KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑4 ta’ Diċembru 2025 ( 1 )

Kawża C‑528/24 [Boothnesse] ( i )

LQ,

NT,

RM

intervenjent:

Minister for Justice and Equality

(Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l‑Irlanda))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra – Titolu VII tat-Tielet Parti – Konsenja ta’ persuna lir-Renju Unit għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali – Artikolu 604(c) u Artikolu 625 – Possibbiltà ta’ prosekuzzjoni għal reati oħra – Regola ta’ speċjalità – Kunċett ta’ ‘reat [...] minbarra dak li għalih il-persuna ġiet ikkonsenjata’ – Disprezz tal-qorti – Sitt xhur priġunerija – Ċaħda tal-libertà – Kunċett awtonomu – Possibbiltà li tiġi invokata r-regola ta’ speċjalità quddiem qorti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 6, Artikolu 47 u Artikolu 49(1) – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà tal-pieni – Garanziji addizzjonali li għandhom jingħataw mill-Istat emittenti)

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra ( 2 ) (iktar’ il quddiem il-“FKK”), moqri flimkien mal-Artikoli 47, 48 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.

Ir-regola ta’ speċjalità ( 3 ), garanzija bażika tad-dritt ta’ estradizzjoni u ta’ konsenja, hija prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, li jipprovdi li, minbarra f’ċerti każijiet, persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha għajr dak li fir-rigward tiegħu l-persuna tkun ġiet ikkonsenjata.

3.

Din il-kawża tqum fil-kuntest ta’ proċedura eżekutorja ta’ tliet mandati ta’ arrest maħruġa skont il-FKK minn qorti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Dawn il-mandati huma intiżi għall-konsenja ta’ tliet persuni, LQ, NT u RM, lir-Renju Unit sabiex jiġu mħarrka għal reati marbuta ma’ frodi. Dawn il-persuni jopponu l-konsenja tagħhom billi jsostnu li din tikser ir-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, peress li huma jkunu obbligati jiskontaw piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur għal disprezz tal-qorti minħabba li aġixxew bi ksur ta’ digrieti ta’ sekwestru mogħtija minn qorti tar-Renju Unit. Peress li d-disprezz tal-qorti ma jikkostitwixxix reat kriminali fir-Renju Unit, dan ma huwiex inkluż f’mandat għall-finijiet ta’ konsenja.

4.

F’dan il-kuntest, il-kawża tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 625(2) tiegħu, meta d-dritt tal-Istat li jitlob il-konsenja (iktar ’il quddiem l-“Istat emittenti”) ma jikklassifikax bħala reat kriminali l-aġir li jagħti lok għal ċaħda tal-libertà. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “reat [...] minbarra dak li għalih il-persuna ġiet ikkonsenjata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

5.

Din il-kawża tqiegħed attenzjoni partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-regola ta’ speċjalità għandhiex titqies bħala dritt infurzabbli tal-individwu, pjuttost milli bħala regola intergovernattiva bejn l-Istati ( 4 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Il-FKK

6.

L-Artikolu 4 tal-FKK, intitolat “Il-liġi internazzjonali pubblika”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u ta’ kull ftehim supplimentari għandhom jiġu interpretati in bona fede fis-sens ordinarju tagħhom fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-oġġettiv u l-iskop tal-ftehim f’konformità mar-regoli konswetudinarji ta’ interpretazzjoni tad-liġi internazzjonali pubblika, inkluż dawk kodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, magħmula fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju tal‑1969 [iktar il-quddiem il-‘KVLT’ ( 5 )].”

7.

L-Artikolu 524 tal-FKK, intitolat “Il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”, jipprovdi:

“1.   Il-kooperazzjoni prevista f’din il-Parti hija bbażata fuq ir-rispett fit-tul tal-Partijiet u tal-Istati Membri għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem [adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948] u fil-[Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) ( 6 )], u fuq l-importanza li d-drittijiet u l-libertajiet f’dik il-Konvenzjoni jingħataw effett domestikament.

2.   Xejn f’din il-Parti ma jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali kif riflessi, b’mod partikolari, fil-[KEDB] u, fil-każ tal-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri tagħha, fil-[Karta]”.

8.

L-Artikolu 599 tal-FKK, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli bil-liġi tal-Istat li joħroġ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi jew ordnijiet ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4, il-konsenja hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-atti li għalihom ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest jikkostitwixxu reat skont id-dritt tal-Istat eżekutorju, ikunu xi jkunu l-elementi kostitwenti tiegħu jew il-mod li bih ikun deskritt.”

9.

L-Artikolu 604(c) tal-FKK jipprovdi:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun soġġetta għall-garanziji li ġejjin:[

[…]

(c)

jekk ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob, kif xieraq, garanziji addizzjonali fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l-konsenja tal-persuna qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest.”

10.

L-Artikolu 611 tal-FKK jipprovdi:

“1.   Jekk il-persuna arrestata tindika l-kunsens tagħha għal konsenja, dak il-kunsens u, jekk meħtieġ, ir-rinunzja espliċita għad-dritt għar-‘regola ta’ speċjalità’, imsemmija fl-Artikolu 625(2), irid jingħata quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.   Kull Stat għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-kunsens u, fejn xieraq, ir-rinunzja, kif imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna konċernata tkun esprimiethom volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak l-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat.

[…]”

11.

L-Artikolu 613(2) tal-FKK jipprovdi:

“Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat emittenti ma tkunx biżżejjed biex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija għandha titlob li l-informazzjoni supplementari meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 597, l-Artikoli 600 sa 602, l-Artikolu 604 u l-Artikolu 606, tiġi pprovduta b’urġenza u tista’ tiffissa limitu ta’ żmien biex tirċeviha [...]”

12.

L-Artikolu 625 tal-FKK, intitolat “Prosekuzzjoni possibbli għal reati oħrajn”, jipprovdi:

“1.   Ir-Renju Unit u l-Unjoni, li taġixxi f’isem kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, jistgħu kull wieħed jinnotifikaw lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja [iktar ’il quddiem, il-“Kumitat Speċjalizzat] li, f’relazzjonijiet ma’ Stati oħra li għalihom tapplika l-istess notifika, il-kunsens ikun preżunt li ngħata għall-prosekuzzjoni, għas-sentenzjar jew għad-detenzjoni ta’ persuna bil-ħsieb li tiġi eżegwita piena li ċċaħħad il-libertà jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja ta’ persuna, minbarra dak li għalih ġiet ikkonsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, sentenzjata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja ta’ dik il-persuna minbarra dak li għalih il-persuna ġiet ikkonsenjata.

3.   Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(b)

ir-reat ma jkunx punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà jew b’ordni ta’ detenzjoni;

[…]

(d)

il-persuna tista’ tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok penali finanzjarja, anke jekk il-piena jew il-miżura tista’ twassal għal restrizzjoni tal-libertà personali tal-persuna;

(e)

il-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li l-persuna rrinunzjat għar-regola tal-ispeċjalità, skont l-Artikolu 611;

(f)

il-persuna, wara l-konsenja tal-persuna, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola tal-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tal-persuna; ir-rinunzja trid tiġi mogħtija quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat emittenti u tiġi rreġistrata skont il-liġi domestika ta’ dak l-Istat; Ir-rinunzja trid issir b’mod li jkun jidher ċar li l-persuna tagħtu volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi; għal dan il-għan, il-persuna rikjesta għandu jkollha d-dritt għal avukat; u

(g)

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 606(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 606(2). Il-kunsens għandu jingħata fejn i-reat li għalih jintalab minnu nnifsu jkun soġġett għal konsenja f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. Il-kunsens għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 600 u mill-bqija jista’ jiġi miċħud biss għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 601, jew l-Artikolu 602(2) u l-Artikolu 603(2). Id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn 30 jum wara li tiġi rċevuta t-talba. Għas-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 604, l-Istat emittenti jrid jagħti l-garanziji previsti fih.”

B. Id-dritt Irlandiż

13.

Il-proċedura ta’ konsenja tal-FKK hija prevista u implimentata fid-dritt Irlandiż mill-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), li l-Artikolu 22 tagħha jipprovdi li, bla ħsara għal din is-sezzjoni, il-High Court (il-Qorti Għolja) għandha tirrifjuta li tikkonsenja persuna skont dan l-att jekk tqis li d-dritt tal-Istat emittenti ma jipprevedix li persuna kkonsenjata lilu skont mandat ta’ arrest rilevanti ma tiġix imħarrka, ikkundannata jew miżmuma għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, jew ma tiġix suġġetta għal miżura oħra li tirrestrinġi l-libertà personali tagħha, minħabba reat, u l-persuna tiġi mħarrka, ikkundannata jew miżmuma għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, jew tiġi suġġetta għal miżura oħra li tirrestrinġi l-libertà personali tagħha, minħabba reat.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.

LQ, NT u RM, ir-rikorrenti, huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fir-Renju Unit minħabba frodi li huma allegatament wettqu fil-kwalità tagħhom ta’ koproprjetarji u ta’ amministraturi ta’ kumpannija. L-allegata attività frawdolenti speċifikata fil-mandat tikkonċerna dikjarazzjonijiet foloz u eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tiswija mhux meħtieġa (u frekwenti) li għalihom huma ffatturaw b’mod kunsiderevoli lis-sidien tal-beni, fil-parti l-kbira persuni anzjani.

15.

F’Marzu 2021, ir-Reading Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Reading, ir-Renju Unit) ħarġet digrieti ta’ sekwestru intiżi li jiżguraw li l-assi ta’ din il-kumpannija kif ukoll ta’ LQ, NT u RM ikunu disponibbli bħala kumpens għall-persuni allegatament leżi fil-każ ta’ kundanni ( 7 ). Fil‑5 ta’ Awwissu 2021, din il-qorti ddeċidiet li LQ, NT u RM ma kinux ikkonformaw ruħhom mad-digrieti ta’ sekwestru u, konsegwentement, ikkundannat fil-kontumaċja lil kull wieħed minnhom għal disprezz tal-qorti, u imponiet pieni ta’ priġunerija ta’ sitt xhur fir-rigward ta’ kull rikorrent.

16.

Fis‑6 ta’ Diċembru 2022, il-Portsmouth Magistrates’ Court (United Kingdom) (il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Portsmouth, ir-Renju Unit), l-awtorità ġudizzjarja, ħarġet tliet mandati ta’ arrest abbażi tal-FKK, intiżi għall-konsenja ta’ LQ, ta’ NT u ta’ RM, bil-għan li jiġu mħarrka għal reati ta’ frodi. F’dawn il-mandati ta’ arrest, din l-awtorità indikat li, sa fejn il-ksur tal-miżuri ta’ ffriżar tal-assi ma jikkostitwixxix reat kriminali skont id-dritt Ingliż, il-konstatazzjoni tar-Reading Crown Court (il-Qorti tal-Kuruna ta’ Reading) li r-rikorrenti kienu kisru d-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-assi u li nstabu ħatja ta’ disprezz tal-qorti ma tfissirx li tali atti jikkostitwixxu reati, b’tali mod li dawn il-mandati ta’ arrest għandhom jitqiesu li nħarġu esklużivament għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni minħabba frodi ( 8 ).

17.

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ April 2024, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ċaħdet l-oppożizzjoni għall-konsenja mressqa minn LQ, NT u RM u, permezz ta’ digrieti tal-istess jum, ordnat il-konsenja tagħhom lir-Renju Unit.

18.

Fil‑5 ta’ Ġunju 2024, LQ, NT u RM ġew awtorizzati jappellaw quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju.

19.

Quddiem din il-qorti, LQ, NT u RM isostnu li l-konsenja tagħhom lir-Renju Unit għandha tiġi rrifjutata, peress li tikkostitwixxi ksur tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 22(2) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u fl-Artikolu 625 tal-FKK.

20.

