Brussell, 15.10.2024

COM(2024) 454 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura, id-Direttiva 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, id-Direttiva 2000/53/KE tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart, id-Direttiva 2006/66/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u d-Direttiva 2008/98/KE tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill86/278/KEEtat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura, id-Direttiva 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, id-Direttiva 2000/53/KE tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart, id-Direttiva 2006/66/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u d-Direttiva 2008/98/KE tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart

1.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li jibda mill-4 ta’ Lulju 2018, skont:

a)L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura 1 ,

b)L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21a(2) tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 2 ,

c)L-ewwel sentenza tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw 3 ,

d)L-ewwel sentenza tal-Artikolu 38a(2) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi 4 .

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 58a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart 5 , u skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23a(2) tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi 6  il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati għal perijodu ta’ ħames snin li jibda mis-17 ta’ Lulju 2014 u mit-30 ta’ Diċembru 2013, rispettivament.

Il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Ir-rapporti dwar l-eżerċizzju tas-setgħat skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2006/66/KE ġew adottati fit-22 ta’ Novembru 2018 7 u fl-14 ta’ Mejju 2018 8 , rispettivament. Peress li la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponew l-estensjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni, id-delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni ġiet estiża awtomatikament għal perjodu ta’ żmien identiku li jibda mis-17 ta’ Lulju 2019 u t-30 ta’ Diċembru 2018.

Dan ir-rapport jiddeskrivi l-attività tal-Kummissjoni fil-perjodu li jibda mill-4 ta’ Lulju 2018, is-17 ta’ Lulju 2019, u t-30 ta’ Diċembru 2018, rispettivament.

2.Id-Direttiva 86/278/KEE

Id-Direttiva 86/278/KEE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 15a, bl-għan li temenda l-Annessi u tadattahom għall-progress tekniku u xjentifiku, ħlief għall-parametri u l-valuri elenkati fl-Annessi I A, I B u I C, kwalunkwe fattur li x’aktarx jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ dawk il-valuri, u l-parametri għall-analiżi msemmija fl-Annessi II A u II B.

2.1.Eżekuzzjoni tad-Delega

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat delegati mogħtija lilha skont id-Direttiva 86/278/KEE. L-ebda wieħed mill-Annessi msemmija hawn fuq ma ġie adattat għall-progress xjentifiku u tekniku. Evalwazzjoni tal-2023 tad-Direttiva 9 kkonkludiet li jkun meħtieġ l-adattament tad-Direttiva għall-aħħar progress xjentifiku u tekniku (b’mod partikolari dwar is-sett ta’ sustanzi niġġiesa li għandhom jiġu koperti u l-valuri ta’ limitu xierqa tagħhom). Madankollu, dan imur lil hinn mill-għoti tas-setgħa attwali li jinsab fl-Artikolu 15a.

3.Id-Direttiva 94/62/KE

Id-Direttiva 94/62/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 21a, bl-għan:

·li tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom it-total tal-livelli ta’ konċentrazzjoni taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u tal-kromu eżavalenti preżenti fl-imballaġġ speċifikat fl-Artikolu 11(1) ma japplikawx għall-materjali riċiklati u għaċ-ċirkwiti tal-prodotti li jkunu f’katina magħluqa u kkontrollata, kif ukoll li tiddetermina t-tipi ta’ imballaġġ li huma eżentati mir-rekwiżit rigward il-kontenut ta’ dawn il-metalli tqal fl-imballaġġ u fil-komponenti tal-imballaġġ stabbiliti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 11(1), kif previst fl-Artikolu 11(3);

·li temenda l-eżempji illustrattivi għad-definizzjoni tal-imballaġġ elenkat fl-Anness I, kif previst fl-Artikolu 19(2);

·li tissupplimenta d-Direttiva fejn meħtieġ biex tindirizza kwalunkwe diffikultà li tinqala’ fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari għall-materjali tal-imballaġġ inerti mqiegħda fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna (jiġifieri madwar 0.1 % skont il-piż) fl-UE, l-imballaġġ primarju għall-apparat mediku u l-prodotti farmaċewtiċi, l-imballaġġ żgħir u l-imballaġġ lussuż, kif previst fl-Artikolu 20.

