Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑15 ta’ Ottubru 2026 (1)

Kawża C‑477/25

Finanzamt X

vs

Servicekörperschaft

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Selettività ta’ miżura fiskali – Determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment – Deroga – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni ta’ ċerti vantaġġi fiskali għal entitajiet li jipprovdu servizzi lil entitajiet mingħajr skop ta’ lukru fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ppjanata – Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali – Direttiva 2006/112/KE – Rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Artikolu 108(3) TFUE – Għajnuna eżistenti jew ġdida – Tibdil ta’ għajnuna eżistenti – Tibdil tal-kriterji li abbażi tagħhom jiġu identifikati l-benefiċjarji ta’ għajnuna”






 Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija b’responsabbiltà limitata u l-awtorità tat-taxxa Ġermaniża dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ entità li tfittex għan ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż minħabba l-kooperazzjoni tagħha ma’ entità mingħajr skop ta’ lukru.

2.        Din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tqajjem, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk l-estensjoni ta’ vantaġġi fiskali – li minnhom jibbenefikaw inizjalment l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li jfittxu għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż – għal entitajiet li jfittxu l-istess għan statutorju billi jikkooperaw b’mod ippjanat ma’ tali entitajiet tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, dik dwar jekk, peress li dawn il-vantaġġi fiskali ġew introdotti permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għat-Trattat KEE, l-estensjoni tagħhom, li tirriżulta minn emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li saret matul is-sena 2020, tikkostitwixxix “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

3.        Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tinsab, essenzjalment, fil-punt dwar jekk l-estensjoni ta’ sistema ta’ vantaġġi fiskali għal entitajiet li jfittxu għan ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż permezz tal-kooperazzjoni tagħhom ma’ entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li jfittxu direttament tali għan tagħtihomx vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

4.        Skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2):

“L-Istati Membri jistgħu japplikaw massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa.

Ir-rati mnaqqsa għandhom jiġu ffissati bħala persentaġġ tal-ammont taxxabbli, li m’għandux ikun inqas minn 5 % u għandhom japplikaw biss għal provvisti tal-kategoriji ta’ merkanzija u servizzi speċifikati fl-Anness III.”

5.        Il-punt 15 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ provvista ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjoni bit-tnaqqis tal-VAT msemmija fl-Artikolu 98”, huwa fformulat kif ġej:

“[I]l-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet impenjati f’xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali kif definit mill-Istati Membri u rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri, sakemm dawk it-tranżazzjonijiet mhumiex eżentati skont l-Artikoli 132, 135 u 136;”

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji

6.        Konformement mal-Artikolu 5(1)(9) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), fil-verżjoni tagħha tal‑15 ta’ Ottubru 2002 (3):

“Huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji:

[…]

9)      l-entitajiet, ir-raggruppamenti ta’ persuni u l-patrimonji li, skont l-istatuti, l-att ta’ twaqqif jew att kostituttiv ieħor u fid-dawl tal-ġestjoni effettiva tagħhom, ifittxu esklużivament u direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż (l-Artikoli 51 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa). Fil-każ li tinżamm attività kummerċjali, l-eżenzjoni hija eskluża.”

 Il-Liġi dwar it-Taxxa Professjonali

7.        L-Artikolu 3(6) tal-Gewerbesteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa Professjonali), fil-verżjoni tagħha tal‑24 ta’ Ottubru 2002 (4), jiddikjara:

“Huma eżenti mit-taxxa professjonali:

6)      l-entitajiet, ir-raggruppamenti ta’ persuni u l-patrimonji li, skont l-istatuti, l-att ta’ twaqqif jew att kostituttiv ieħor u fid-dawl tal-ġestjoni effettiva tagħhom, ifittxu esklużivament u direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż (l-Artikoli 51 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa). Fil-każ li tinżamm attività kummerċjali – bl-eċċezzjoni tal-agrikoltura u tal-forestrija –, l-eżenzjoni fiskali hija eskluża.”

 Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ

8.        Il-punt 8(a) tal-Artikolu 12(2) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) tal‑21 ta’ Frar 2005 (5), (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprevedi:

“It-taxxa titnaqqas għal sebgħa fil-mija għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

[…]

8)      a)      il-provvisti ta’ servizzi mill-entitajiet li jfittxu esklużivament u direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż (l-Artikoli 51 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa). Dan ma japplikax għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. Fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi mwettqa fil-kuntest ta’ entità kummerċjali ta’ [entità mingħajr skop ta’ lukru (iktar ’il quddiem “OSBL”)] msemmija fl-Artikoli 66 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-ewwel sentenza tapplika biss jekk din l-entità ma jkollhiex bħala għan prinċipali l-ġenerazzjoni ta’ dħul addizzjonali billi twettaq tranżazzjonijiet li jikkompetu direttament ma’ provvisti ta’ servizzi ta’ imprendituri oħra suġġetti għar-rata ġenerali tat-taxxa jew jekk, permezz ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi tal-entitajiet kummerċjali tiegħu ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru msemmija fl-Artikoli 66 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-entità tilħaq hija stess l-għan statutorju tagħha li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali. L-entitajiet jilħqu huma stess l-għan statutorju tagħhom li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali permezz tal-entitajiet kummerċjali tagħhom ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru msemmija fl-Artikoli 66 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa meta d-destinatarji tal-provvisti ta’ servizzi jew il-persuni li jipparteċipaw fil-provvista tas-servizzi jkunu koperti mill-għan statutorju tal-entità li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali.”

 Il-Kodiċi tat-Taxxa

9.        L-Artikolu 51(1) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (6), jipprovdi:

“Meta l-liġi tagħti vantaġġ fiskali minħabba li entità tfittex esklużivament u direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż (attivitajiet li jagħtu dritt għal vantaġġ fiskali), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin. B’‘entità’ għandu jinftiehem korpi, assoċjazzjonijiet jew patrimonji fis-sens tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.”

