European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/855

5.5.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/855

tat-28 ta’ Jannar 2025

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/931 fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-formula għall-kalkolu tad-delta superviżorja tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put ikklassifikati fil-kategorija tar-riskju tal-komoditajiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 279a(3), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 279a(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-formula li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw biex jikkalkulaw id-delta superviżorja tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put ikklassifikati fil-kategorija tar-riskju tal-komoditajiet kompatibbli mal-kundizzjonijiet tas-suq li fihom il-prezzijiet tal-komoditajiet jistgħu jkunu negattivi jenħtieġ li tiġi speċifikata wkoll f’konformità mal-iżviluppi regolatorji internazzjonali, li jikkomplementaw il-formula simili għall-opzjonijiet eżerċitabbli u put ikklassifikati fil-kategorija tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax.

(2)

Il-Kapitolu CRE52 tal-Qafas ta’ Basel, adottat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS, Basel Committee on Banking Supervision) (2), jistabbilixxi l-approċċ standardizzat għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (SA-CCR, standardised approach for counterparty credit risk). F’dak il-Kapitolu, il-punt 52.40 jispeċifika l-formula li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw biex jikkalkulaw id-delta superviżorja tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put ikklassifikati f’kategorija ta’ riskju speċifika. Id-domanda 2 għal dak il-punt 52.40 tqajjem il-kwistjoni ta’ kif id-delta superviżorja għall-opzjonijiet jenħtieġ li tiġi kkalkolata meta t-terminu P/K ikun żero jew negattiv b’tali mod li ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat it-terminu ln(P/K), pereżempju f’ambjent ta’ rata tal-imgħax negattiva. Il-BCBS wieġeb għal dik il-mistoqsija li, f’tali każijiet, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jużaw formula kemxejn differenti biex jikkalkulaw id-delta superviżorja tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put, jiġifieri jenħtieġ li jinkorporaw f’dik il-formula bidla fil-valur tal-prezz u fil-valur tal-eżerċitar tal-opzjonijiet ikkonċernati billi jżidu lambda (“λ”), fejn jenħtieġ li λ tirrappreżenta l-inqas limitu possibbli preżunt li fih jistgħu jsiru negattivi r-rati tal-imgħax fil-munita rispettiva. Jenħtieġ li jiġi segwit approċċ simili fil-każ tad-delta superviżorja tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put ikklassifikati fil-kategorija tar-riskju tal-komoditajiet, f’sitwazzjonijiet fejn jistgħu jkunu negattivi l-prezzijiet tal-komoditajiet. Jenħtieġ li l-bidla λ tkun kbira biżżejjed biex tippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkalkulaw id-delta superviżorja ta’ opzjoni kklassifikata fil-kategorija tar-riskju tal-komoditajiet f’konformità mal-formula stabbilita fl-Artikolu 279a(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, iżda fl-istess ħin żgħira biżżejjed biex ma tintroduċix preġudizzju bla bżonn fl-eżitu tal-kalkolu tad-delta superviżorja.

(3)

F’konformità mal-approċċ stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/931 (3) għall-opzjonijiet ikklassifikati fil-kategorija tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, jenħtieġ li jintuża l-valur tal-volatilità superviżorja għall-opzjonijiet put u eżerċitabbli fil-kategorija tar-riskju tal-komoditajiet kif iddeterminat fl-istandards internazzjonali adottati mill-BCBS, peress li jitqies xieraq għall-użu tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/931 jiġi emendat skont dan.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(6)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/931 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 4(4), il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.   L-istituzzjonijiet li jew jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkella li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 325a(1) ta’ dak ir-Regolament, jistgħu jidentifikaw l-aktar motivatur tar-riskju materjali billi japplikaw il-passi li ġejjin fil-bidu tat-tranżazzjoni, u mbagħad mill-inqas fuq bażi trimestrali:”;

2.

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorju hija sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw id-delta superviżorja (δ) tal-opzjonijiet eżerċitabbli u put, ikklassifikati fil-kategoriji tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax jew tal-komodità, li tkun kompatibbli mal-kundizzjonijiet tas-suq li fihom ir-rati tal-imgħax jew il-prezzijiet tal-komoditajiet jistgħu jkunu negattivi, kif ġej:”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-bidla (λ) għal kwalunkwe opzjoni eżerċitabbli u put kif ġej:

λ j =

max{limitu j  – min{P j , K j }, 0} jekk l – opzjoni j hija mmappjata mal – kategorija tar – riskju tar – rata tal – imgħax;

max{ – (1 + limitu j )■min{P j , K j }, 0} jekk l – opzjoni j hija mmappjata mal – kategorija tar – riskju tar – rata tal – imgħax.

li fiha:

P j

=

il-prezz spot jew forward tal-istrument sottostanti tal-opzjoni j;

K j

=

il-prezz tal-eżerċitar tal-opzjoni j;

limitu j =

0.10%, jekk l – opzjoni j hija mmappjata mal – kategorija tar – riskju tar – rata tal – imgħax;

0.1, jekk l – opzjoni j hija mmappjata mal – kategorija tar – riskju tar – rata tal – imgħax.

”

(c)

fil-paragrafu 3, it-Tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella

Kategorija tar-riskju

Strument sottostanti

Volatilità superviżorja

Rata tal-imgħax

Kollox

50 %

Komodità

Elettriku

150 %

Komoditajiet oħrajn (eskluż l-elettriku)

70 %“.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.

(2)   https://www.bis.org/basel_framework/chapter/CRE/52.htm?inforce=20230101&published=20200605.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/931 tal-1 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodu għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet derivattivi b’motivatur tar-riskju materjali wieħed jew aktar għall-finijiet tal-Artikolu 277(5), il-formula għall-kalkolu tad-delta superviżorja tal-opzjonijiet put u eżerċitabbli kklassifikati fil-kategorija tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u l-metodu biex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni hijiex pożizzjoni twila jew qasira fil-motivatur tar-riskju primarju jew fl-aktar motivatur tar-riskju materjali fil-kategorija tar-riskju partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 279a(3)(a) u (b) fl-approċċ standardizzat għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti (ĠU L 204, 10.6.2021, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/931/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/855/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)