Fl-appell, ir-rikorrenti sostnew li l-kelma “reat” li tinsab fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandha tingħata tifsira awtonoma, iktar milli tkun ibbażata fuq klassifikazzjonijiet nazzjonali. Għalkemm id-disprezz tal-qorti ma jitqiesx bħala reat kriminali skont id-dritt Ingliż, ir-rikorrenti jsostnu li n-natura tal-proċeduri u s-severità tas-sanzjoni kienu jattribwixxulha natura kriminali. Huma jenfasizzaw l-għan tal-Artikolu 625 tal-FKK, li huwa li jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Huma jsostnu li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reat” għandha tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Engel ( 9 ), li jieħdu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt intern, in-natura tiegħu u s-severità tas-sanzjoni imposta. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn l-aħħar żewġ kriterji jistgħu jkunu suffiċjenti indipendentement sabiex jikklassifikaw proċeduri bħala kriminali taħt il-KEDB, u bbażaw ruħhom fuq kawżi bħal Kyprianou vs Ċipru ( 10 ) u Benham vs Ir-Renju Unit ( 11 ) sabiex isostnu li, skont il-piena imposta, il-proċeduri ta’ disprezz huma koperti mill-protezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

21.

Kuntrastament, il-konvenut isostni li l-analoġija mal-Artikolu 6 tal-KEDB hija irrilevanti. Huwa jsostni li l-KEDB teżiġi kriterju komuni sabiex jiġu ddeterminati l-proċeduri kriminali bejn l-Istati kontraenti, iżda li d-dispożizzjonijiet dwar il-konsenja tal-FKK u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI ( 12 ) għandhom għan differenti, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka u l-osservanza tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali. Skont il-konvenut, il-prinċipju ta’ kriminalità doppja u r-regola ta’ speċjalità juru l-importanza tal-klassifikazzjoni ta’ aġir, bħala kriminali jew le, min-naħa ta’ kull Stat. Madankollu, il-konvenut jirrikonoxxi li, kieku t-terminu “reat” kellu jingħata tifsira awtonoma, il-kriterju finali tas-sentenza Engel, jiġifieri s-severità tas-sanzjoni, jista’ jqajjem diffikultajiet għall-pożizzjoni tiegħu, peress li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ sitt xhur għal disprezz tista’ twassal għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala akkuża kriminali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ewropa tad-Drittijiet tal-Bniedem.

22.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell iqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tat-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK, b’mod partikolari tal-Artikolu 625(2) tiegħu. Il-kwistjoni fil-qofol tal-kawża hija dik dwar kif tapplika r-regola ta’ speċjalità meta l-Istat emittenti ma jikklassifikax l-aġir li jwassal għal ċaħda tal-libertà jew il-proċeduri li jkunu wasslu għaliha bħala li huwa ta’ natura kriminali. Il-qorti tar-rinviju tqis li din hija kwistjoni ta’ importanza ikbar, b’mod partikolari fir-rigward tad-disprezz tal-qorti. F’diversi ordinamenti ġuridiċi, b’mod partikolari dawk li għandhom tradizzjoni tad-dritt komuni (common law), l-individwi jistgħu jiċċaħħdu mil-libertà minħabba disprezz, kemm bħala miżura koerċittiva kif ukoll bħala sanzjoni repressiva, mingħajr ma l-proċeduri jiġu kklassifikati bħala kriminali jew mingħajr ma l-aġir sottostanti jiġi ttrattat bħala reat kriminali. Is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni hija għalhekk kruċjali sabiex jiġi ddeterminat kif ir-regola ta’ speċjalità għandha tiffunzjona meta l-mekkaniżmi ta’ infurzar transkonfinali joperaw fil-kuntest tal-FKK. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

23.

Il-qorti tar-rinviju tqis li ma hemm ebda raġuni sabiex tiġi ddubitata d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-ksur tal-miżuri ta’ ffriżar tal-assi ma jikkostitwixxix reat kriminali skont id-dritt ta’ dan l-Istat. Hija tenfasizza wkoll li, fl-Irlanda, bħal fir-Renju Unit, jista’ jkun hemm każijiet ta’ disprezz tal-qorti meta jiġu imposti pieni ta’ priġunerija fissi għal finijiet li ma humiex purament koerċittivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma semgħetx biżżejjed argumenti sabiex tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi paragunabbli ma’ dawk tar-Renju Unit, tali disprezz għandux jitqies bħala kriminali jew ċivili. Il-qorti tar-rinviju tispjega li jista’ ma jkunx neċessarju li tiġi deċiża din il-kwistjoni jekk, b’risposta għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-terminu “reat” li jinsab fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandu tifsira awtonoma.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII [tat-Tielet Parti tal-FKK] li jirrigwarda ċ-‘ċessjoni [konsenja]’, japplikaw biss għall-prosekuzzjonijiet kriminali u/jew għal sentenzi ta’ kustodja/ordnijiet ta’ detenzjoni imposti fir-rigward ta’ reati kriminali?

(2)

Fl-Artikolu 625(2) tal-[FKK], li jipprevedi li ħlief għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 625(1) u (3) ‘persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, sentenzjata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja ta’ dik il-persuna minbarra dak li għalih il-persuna ġiet ikkonsenjata’, il-kelma ‘reat’ tfisser (1) reat kriminali kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru emittenti jew (2) reat kriminali kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew (3) għandha tifsira awtonoma fid-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(3)

Jekk il-kelma ‘reat’ prevista fl-Artikolu 625(2) tal-[FKK] għandha tali tifsira awtonoma, liema huma l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi tali ‘reat’?

(4)

L-Artikolu 47, l-Artikolu 48, l-Artikolu 49 u l-Artikolu 50 tal-[Karta] (li jirrigwardaw ‘rimedju effettiv/proċess imparzjali’ (Artikolu 47), ‘imputat’ (Artikolu 48), ‘reat’ (Artikolu 49) u ‘[fi proċeduri kriminali] għal reat’ (Artikolu 50)) u jew l-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 tal-[KEDB] (li jirrigwardaw ‘xi akkuża kriminali’ u ‘rimedju effettiv’) huma rilevanti f’dan il-kuntest?

(5)

L-Artikolu 625(2) tal-[FKK] jipprekludi l-konsenja f’sitwazzjoni fejn persuna ġiet ikkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sitt xhur għal disprezz tal-qorti iżda fejn il-konsenja ma ntalbitx bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ dik il-piena għaliex id-dritt tal-Istat emittenti jikklassifika d-disprezz tal-qorti bħala disprezz ċivili u ma jqisx li dan jikkostitwixxi reat jew kwistjoni kriminali?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn LQ, NT u RM, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea. Fil‑11 ta’ Settembru 2025, inżammet seduta li fiha dawn il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

V. Analiżi

26.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda billi nesponi s-sekwenza interna u l-loġika tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (Taqsima A). Sussegwentement, ser nindirizza l-eżami fil-mertu tagħhom, billi nibda bl-interpretazzjoni tar-regola ta’ speċjalità skont l-Artikolu 625(2) tal-FKK u r-rilevanza tad-drittijiet fundamentali f’dan il-kuntest (Taqsima B). Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-aġir u s-sanzjoni speċifiċi inkwistjoni, jiġifieri piena ta’ priġunerija għal disprezz tal-qorti kklassifikata bħala kwistjoni ċivili skont id-dritt tal-Istat emittenti, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 625(2) tal-FKK (Taqsima C).

A. Is-sekwenza u l-loġika interna tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju

27.

Fil-fehma tiegħi, ikun utli li l-ewwel erba’ domandi jiġu analizzati flimkien qabel ma tiġi indirizzata l-ħames domanda, peress li jidher li l-ewwel erba’ domandi jistabbilixxu l-kuntest kunċettwali u ġuridiku li fih għandha tiġi indirizzata l-ħames domanda.

28.

L-ewwel erba’ domandi jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-mekkaniżmu ta’ konsenja japplikax biss għall-kawżi kriminali (l-ewwel domanda), kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “reat” li jinsab fl-Artikolu 625(2) tal-FKK (it-tieni u t-tielet domanda) u jekk l-istandards tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni jew tal-KEDB humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni (ir-raba’ domanda). Għaldaqstant, jista’ jkun opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-ewwel erba’ domandi flimkien, speċjalment peress li dawn jifformaw unità koerenti dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ksur” u r-rilevanza tad-drittijiet fundamentali f’dan il-kuntest.

29.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, kuntrastament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 625(2) tal-FKK jipprekludix il-konsenja fil-każ fejn il-persuna tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur għal disprezz tal-qorti, iżda fejn il-konsenja ma tintalabx għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, peress li l-Istat emittenti jikklassifika d-disprezz bħala kwistjoni ċivili, u mhux bħala reat kriminali. Din id-domanda hija għalhekk ibbażata fuq sitwazzjoni speċifika li timplika piena ta’ priġunerija minħabba disprezz tal-qorti kklassifikat bħala ċivili mill-Istat emittenti u tikkostitwixxi applikazzjoni tal-kuntest interpretattiv indirizzat mill-ewwel erba’ domandi.

30.

Dan premess, l-applikazzjoni tal-Artikolu 625(2) tal-FKK tippreżupponi li l-aġir li wassal għaċ-ċaħda tal-libertà, f’dan il-każ id-disprezz tal-qorti wara nuqqas ta’ osservanza tad-digrieti ta’ sekwestru li għalihom ingħatat piena ta’ priġunerija, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “reat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, dan l-aġir ma jaqax taħt dan il-kunċett, ir-regola ta’ speċjalità sempliċement ma tapplikax. F’dan il-każ, ma jkunx hemm lok li jiġi eżaminat jekk din ir-regola tipprekludix il-konsenja, peress li l-kundizzjonijiet legali għall-applikazzjoni tagħha ma jkunux issodisfatti.

31.

Fl-aħħar nett, jidher ukoll li l-ħames domanda ma tistax tiġi indirizzata b’mod iżolat, peress li din id-domanda tippreżupponi li l-aġir inkwistjoni, jiġifieri d-disprezz tal-qorti, ikun diġà ġie kklassifikat bħala “reat”, fis-sens tal-Artikolu 625(2) tal-FKK. Il-kriterji sabiex tiġi ddeterminata din il-klassifikazzjoni huma preċiżament is-suġġett tal-ewwel erba’ domandi.

32.

Għalhekk, l-analiżi tiegħi hija strutturata f’żewġ partijiet: l-ewwel nett, l-interpretazzjoni tar-regola ta’ speċjalità u tal-kunċett ta’ “reat” fis-sens tal-Artikolu 625(2) tal-FKK; u, it-tieni nett, il-konsegwenzi ta’ din l-interpretazzjoni meta l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi disprezz ta’ qorti kklassifikat bħala ċivili fl-Istat emittenti.

B. Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda

33.

Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK, dwar il-“Konsenja”, u b’mod partikolari l-Artikolu 625(2) tiegħu, huwiex limitat għall-proċeduri kriminali u/jew għall-pieni li jċaħħdu l-libertà jew għall-miżuri ta’ sigurtà imposti għal reati kriminali; u, fl-affermattiv, jekk il-kunċett ta’ “reat”, fis-sens tar-regola ta’ speċjalità, għandux jiġi interpretat (i) b’riferiment għad-dritt tal-Istat emittenti, (ii) b’riferiment għad-dritt tal-Istat eżekutorju, jew (iii) b’mod awtonomu, u, f’dan l-aħħar każ, skont liema kriterji, fid-dawl tal-Artikoli 47 sa 50 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

34.

Il-kliem stess tal-Artikolu 625(2) tal-FKK ma jindikax espressament jekk il-kunċett ta’ “reat” għandux jiġi ddefinit skont id-dritt tal-Istat emittenti jew id-dritt tal-Istat eżekutorju, jew jekk għandux jiġi interpretat b’mod awtonomu. Għalhekk, il-kunċett ta’ “reat” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest iktar wiesa’ tal-FKK u tar-regola ta’ speċjalità.

1.   Il-qafas ġenerali għall-interpretazzjoni tal-FKK

a)   Strument tad-dritt internazzjonali pubbliku

35.

Minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni għall-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit huma rregolati minn ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari l-FKK. Il-FKK huwa ftehim ta’ assoċjazzjoni konkluż skont l-Artikolu 217 TFUE. Dan ġie adottat bħala “ftehim tal-Unjoni biss”, u mhux bħala ftehim imħallat, b’tali mod li l-Istati Membri nnifishom ma humiex partijiet kontraenti ( 13 ).

36.