10.      Skont l-Artikolu 55(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Promozzjoni jew appoġġ ikunu mingħajr interess personali jekk ma jkollhomx bħala skop prinċipali l-lukru, pereżempju, finijiet kummerċjali jew finijiet ekonomiċi oħra, u jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      Il-fondi tal-entità jistgħu jintużaw biss għal finijiet konformi mal-istatuti. Il-membri jew is-soċji (membri fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet) ma jistgħu jirċievu ebda sehem mill-profitti u, fil-kwalità tagħhom ta’ membri, ebda donazzjoni oħra mir-riżorsi tal-entità. L-entità ma tistax tuża l-fondi tagħha sabiex tappoġġja jew tippromwovi, direttament jew indirettament, partiti politiċi.

2)      Meta jitilqu mill-entità jew fil-każ ta’ xoljiment tagħha, volontarju jew le, il-membri ma għandhomx jirċievu iktar mill-ishma tagħhom fil-kapital imħallas u mill-valur tas-suq tal-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom.

3)      L-entità ma tistax tiffavorixxi persuna permezz ta’ nfiq li ma jkunx relatat mal-għan tal-entità jew permezz ta’ remunerazzjoni sproporzjonata.

4)      Fil-każ ta’ xoljiment tal-entità, volontarju jew le, jew jekk l-għan statutorju tiegħu ma jibqax jeżisti, l-assi tal-entità, sa fejn jaqbżu l-ishma tal-membri fil-kapital imħallas u l-valur tas-suq tal-kontribuzzjonijiet in natura mħallsa mill-membri, jistgħu jintużaw biss għal finijiet li jagħtu dritt għal vantaġġ fiskali (il-prinċipju tal-allokazzjoni obbligatorja tal-assi). Din il-kundizzjoni tkun issodisfatta wkoll meta l-assi għandhom jiġu ttrasferiti lil entità oħra li tibbenefika minn vantaġġ fiskali jew lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku għal finijiet li jagħtu dritt għal vantaġġ fiskali.

5)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62, l-entità għandha, bħala prinċipju, tuża l-fondi tagħha fi ftit żmien għall-għan statutorju tagħha li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali. L-użu ta’ fondi għall-akkwist jew għall-ħolqien ta’ beni li jikkontribwixxu għall-għan statutorju jikkostitwixxi wkoll użu konformi. Il-fondi jitqiesu li jkunu ntużaw fi żmien qasir meta jintużaw għall-għan statutorju li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali sa mhux iktar tard minn sentejn kalendarji jew żewġ snin finanzjarji wara li jkunu ġew irċevuti. L-ewwel sentenza ma tapplikax għall-entitajiet bi dħul annwali ta’ inqas minn EUR 45 000.”

11.      L-Artikolu 57(1) u (3) tal-imsemmi kodiċi jiddikjara:

“1.      Entità tfittex direttament l-għan statutorju tagħha li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali jekk tilħaq hija stess dan l-għan statutorju. Dan jista’ jsir ukoll permezz ta’ awżiljarji jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari tar-relazzjonijiet ġuridiċi u fattwali eżistenti bejn l-entità u l-awżiljarju, l-attività ta’ dan tal-aħħar għandha titqies bħala attività tal-entità nnifisha.

[…]

3.      Entità tfittex ukoll direttament l-għan statutorju tagħha li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 meta tilħaq, konformement mal-istatuti tagħha, għan statutorju li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali permezz ta’ kooperazzjoni ppjanata ma’ mill-inqas entità oħra li tkun tissodisfa, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 51 sa 68. L-Artikoli 14 u 65 sa 68 japplikaw, bil-preċiżazzjoni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità kkonċernata għandhiex il-kwalità ta’ entità kummerċjali ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru, l-attivitajiet tal-entitajiet li jikkooperaw konformement mal-ewwel sentenza għandhom jiġu miġbura flimkien.”

12.      L-Artikolu 59 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“Il-vantaġġ fiskali jingħata jekk l-istatuti, l-att ta’ twaqqif jew att kostituttiv ieħor (statuti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet) juru liema għan statutorju tfittex l-entità, li dan l-għan jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 52 sa 55 u li huwa mfittex esklużivament u direttament; il-ġestjoni effettiva għandha tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet statutorji.”

13.      L-Artikolu 60a(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa jipprovdi:

“L-osservanza tal-kundizzjonijiet relatati mal-istatuti msemmija fl-Artikoli 51, 59, 60 u 61 hija kkonstatata f’deċiżjoni separata. Id-determinazzjoni tal-konformità tal-istatuti hija vinkolanti għall-intaxxar tal-entità u tal-kontribwenti li jagħmlu kontribuzzjonijiet lill-entità fil-forma ta’ donazzjonijiet u ta’ miżati.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Skont id-dritt Ġermaniż, entità kummerċjali ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru (“Zweckbetrieb”) (7) tibbenefika minn vantaġġi fiskali (8), bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 51 sa 68 tal-Kodiċi tat-Taxxa (9). Mis-sena 2020, l-Artikolu 57(3) ta’ dan il-kodiċi (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”) (10) jestendi l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi għall-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika (“Servicekörperschaften”) li jfittxu direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika billi jikkooperaw b’mod ippjanat ma’ mill-inqas entità waħda mingħajr skop ta’ lukru li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tibbenefika mill-imsemmija vantaġġi (iktar ’il quddiem l-“entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika”).

15.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija wieħed minn dawn l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika (11) u t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba tagħha intiża biex jiġi rrikonoxxut li l-istatuti tagħha jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali inkwistjoni (12).