Fl-4 ta’ Marzu 2023 intlaħaq qbil dwar il-proposta għal Regolament ġdid dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ 10 u ġie approvat b’mod proviżorju mill-koleġiżlaturi. Is-setgħat attwali li jinsabu fid-Direttiva 94/62/KE jibqgħu rilevanti u għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid, li huwa mistenni fl-2025.

3.1.Eżerċizzju tad-Delega

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat delegati mogħtija lilha skont id-Direttiva 94/62/KE. Madankollu, l-atti tal-Kummissjoni kienu ġew adottati fl-oqsma koperti mid-delega ta’ setgħat qabel il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, abbażi tas-setgħat preċedenti qabel ir-reviżjoni tad-Direttiva fl-2018 11 , kif spjegat hawn taħt.

3.1.1.Eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet fuq il-metalli tqal fl-imballaġġ

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 94/62/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma tal-livelli ta’ konċentrazzjoni taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u tal-kromu eżavalenti preżenti fl-imballaġġ jew fil-komponenti tal-imballaġġ ma għandhiex taqbeż il-100 ppm skont il-piż.

Skont l-Artikolu 11(3) preċedenti tad-Direttiva 94/62/KE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-livelli ta’ konċentrazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) ma japplikawx għal materjali riċiklati u għal ċirkwiti tal-prodotti li huma f’katina magħluqa u kkontrollata, kif ukoll it-tipi ta’ imballaġġ li huma eżentati mir-rekwiżit stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 11(3) preċedenti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati abbażi ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 11(3) jinkludu:

1)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/171/KE tad-19 ta’ Frar 2001 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga għall-imballaġġ tal-ħġieġ fir-rigward tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-metalli tqal stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE 12 ;

2)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/340/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/171/KE bl-għan li ttawwal il-validità tal-kundizzjonijiet għal deroga għall-imballaġġ tal-ħġieġ fir-rigward tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ metall tqil stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE 13 ;

3)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/292/KE tal-24 ta’ Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga għall-kaxex tal-plastik u paliti tal-plastik fejn għandhom x’jaqsmu l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-metalli tqal stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE 14 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda d-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, u lanqas li tadotta atti ġodda f’dan il-qasam.

3.1.2.Emenda ta’ eżempji illustrattivi għad-definizzjoni tal-imballaġġ

L-Anness I tad-Direttiva 94/62/KE jelenka eżempji illustrattivi tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(i)–(iii) li jikkumplimentaw id-definizzjoni tal-imballaġġ stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. L-Artikolu 19(2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-lista ta’ eżempji illustrattivi elenkati fl-Anness I.

Il-Kummissjoni eżerċitat din is-setgħa billi adottat id-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2/UE tas-7 ta’ Frar 2013 li temenda l-Anness I għad-Direttiva 94/62/KE 15 .

3.1.3.Tissupplimenta d-Direttiva biex tittratta kwalunkwe diffikultà li tinqala’ fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva   

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jsir użu mis-setgħa delegata skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-futur tista’ tinħoloq il-ħtieġa li d-Direttiva 94/62/KE tiġi ssupplimentata billi jiġu indirizzati d-diffikultajiet prattiċi tal-materjali tal-imballaġġ inerti mqiegħda fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna, tal-imballaġġ primarju għall-apparati mediċi u għall-prodotti farmaċewtiċi, tal-imballaġġ żgħir, u tal-imballaġġ ta’ lussu, u huwa għalhekk li s-setgħat għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ ta’ Regolament ġdid.