Huwa rrikonoxxut b’mod wiesa’ li l-FKK għandu jiġi interpretat bħala strument tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 14 ). Il-ftehim innifsu jikkonferma din l-orjentazzjoni. L-Artikolu 4(2) jeskludi l-obbligu li d-dispożizzjonijiet tal-FKK jiġu interpretati skont id-dritt nazzjonali ta’ waħda mill-partijiet. Il-kuntest ta’ interpretazzjoni huwa għalhekk dak tad-dritt internazzjonali pubbliku u, b’mod partikolari, tal-KVLT ( 15 ). L-Artikolu 4(1) tal-FKK jispeċifika dan b’mod espliċitu, billi jeżiġi li l-ftehim jiġi interpretat in bona fide, konformement mat-tifsira ordinarja tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu.

37.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tal-FKK jipprevedi li, bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jikkonferixxux direttament drittijiet jew obbligi lill-individwi. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament eċċezzjoni “fir-rigward tal-Unjoni” għat-Tielet Parti tal-FKK. L-Artikolu 625 tal-FKK, li jistabbilixxi r-regola ta’ speċjalità, jagħmel parti mit-Titolu VII, intitolat “Konsenja”, tat-Tielet Parti. Din l-għażla ta’ redazzjoni deliberata tindika li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti jistgħu jipproduċu effett dirett, u għalhekk jiġu invokati minn individwi, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kriterji ordinarji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-effett dirett tal-ftehimiet internazzjonali ( 16 ). Fi kliem ieħor, il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Tielet Parti tal-FKK u fi ħdan l-Unjoni jistgħu jikkonferixxu drittijiet lill-individwi li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali, minkejja l-esklużjoni ġenerali tal-effett dirett fil-kumplament tad-dispożizzjonijiet tal-FKK.

b)   Kooperazzjoni reċiproka suġġetta għal garanziji

38.

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alchaster I huma deċiżivi sabiex tinftiehem ir-regola ta’ speċjalità ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, kuntrarjament għas-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew (iktar’ il quddiem il-“MAE”), li hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-FKK jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni reċiproka suġġetta għal garanziji.

39.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-Renju Unit ma jagħmilx parti mis-sistema bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, billi stabbilixxiet tipoloġija fuq tliet livelli ta’ sistemi ta’ kooperazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, l-Istati Membri tal-Unjoni fejn il-fiduċja reċiproka hija l-bażi tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja; it-tieni nett, pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċerti Stati taż-Żona Ekonomika Ewropea, bħall-Islanda u n-Norveġja, li għandhom relazzjoni speċjali mal-Unjoni; u t-tielet nett, pajjiżi terzi oħra. Fir-rigward tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-kooperazzjoni ma hijiex ippreżentata bħala li hija bbażata fuq il-preżervazzjoni tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati kkonċernati li kienet teżisti qabel il-ħruġ mill-Unjoni tar-Renju Unit” ( 18 ). B’mod partikolari, “ir-Renju Unit ma jagħmilx parti miż-żona Ewropea mingħajr fruntieri interni li l-bini tagħha huwa permess, fost l-oħrajn, mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka” ( 19 ). Barra minn hekk, is-sistema stabbilita mill-FKK ma tistabbilixxix relazzjoni “daqstant speċjali” daqs dik deskritta fil-ġurisprudenza preċedenti dwar dawn l-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea ( 20 ).

40.

Din id-distinzjoni hija fundamentali għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità, li l-eżekuzzjoni tagħha fil-kuntest tas-sistema tal-MAE tippreżupponi li ż-żewġ Stati Membri jaġixxu f’kuntest ta’ fiduċja reċiproka. Huwa abbażi ta’ din il-fiduċja reċiproka li l-Istat emittenti huwa awtorizzat jassumi r-responsabbiltà tal-prosekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena ladarba l-konsenja tkun ġiet awtorizzata ( 21 ). Bl-istess mod, din il-fiduċja reċiproka tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, inklużi dawk stabbiliti mill-Karta, permezz ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali meqjusa li huma adattati sabiex jiżguraw protezzjoni ekwivalenti u effettiva fi ħdan l-Unjoni ( 22 ).

41.

Barra minn hekk, fis-sentenza Alchaster I, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sistema ta’ konsenja prevista mill-FKK tinkorpora eċċezzjonijiet u garanziji individwalizzati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem — inklużi dawk ibbażati fuq in-natura politika tar-reat, in-nazzjonalità u r-riskji għad-drittijiet fundamentali — li ma għandhomx ekwivalenti fil-MAE ( 23 ). Dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex suġġetti għall-konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet sistemiċi ( 24 ).

42.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-FKK jinkludi derogi u garanziji addizzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 602, fl-Artikolu 603 u fl-Artikolu 604(c) tal-FKK, li ma jinsabux fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Is-sentenza Alchaster I tikkonstata li l-qafas tal-FKK jeħtieġ eżami ex ante każ b’każ tas-salvagwardji u l-limiti legali applikabbli ( 25 ). Minn dan isegwi li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali tar-riskji fid-dawl tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din is-sistema teħtieġ evalwazzjoni awtonoma min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja, li ma tistax tkun ibbażata fuq preżunzjoni ġenerali ta’ fiduċja ( 26 ).

43.

Din id-distinzjoni taffettwa l-mod kif ir-regola ta’ speċjalità għandha tinftiehem: jiġifieri, mhux bħala preżunzjoni awtomatika ta’ konformità mill-Istat emittenti, iżda bħala garanzija li għandha tiġi evalwata u ggarantita b’mod attiv mill-awtorità eżekutorja fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha stess li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alchaster I, l-Artikolu 604(c) tal-FKK jawtorizza espressament lill-awtorità eżekutorja titlob garanziji addizzjonali meta jkun hemm raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata taffaċċja riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha fil-każ ta’ konsenja ( 27 ).

2.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK

44.

Ir-regola ta’ speċjalità tagħmel parti mid-dritt konswetudinarju li jirregola l-estradizzjoni bejn l-Istati ( 28 ). Dispożizzjonijiet li jistabbilixxu din ir-regola jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom, jekk mhux kollha, fi trattati ta’ estradizzjoni ( 29 ). Fil-każ tal-FKK, l-Artikolu 625(2) jippreċiża li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, “persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, sentenzjata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja ta’ dik il-persuna minbarra dak li għalih il-persuna ġiet ikkonsenjata”.

45.

Din id-dispożizzjoni, li tirregola r-regola ta’ speċjalità skont dan il-ftehim, tirrifletti l-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 30 ). Madankollu, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Polydor u RSO Records ( 31 ), formulazzjoni identika fid-dritt tal-Unjoni u fil-ftehimiet internazzjonali ma timplikax uniformità awtomatika tal-interpretazzjoni. Dan peress li dispożizzjonijiet li jinsabu fi ftehim internazzjonali jistgħu jkollhom għanijiet differenti u jiffunzjonaw f’kuntest ġuridiku u istituzzjonali distint. Konsegwentement, il-ġurisprudenza dwar ir-regola ta’ speċjalità żviluppata fir-rigward tal-MAE ma tistax tiġi trasposta awtomatikament fil-kuntest tal-FKK, peress li dan il-qafas jissostitwixxi l-fiduċja reċiproka, inerenti għal spazju mingħajr fruntieri interni, b’sistema ta’ kooperazzjoni suġġetti għal garanziji ( 32 ). Għall-kuntrarju, il-portata tar-regola ta’ speċjalità prevista mill-FKK għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-ftehim innifsu ( 33 ).

46.

Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, li tapplika għar-relazzjonijiet ta’ konsenja bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma huwiex kwistjoni f’din il-kawża, għandu madankollu jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, ratione temporis u ratione materiae ta’ din ir-regola, li ser neżamina issa suċċessivament.

a)   Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae

47.

Fis-sentenza Leymann u Pustovarov ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 “hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru li jeżegwixxi” u “tagħti lill-persuna rikjesta d-dritt li tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata” ( 35 ). Żewġ osservazzjonijiet segwenti. Il-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-regola hija kemm “marbuta” kif ukoll regola li “tagħti” turi n-natura doppja tagħha: skont il-MAE, hija sservi kemm bħala garanzija tas-sovranità tal-Istat kif ukoll tad-dritt suġġettiv tal-persuna rikjesta li jista’ jiġi invokat, mill-persuna kkonsenjata, skont id-dritt tal-Unjoni.

48.

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk in-natura doppja stabbilita fil-ġurisprudenza dwar il-MAE tapplikax ukoll għall-Artikolu 625(2) tal-FKK.

49.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tas-sovranità, l-Artikolu 625(2) tal-FKK jippreċiża li l-prosekuzzjoni għal “reati oħra” teħtieġ il-kunsens tal-awtorità eżekutorja, li jiggarantixxi li l-Istat eżekutorju jżomm il-kontroll finali tal-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ konsenja tiegħu. Din il-funzjoni tirrifletti l-loġika tas-sovranità żviluppata fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

50.

Fir-rigward tad-drittijiet ikkonferiti lill-individwu, is-sistema tal-MAE hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri ( 36 ), b’mod partikolari f’żona Ewropea mingħajr fruntieri interni ( 37 ). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ), din il-fiduċja tobbliga lil kull Stat Membru, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jippreżumi li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali ( 39 ). Din il-preżunzjoni fundamentali tal-konformità tippermetti s-semplifikazzjoni tal-proċeduri, pjuttost milli fuq garanziji jew mekkaniżmi ta’ kunsens stabbiliti b’mod individwali.

51.

Kuntrastament, it-Tielet Parti tal-FKK hija bbażata fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, kif ippreċiżat b’mod ċar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alchaster I. Hija rrilevat li, skont il-premessa 23 u l-Artikolu 1 tal-FKK, dan il-ftehim huwa intiż li jsaħħaħ is-sigurtà kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit billi jippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-kontroll u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali ( 40 ). Dan l-għan huwa stabbilit fit-Tielet Parti, kif jikkonferma l-Artikolu 522(1) tal-FKK ( 41 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 524(1) tal-FKK jankra tali kooperazzjoni fl-osservanza kondiviża tal-Unjoni, tar-Renju Unit u tal-Istati Membri għad-demokrazija, għall-Istat tad-dritt u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk iggarantiti mill-KEDB ( 42 ).

52.

Madankollu, għalkemm il-FKK jaspira li jżomm livell għoli ta’ garanziji għall-individwi, paragunabbli ma’ dawk żgurati fi ħdan l-Unjoni, huwa jopera, kif diġà indikajt ( 43 ), fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni reċiproka suġġetta għal garanziji, pjuttost milli fuq fiduċja reċiproka. Għalhekk, is-salvagwardja ta’ protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali teżiġi li l-garanziji inkorporati fil-FKK, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, jiġu implimentati bis-sħiħ u infurzati bħala garanziji operazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja.

53.

Dan juri li r-regola ta’ speċjalità, filwaqt li hija kkonċepita bħala garanzija proċedurali, fil-prattika topera bħala għodda li għandha tiġi applikata b’mod attiv mill-awtorità eżekutorja sabiex jiġi żgurat li hija tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ protezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, fil-kuntest tal-FKK, id-dimensjoni marbuta mad-drittijiet individwali tar-regola ta’ speċjalità hija enfasizzata, peress li n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka ( 44 ) jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tivverifika, qabel il-konsenja, l-osservanza ta’ din ir-regola u, jekk ikun il-każ, titlob garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK.

54.

Minn dan isegwi li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandha tinftiehem bħala li għandha l-istess natura doppja bħal dik stabbilita skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584: din ir-regola hija espressjoni tas-sovranità tal-Istat u tikkonferixxi wkoll lill-persuna kkonsenjata, fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li ma tkunx imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għajr fir-rigward tar-reat li għalih tkun ġiet ikkonsenjata.

b)   Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

55.

Il-proċedura ta’ konsenja skont il-FKK tinvolvi diversi stadji proċedurali distinti, inkluż l-eżami tat-talba għal konsenja, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ konsenja (jew ta’ nuqqas ta’ konsenja) u l-proċedura ta’ kunsens. Il-garanziji legali applikabbli jistgħu jvarjaw skont l-istadju tal-proċedura. Huwa għalhekk importanti li jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 625(2) tal-FKK u r-rabta tiegħu mal-proċedura ta’ kunsens sussegwenti prevista fl-Artikolu 625(3)(g) u (4).