16.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura (13), il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), il-qorti tar-rinviju, tistaqsi jekk il-miżura kontenzjuża, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Kodiċi tat-Taxxa, twassalx għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, fl-affermattiv, jekk din l-għajnuna tikkostitwixxix “għajnuna ġdida” suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni meta, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali, entità tkun intitolata, fir-rigward ta’ attività ekonomika, għal-vantaġġ fiskali mogħti lil entità b’għan speċifiku [(‘Zweckbetrieb’)] anki jekk ma tkunx obbligata tilħaq direttament hija stess l-għan statutorju speċifiku tagħha li huwa suġġett għal trattament fiskali favorevoli, iżda tista’ tilħaq dan l-għan statutorju tagħha permezz ta’ kooperazzjoni sistematika ma’ entità oħra li tgawdi minn trattament fiskali favorevoli, b’tali mod li, bħala entità li tipprovdi servizzi [(‘Servicekörperschaft’)], tkun tista’ tipprovdi lil din l-entità l-oħra servizzi ta’ kwalunkwe tip u filwaqt li tibbenefika mit-trattament fiskali favorevoli, filwaqt li tikkompeti ma’ fornituri ta’ servizzi li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament fiskali favorevoli?

2)      Il-fatt li l-entità li tipprovdi servizzi hija suġġetta, taħt dispożizzjonijiet legali dwar entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, għal restrizzjonijiet dwar b’mod partikolari l-użu tar-riżorsi u l-allokazzjoni tal-assi, jipprekludi l-kundizzjoni ta’ vantaġġ selettiv meħtieġ għal dan il-għan?

3)      Fil-każ li jkun hemm għajnuna: L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm bidla ta’ għajnuna koperta minn din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali kien diġà jipprevedi, qabel l‑1 ta’ Jannar 1958, trattament fiskali favorevoli għal attivitajiet ekonomiċi mwettqa bħala entità b’għan speċifiku iżda fejn, iktar tard, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-trattament fiskali favorevoli ġie estiż b’tali mod li entità li tipprovdi servizzi tista’ tipprovdi lil entitajiet oħra li jibbenefikaw minn trattament fiskali favorevoli servizzi ta’ kwalunkwe tip bi trattament fiskali favorevoli, filwaqt li tikkompeti ma’ fornituri ta’ servizzi li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament fiskali favorevoli?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda dwar is-selettività tal-miżura

19.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-miżura kontenzjuża twassalx għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika u, b’mod iktar partikolari, jekk tissodisfax il-kriterju ta’ selettività previst f’din id-dispożizzjoni, fid-dawl tar-restrizzjonijiet li għalihom huma suġġetti dawn l-entitajiet fil-qasam tal-użu tal-fondi u tal-allokazzjoni tal-assi tagħhom.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar is-selettività ta’ miżura fiskali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

20.      Infakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u jissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ miżura tal-Istat bħala għajnuna mill-Istat għall-fatt li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi, fosthom dik relatata mas-selettività tal-miżura inkwistjoni. Fil-qasam fiskali, din l-aħħar kundizzjoni hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għall-benefiċjarju, b’tali mod li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġeneralment jiġu eżaminati flimkien taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ selettiv” (14).

21.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li jista’, essenzjalment, jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (15).

22.      B’mod iktar partikolari, il-kundizzjoni relatata mas-selettività tal-miżura tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ analiżi fi tliet stadji. Essenzjalment, fl-ewwel stadju, għandu jiġi identifikat il-kuntest ta’ riferiment, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u, fit-tieni stadju, għandu jintwera li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn dan il-kuntest ta’ riferiment, sa fejn tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Madankollu, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix il-miżuri li jintroduċu tali distinzjoni u li għalhekk huma a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri, fit-tielet stadju, li din id-distinzjoni hija ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jifformaw parti minnha dawn il-miżuri (16).

23.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-miżura kontenzjuża. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali, li bħala prinċipju jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam fiskali, u, min-naħa l-oħra, ir-rata mnaqqsa tal-VAT, li taqa’ taħt id-Direttiva dwar il-VAT u li, għalhekk, hija s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

 Fuq is-selettività tal-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali

–       Fuq l-ewwel stadju tal-analiżi: l-identifikazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment

24.      Preliminarjament, infakkar li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (17).

25.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tar-rabta bejn ir-regoli applikabbli bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat u tal-effetti konkreti tagħhom. Is-selettività ta’ miżura fiskali ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ kuntest ta’ riferiment ikkostitwit minn xi dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ dan l-Istat li jkunu ġew artifiċjalment isseparati minn kuntest leġiżlattiv usa’. Konsegwentement, meta l-miżura fiskali inkwistjoni tkun inseparabbli mis-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-imsemmi Stat, għandu jsir riferiment għal din is-sistema. Għall-kuntrarju, meta jkun jidher li tali miżura tista’ tiġi sseparata b’mod ċar mill-imsemmija sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-kuntest ta’ riferiment li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun iktar ristrett mis-sistema ġenerali kkonċernata, jew saħansitra li jikkorrispondi għall-miżura nnifisha, meta din tkun regola li għandha loġika legali awtonoma u meta jkun impossibbli li jiġi identifikat korp ta’ regoli koerenti barra minn din il-miżura (18).

26.      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, barra mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u fl-osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi kostituttivi tat-taxxa, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, il-kuntest ta’ riferiment jew is-sistema fiskali “normali” li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni relatata mas-selettività (19). Din id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi tat-taxxa tinkludi l-bażi taxxabbli tagħha, il-fatt taxxabbli tagħha, iżda wkoll l-eventwali eżenzjonijiet marbuta ma’ din it-taxxa (20).

27.      Peress li l-qasam tat-tassazzjoni tal-kumpanniji u tal-attivitajiet professjonali ma huwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddefinixxi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-karatteristiċi kostituttivi tat-taxxa. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u tal-Liġi dwar it-Taxxa Professjonali, il-profitti minn attivitajiet ekonomiċi ta’ entitajiet stabbiliti fit-territorju Ġermaniż huma suġġetti għal dawn iż-żewġ taxxi. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tipprovdix iktar dettalji dwar il-karatteristiċi kostituttivi tal-imsemmija taxxi, billi tippreċiża biss li dawn għandhom l-għan li jintaxxaw b’mod uniformi d-dħul minn attività ekonomika.