4.Id-Direttiva 2000/53/KE

Id-Direttiva 2000/53/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati bl-għan:

·li temenda l-Anness II biex tadattah fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, kif previst fl-Artikolu 4(2)(b)(i-iv), kif previst fl-Artikolu 4(2)(b);

·li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikat ta’ distruzzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(5);

·li temenda l-Anness I biex tadattah għall-progress xjentifiku u tekniku, kif previst fl-Artikolu 6(6);

·li tistabbilixxi standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali, b’mod partikolari biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ dawk il-komponenti u l-materjali li huma adattati għall-użu mill-ġdid u l-irkupru, li għandhom jintużaw mill-produtturi, flimkien mal-manifatturi tal-materjal u tat-tagħmir, kif previst fl-Artikolu 8(2).

Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Vetturi li m’għadhomx jintużaw 16 ġiet adottata fit-13 ta’ Lulju 2023 u bħalissa qed tiġi diskussa fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Is-setgħat attwali li jinsabu fid-Direttiva 2000/53/KE jibqgħu rilevanti u għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid.

4.1.Eżekuzzjoni tad-Delega

Matul il-perjodu kopert mir-rapport, il-Kummissjoni adottat tliet atti delegati li jimmodifikaw l-Anness II għad-Direttiva 2000/53/KE li telenka l-eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

4.1.1.Emendi tal-Anness II

Skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjali u l-komponenti tal-vetturi mpoġġija fis-suq wara l-1 ta’ Lulju 2003 ma jkollhomx ċomb, merkurju, kadmju jew kromu eżavalenti għajr fil-każijiet elenkati fl-Anness II skont il-kundizzjonijiet speċifikati fih.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport 17 , il-Kummissjoni adottat tliet atti delegati li jemendaw l-Anness II:

1)Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/362 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE b’rabta mal-eżenzjoni għall-kromu eżavalenti bħala prodott kontra l-korrużjoni fis-sistema tat-tkessiħ tal-azzar bil-karbonju fi friġġijiet tal-assorbiment f’karavans motorizzati 18 ;

2)Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/363 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE b’rabta ma’ ċerti eżenzjonijiet għaċ-ċomb u għall-komposti taċ-ċomb fil-komponenti 19 ; u

3)Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2023/544 tas-16 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttiva 2000/53/KE fir-rigward tal-eżenzjonijiet għall-użu taċ-ċomb fil-ligi tal-aluminju għal skopijiet ta’ xogħol bil-magni, fil-ligi tar-ram u f’ċerti batteriji 20 .

4.1.2.L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikat ta’ distruzzjoni

Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li permezz tagħha l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ distruzzjoni tkun kundizzjoni għad-dereġistrazzjoni ta’ vetturi li m’għadhomx jintużaw.

Fil-perjodu ta’ qabel dan ir-rapport, ibbażat fuq dak li kien l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2000/53/KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/151/KE tad-19 ta’ Frar 2002 dwar ir-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikat ta’ distruzzjoni maħruġ skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2000/53/KE 21 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

4.1.3.Emenda tal-Anness I

L-Anness I tad-Direttiva 2000/53/KE jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi minimi għat-trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jsir użu mis-setgħa delegata skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi emendat l-Anness I tista’ tinħoloq fil-futur, għalhekk is-setgħat għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid.

4.1.4.L-istabbiliment ta’ standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/53/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-produtturi, flimkien mal-manifatturi tal-materjal u tal-apparat, jużaw standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali, b’mod partikolari biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ dawk il-komponenti u l-materjali li huma adattati biex jerġgħu jintużaw u jiġu rkuprati.

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/53/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi dawn l-istandards.