56.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, l-Artikolu 625(2) tal-FKK jopera qabel, u bħala kundizzjoni, għall-konsenja: huwa jagħmel parti mill-qafas legali li jirregola l-legalità tal-konsenja. Kuntrastament, il-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 625(3)(g) u (4) tal-FKK tissodisfa funzjoni wara l-konsenja. Hija tipprevedi l-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Istat emittenti jista’, wara l-konsenja, jitlob il-kunsens tal-Istat eżekutorju sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prosekuzzjoni għal reati oħra.

57.

Fid-dawl tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alchaster I, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha twettaq stħarriġ ex ante sabiex tiżgura li t-trattament antiċipat wara l-konsenja josserva r-regola ta’ speċjalità. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk ir-regola ta’ speċjalità tapplikax f’dan il-każ hija kwistjoni li għandha tiġi invokata qabel il-konsenja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-qorti eżekutorja fid-dawl tal-Karta.

58.

Minn dan isegwi li l-mekkaniżmu ta’ kunsens previst fl-Artikolu 625(3)(g) u (4) tal-FKK u l-evalwazzjoni fid-dawl tal-Karta, kif applikati għar-regola ta’ speċjalità, huma żewġ kwistjonijiet distinti. Il-proċedura ta’ kunsens għandha sseħħ wara l-konsenja: din tiġi skattata biss meta l-Istat emittenti jitlob formalment estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsenja għall-prosekuzzjoni tal-persuna kkonsenjata fir-rigward ta’ “reati oħra” ( 45 ).Kuntrastament, l-istħarriġ tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja jseħħ qabel il-konsenja u jikkonċerna l-garanzija bażika prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, jiġifieri li l-persuna ma tkunx ser tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati mhux awtorizzati, jiġifieri reati differenti minn dawk awtorizzati fil-mandat. Din hija protezzjoni immedjata u ex ante; hija tagħmel parti minn dak li jagħmel id-deċiżjoni ta’ konsenja legali fl-ewwel lok.

59.

Dan ir-raġunament ma jitqiegħedx f’dubju mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Leymann u Pustovarov ( 46 ) u Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) ( 47 ), fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ sentenzi jieħdu bħala punt tat-tluq il-fatt li l-konsenja kienet diġà seħħet u li l-persuna kkonsenjata kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat emittenti. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat ir-regola ta’ speċjalità fil-kuntest ta’ talbiet li tressqu wara l-konsenja: l-Istat emittenti talab il-kunsens għall-prosekuzzjoni, għal reati addizzjonali, tal-persuna li kienet diġà ġiet ikkonsenjata.

60.

Bl-istess mod, fis-sentenza F. ( 48 ), il-kwistjoni ma kinitx dwar jekk ir-regola ta’ speċjalità kinitx tapplika, aspett mhux ikkontestat, iżda pjuttost dwar liema kienu l-garanziji proċedurali meħtieġa mill-Istat eżekutorju. Il-kwistjoni kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk id-dritt nazzjonali setax jipprevedi appell, b’effett sospensiv, mid-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja li tagħti kunsens għall-prosekuzzjoni ulterjuri. Fi kliem ieħor, l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti eżekutorja fil-kawża Jeremy F. twettqet biss wara l-konsenja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kunsens. Ir-rwol tal-awtorità eżekutorja kien limitat għal deċiżjoni ta’ kunsens sussegwenti, ladarba l-konsenja inizjali kienet diġà ġiet eżegwita.

61.

Peress li dawn is-sentenzi jikkonċernaw sitwazzjoni legali li fiha l-konsenja diġà seħħet, dawn ma humiex adattati għaċ-ċirkustanzi li fihom l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għadha tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna. Din id-distinzjoni tikkonferma li l-ġurisprudenza dwar il-MAE relatata mal-kunsens wara l-konsenja ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-istadju li jippreċedi l-konsenja previst fil-FKK.

62.

F’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għadha tiddetermina jekk għandhiex tingħata l-konsenja. Meta l-persuna rikjesta tqajjem oġġezzjoni matul il-proċedura li tippreċedi l-konsenja, bħalma huwa l-każ hawnhekk, tqum distinzjoni temporali u proċedurali determinanti. Fil-kuntest ta’ dawn l-oġġezzjonijiet li jippreċedu l-konsenja, it-talba tal-persuna ma tirrigwardax l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsenja ex post, iżda l-kwistjoni dwar jekk il-konsenja għandhiex effettivament tiġi awtorizzata. Għalhekk, meta titqajjem oġġezzjoni skont il-FKK, li jipprevedi li l-konsenja tesponi lill-persuna għal prosekuzzjoni jew għal ċaħda tal-libertà għal reat differenti minn dak speċifikat fil-mandat, l-evalwazzjoni ta’ din l-oġġezzjoni titwettaq neċessarjament qabel il-konsenja u tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni ta’ konsenja nnifisha.

63.

Billi tiżgura li ebda prosekuzzjoni, kundanna jew ċaħda tal-libertà ma tkun tista’ titwettaq lil hinn mir-reati awtorizzati mill-awtorità eżekutorja, ir-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK tipproteġi lill-persuni minn ċaħda tal-libertà arbitrarja jew imprevedibbli, li tagħmel parti integrali mid-drittijiet għal-libertà u l-legalità. Hija tikkostitwixxi għalhekk garanzija proċedurali essenzjali, marbuta mill-qrib mad-drittijiet għal-libertà u għal-legalità.

64.

Minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 611(2) tal-FKK tikkonferma din in-natura: dan jeżiġi li kull rinunzja tar-regola ssir “volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi”. Tali formulazzjoni hija tipika ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rinunzja ta’ garanziji proċedurali essenzjali, bħad-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal smigħ xieraq ( 49 ).

65.

Min-naħa l-oħra, minn perspettiva sistemika, ir-regola ta’ speċjalità tiffunzjona bħala tarka proċedurali li tagħti effett konkret lid-drittijiet mogħtija mill-Karta, bħad-dritt għal-libertà (Artikolu 6) ( 50 ), id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 47) u l-prinċipju ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà tal-pieni (Artikolu 49(1)) ( 51 ). Għalkemm dan ma huwiex dritt awtonomu espressament stabbilit fil-Karta, huwa paragunabbli ma’ garanziji proċedurali essenzjali bħad-dritt għal assistenza legali jew id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess.

66.

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dak li huwa neċessarju sabiex jiggarantixxu l-effett sħiħ u l-effettività sħiħa tad-drittijiet direttament applikabbli tal-Unjoni ( 52 ). L-Artikolu 625(2) tal-FKK, bħala garanzija proċedurali essenzjali li tagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni ( 53 ), jikkonferixxi tali dritt. Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni u d-dmir li tiżgura l-osservanza tagħha billi tirrifjuta l-konsenja jew billi teżiġi assigurazzjonijiet vinkolanti meta huwa probabbli li jkun hemm ksur ta’ din il-garanzija. Kull regola jew prattika nazzjonali li tipprekludi lil din l-awtorità milli teżerċita din is-setgħa tippreġudika l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni u tikser l-Artikolu 47 tal-Karta ( 54 ). L-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi għalhekk li l-Artikolu 625(2) tal-FKK ikun infurzabbli ġudizzjarjament, li jawtorizza lill-awtorità eżekutorja tiżgura l-osservanza tiegħu.

c)   Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

67.

Fil-fehma tiegħi, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK jinkludi żewġ dimensjonijiet distinti, iżda interkonnessi. L-ewwel waħda tikkonċerna d-definizzjoni ta’ “reat”, li tista’ tiġi ddefinita skont id-dritt tal-Istat emittenti jew tal-Istat eżekutorju, jew b’mod awtonomu skont il-ftehim innifsu. It-tieni dimensjoni tikkonċerna r-reati koperti mid-deċiżjoni ta’ konsenja, li jiddelimitaw il-limiti sostantivi tal-proċeduri li jistgħu legalment isegwu konsenja.

1) It-terminu “reat” fis-sens tal-Artikolu 625(2) tal-FKK

68.

L-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li s-sens ordinarju ta’ “reat” fis-sens tal-Artikolu 625 tal-FKK huwa limitat għar-reati kriminali kklassifikati bħala tali mill-Istat emittenti. Waqt is-seduta, l-Irlanda enfasizzat ir-rwol sistematiku tar-regola tal-kriminalità doppja bħala garanzija paragunabbli. Skont l-Irlanda, l-invokazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 6 tal-KEDB hija irrilevanti, peress li din il-ġurisprudenza tiżviluppa kunċett awtonomu ta’ “akkuża kriminali” fil-kuntest ta’ smigħ xieraq pjuttost milli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsenja.

69.

Il-Kummissjoni żżid li t-terminu “reat” previst fl-Artikolu 625 tal-FKK għandu jkollu tifsira unika fid-dispożizzjoni kollha, jiġifieri l-paragrafi 2 u 4, u li jista’ jkopri biss ir-reati kriminali kif iddefiniti mill-Istat emittenti. Diversi dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tal-FKK jirreferu espressament għal “prosekuzzjoni kriminali” jew għal “reat skont [...] id-dritt kriminali”, filwaqt li l-Artikolu 599 tiegħu jifformola r-regola tal-kriminalità doppja f’dawn it-termini.

70.

Fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni stretta. L-ewwel u qabelxejn, il-FKK huwa parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 55 ) u, konsegwentement, l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun konformi mal-Karta, li tapplika meta l-Istati Membri jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fi proċeduri ta’ konsenja skont it-Tielet Parti tal-FKK. Minn dan isegwi li r-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandha tiġi interpretata b’mod li josserva l-Karta. B’mod partikolari, id-drittijiet għal-libertà stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Karta u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà tal-pieni previst fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, jeżiġu li l-protezzjoni mogħtija mir-regola ta’ speċjalità ma tkunx limitata għar-reati formalment ikklassifikati bħala “kriminali” mill-Istat emittenti, iżda testendi għal kull aġir jew proċedura li jkollhom natura jew effett kriminali.

71.

Dan jeżiġi għalhekk interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “reat”, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bonda ( 56 ), li tirrifletti l-kriterji Engel żviluppati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 57 ) (iktar ’il quddiem il-“kriterji Bonda”), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-kriterju fi tliet stadji sabiex tiddetermina jekk sanzjoni hijiex ta’ “natura kriminali”: (i) il-klassifikazzjoni legali fid-dritt nazzjonali; (ii) in-natura intrinsika tal-ksur; u (iii) is-severità tal-piena. Dan l-approċċ jiggarantixxi li ċ-ċaħda tal-libertà ma tistax tiġi eskluża mill-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità minħabba s-sempliċi fatt li sistema nazzjonali tikklassifika piena bħala “ċivili”, “amministrattiva” jew “dixxiplinari”. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 625(2) tal-FKK ma jistax jiġi interpretat b’mod li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-aġir u l-pieni li huma rregolati mid-drittijiet iggarantiti mill-Karta ( 58 ).

72.

It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-FKK, skont l-Artikolu 31(1) tal-KVLT, trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-finalità tiegħu. Ir-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandha l-għan u l-finalità li tipproteġi lill-persuna rikjesta mill-prosekuzzjoni, mill-kundanna jew miċ-ċaħda tal-libertà fir-rigward ta’ atti li ma kinux is-suġġett ta’ stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja. Interpretazzjoni stretta marbuta mas-sempliċi klassifikazzjoni formali tal-Istat emittenti ċċaħħad lil din il-garanzija minn parti kbira mill-effettività tagħha ( 59 ), b’mod partikolari fil-kuntest ta’ oppożizzjoni li tippreċedi konsenja. Peress li l-FKK huwa espressament ibbażat mhux fuq fiduċja reċiproka iżda fuq kooperazzjoni reċiproka b’garanziji, jekk l-awtorità eżekutorja kellha tapplika “bl-addoċċ” il-klassifikazzjoni tal-Istat emittenti, il-protezzjoni tal-individwu tista’ titnaqqas preċiżament meta l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-awtorità eżekutorja jkunu l-iktar sinjifikattivi għad-drittijiet ta’ din il-persuna, jiġifieri qabel il-konsenja, meta l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja jkollha tivverifika wkoll jekk dawn id-drittijiet humiex ser jiġu ssalvagwardjati b’mod suffiċjenti. Fi kliem ieħor, l-effett utli tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK jeżiġi li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja żżomm is-setgħa tagħha li tevalwa b’mod awtonomu jekk is-sanzjoni inkwistjoni hijiex ta’ natura kriminali, pjuttost milli tibbaża ruħha sempliċement fuq il-klassifikazzjoni tal-Istat emittenti. Bl-istess mod, interpretazzjoni awtonoma tiggarantixxi wkoll l-effett utli tal-Artikolu 524(2) tal-FKK ( 60 ).