28.      F’dan ir-rigward, u bla ħsara għall-evalwazzjoni fattwali li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, nikkonstata li ż-żewġ taxxi inkwistjoni jidhru li għandhom l-għan li jiżguraw dħul fiskali skont il-profitti minn attivitajiet ekonomiċi, probabbilment abbażi, b’mod partikolari, tal-prinċipju tal-kapaċità ta’ ħlas, mifhuma bħala l-kapaċità li titħallas it-taxxa skont id-dħul tal-kontribwent (21). B’mod iktar partikolari, jidhirli li l-bażi taxxabbli tal-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika hija ddeterminata, bħal dik tal-kumpanniji l-oħra, skont il-profitt nett li jirriżulta mill-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħhom matul is-sena ta’ tassazzjoni.

29.      Issa, ma jidhirx li l-eżenzjoni tal-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika mit-taxxi inkwistjoni hija konformi mar-raġuni għall-eżistenza ta’ dawn it-taxxi. Minn naħa, nikkonstata li l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati minn dawn l-entitajiet jistgħu jiġġeneraw profitti u, min-naħa l-oħra, inqis li s-sitwazzjoni partikolari tagħhom, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet li għalihom huma suġġetti fil-qasam tal-użu tal-fondi u tal-allokazzjoni obbligatorja tal-assi tagħhom (22), ma tipprekludix li jirċievu dawn il-profitti u għalhekk ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-kapaċità ta’ ħlas tagħhom. Għalkemm dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw il-possibbiltà tal-entitajiet ikkonċernati li jiddisponu mir-riżorsi ekonomiċi hekk akkumulati, huma, għall-kuntrarju, la jipprekludu l-kisba ta’ profitti u lanqas, konsegwentement, l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ ħlas.

30.      Fi kliem ieħor, l-eżenzjonijiet introdotti bil-miżura kontenzjuża ma humiex marbuta man-natura tal-profitti magħmula mill-entitajiet inkwistjoni, li, bħala tali, ma humiex differenti minn dawk derivanti minn kwalunkwe attività ekonomika. Pjuttost, huma marbuta mal-għan tal-attivitajiet eżerċitati, sa fejn dawn jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, kif ukoll mal-modalitajiet ta’ użu ta’ dawn il-profitti (23).

31.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, nirrimarka li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-eżenzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu ġġustifikati minn għanijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura mhux fiskali, fis-sens tas-sentenza Prezydent Miasta Mielca (24).

32.      Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura kontenzjuża emendat leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE jimmilita wkoll, fil-fehma tiegħi, kontra l-argument li jgħid li din il-miżura tagħmel parti mill-kuntest ta’ riferiment. Fil-fatt, ikun sorprendenti li jitqies li miżura adottata diversi deċennji wara l-istabbiliment tat-taxxi inkwistjoni tikkorrispondi għall-karatteristiċi essenzjali tagħhom kif jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni applikabbli oriġinarjament.

33.      Fl-aħħar mill-aħħar, bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju dwar il-karatteristiċi partikolari tat-taxxi inkwistjoni, inqis, prima facie, li l-miżura kontenzjuża ma tagħmilx parti mill-kuntest ta’ riferiment applikabbli.

–       Fuq it-tieni stadju tal-analiżi: l-eżistenza ta’ sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli

34.      Fil-każ li l-eżenzjonijiet previsti mill-miżura kontenzjuża jitqiesu li jidderogaw mill-kuntest ta’ riferiment, ikollu jiġi eżaminat jekk din il-miżura tintroduċix distinzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex minn dan il-kuntest, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

35.      F’dan il-każ, l-imsemmija miżura testendi għall-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika l-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali mogħtija lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ entitajiet jibbenefikaw għalhekk minn vantaġġ fiskali li minnu huma esklużi l-entitajiet l-oħra, b’mod partikolari l-impriżi bi skop ta’ lukru. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika jinsabux, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-impriżi suġġetti għal dawn it-taxxi.

36.      F’dan ir-rigward, nosserva li, skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tal-imsemmija taxxi jikkonsisti fl-intaxxar b’mod uniformi tad-dħul minn attività ekonomika. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan l-għan li għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi partikolari tal-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika (25) humiex ta’ natura li jqegħduhom f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-entitajiet l-oħra suġġetti għall-istess taxxi.

37.      Preliminarjament, nirrileva li, kif issostni l-qorti tar-rinviju u kif tenfasizza l-Kummissjoni, it-tfittxija ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali ma hijiex biżżejjed, waħedha, biex tiġi eskluża n-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, peress li tali għanijiet huma inerenti għall-parti l-kbira tal-miżuri tal-Istat li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (26). Għall-kuntrarju, lanqas il-fatt li l-miżura kontenzjuża jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni ma huwa biżżejjed biex tiġi stabbilita n-natura selettiva tagħha.

38.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-karatteristiċi partikolari tal-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet li għalihom huma suġġetti fil-qasam tal-użu tal-fondi u tal-allokazzjoni obbligatorja tal-assi tagħhom, humiex ta’ natura li jqegħduhom f’sitwazzjoni fattwali jew legali differenti minn dik tal-entitajiet suġġetti għat-taxxi inkwistjoni.

39.      F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Paint Graphos et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li vantaġġ fiskali li ma kienx japplika għall-operaturi ekonomiċi kollha iżda kien jingħata fid-dawl tal-forma legali tal-impriża, jiġifieri biss lis-soċjetajiet kooperattivi, ma kienx selettiv, minħabba li l-soċjetajiet kooperattivi kienu josservaw prinċipji ta’ funzjonament partikolari li kienu jiddistingwuhom mill-operaturi ekonomiċi l-oħra. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-prinċipji kienu jsibu l-espressjoni tagħhom essenzjalment fil-prinċipju tal-preeminenza tal-persuna, li kien jiġi kkonkretizzat permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni, ta’ rtirar u ta’ esklużjoni tal-membri, kif ukoll permezz ta’ restrizzjonijiet fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-assi u tar-riżervi, li kellhom jiġu ddistribwiti lil entitajiet kooperattivi oħra li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali simili (27).

40.      Kif tirrileva l-Kummissjoni, it-tagħlim mis-sentenza Paint Graphos et huwa rilevanti, jew saħansitra determinanti, f’din il-kawża, peress li din is-sentenza hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet komparabbli ma’ dawk li jeżistu f’dan il-każ.