Fil-perjodu ta’ qabel dan ir-rapport, ibbażat fuq dak li kien l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/53/KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/138/KE tas-27 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi l-istandards tal-kodifikazzjoni tal-komponenti u l-materjali tal-vetturi skont id-Direttiva 2000/53/KE 22 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

5.Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006

L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu tat-22 ta’ Marzu 1989 li sservi biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti negattivi ta’ skart perikoluż. Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jittrasponi din il-Konvenzjoni fil-liġi tal-Unjoni. Ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 58, biex temenda:

·L-Annessi IA, IB, IC, II, III, IIIA, IIIB, IV, V, VI u VII biex jitqiesu l-bidliet maqbula taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni tal-OECD 23 ;

·L-Anness V biex jirrifletti l-bidliet fil-lista ta’ skart adottata skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/98/KE;

·L-Anness VIII biex jirrifletti d-deċiżjonijiet meħuda skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti.

Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1157 dwar vjeġġi ta’ skart ġie adottat fl-11 ta’ April 2024 24 . Is-setgħat attwali li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jibqgħu rilevanti u għandhom jinżammu sakemm japplika dan ir-Regolament.

5.1.Eżerċizzju tad-Delega

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2174 tad-19 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Annessi IC, III, IIIA, IV, V, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 25 biex jirriflettu l-bidliet fl-entrati dwar l-iskart tal-plastik fl-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

6.Id-Direttiva 2006/66/KE

Id-Direttiva 2006/66/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 23a(2), bl-għan:

·li tistipula kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għar-riċiklaġġ ta’ skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi li jseħħ barra mill-UE, kif previst fl-Artikolu 15(3), biex jissupplimentaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 15(2);

·li tistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-rekwiżit li tiġi indikata l-kapaċità ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi fuqhom f’forma viżibbli, leġibbli u li ma titħassarx, kif previst fl-Artikolu 21(2);

·li tagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 21, kif previst fl-Artikolu 21(7).

Id-Direttiva 2006/66/KE tħassret bir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji 26 b’effett mit-18 ta’ Awwissu 2025. Għalhekk, x’aktarx il-Kummissjoni mhu se teżerċita l-ebda setgħa minn din id-Direttiva fil-futur.

6.1.Eżerċizzju tad-Delega

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat delegati mogħtija lilha skont id-Direttiva 2006/66/KE. Madankollu, l-atti tal-Kummissjoni kienu ġew adottati fl-oqsma koperti mid-delega ta’ setgħat qabel il-perjodu kopert minn dan ir-rapport.

6.1.1.Kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għar-riċiklaġġ ta’ skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi li jseħħ barra mill-UE

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/66/KE, it-trattament jista’ jsir barra mill-Istat Membru kkonċernat jew barra mill-UE, dment li l-vjeġġ tal-iskart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Skont l-Artikolu 15(2), skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi esportati barra mill-UE skont il-liġijiet rispettivi għandhom jgħoddu għat-twettiq tal-obbligi u l-effiċjenzi stipulati fl-Anness III ta’ din id-Direttiva biss jekk ikun hemm evidenza soda li l-operazzjoni ta’ riċiklaġġ seħħet taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni kienet intitolata li tistabbilixxi regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 15(2), b’mod partikolari kriterji għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti kif imsemmija fih.

Peress li r-Regolament (UE) 2024/1157 li għadu kif ġie adottat jipprovdi regoli dwar kriterji relatati mal-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trattament tal-iskart barra mill-UE, ma ġiex adottat att delegat skont id-Direttiva 2006/66/KE.

6.1.2.Regoli dettaljatili jissupplimentaw ir-rekwiżit li tiġi indikata l-kapaċità ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli u awtomotivi fuqhom

Skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2006/66/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi portabbli u awtomotivi kollha tkun indikata fuqhom f’forma viżibbli, leġibbli u li ma titħassarx sas-26 ta’ Settembru 2009. Il-Kummissjoni hija intitolata li tadotta atti delegati li jistabbilixxu regoli dettaljati li jissupplimentaw dak ir-rekwiżit.