73.

L-argument tal-Kummissjoni li l-approċċ tagħha jipproteġi d-drittijiet fundamentali b’mod daqstant effikaċi, mingħajr ma jeżiġi definizzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “reat”, jinjora l-fatt li r-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK tikkostitwixxi hija stess garanzija proċedurali essenzjali li tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali, u dan jiżgura li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tiddefinixxi l-limiti legali preċiżi taċ-ċaħda potenzjali tal-libertà li hija tawtorizza, u b’hekk tippreżerva d-dritt għal-libertà, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ prevedibbiltà tal-pieni. Kieku l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reat” titħalla għall-klassifikazzjoni nazzjonali, l-awtorità eżekutorja titlef il-kontroll tal-limiti tal-protezzjoni mogħtija, u b’hekk tesponi lill-persuna rikjesta għal ċaħda tal-libertà jew għal piena potenzjali fir-rigward ta’ aġir li ma huwiex kopert mid-deċiżjoni ta’ konsenja tagħha. Definizzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “reat”, iggwidata bil-kriterji Bonda u bbażata fuq jekk il-piena hijiex ta’ natura kriminali, hija għalhekk indispensabbli għas-salvagwardja ta’ dawn id-drittijiet fundamentali ( 61 ).

74.

Fir-rigward tal-argument li t-tfassil tal-FKK innifsu jimmilita favur interpretazzjoni iktar wiesgħa, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li dispożizzjonijiet oħra tat-Tielet Parti, bħall-Artikoli 598(a), l-Artikolu 600(a) u l-Artikolu 601(d) jirreferu espressament għal “prosekuzzjoni kriminali” jew għal “reat [...] skont id-dritt kriminali”, u l-Artikolu 599 tiegħu jifformola r-regola tal-kriminalità doppja f’dawn it-termini. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 625(2) tal-FKK juża t-terminu “reat” mingħajr kwalifika. L-ommissjoni tat-terminu “kriminali” tissuġġerixxi għażla deliberata li jintuża t-terminu iktar wiesa’ ta’ “reat”, li jissenjala kamp ta’ protezzjoni ikbar tar-regola ta’ speċjalità. Madankollu, ċerti verżjonijiet oħra għajr dik Ingliża ma jikkonfermawx li t-terminu “reat” fl-Artikolu 625(2) tal-FKK huwa intiż li jinkludi biss reati kriminali jew ukoll forom oħra ta’ aġir illegali ( 62 ). Għalhekk, il-verżjonijiet lingwistiċi ma humiex konklużivi fir-rigward ta’ dan il-punt, u t-tifsira ta’ “reat” ma tistax tiġi stabbilita permezz ta’ inferenza lingwistika biss.

75.

Għaldaqstant, it-terminu “reat” previst fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandu jiġi mifhum fid-dawl tal-kuntest u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li jistgħu jiġġustifikaw applikazzjoni ddifferenzjata tal-kunċett ta’ “reat” fis-sens tal-ftehim. Skont il-FKK, dan il-kunċett jista’ għalhekk jopera f’żewġ fażijiet tas-sistema ta’ konsenja: huwa jista’ jiġi kklassifikat skont id-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest taħt il-FTT, iżda interpretat b’mod awtonomu fl-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK. L-Artikolu 625(2) tal-FKK għalhekk jiffunzjona bħala garanzija protettiva li tipproteġi lill-persuna kkonsenjata mill-prosekuzzjoni, mill-kundanna jew miċ-ċaħda tal-libertà għal “reati oħra”. Dan l-għan ta’ protezzjoni jimmilita favur interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “ksur”, konformement mal-kriterji tas-sentenza Bonda, b’mod li jiġi prekluż li l-garanzija tkun kompromessa bi klassifikazzjonijiet legali nazzjonali u li jiġi ppreżervat l-għan ta’ koerenza u ta’ protezzjoni tas-sistema ta’ konsenja tal-FKK ( 63 ).

76.

L-istess loġika tapplika fir-rigward tal-argument dwar ir-regola tal-kriminalità doppja. L-Irlanda ssostni li r-rekwiżit ta’ kriminalità doppja, stabbilit fl-Artikolu 599(2) tal-FKK, juri li huwa neċessarju li jsir riferiment għad-dritt intern kemm tal-Istat emittenti kif ukoll tal-Istat eżekutorju sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxix reat kriminali għall-finijiet tal-ftehim. Fil-fehma tagħha, it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK jippreżupponi li huwa biss l-aġir ikklassifikat bħala “kriminali” fit-territorju taż-żewġ Stati involuti fil-proċedura ta’ konsenja li jista’ jkun is-suġġett ta’ mandat.

77.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 599(2) u l-Artikolu 625(2) tal-FKK jirregolaw stadji differenti tal-proċedura ta’ konsenja u għandhom għanijiet differenti. L-Artikolu 599(2) tal-FKK, li japplika r-regola tal-kriminalità doppja, jikkonċerna l-ammissibbiltà tal-konsenja għall-aġir li fuqu hija bbażata t-talba għal konsenja. Kuntrastament, l-Artikolu 625(2) huwa garanzija kawtelatorja, li tipprekludi l-prosekuzzjoni jew iċ-ċaħda tal-libertà għal “reati oħra” mwettqa qabel il-konsenja. Sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjonijiet mogħtija mill-Karta u sabiex tkun effettiva, ir-regola ta’ speċjalità teżiġi interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “reat”, skont il-kriterji Bonda ( 64 ).

2) Ir-reati koperti mill-mandat

78.

Ir-regola ta’ speċjalità, stabbilita fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, tiggarantixxi d-dritt li persuna ma tkunx imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja għajr fir-rigward ta’ dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata. Skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ibbażata fuq il-kunċett ta’ reat ( 65 ), id-disprezz tal-qorti jikkostitwixxi, fil-prinċipju, reat distint mill-frodi, peress li jinvolvi klassifikazzjoni ġuridika distinta u jipproteġi interessi differenti. Konsegwentement, il-prosekuzzjoni, il-kundanna jew iċ-ċaħda mil-libertà ta’ persuna minħabba disprezz, mingħajr il-kunsens tal-Istat mitlub, jiskattaw prima facie r-regola ta’ speċjalità. Kuntrarjament, ma jkun hemm ebda ksur tar-regola ta’ speċjalità meta l-allegat disprezz ċivili jkollu rabta stretta, u impliċita, mal-aġir li jikkostitwixxi l-allegat frodi li għalih ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest.

3.   Ir-regola ta’ speċjalità fil-prattika

a)   Invokazzjoni bħala oġġezzjoni li tippreċedi l-konsenja

79.

Kif ippreċiżat fis-sentenza Alchaster I, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha twettaq evalwazzjoni ex ante tal-kompatibbiltà tal-konsenja mad-drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK. Minn dan isegwi li, meta jkun hemm riskju kkonfermat ta’ ksur tar-regola ta’ speċjalità, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja ma tistax sempliċement tinjora dan it-tħassib għar-raġuni li l-proċedura ta’ kunsens skont l-Artikolu 625(4) tal-FKK tapplika biss wara l-konsenja.

80.

Jekk l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tiżvela riskju reali li l-persuna tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati għajr dawk li fuqhom hija bbażata l-konsenja, ta’ dak li għalih tkun ġiet ikkonsenjata tiġi pproċessata, jista’ jkun hemm ksur tal-garanziji proċedurali essenzjali ta’ din il-persuna. Anki fil-każ ta’ ksur potenzjali pjuttost milli ksur reali ta’ dawn il-garanziji, l-Artikolu 625(2) tal-FKK jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tiżgura li l-persuna ma tkunx esposta għal prosekuzzjoni jew ċaħda tal-libertà arbitrarji. Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tieħu miżuri sabiex telimina dan ir-riskju qabel ma tawtorizza l-konsenja.

81.

Huwa preċiżament hawnhekk li l-Artikolu 604(c), moqri flimkien mal-Artikolu 613(2) tal-FKK, isir rilevanti. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja teżiġi, bħala kundizzjoni tal-konsenja, garanziji suffiċjenti min-naħa tal-Istat emittenti. B’dan il-mod, ir-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK u l-possibbiltà li tintalab informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK joperaw flimkien. L-ewwel waħda tiddefinixxi l-protezzjoni sostantiva, filwaqt li t-tieni waħda tipprevedi l-mekkaniżmu proċedurali li permezz tiegħu l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tkun f’pożizzjoni li tiżgura din il-protezzjoni minn qabel.

b)   Fuq id-dritt tal-individwu li jinvoka r-regola ta’ speċjalità

82.

Jista’ jiġi osservat li r-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK tipproduċi effetti legali distinti għal kull protagonist. Għall-Istat eżekutorju, din ir-regola tiggarantixxi ż-żamma tal-kontroll tal-portata tal-aġir li għalih jawtorizza l-konsenja billi jagħti lill-awtorità ġudizzjarja tiegħu s-setgħa li tirrifjuta l-kunsens f’każijiet individwali, u b’hekk tiġi ssalvagwardjata s-sovranità tiegħu. Għall-Istat emittenti, ir-regola timponi l-obbligu li jiġu osservati l-limiti tad-deċiżjoni ta’ konsenja: sakemm il-persuna rikjesta ma tkunx irrinunzjat din il-protezzjoni, l-Istat emittenti għandu jastjeni milli jħarrek, jikkundanna jew iċaħħad mil-libertà lil persuna għal “reati oħra”, jitlob il-kunsens tal-Istat eżekutorju sabiex jagħmel dan jew joħroġ mandat ġdid. Għall-persuna kkonsenjata, ir-regola tiggarantixxi d-dritt li persuna ma tiġix imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà fir-rigward ta’ aġir li ma jaqax fil-kamp ta’ dak li għalih ġiet awtorizzata l-konsenja, filwaqt li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni kontra ċaħda tal-libertà arbitrarja.

83.

Għandu jiġi rrilevat li r-regola ta’ speċjalità hija fformulata f’termini ċari, stretti u projbittivi (“persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, [ikkundannata] jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà”). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 625(2) tal-FKK jistabbilixxi garanzija ċara (għalkemm b’ċerti eċċezzjonijiet ( 66 )) li l-persuna kkonsenjata ma tiġix imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà mill-Istat emittenti għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha għajr dak li għalih ġiet ikkonsenjata ( 67 ).

84.

Fid-dawl tal-kliem ċar u preċiż li bih huwa redatt l-Artikolu 625(2) tal-FKK, flimkien mal-eċċezzjonijiet limitati u espressament iddefiniti, u tar-rikonoxximent espliċitu tiegħu tad-drittijiet tal-persuna kkonsenjata, hemm argument qawwi li dan josserva l-limitu sabiex tiġi stabbilita protezzjoni taħt id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

85.

Konsegwentement, l-effetti legali ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex limitati għall-obbligi interstatali iżda jestendu għall-istabbiliment ta’ drittijiet infurzabbli li għandhom effett dirett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jistgħu jiġu direttament invokati mill-individwi quddiem il-qrati.

86.

Madankollu, għalkemm l-Artikolu 625(2) tal-FKK jista’, fid-dritt tal-Unjoni, jiġi invokat quddiem il-qrati tal-Istati Membri, kif indikat iktar ’il fuq ( 68 ), huwa ma għandux effett dirett fir-Renju Unit. Dan ma jfissirx li l-persuna kkonsenjata ma għandhiex protezzjoni ġudizzjarja f’dan l-Istat, iżda pjuttost li din il-protezzjoni hija dipendenti mid-dritt nazzjonali u ma tistax tkun ibbażata direttament fuq il-FKK. Minn dan isegwi li, fl-istadju tal-konsenja, il-qrati tal-Unjoni għandhom huma stess jiżguraw l-osservanza tar-regola ta’ speċjalità u, jekk ikun il-każ, jeżiġu garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK, peress li huwa f’dan il-mument li l-osservanza tal-Artikolu 625(2) tal-FKK tista’ tiġi ggarantita fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni stess.

c)   Implimentazzjoni sostantiva u proċedurali

87.