41.      Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidhirli li r-restrizzjonijiet relatati mal-użu tal-fondi u mal-allokazzjoni obbligatorja tal-assi għandhom effett fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika b’mod paragunabbli għal dak fir-rigward tas-soċjetajiet kooperattivi eżaminati fis-sentenza msemmija. L-assenza ta’ skop ta’ lukru, l-obbligu ta’ allokazzjoni tal-assi kif ukoll ir-restrizzjonijiet li għalihom huma suġġetti dawn l-entitajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi jiddistingwuhom mill-entitajiet suġġetti għat-taxxi inkwistjoni, li jistgħu jfittxu l-interess ekonomiku tagħhom u, jekk ikun il-każ, jibbenefikaw mill-assi tagħhom waqt il-likwidazzjoni tagħhom.

42.      Għaldaqstant, anki jekk, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet eżerċitati mill-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika huma, minn perspettiva oġġettiva, paragunabbli mal-provvista ta’ servizzi fis-suq u, għalhekk, ma’ dawk eżerċitati minn kwalunkwe impriża kompetitriċi, dawn l-entitajiet huma suġġetti għal regoli partikolari li huma ta’ natura li jiddistingwu, minn perspettiva suġġettiva, is-sitwazzjoni legali u fattwali tagħhom minn dik tal-impriżi kompetituri l-oħra suġġetti għat-taxxi inkwistjoni.

43.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-kuntest ta’ riferiment, l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika ma jinsabux f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-entitajiet suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji u għat-taxxa professjonali.

–       Fuq it-tielet stadju tal-analiżi: il-ġustifikazzjoni abbażi tal-prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali

44.      Fil-każ li l-miżura kontenzjuża titqies li hija, prima facie, selettiva (28), għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-Istat Membru kkonċernat huwiex f’pożizzjoni li juri li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata sa fejn tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali.

45.      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet attribwiti lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali nnifisha li huma meħtieġa biex jintlaħqu tali għanijiet. Konsegwentement, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan estern għas-sistema ta’ tassazzjoni li jagħmlu parti minnha ma jistgħux jaħarbu mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE (29).

46.      Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ koerenza ta’ vantaġġ partikolari mhux biss mal-karatteristiċi inerenti għas-sistema fiskali inkwistjoni, iżda wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din is-sistema. Fi kwalunkwe każ, sabiex eżenzjonijiet fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat, ikollu jiġi żgurat ukoll li dawn ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ, fis-sens li l-għan leġittimu mfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas estensivi (30).

47.      F’dan il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda element rilevanti li jippermetti li tiġi kkunsidrata tali ġustifikazzjoni. Il-Gvern Ġermaniż isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tassazzjoni derogatorja tal-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru tagħmel parti integrali minn kważi s-sistemi fiskali kollha tal-Istati Membri u hija rrikonoxxuta mid-Direttiva (UE) 2022/2523 (31). Huwa jsostni li l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru ġeneralment ma jiġġenerawx dħul taxxabbli, b’tali mod li jkun kuntrarju għan-natura tas-sistema fiskali li dawn jiġu suġġetti għal tassazzjoni sħiħa. Skont dan il-gvern, din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll għall-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika msemmija fil-miżura kontenzjuża, li huma differenti mill-entitajiet l-oħra mingħajr skop ta’ lukru biss minħabba l-fatt li jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali tagħhom fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra.

48.      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li diversi Stati Membri jipprevedu, fis-sistema fiskali tagħhom, tassazzjoni derogatorja tal-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, inqis li dan l-element, ta’ natura ġenerali, ma jistax, waħdu, juri l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni f’dan il-każ. L-istess japplika għall-fatt li, abbażi tal-Artikolu 2(3)(a) ta’ din id-direttiva, l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru kif iddefiniti mill-punt 11 tal-Artikolu 3 tagħha, huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tassazzjoni minima prevista mid-direttiva msemmija. Fil-fatt, peress li ma kkunsidratx din il-possibbiltà ta’ esklużjoni, il-qorti tar-rinviju ma identifikatx il-prinċipji fundamentali jew gwida rilevanti tas-sistema fiskali Ġermaniża u, barra minn hekk, ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li l-eżenzjonijiet inkwistjoni, li minnhom jibbenefikaw entitajiet li ma jfittxux huma stess għanijiet ta’ interess ġenerali, iżda li jikkooperaw ma’ entitajiet oħra sabiex dawn jintlaħqu, jirriżultaw direttament minn tali prinċipji (32).

 Fuq is-selettività tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ

–       Fuq l-ewwel stadju tal-analiżi: l-identifikazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment

49.      Preliminarjament, nosserva li r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ taqa’ taħt qasam li huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li japplika għat-taxxa fuq il-kumpanniji u għat-taxxa professjonali, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-leġiżlatur Ġermaniż fid-determinazzjoni tas-sistema applikabbli huwa llimitat b’mod strett mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt tal-Unjoni.

50.      F’dan il-każ, inqis, bħall-Kummissjoni, li l-kuntest ta’ riferiment huwa kkostitwit mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, interpretata fid-dawl ta’ din id-direttiva u tal-prinċipji li jirriżultaw minnha.

51.      Fil-fatt, id-direttiva msemmija nnifisha tipprevedi ċerti eċċezzjonijiet u ċerti rati mnaqqsa, li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun obbligatorja jew fakultattiva għall-Istati Membri. Għaldaqstant, ir-regoli hekk previsti mill-istess direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom, jikkostitwixxu l-kuntest ta’ riferiment (33).

52.      B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-istess rata tal-VAT, jiġifieri r-rata normali ffissata minn kull Stat Membru, tapplika għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi (34). B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 98 tagħha jipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa tal-VAT. Għal dawn il-finijiet, l-Anness III ta’ din id-direttiva jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija f’dan l-Artikolu 98 (35).

