament biex ikopri kemm il-programmi l-ġodda kif ukoll it-tlestija ta' dawk kurrenti, parzjalment biex jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi l-istimolu ekonomiku meħtieġ; jenfasizza, filwaqt li jislet tagħlimiet mill-oqfsa finanzjarji pluriennali tal-passat, li hemm bżonn li l-implimentazzjoni tal-programm titħaffef biex jiġu evitati l-arretrati ta' pagamenti fit-tieni nofs tal-perjodu tal-QFP; |
|
43. |
Iqis li, meta jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, l-approprjazzjonijiet meħtieġa għandhom ikunu disponibbli; |
|
44. |
Jissottolinja l-valur tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji (PP-PAs) fl-ittestjar ta' inizjattivi ta' politiki ġodda u fit-tħejjija tal-pedamenti għal azzjonijiet futuri tal-Unjoni; biħsiebu, għalhekk, jipproponi pakkett ta' PP-PAs f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tiegħu u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni; fiduċjuż li l-Kummissjoni se tevalwa l-proposti tal-PP-PAs b'mod imparzjali abbażi ta' valutazzjoni legali u finanzjarja u jistenna li jirċievi spjegazzjonijiet preċiżi u dettaljati meta proġett jitqies “kopert” mill-programmi u l-politiki tal-UE, b'eżempji konkreti tal-azzjonijiet tal-UE li jitqies li jkopru l-proposti; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li l-PP-PAs adottati fil-baġit jiġu implimentati bis-sħiħ, b'mod f'waqtu u b'kooperazzjoni mal-Parlament, u jingħataw viżibbiltà akbar sabiex l-impatt tagħhom jiġi massimizzat; |
o
o o
|
45. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. |
(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 1.
(4) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 2.
(5) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 3.
(6) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 4.
(7) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 5.
(8) ĠU C 444 I, 22.12.2020, p. 6.
(9) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 240.
(10) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(11) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(12) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
(13) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(14) ĠU C 494, 8.12.2021, p. 2.
(15) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.
(16) ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.
(17) Testi adottati, P9_TA(2022)0052.
(18) ĠU L 45, 24.2.2022, p. 1.
(19) Is-sentenzi tas-16 ta' Frar 2022, fil-Kawżi C-156/21 L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, EU:C:2022:97, u C-157/21 Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, EU:C:2022:98.
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).