Ikun hemm ksur proċedurali tad-drittijiet individwali meta dan ma jkollux mezz effettiv sabiex jinvoka r-regola ta’ speċjalità jew jikkontesta l-ksur tagħha. Pereżempju, jekk il-persuna għandha tinvoka biss il-protezzjoni diplomatika tal-Istat eżekutorju, mingħajr ma jkollha locus standi quddiem il-qrati tal-Istat emittenti, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ssir purament teoretika. Eżami komparattiv qasir tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali juri, barra minn hekk, li l-possibbiltà li tiġi invokata r-regola ta’ speċjalità mill-persuna kkonċernata hija ġeneralment ivverifikata mill-qrati nazzjonali, u dan jikkonferma n-natura ta’ garanzija tagħha infurzabbli mill-individwi ( 69 ). Konsegwentement, meta persuna tkun tista’ tinvoka allegat ksur tar-regola ta’ speċjalità mill-Istat emittenti, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tista’ tipproċedi bil-konsenja, peress li d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata jibqgħu effettivament protetti f’din is-sistema legali ( 70 ).

88.

Bl-istess mod, għandu jitqies li, skont il-FKK, kemm il-kontenut tar-regola ta’ speċjalità (osservanza sostantiva) kif ukoll il-kapaċità li tiġi infurzata (aċċess proċedurali għall-ġustizzja) huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-istandards tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-Karta. Fil-każ fejn waħda minn dawn id-dimensjonijiet tkun inċerta, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja ma tistax tipproċedi bil-konsenja. Hija għandha l-obbligu li tevalwa s-sitwazzjoni prevedibbli tal-persuna rikjesta fir-Renju Unit.

89.

Fil-prattika, mis-sentenza Alchaster I jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 604(c) tal-FKK ma jirreferix espliċitament għar-rifjut tal-konsenja meta l-garanziji ma jkunux suffiċjenti, il-garanzija titlef l-effett utli tagħha jekk mandat jiġi eżegwit f’ċirkustanzi fejn il-garanziji ma jiġux ipprovduti. Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja, “qabel ma tiddeċiedi jekk teżegwixxix il-mandat ta’ arrest”, iżżomm is-setgħa, u l-obbligu, ( 71 ) li tirrifjuta l-konsenja meta r-riskju għad-drittijiet fundamentali jippersisti ( 72 ).

90.

Wara din is-sentenza, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kuntest ġuridiku ġenerali kif ukoll il-prassi fir-Renju Unit fil-qasam tal-osservanza tar-regola ta’ speċjalità, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, inkluż kwalunkwe indikazzjoni li l-persuna tista’ tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, ta’ kundanna jew ta’ ċaħda mil-libertà għal reati oħra għajr dawk awtorizzati mid-deċiżjoni ta’ konsenja. Jekk, wara dan l-eżami, jissoktaw raġunijiet sostantivi li abbażi tagħhom huwa ammissibbli li ksur tar-regola ta’ speċjalità jkun probabbli, din l-awtorità għandha, qabel ma tawtorizza l-konsenja, titlob lill-Istat emittenti garanziji adegwati mill-Istat emittenti, jew, fil-każ ta’ assenza jew ta’ insuffiċjenza ta’ dawn il-garanziji, tirrifjuta totalment il-konsenja ( 73 ). B’mod partikolari, fil-punt 78 tas-sentenza Alchaster I, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja mitluba tagħti deċiżjoni dwar mandat ta’ arrest maħruġ abbażi tal-FKK ma għandhiex tordna l-konsenja tal-persuna rikjesta jekk hija tqis, wara l-eżami konkret u preċiż tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jkun hemm raġunijiet validi li jiġi ammess li l-imsemmija persuna tkun ser taffaċċja riskju reali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha fil-każ ta’ konsenja lir-Renju Unit.

d)   Limiti u kundizzjonijiet tal-invokazzjoni tar-regola ta’ speċjalità

91.

Id-dritt li tiġi invokata r-regola ta’ speċjalità fi proċeduri li jippreċedu l-konsenja ma huwiex illimitat. L-Artikolu 625 tal-FKK innifsu jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet li jsawru l-portata tal-invokazzjoni tiegħu. L-ewwel nett, kif imsemmi iktar ’il fuq ( 74 ), dan id-dritt jista’ jiġi rrinunzjat skont l-Artikolu 611(1) u (2) tal-FKK. It-tieni nett, l-Artikolu 625(1) tal-FKK jippermetti lill-partijiet jinformaw lill-Kumitat Speċjalizzat li l-kunsens għall-prosekuzzjoni għal reati oħra huwa preżunt, sakemm l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja ma tindikax mod ieħor f’każ partikolari. Dan il-mekkaniżmu jirrikjedi li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tkun viġilanti meta persuna tinvoka r-regola ta’ speċjalità, peress li l-kunsens preżunt ma jistax jopera awtomatikament quddiem oġġezzjonijiet fondati. It-tielet nett, l-invokazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq riskju fondat: l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja ma hijiex obbligata tipproċessa talbiet ipotetiċi jew spekulattivi, iżda biss indikazzjonijiet kredibbli li l-persuna tista’ tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati li għalihom il-konsenja ma kinitx awtorizzata.

92.

Flimkien, dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li r-regola ta’ speċjalità ma tiġix applikata lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni previst, filwaqt li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 625(2) tal-FKK bħala garanzija proċedurali essenzjali. Huma jiżguraw li l-invokazzjoni tiegħu tibqa’ mekkaniżmu bbilanċjat: aċċessibbli għall-persuna meta l-libertà tkun verament f’riskju, iżda strutturata b’mod li josserva l-mekkaniżmu ta’ konsenja previst mill-FKK.

4.   Konklużjoni provviżorja

93.

Ir-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 625(2) tal-FKK tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali li tiggarantixxi li l-persuna kkonsenjata ma tkunx imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati għajr dawk li għalihom il-konsenja hija awtorizzata mill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja. Il-FKK jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, li jfisser li l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun konformi mal-Karta, b’mod partikolari mal-Artikoli 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tagħha, li jiggarantixxu d-dritt għal-libertà, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-legalità u l-prevedibbiltà tas-sanzjonijiet. Konsegwentement, il-kelma “reat” fl-Artikolu 625(2) tal-FKK ma tistax tiġi interpretata biss skont il-klassifikazzjoni adottata mill-Istat emittenti, iżda għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma, iddeterminata b’riferiment għall-kriterji Bonda; b’mod partikolari, l-għamla tal-ksur, in-natura intrinsika tiegħu u s-severità tal-piena. Peress li l-Artikolu 625(2) tal-FKK jikkostitwixxi dritt infurzabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, individwu għandu jkun jista’ jinvokah sabiex jopponi l-konsenja awtorizzata. Fil-każ ta’ ksur sostantiv jew proċedurali tar-regola ta’ speċjalità, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tintervjeni skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK sabiex tissospendi jew tipprekludi l-konsenja, peress li l-assenza ta’ osservanza materjali jew ta’ natura eżekuttiva proċedurali tar-regola ta’ speċjalità trendi l-konsenja inkompatibbli mal-Karta.

94.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel erba’ domandi fis-sens li l-Artikolu 604(c) u l-Artikolu 625(2) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regola ta’ speċjalità tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali infurzabbli li l-ksur jew il-ksur probabbli tagħha, evalwat b’riferiment għall-kunċett ta’ “reat” iddefinit b’mod awtonomu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni legali taħt id-dritt nazzjonali, in-natura intrinsika tar-reat, u s-severità tal-piena, jeżiġi li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li l-Istat emittenti jiggarantixxi li l-persuna kkonsenjata ma tiġix imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati oħra għajr dawk li għalihom tkun ġiet ikkonsenjata l-persuna.

C. Fuq il-ħames domanda

95.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 625(2) tal-FKK għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-konsenja ta’ persuna rikjesta li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur minħabba disprezz tal-qorti, fejn il-konsenja ma tkunx intalbet sabiex tiġi skontata din il-piena, minħabba l-klassifikazzjoni tad-disprezz tal-qorti, mill-Istat emittenti, bħala ksur ċivili u mhux kriminali.

96.

L-ewwel nett, meta teżamina l-oġġezzjoni, li tippreċedi l-konsenja, imqajma mir-rikorrenti, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tiddetermina jekk l-aġir jew il-piena inkwistjoni, pereżempju d-disprezz tal-qorti, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 625(2) tal-FKK. Dan jeħtieġ evalwazzjoni indipendenti bbażata fuq il-kriterji Bonda ( 75 ). Il-fatt li s-sanzjoni għal tali aġir tinvolvi ċaħda tal-libertà, pereżempju fil-forma ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà ta’ sitt xhur, jimmilita bil-qawwa favur in-natura kriminali tagħha fis-sens tal-Artikolu 625(2) tal-FKK, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħha mill-Istat emittenti.

97.

It-tieni nett, jekk l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tikkonstata li aġir jew sanzjoni huma ta’ natura kriminali, din l-awtorità għandha għalhekk tiddetermina, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, affidabbli u konkreta, jekk jeżistux raġunijiet fondati sabiex jiġi ammess li l-persuna ser tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, għal kundanna jew għal ċaħda tal-libertà għal dan l-aġir, bi ksur tal-Artikolu 625(2) tal-FKK.

98.

Jekk ir-regola ta’ speċjalità tkun assenti, ineffettiva jew ma tistax tiġi invokata mill-individwi, kif jista’ jiġri meta l-Istat emittenti jqis ċertu aġir (bħall-ksur ċivili) bħala li jaqa’ barra mill-isfera kriminali, dan il-fattur diġà jindika riskju strutturali ta’ ksur tal-Artikolu 625(2) u tal-Artikolu 604(c) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Meta d-dritt tal-Istat emittenti jeskludi espressament mill-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità tali aġir u s-sanzjonijiet relatati, ir-riskju jsir ċert pjuttost milli ipotetiku.

99.

It-tielet nett, jekk tali riskju jiġi identifikat, qabel ma tiġi awtorizzata l-konsenja, l-awtorità għandha titlob formalment lill-Istat emittenti garanziji adegwati skont l-Artikolu 604(c) tal-FKK. L-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha għalhekk tevalwa jekk il-garanziji offruti humiex suffiċjenti, fis-sens li jeskludu r-riskju ta’ ċaħda tal-libertà għal aġir mhux previst fil-mandat. Jekk il-garanziji jeliminaw ir-riskju, il-konsenja tista’ tiġi awtorizzata. Jekk il-garanziji jkunu nieqsa, mhux ċari jew insuffiċjenti, l-awtorità eżekutorja għandha tissospendi l-konsenja sakemm jiġu pprovduti garanziji sodisfaċenti. Bħala ultimo ratio, hija għandha tirrifjuta l-konsenja meta tali garanziji jibqgħu assenti jew insuffiċjenti ( 76 ).

100.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tas-sistema ta’ konsenja tal-FKK, il-kooperazzjoni bejn l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja u l-awtoritajiet tal-Istat emittenti hija essenzjali. Fil-prattika, din il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ djalogu ġudizzjarju u ta’ skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 604(c), li jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja eżekutorja titlob lill-Istat emittenti kjarifiki jew garanziji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur, is-salvagwardji proċedurali applikabbli jew il-konformità mar-regola ta’ speċjalità. Meta jippersistu dubji, l-Istat emittenti jista’ jipprovdi assigurazzjonijiet formali li jindirizzaw tħassib speċifiku, bħal limiti ta’ prosekuzzjoni jew id-disponibbiltà ta’ rimedji effettivi. Dan il-proċess jippermetti liż-żewġ awtoritajiet jibbilanċjaw id-drittijiet tal-individwu mal-interess pubbliku għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, filwaqt li jiżguraw li l-konsenja ssir biss ladarba jkun hemm salvagwardji adegwati fis-seħħ. Sussegwentement, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja jista’ jkollha bżonn tevalwa jekk il-garanziji addizzjonali jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni d-dritt tal-vittmi għall-ġustizzja ( 77 ).