53.      Huwa għalhekk fid-dawl tal-għan imfittex minn dawn ir-regoli li għandu jiġi vverifikat, matul it-tieni stadju tal-analiżi, jekk il-miżura kontenzjuża, sa fejn tipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tintroduċix differenza fit-trattament bejn operaturi li, fid-dawl ta’ dan l-għan, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

–       Fuq it-tieni stadju tal-analiżi: l-eżistenza ta’ sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli

54.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura kontenzjuża tintroduċix differenza fit-trattament bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ prevista favur l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika taqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti jew ta’ provvisti ta’ servizzi li għalihom l-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa u li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness III tagħha.

55.      Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement mal-punt 15 ta’ dan l-anness, “il-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala devoti għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri u impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” tista’ tkun suġġetta għal rati mnaqqsa (36).

56.      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 98 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ma hijiex obbligatorja. Din tikkostitwixxi possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, b’deroga mill-prinċipju li jgħid li tapplika r-rata normali. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li għandhom in-natura ta’ deroga minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (37).

57.      F’dan il-każ, ir-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ 7 % applikabbli għall-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika tosserva l-limitu minimu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(1) ta’ din id-direttiva (38). Għalhekk, għad irid jiġi vverifikat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa josservax il-limiti ffissati f’din id-dispożizzjoni, li huma speċifikati fil-punt 15 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva.

58.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlatur Ġermaniż eċċeda l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilu mill-imsemmija dispożizzjoni. Minn naħa, l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika ma jistgħux jitqiesu bħala entitajiet impenjati f’xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali għas-sempliċi fatt li jipprovdu servizzi lil klijent mingħajr skop ta’ lukru li, min-naħa tiegħu, jeżerċita tali attività, meta l-provvisti ta’ servizzi mwettqa ma jkunux differenti minn dawk offruti minn kompetituri oħra (39). Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti huwa usa’ minn dak previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (40).

59.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huma ssodisfatti. Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex stabbilit li l-leġiżlatur Ġermaniż iddefinixxa l-kunċett ta’ “organizzazzjonijiet […] impenjati fix-xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali” b’mod wiesa’ biżżejjed biex ikopri wkoll l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika msemmija fil-miżura kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jidhirli li huwa diffiċli li jitqies li dan il-kunċett jista’ jinkludi kull tip ta’ entità ta’ servizzi ta’ utilità pubblika msemmija fil-miżura kontenzjuża mingħajr ma jinqabeż il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri bis-saħħa tal-punt 15 tal-Anness III ta’ din id-direttiva.

60.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li, sa fejn tipprevedi rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, il-miżura kontenzjuża tintroduċi differenza fit-trattament bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-kuntest ta’ riferiment, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

–       Fuq it-tielet stadju tal-analiżi: il-ġustifikazzjoni abbażi tal-prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali

61.      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali (41), nikkonstata li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element li jista’ jsostni tali ġustifikazzjoni.

62.      Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-livell ta’ armonizzazzjoni mwettaq mid-Direttiva dwar il-VAT, ma tistax tiġi aċċettata ġustifikazzjoni inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (42).

 Konklużjoni dwar l-ewwel u t-tieni domanda

63.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-miżura kontenzjuża:

–        meta tagħti lill-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali, ma tagħtix vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat;

–        meta tipprevedi, favur dawn l-entitajiet, rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tagħti vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda dwar il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida”

64.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li l-miżura kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, din tikkostitwixxix “għajnuna ġdida”, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE. Din il-kwistjoni tqum peress li l-miżura kontenzjuża ma toħloqx skema ta’ għajnuna kompletament ġdida, iżda testendi l-benefiċċju ta’ miżura ta’ għajnuna eżistenti, preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE, jiġifieri fl‑1 ta’ Jannar 1958.

65.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita bl-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi li l-proġetti intiżi biex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew biex tinbidel għajnuna eżistenti għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien utli, lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali (43).

66.      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (44), b’“għajnuna ġdida” għandha tinftiehem kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali li ma tkunx għajnuna eżistenti, inkluż kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti, filwaqt li “għajnuna eżistenti” hija ddefinita, fl-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-regolament, bħala kull għajnuna li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali implimentati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE fl-Istati Membri rispettivi u li jkunu għadhom applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. B’mod iktar partikolari, it-tibdil ta’ għajnuna eżistenti li jagħti lok għal għajnuna ġdida huwa ddefinit, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (45), bħala kull tibdil minbarra l-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma humiex ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Bis-saħħa tal-Artikolu 4(2)(c) ta’ dan ir-regolament, l-issikkar tal-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata huwa fost il-modifiki ta’ għajnuna eżistenti li, bħala prinċipju, għandhom jiġu nnotifikati.

67.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-grupp ta’ benefiċjarji li għalihom huwa previst l-għoti ta’ din l-għajnuna sabiex tiġi vverifikata, b’mod partikolari, in-natura selettiva ta’ din il-miżura (46). Minn dan isegwi li tibdil tal-kriterji li abbażi tagħhom jiġu identifikati l-benefiċjarji ta’ għajnuna ma huwiex limitat għal tibdil ta’ natura purament formali jew amministrattiva, iżda jikkostitwixxi element li l-effetti tiegħu jistgħu jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw il-kwistjoni dwar jekk miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, konsegwentement, il-ħtieġa li din l-għajnuna tiġi nnotifikata konformement mal-obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (47).

68.      F’dan il-każ, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-vantaġġ fiskali mogħti lill-entitajiet kummerċjali ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ lukru ġie introdott sa mis-sena 1953, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE, u li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, il-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ kien limitat għall-entitajiet li jfittxu huma stess għan statutorju li jagħti dritt għal vantaġġ fiskali.

69.      Sussegwentement, huwa paċifiku li l-miżura kontenzjuża, adottata matul is-sena 2020, la ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lanqas a fortiori ma ġiet awtorizzata minnha.