Fil-perjodu ta’ qabel dan ir-rapport, ibbażat fuq dak li kien l-Artikolu 21(2) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1103/2010 tad-29 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi, skont id-Direttiva 2006/66/KE, regoli fir-rigward tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġajti mill-ġdid) li jistgħu jinġarru u tal-karozzi 27 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

6.1.3.L-għoti ta’ eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar

Skont l-Artikolu 21(7) tad-Direttiva 2006/66/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 21.

Fil-perjodu ta’ qabel dan ir-rapport, ibbażat l-Artikolu 21(7) preċedenti ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1103/2010.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

7.Id-Direttiva 2008/98/KE

Id-Direttiva 2008/98/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, kif imsemmi fl-Artikolu 38a, bl-għan:

·li tistabbilixxi, u li tirrevedi lista ta’ skart skont l-Artikolu 7(2) u (3) kif previst fl-Artikolu 7(1);

·li tistabbilixxi metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel, kif previst fl-Artikolu 9(8);

·li tistabbilixxi regoli għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tal-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li jitneħħew wara operazzjoni ta’ separazzjoni u li ma jiġux sussegwentement riċiklati, abbażi tar-rati medji ta’ telf għall-iskart isseparat, kif previst fl-Artikolu 11a(10);

·li tistabbilixxi standards tekniċi minimi għall-attivitajiet ta’ trattament, inkluż għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, li jeħtieġu permess skont l-Artikolu 23 fejn ikun hemm evidenza li jinkiseb benefiċċju f’termini tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn tali standards minimi, kif previst fl-Artikolu 27(1);

·li tistabbilixxi standards minimi għall-attivitajiet ta’ stabbilimenti jew impriżi li jiġbru jew jittrasportaw l-iskart fuq bażi professjonali kif ukoll ta’ negozjanti jew sensara, li jeħtieġu reġistrazzjoni fejn ikun hemm evidenza li tali standards minimi jkunu ta’ benefiċċju f’termini tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew biex jiġi evitat tfixkil fis-suq intern, kif previst fl-Artikolu 27(4);

·li temenda l-punt R1 tal-Anness II billi tispeċifika l-applikazzjoni tal-formola għall-faċilitajiet ta’ inċinerazzjoni msemmija fih, kif previst fl-Artikolu 38(2);

·li temenda l-Annessi IV u V fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, kif previst fl-Artikolu 38(3).

7.1.Eżekuzzjoni tad-Delega

Matul il-perjodu kopert mir-rapport, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed dwar metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel.

7.1.1.L-istabbiliment u reviżjoni ta’ lista ta’ skart

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu, u jirrieżaminaw f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, lista ta’ skart.

Qabel il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, ibbażat fuq l-Artikolu 7(1) preċedenti tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UEtat-18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/ 28 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

7.1.2.L-istabbiliment ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel

Skont l-Artikolu 9(8) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jistabbilixxi metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel. Fit-3 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE fir-rigward ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel 29 .

7.1.3.L-istabbiliment ta’ regoli għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tal-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li jitneħħew wara operazzjoni ta’ separazzjoni u li ma jiġux sussegwentement riċiklati, abbażi tar-rati medji ta’ telf għall-iskart isseparat

Skont l-Artikolu 11(10) tad-Direttiva 2008/98/KE, sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jistabbilixxi regoli għall-kalkolu, għall-verifika u għar-rapportar tal-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li jitneħħew wara operazzjoni ta’ separazzjoni u li ma jiġux sussegwentement riċiklati, abbażi tar-rati medji ta’ telf għall-iskart isseparat.

Il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni fil-31 ta’ Awwissu 2021, iżda l-Kunsill oġġezzjona għal din il-proposta fit-13 ta’ Diċembru 2021 30 .

7.1.4.L-istabbiliment ta’ standards tekniċi minimi għall-attivitajiet ta’ trattament

Skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2008/98/KE,il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi standards tekniċi minimi għall-attivitajiet ta’ trattament, inkluż għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, li jirrikjedu permess, fejn ikun hemm evidenza li tali standards minimi jkunu ta’ benefiċċju f’termini tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jsir użu mis-setgħa delegata skont din id-dispożizzjoni.