101.

Dan l-approċċ jiżgura li l-Artikolu 625(2) tal-FKK jiffunzjona bħala garanzija effettiva u infurzabbli kontra prosekuzzjoni jew ċaħda tal-libertà. Huwa konformi mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li jeżiġu li l-proċeduri ta’ konsenja skont il-FKK ikunu legali u prevedibbli u jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

102.

Fl-aħħar nett, nixtieq nirrileva li l-qorti tar-rinviju ddikjarat li hija konvintali r-rikorrenti, billi ġew ittrattati mill-qorti tal-Istat emittenti fir-rigward tad-digrieti ta’ sekwestru, ibbenefikaw mill-protezzjonijiet proċedurali kollha ggarantiti mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Huma dehru quddiem qorti indipendenti u imparzjali, ġew informati bil-kapijiet ta’ akkuża, ingħataw informazzjoni dwar il-ħin u l-post tas-seduta, kienu rrappreżentati legalment u kellhom dritt ta’ appell. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellhom aċċess għal rimedju effettiv fi ħdan l-Istat emittenti, peress li kellhom dritt jikkontestaw il-kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ġew ikkundannati għal disprezz tal-qorti fl-assenza tagħhom. Dan il-fatt, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jista’ jkun rilevanti għaliex iqajjem kwistjoni separata dwar id-dritt tagħhom li jkunu preżenti u li jiddefendu lilhom innifishom. Anki meta l-proċedura preċedenti kienet tissodisfa l-garanziji previsti fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, l-impożizzjoni ta’ piena fil-kontumaċja teħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ġewx effettivament informati bis-seduta u jekk, fil-każ ta’ konsenja, jibqgħux iżommu d-dritt tagħhom għal kawża mill-ġdid jew għal rimedju ekwivalenti fl-Istat emittenti.

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 604(c) u l-Artikolu 625(2) tal-FKK, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konsenja ta’ persuna rikjesta li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ sitt xhur minħabba disprezz tal-qorti, liema konsenja ma tkunx intalbet sabiex tiġi skontata din il-piena abbażi tal-fatt li tali disprezz huwa kklassifikat bħala ċivili skont id-dritt tal-Istat emittenti, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk, skont l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja, dan id-disprezz ikun essenzjalment ta’ natura kriminali u jkun hemm raġunijiet sostanzjali li jiġi ammess li, wara l-konsenja, ikun hemm ksur materjali jew proċedurali tar-regola ta’ speċjalità, sa fejn din il-persuna tiċċaħħad mil-libertà bi ksur tar-regola ta’ speċjalità jew il-persuna ma tkunx tista’ tinvoka r-regola ta’ speċjalità; l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja hija obbligata, qabel ma tawtorizza l-konsenja, tikseb mill-Istat emittenti garanziji addizzjonali adegwati li l-persuna ma hijiex ser tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal dan id-disprezz, u fl-assenza ta’ dawn il-garanziji, il-konsenja għandha tiġi rrifjutata.

VI. Konklużjoni

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

L-Artikolu 604(c) u l-Artikolu 625(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

(1)

Ir-regola ta’ speċjalità tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali infurzabbli li l-ksur jew il-ksur probabbli tagħha, evalwat b’riferiment għall-kunċett ta’ “reat” iddefinit b’mod awtonomu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni legali taħt id-dritt nazzjonali, in-natura intrinsika tar-reat, u s-severità tal-piena, jeżiġi li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li l-Istat emittenti jiggarantixxi li l-persuna kkonsenjata ma tiġix imħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reati oħra għajr dawk li għalihom tkun ġiet ikkonsenjata l-persuna.

(2)

Il-konsenja ta’ persuna rikjesta li tkun ġiet ikkundannata għal piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ sitt xhur minħabba disprezz tal-qorti, liema konsenja ma tkunx intalbet sabiex tiġi skontata din il-piena abbażi tal-fatt li tali disprezz huwa kklassifikat bħala ċivili skont id-dritt tal-Istat emittenti, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk, skont l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja, dan id-disprezz ikun essenzjalment ta’ natura kriminali u jkun hemm raġunijiet sostanzjali li jiġi ammess li, wara l-konsenja, ikun hemm ksur materjali jew proċedurali tar-regola ta’ speċjalità, sa fejn din il-persuna tiċċaħħad mil-libertà bi ksur tar-regola ta’ speċjalità jew il-persuna ma tkunx tista’ tinvoka r-regola ta’ speċjalità; l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja hija obbligata, qabel ma tawtorizza l-konsenja, tikseb mill-Istat emittenti garanziji addizzjonali adegwati li l-persuna ma hijiex ser tiġi mħarrka, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal dan id-disprezz, u fl-assenza ta’ dawn il-garanziji, il-konsenja għandha tiġi rrifjutata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) ĠU 2021, L 149, p. 10.

( 3 ) Magħrufa wkoll bħala “speċjalità”, “prinċipju ta’ speċjalità” jew “duttrina ta’ speċjalità”.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, Tinsley, A., “Specialty: Arresting an elusive ‘right’ in European extradition law”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 12, Ħarġa 1, 2020, p. 23 sa 35. https://doi.org/10.1177/2032284420976994.

( 5 ) Iffirmata fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.

( 6 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

( 7 ) Dawn id-digrieti ta’ sekwestru kienu jipprojbixxu t-trasferiment ta’ assi marbuta mal-kumpannija, mal-kontijiet bankarji ta’ LQ, ta’ NT u ta’ RM u mal-vetturi bil-mutur tagħhom, u kienu jobbligawhom jiżvelaw u jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwar l-assi kollha ġewwa jew barra l-Ingilterra u Wales.

( 8 ) Informazzjoni dwar il-pieni imposti għal disprezz tal-qorti tinsab fil-Parti (f) ta’ kull mandat ta’ arrest, li tipprovdi: “Il-ksur tad-digriet ta’ sekwestru ma huwiex reat kriminali, b’tali mod li ma jistax jikkostitwixxi reat ta’ estradizzjoni u għalhekk ma huwiex inkluż fil-lista ta’ reati ta’ estradizzjoni. Il-konstatazzjoni [...] tal-[Imħallef tar-Reading Crown Court] li l-konvenut kiser id-digriet ta’ sekwestru u għalhekk wettaq disprezz tal-qorti ma tikkostitwixxix kundanna, b’tali mod li dan il-mandat huwa biss mandat ta’ akkuża”.

( 9 ) Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR: 1976:0608JUD000510071).

( 10 ) Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2005, Kyprianou et vs Ċipru (CE:ECHR: 2005:1215JUD007379701).

( 11 ) Qorti EDB, 10 ta’ Ġunju 1996, Benham vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR: 1996:0610JUD001938092).

( 12 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

( 13 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Alchaster (C‑202/24, EU:C:2024:559, punt 55).

( 14 ) Ibid., punt 58; Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Vlaams Gewest (C‑413/24, EU:C:2025:490, punti 48 u 49).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 31 tal-KVLT, trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 14), u tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C-485/07, EU:C:2011:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster (C‑202/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alchaster I, EU:C:2024:649).

( 18 ) Ibid., punt 71.

( 19 ) Ibid., punt 70.

( 20 ) Ibid.

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 40).

( 22 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 27).

( 23 ) Punti 72 sa 74.

( 24 ) Punt 75.

( 25 ) Punt 82.

( 26 ) Punti 78 sa 83.

( 27 ) Punt 75.

( 28 ) Schabas, W.A, The International Criminal Court: A Commentary on the Rome Statute, It-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2016, p 1362 sa 1366.

( 29 ) Mudell Trattat dwar l-Estradizzjoni, UN Doc. A/RES/45/116, Anness, Artikolu 14, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ETS Nru 24, Artikolu 14.

( 30 ) L-Artikolu 625(1) tal-FKK jikkorrispondi għall-Artikolu 27(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 625(2) tal-FKK huma essenzjalment identiċi. L-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi l-eċċezzjoni meta r-regola ta’ speċjalità ma tapplikax u l-Artikolu 625(3) tal-FKK jirriproduċi kważi ad verbatim il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa essenzjalment riprodott fl-Artikolu 625(4) tal-FKK, li jipprevedi proċedura li tippermetti lill-Istat emittenti jitlob il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja.

( 31 ) Sentenza tad‑9 ta’ Frar 1982 (270/80, EU:C:1982:43, punti 14 sa 16).

( 32 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.

( 33 ) Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.

( 34 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2008 (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punti 43 u 44).

( 35 ) Din il-formulazzjoni hija riprodotta f’silta identika fil-punt 39 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749). Il-punt 40 ta’ din is-sentenza jispjega d-dimensjoni ġudizzjarja billi jobbliga lill-Istat emittenti jitlob il-kunsens tal-Istat eżekutorju sabiex josserva l-kompetenzi tiegħu, iżda ma jillimitax in-natura doppja stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-silta.

( 36 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 25). Din is-sistema hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-preżunzjoni hija li kull Stat Membru jaderixxi ma’ standards kondiviżi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jippermettu proċeduri ssemplifikati bbażati fuq kooperazzjoni istituzzjonali pjuttost milli fuq kunsens individwalizzat.

( 37 ) Ara s-sentenza fil-kawża Alchaster I, punti 63 u 70.

( 38 ) Ibid., punti 24 sa 27.

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi and Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78)

( 40 ) Sentenza fil-kawża Alchaster I, punti 40 u 41.

( 41 ) Ibid., punt 41

( 42 ) Ibid., punt 42.

( 43 ) Punt 41 iktar ’il fuq.

( 44 ) Punt 42 iktar ’il fuq.

( 45 ) Dan ma għandux jiġi konfuż mal-forma distinta ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 611 tal-FKK, li tipprovdi li l-persuna rikjesta tista’ tagħti l-kunsens tagħha għal konsenja rapida billi tirrinunzja ċerti garanziji proċedurali. Iż-żewġ mekkaniżmi huma kunċettwalment distinti: l-ewwel waħda tikkonċerna l-portata tal-proċeduri wara l-konsenja, filwaqt li t-tieni waħda tikkonċerna l-mod kif titwettaq il-konsenja.

( 46 ) Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2008 (C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669).

( 47 ) Is-sitwazzjoni legali prevista fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regola ta’ speċjalità fil-kuntest tal-MAE, li fiha l-persuna tkun diġà ġiet ikkonsenjata u l-Istat emittenti għandu josserva l-limiti imposti mill-awtorità eżekutorja, għadha ma tqajmitx f’dan il-każ. Ir-raġunament fis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020 (C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 40) huwa suġġett għall-kundizzjoni li konsenja tkun diġà seħħet. L-“indħil” imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja jippreżupponi li l-Istat eżekutorju ttrasferixxa l-kustodja tal-persuna u li l-Istat emittenti issa huwa f’pożizzjoni li jaġixxi fir-rigward ta’ din il-persuna fil-limiti imposti mid-deċiżjoni ta’ konsenja. Kuntrastament, fl-istadju li jippreċedi l-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja għandha tivverifika jekk jeżistix riskju reali li l-Istat emittenti ma jiħux inkunsiderazzjoni dawn il-limiti ladarba titwettaq il-konsenja, u b’hekk jikser ir-regola ta’ speċjalità.

( 48 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013 (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358).

( 49 ) Ara, b’analoġija, ir-rinunzja tad-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 49), u li huwa espressament rifless fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

( 50 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal‑24 ta’ Marzu 2016 (Nru 175/16) fejn il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li estradizzjoni li ma tiżgurax il-konformità mar-regola ta’ speċjalità tikser id-dritt fundamentali għal-libertà personali. Barra minn hekk, jekk awtorità ġudizzjarja eżekutorja tirrifjuta li teżamina jekk il-kundizzjonijiet tar-regola ta’ speċjalità humiex issodisfatti, dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-protezzjoni legali effettiva.

( 51 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, taħt il-prinċipju tal-legalità ta’ reati u ta’ pieni, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali għandhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat kif ukoll tal-għoti tal-piena (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 31), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 114).

( 53 ) Ara l-punt 70 iktar ’il quddiem.

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 72 sa 75).

( 55 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punt 5); tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 41); tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 39); u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 46). Peress li l-FKK ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad‑29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU 2021, L 149, p. 2) skont l-Artikolu 217 TFUE, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, dan jikkostitwixxi att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u huwa parti mid-dritt tal-Unjoni.

( 56 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37 et seq.

( 57 ) L-interpretazzjoni awtonoma tal-QEDB tal-kunċett ta’ “akkuża kriminali” teżisti sabiex tipprevjeni esklużjonijiet arbitrarji mill-kamp tal-applikazzjoni tal-garanziji fundamentali. Fis-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071), il-QEDB Qo iddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk proċeduri humiex “kriminali” ma jistgħux jiddependu biss fuq il-klassifikazzjoni tal-Istat; inkella l-Istati jistgħu jevitaw l-Artikolu 6 tal-KEDB billi sempliċement jerġgħu jiddenominaw miżuri punitivi bħala “dixxiplinari”. Għaldaqstant, ġew żviluppati dawn it-tliet kriterji msemmija hawn fuq. Din il-loġika ġiet ikkonfermata fis-sentenza Öztürk vs Il‑Ġermanja (21 ta’ Frar 1984, CE:ECHR:1984:0221JUD000854479), fejn proċeduri formalment deskritti bħala “amministrattivi” madankollu kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB minħabba l-għan punittiv u deterrent tagħhom.

( 58 ) Filwaqt li l-bażi tat-Tielet Parti tal-FKK, kif ikkjarifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alchaster I (punti 40 sa 43), hija l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u l-infurzar tal-liġi, dan l-element kuntestwali ma jillimitax l-interpretazzjoni tat-terminu “reat” fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għal reati kklassifikati formalment bħala kriminali skont il-liġi nazzjonali. L-iskop ġenerali tat-Tielet Parti huwa li jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu, jiġifieri l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali, iżda mhux it-tifsira tal-garanziji protettivi inklużi fih. Għalhekk, dawk il-garanziji jistgħu jestendu wkoll għal pieni li, għalkemm ma jkunux formalment ikklassifikati bħala kriminali skont il-klassifikazzjoni nazzjonali, ikunu ta’ natura kriminali minħabba l-iskop, is-severità jew in-natura deterrenti tagħhom.

( 59 ) Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza iktar estiża tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-klassifikazzjoni tar-reati mill-Istati Membri ma hijiex konklużiva meta jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Bl-istess mod, fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 77), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma armonizzax id-dritt kriminali materjali jew proċedurali, il-prinċipju ne bis in idem fl-Artikolu 54 tal-acquis ta’ Schengen – il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19) jipprevjeni l-impunità u jippromwovi ċ-ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jirreferux espressament għad-dritt nazzjonali għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tagħhom.

( 60 ) L-Artikolu 524(2) tal-FKK jipprovdi li xejn fit-Tielet Parti ma jimmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali kif riflessi fil-KEDB u, fil-każ tal-Unjoni, fil-Karta. Dan jeħtieġ li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 625(2) tal-FKK tkun konsistenti ma’ dawk l-istrumenti. Għalhekk, jekk l-Istat emittenti jista’ jikklassifika sanzjoni bħala ċivili, anki meta tkun ta’ natura kriminali skont ir-regoli tal-KEDB u tal-Karta, l-effettività tal-Artikolu 524(2) tal-FKK titnaqqas. Sabiex jiġi evitat tali riżultat, it-terminu “reat” fl-Artikolu 625(2) tal-FKK għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, konsistenti mal-kriterji Bonda, li tiżgura li kull aġir li jwassal għal akkuża li hija kriminali jaqa’ effettivament taħt il-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità.

( 61 ) Dwar il-kunċetti awtonomi tal-KEDB, ara Letsas, G., “Autonomous concepts, conventionalism, and judicial discretion”, f’A Theory of Interpretation of the European Convention on Human Rights, edizzjoni onlajn, Oxford Academic, Oxford, 2007, p. 37 sa 57.

( 62 ) Pereżempju, fil-verżjoni Taljana, id-dispożizzjonijiet rilevanti jużaw it-terminu reato, li normalment jirreferi għal ksur kriminali f’dak l-ordinament ġuridiku.

( 63 ) Hemm lok li nosserva li d-dipendenza fuq il-klassifikazzjoni tal-Istat skont l-Artikolu 625(3)(g) u (4) tal-FKK tista’ tkun problematika. Fejn ċertu aġir, bħal disprezz tal-qorti fir-Renju Unit, ma jitqiesx bħala “reat kriminali” skont id-dritt nazzjonali, ma jistax jintalab kunsens wara l-konsenja, minkejja li l-piena riżultanti setgħet, f’interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 625(2), tipprevjeni l-konsenja. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għal “reati” suġġetti għal konsenja skont it-Titolu VII tat-Tielet Parti tal-FKK, il-mekkaniżmu tal-kunsens ma jistax jestendi għal miżuri ta’ infurzar li huma ċivili fil-forma iżda kriminali fin-natura, b’mod li l-awtorità eżekutorja ma tkunx tista’ tawtorizza ċ-ċaħda tal-libertà potenzjali li tirriżulta minn dan. Il-kwistjoni dwar jekk din il-lakuna strutturali tistax timtela permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika ta’ “reat” fl-Artikolu 625(4) tal-FKK, konsistenti mal-approċċ ta’ protezzjoni tad-drittijiet meħtieġ mill-Artikolu 625(2) tal-FKK, tibqa’ miftuħa għall-interpretazzjoni.

( 64 ) Rigward l-argument tal-Kummissjoni li ma hemmx “bżonn imperattiv” għal interpretazzjoni teleoloġika ta’ “reat” peress li fi kwalunkwe każ tapplika l-Karta, għandu jiġi enfasizzat li l-applikabbiltà tal-Karta u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-implimentazzjoni proċedurali tagħha huma kwistjonijiet distinti. Filwaqt li l-Karta tiżgura d-drittijiet, ir-regola ta’ speċjalità tiggarantixxihom proċeduralment. Huwa biss permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma ta’ “reat”, fl-Artikolu 625(2) tal-FKK, li l-awtorità eżekutorja tista’ tiddetermina jekk il-prosekuzzjoni, il-kundanna jew iċ-ċaħda tal-libertà jaqgħux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà awtorizzata – deċiżjoni essenzjali għall-effettività tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Il-Karta ma tistax fiha nnifisha tissostitwixxi l-garanzija proċedurali intiża li tagħmel il-garanziji tagħha konkreti u eżegwibbli.

( 65 ) L-Artikolu 625(2) tal-FKK iżomm il-formulazzjoni tradizzjonali bbażata fuq il-kunċett ta’ reat (minflok waħda bbażata fuq il-kunċett ta’ aġir), u jiffoka fuq jekk persuna tiġix imħarrka, ikkundannata jew imċaħħad mil-libertà għal reat għajr dak li għalih ingħatat il-konsenja.

( 66 ) Ara l-punti 37 u 47 sa 54 iktar ’il fuq.

( 67 ) Dawk l-eċċezzjonijiet jinkludu (i) il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja eżekutorja, (ii) ir-rinunzja tar-regola mill-persuna kkonsenjata, skont l-Artikolu 611(1) u (2) tal-FKK, bil-kundizzjoni li jingħata b’mod volontarju u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi, u (iii) il-possibbiltà ta’ kunsens preżunt permezz ta’ notifiki skont l-Artikolu 625(1) tal-FKK, sakemm l-awtorità eżekuttiva ma teskludihx espressament f’każ partikolari.

( 68 ) Ara l-punt 37 iktar ’il fuq. Ġie stabbilit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li individwi ma jistgħux jinvokaw dik id-dispożizzjoni bħala norma tat-trattat fil-qrati tar-Renju Unit. Minflok, l-Irlanda enfasizzat li r-regola ta’ speċjalità tapplika biss fir-Renju Unit permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Extradition Act 2003 (l-Att dwar l-Estradizzjoni tal‑2003).

( 69 ) Ara d-digriet tal-Bundesverfassungsgericht iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq, fejn dik il-qorti żiedet fil-punt 60 li ċ-ċaħda ta’ protezzjoni ġudizzjarja individwali tmur kontra l-Artikolu 19(4) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali), li jiżgura aċċess għal rimedju effettiv, f’ċirkustanzi fejn persuna estradita ma tistax hija stess tinvoka r-regola ta’ speċjalità, bħal ma huwa l-każ fl-Istati Uniti tal-Amerika, wara d-deċiżjoni fil-kawża United States vs Suarez (U.S. Court of Appeals, Second Circuit, No 14‑2378-cr, 30 ta’ Ġunju 2015) (il-Qorti tal-Appelli tal-Istati Uniti, Sekondu Ċirkwitu, Nru 14-2378-cr, 30 ta’ Ġunju 2015). Bl-istess mod, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tillimita l-evalwazzjoni tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ estradizzjoni mill-Pajjiżi l-Baxxi għal pajjiż ieħor biss għal każijiet fejn: (a) jidher li l-persuna kkonċernata tkun ser tiġi esposta għal “ksur flagranti” tad-drittijiet tagħha; u (b) ikun ġie stabbilit suffiċjentement skont il-liġi li, wara l-estradizzjoni, il-persuna ma jkollhiex “rimedju legali” disponibbli għaliha fir-rigward ta’ dak il-ksur (Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004 (00760/04 U, NL:HR:2004:AP1534)).

( 70 ) Ara, f’dan ir-rigward, Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2023 (23/01346 U, NL:HR:2023:1315).

( 71 ) Ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 625(4) tal-FKK, li tuża t-terminu “jrid”, li jfisser li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja ma tistax tipproċedi mingħajr il-garanziji previsti fl-Artikolu 604 tal-FKK.

( 72 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 76 u 77 tas-sentenza Alchaster I. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa bil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li, kif imsemmi fil-punt 74, teżiġi li l-awtorità ġudizzjarja eżekutorja tikseb “qabel ma tagħti deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm lok li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest, jekk ikun hemm bżonn, garanziji supplimentari fir-rigward tat-trattament tal-persuna rikjesta wara l‑konsenja tagħha”, u b’hekk jiġi kkonfermat li hija għandha tevalwa, u, fejn meħtieġ, tirrifjuta, l-eżekuzzjoni tal-mandat meta dawk il-garanziji jkunu inadegwati.

( 73 ) Sentenza Alchaster I, punti 78, 83 sa 91 u 98.

( 74 ) Ara l-punt 82 iktar ’il fuq.

( 75 ) Ara l-punti 71 sa 77 iktar ’il fuq.

( 76 ) Ara l-punt 90 iktar ’il fuq.

( 77 ) Ara dwar il-kwistjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni u d-drittijiet tal-vittmi, bħala eżempju, is-sentenza Güzelyurtlu et vs Ċipru u It-Turkija (CE:ECHR:2019:0129JUD003692507, §§ 232-236) fejn il-QEDB iddikjarat li l-Artikolu 2 tal-KEDB (id-dritt għall-ħajja) jista’ joħloq obbligu ta’ kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati meta jkunu qegħdin jinvestigaw qtil illegali, sabiex ikun hemm iktar tagħrif dwar iċ-ċirkustanzi tal-qtil u sabiex il-persuni li wettqu r-reat jitħarrku. Peress li dan l-obbligu huwa obbligu ta’ mezzi, mhux ta’ riżultat, l-Istati jridu jieħdu l-passi raġonevoli kollha disponibbli taħt l-istrumenti ta’ kooperazzjoni eżistenti. Billi bbażat ruħha fuq dik is-sentenza, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117, §§ 79-92), il-QEDB tanalizza, fil-fatt, jekk ir-rifjut tal-Belġju li jikkopera naqqas b’mod inġust id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti skont l-Artikolu 2 tal-KEDB. Il-QEDB taċċetta li riskju ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB (il-projbizzjoni tat-trattament inuman jew degradanti) jista’ jikkostitwixxi bażi għal rifjut ta’ konsenja, iżda tinsisti li tali riskju għandu jkollu bażi suffiċjentement individwalizzata u fattwali.