70.      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li din il-miżura biddlet il-kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna u, b’mod iktar partikolari, wessgħet il-grupp ta’ dawn il-benefiċjarji billi ppermettiet lil għadd ikbar ta’ entitajiet, inkluża l-konvenuta fil-kawża prinċipali, jibbenefikaw minnha.

71.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa evidenti li l-miżura msemmija ma hijiex limitata għal tibdil ta’ natura purament formali jew amministrattiva ta’ għajnuna eżistenti, iżda tbiddel il-grupp tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna b’mod li jista’ jaffettwa l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat. Għalhekk, dan huwa tibdil ta’ għajnuna eżistenti li, konformement mal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, jikkostitwixxi għajnuna ġdida u li għalhekk huwa suġġett għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn il-vantaġġi fiskali inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi jiġi estiż għal kategoriji oħra ta’ benefiċjarji tikkostitwixxi “għajnuna ġdida”, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

 Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) kif ġej:

1)      L-Artikolu 107(1) TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-miżura kontenzjuża:

–      meta tagħti lill-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali, ma tagħtix vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat;

–      meta tipprevedi, favur dawn l-entitajiet, rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tagħti vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 108(3) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE],

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sa fejn il-vantaġġi fiskali inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi jiġi estiż għal kategoriji oħra ta’ benefiċjarji tikkostitwixxi “għajnuna ġdida”, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 tal-5 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 107, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).


3      BGBl. 2002 I, p. 4146.


4      BGBl. 2002 I, p. 4170.


5      BGBl. 2005 I, p. 386. Il-verżjoni riprodotta fid-deċiżjoni tar-rinviju hija dik kif emendata bil-Wachstumschancengesetz (il-Liġi dwar l-Opportunitajiet ta’ Tkabbir), tas‑27 ta’ Marzu 2024 (BGBl. 2024 I Nru 108).


6      BGBl. 2002 I, p. 3866.


7      Jiġifieri entità li tfittex esklużivament u direttament għan statutorju ta’ utilità pubblika, karitatevoli jew reliġjuż.


8      Bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE, entità mingħajr skop ta’ lukru tista’ tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-taxxa professjonali, kif ukoll minn rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ 7 %.


9      B’mod partikolari, restrizzjonijiet fil-qasam tal-użu tal-fondi u għal obbligi ta’ allokazzjoni tal-assi tagħhom.


10      Dan l-artikolu ġie introdott bil-Jahressteuergesetz 2020 (il-Liġi Fiskali Annwali tal‑2020) tal‑21 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 3125).


11      Din hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, imsejħa mill-qorti tar-rinviju taħt il-prewdonimu Servicekörperschaft li ġiet ikkostitwita matul is-sena 2022 sabiex tipprovdi, bi ħlas, servizzi ta’ ġestjoni finanzjarja u ta’ kontabbiltà lil fondazzjoni rrikonoxxuta bħala entità mingħajr skop ta’ lukru li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tibbenefika mill-vantaġġi fiskali inkwistjoni, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ppjanata magħha.


12      Skont l-istatuti tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tfittex esklużivament u direttament, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ppjanata ma’ din il-fondazzjoni, għanijiet statutorji ta’ utilità pubblika u karitatevoli li jikkonsistu fil-promozzjoni tas-saħħa pubblika u tal-kura tas-saħħa pubblika, fl-għajnuna lill-persuni fil-bżonn, kif ukoll fl-appoġġ għax-xjenza u għar-riċerka, għall-edukazzjoni, għall-arti u għall-kultura. Dawn l-għanijiet jikkorrispondu għal dawk tal-imsemmija fondazzjoni, li l-istatuti tagħha madankollu ma jsemmux il-kooperazzjoni mal-konvenuta fil-kawża prinċipali.


13      Essenzjalment, it-talba tal-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet, inizjalment, intlaqgħet mill-awtorità tat-taxxa, qabel ma ġiet miċħuda minn din tal-aħħar għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni fiskali kienet teżiġi li l-entità li magħha tiġi stabbilita l-kooperazzjoni kif ukoll il-modalitajiet tagħha jissemmew fl-istatuti taż-żewġ entitajiet. Issa, l-istatuti tal-fondazzjoni la kienu jsemmu l-eżistenza ta’ kooperazzjoni ppjanata mal-konvenuta fil-kawża prinċipali u lanqas il-modalitajiet ta’ din il-kooperazzjoni. Wara din iċ-ċaħda, il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) laqgħet, permezz ta’ sentenza, ir-rikors tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. L-awtorità tat-taxxa għalhekk ippreżentat rikors għal reviżjoni minn din is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi).


14      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Prezydent Miasta Mielca”, EU:C:2025:285, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE jirrigwardaw l-oriġini statali tal-miżura, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Peress li l-qorti tar-rinviju tqajjem dubji biss dwar in-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, għall-finijiet ta’ din l-analiżi ser nitlaq mill-premessa li l-kundizzjonijiet l-oħra, li l-eżistenza tagħhom għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, huma ssodisfatti.


15      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Prezydent Miasta Mielca (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara s-sentenza Prezydent Miasta Mielca (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, żball fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment neċessarjament jivvizzja l-analiżi kollha tal-kundizzjoni relatata mas-selettività (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


18      Ara s-sentenza Prezydent Miasta Mielca (punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Skont l-Avukata Ġenerali Kokott, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment, l-istħarriġ eżerċitat mill-Kummissjoni u mill-qrati tal-Unjoni fuq din is-sistema huwa limitat għal stħarriġ tal-plawżibbiltà, intiż biex jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex imfassla b’mod manifestament inkoerenti jew jekk l-awtoritajiet nazzjonali japplikawhiex b’mod manifestament contra legem (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda Atlas Copco Airpower et vs Il‑Kummissjoni (C‑755/23 P u C‑756/23 P, EU:C:2026:264, punti 38 sa 41)).


20      Ara s-sentenza Prezydent Miasta Mielca (punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Essenzjalment, dan il-prinċipju, bħala espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, jimplika li kulħadd għandu jikkontribwixxi għall-finanzi tal-Istat skont il-kapaċitajiet ekonomiċi individwali tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2025, Fachverband Spielhallen u LM vs Il‑Kummissjoni, (T‑510/20 RENV, EU:T:2025:629, punt 43)).