7.1.5.L-istabbiliment tal-istandards minimi għall-attivitajiet relatati mal-ġbir u t-trasport professjonali tal-iskart kif ukoll tal-attivitajiet tan-negozjanti jew tas-sensara

Skont l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/98/KE,il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi l-istandards minimi għall-attivitajietta’ stabbilimenti jew impriżi li jiġbru jew jittrasportaw l-iskart fuq bażi professjonali kif ukoll ta’ negozjanti jew sensara, fejn ikun hemm evidenza li tali standards minimi jkunu ta’ benefiċċju f’termini tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew biex jiġi evitat tfixkil fis-suq intern.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jsir użu mis-setgħa delegata skont din id-dispożizzjoni.

7.1.6.Emenda tal-punt R1 tal-Anness II

Skont l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda d-Direttiva billi tispeċifika l-applikazzjoni tal-formula għall-faċilitajiet ta’ inċinerazzjoni msemmija fil-punt R1 tal-Anness II. L-Anness II fih lista ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru, li waħda minnhom hija R1, deskritti bħala “Użu prinċipalment bħala fjuwil jew mezz ieħor biex tiġi ġġenerata l-enerġija”.

Fil-perjodu ta’ qabel dan ir-rapport, ibbażat fuq dak li kien l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1127 tal-10 ta’ Lulju 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE 31 .

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li temenda dan l-att u lanqas li tadotta wieħed ġdid.

7.1.7.Emenda tal-Annessi IV u V

Skont l-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2008/98/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-Annessi IV u V fid-dawl tal-progress tekniku u xjentifiku. L-Anness IV fih eżempji ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart, u l-Anness V huwa tabella ta’ korrelazzjoni.

Il-Kummissjoni ma identifikatx il-ħtieġa li jsir użu mis-setgħa delegata skont din id-dispożizzjoni.

8.Konklużjonijiet

Fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha mid-Direttivi 2000/53/KE u 2008/98/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

     ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6.

(2)

      ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

(3)

     ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.

(4)

     ĠU L 312 22.11.2008, p. 3.

(5)

     ĠU L 190, 12.7.2006, p.1.

(6)

     ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

(7)

     COM(2018)762 final.

(8)

     COM(2018) 266 final.

(9)

     SWD/2023/0157 final.

(10)

     COM/2022/677 finali.

(11)

     Id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141).

(12)

     ĠU L 62, 2.3.2001, p. 20.

(13)

     ĠU L 125, 12.5.2006, p. 43.

(14)

     ĠU L 79, 25.3.2009, p. 44.

(15)

     ĠU L 37, 8.2.2013, p. 10.

(16)

     COM/2023/451 finali.

(17)

     Il-Kummissjoni użat is-setgħat mogħtija lilha f’dan ir-rigward diversi drabi qabel il-bidu tal-perjodu kopert minn dan ir-rapport.

(18)

      ĠU L 67, 5.3.2020, p. 116.

(19)

      ĠU L 67, 5.3.2020, p. 119.

(20)

      ĠU L 73, 10.3.2023, p. 5.

(21)

     ĠU L 50, 21.2.2002, p. 94.

(22)

     ĠU L 53, 28.2.2003, p. 58.

(23)

     Id-Deċiżjoni C(2001)107/Final tal-Kunsill tal-OECD.

(24)

     ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj.

(25)

     ĠU L 433, 22.12.2020, p. 11.

(26)

     ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1.

(27)

     ĠU L 313, 30.11.2010, p. 3.

(28)

     ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44.

(29)

     ĠU L 248, 27.9.2019, p. 77.

(30)

      Delegated act details - Register of delegated acts (europa.eu)

(31)

     ĠU L 184, 11.7.2015, p. 13.