22      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Għall-kuntrarju, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali u legali tal-entitajiet ikkonċernati, li hija s-suġġett tat-tieni stadju tal-analiżi dwar is-selettività (ara l-punti 34 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


24      Ara l-punt 51 ta’ din is-sentenza.


25      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, peress li l-miżura kontenzjuża testendi għall-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika l-vantaġġi fiskali mogħtija lil tal-ewwel u tissuġġettahom għall-istess kundizzjonijiet. Fil-bqija tal-analiżi tiegħi, għal finijiet ta’ konċiżjoni, ser nillimita ruħi biex insemmi l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika, li huma s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.


26      Għall-kuntrarju, dan il-fatt jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna.


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Paint Graphos et”, EU:C:2011:550, punti 55 sa 60). B’mod iktar partikolari, skont il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni f’dik il-kawża, is-soċjetajiet kooperattivi, l-ewwel nett, ma kinux ġestiti għall-benefiċċju ta’ investituri esterni, peress li r-riżervi u l-assi tagħhom kienu miżmuma b’mod komuni, indiviżibbli u ddedikati għall-interessi tal-membri tagħhom; sussegwentement, dawn is-soċjetajiet kellhom bħala għan il-benefiċċju reċiproku tal-membri tagħhom, li kienu fl-istess ħin utenti, klijenti jew fornituri, b’tali mod li kull wieħed minnhom kien jibbenefika mill-attivitajiet tal-kooperattiva skont is-sehem tiegħu fiha kif ukoll skont it-tranżazzjonijiet tiegħu ma’ din is-soċjetà; fl-aħħar nett, is-soċjetajiet imsemmija kellhom ftit jew ebda aċċess għas-swieq tal-kapital, b’tali mod li l-iżvilupp tagħhom kien jiddependi mill-fondi tagħhom stess jew mill-kreditu, filwaqt li r-remunerazzjoni tal-kapital misluf u tal-ishma kienet limitata, u dan kien jagħmel l-investiment f’tali soċjetajiet inqas vantaġġuż. Konsegwentement, il-marġni ta’ profitt tagħhom kien sinjifikattivament iktar baxx minn dak tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, li kienu f’pożizzjoni aħjar biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tas-suq.


28      Jiġifieri meta din il-miżura tintroduċi eventwali differenza fit-trattament bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Paint Graphos et (punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Paint Graphos et (punti 73 sa 75).


31      Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU 2022, L 328, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 13, p. 9).


32      Pereżempju, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Paint Graphos et, il-possibbiltà li tiġi invokata n-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali nazzjonali biex jiġi ġġustifikat li l-soċjetajiet kooperattivi li jiddistribwixxu l-profitti kollha tagħhom lill-membri tagħhom ma jiġux intaxxati fil-livell tal-kooperattiva kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li t-taxxa kienet tinġabar fil-livell tal-membri tagħhom (ara, f’dan is-sens, il-punt 71 ta’ din is-sentenza).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2026, Schoger II (C‑360/25, EU:C:2026:557, punt 52).


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium (C‑573/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Oxycure Belgium”, EU:C:2017:189, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenza Oxycure Belgium (punt 21). L-għan ta’ dan l-anness huwa li ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment meħtieġa jsiru inqas għaljin, u għalhekk iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iġarrab il-VAT (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata ta’ din is-sentenza). Fir-rigward tal-kontenut speċifiku tal-imsemmi anness, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni lil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li, meta jadotta miżura ta’ natura fiskali, huwa jkollu jagħmel għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u jikklassifika interessi diverġenti skont l-importanza tagħhom jew iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata tas-sentenza msemmija).


36      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 tal‑5 ta’ April 2022 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 fir-rigward tar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2022, L 107, p. 1), li daħlet fis-seħħ wara l-fatti tal-każ. Fil-verżjoni tagħha attwalment fis-seħħ, l-imsemmija dispożizzjoni, li t-termini tagħha jibqgħu essenzjalment l-istess, tipprevedi b’mod partikolari li “[l]-provvista ta’ merkanzija u servizzi minn organizzazzjonijiet impenjati f’xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali kif definit mill-Istati Membri u rikonoxxuti bħala ddedikati għall-benesseri soċjali mill-Istati Membri” tista’ tkun suġġetta għal rati mnaqqsa.


37      Ara s-sentenza Oxycure Belgium (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Fil-fatt, l-entitajiet ta’ servizzi ta’ utilità pubblika jibbenefikaw minn rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ 7 %, jiġifieri rata ogħla mil-limitu minimu ta’ 5 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(1) tad-Direttiva dwar il-VAT.


39      Din il-qorti tenfasizza, bħala eżempju, li s-servizzi ta’ ġestjoni finanzjarja u ta’ kontabbiltà pprovduti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali ma humiex differenti mill-attivitajiet simili offruti mill-kompetituri tagħha.


40      Skont l-imsemmija qorti, dan il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi b’mod partikolari x-xjenza u r-riċerka, l-arti u l-kultura (oqsma li fihom topera l-fondazzjoni li tikkoopera b’mod ippjanat mal-konvenuta fil-kawża prinċipali), il-preżervazzjoni tal-patrimonju storiku, il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-pajsaġġi, l-ispirtu internazzjonali, il-protezzjoni kif ukoll it-trobbija tal-annimali. Għaldaqstant, il-klijent mingħajr skop ta’ lukru ta’ entità ta’ servizzi ta’ utilità pubblika ma huwiex neċessarjament entità impenjata f’xogħol ta’ assistenza soċjali jew ta’ sigurtà soċjali.


41      Ara l-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2026, Schoger II (C‑360/25, EU:C:2026:557, punt 56).


43      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et (C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


45      Regolament tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89).


46      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel (C‑585/17, EU:C:2019:969, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel (C‑585/17, EU:C:2019:969, punt 61). Fil-fatt, it-tibdil tal-għadd ta’ benefiċjarji jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-miżura kontenzjuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat.