European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7541

19.12.2024

Notifika tal-bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ elementi ta’ lligar ibbażati fuq il-manganiż u s-siliċju

(C/2024/7541)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba mingħand xi Stati Membri biex tibda investigazzjoni ta’ salvagwardja. L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta turi li hemm biżżejjed evidenza li x-xejra fl-importazzjonijiet ta’ ċerti elementi ta’ lligar ibbażati fuq is-siliċju u l-manganiż u l-kundizzjonijiet li fihom iseħħu jidhru li jitolbu miżuri ta’ salvagwardja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni ta’ salvagwardja bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

1.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa elementi ta’ lligar ibbażati fuq il-manganiż u s-siliċju (il-“prodott ikkonċernat”). Il-prodott ikkonċernat, flimkien mal-kodiċijiet SA/NM li fihom huwa kklassifikat bħalissa, huma elenkati fl-Anness ta’ dan l-Avviż. Dawk il-kodiċijiet SA/NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

2.   ŻIEDA FL-IMPORTAZZJONIJIET U D-DANNU

L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta fit-talba tindika li l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat (3) żdiedu minn 1,3 miljun tunnellata fl-2020 għal 1,6 miljun tunnellata f’nofs l-2024. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat żdiedu f’termini relattivi wkoll, jiġifieri minn 126 % għal 298 % f’termini ta’ produzzjoni u minn 71 % għal 83 % f’termini ta’ konsum. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tidher li hija r-riżultat ta’ żviluppi mhux previsti bħaż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fil-pajjiżi terzi u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. B’kapaċità żejda eżistenti ta’ aktar minn 21 miljun tunnellata u żidiet fil-kapaċità ppjanati ta’ aktar minn 13-il miljun tunnellata fid-dinja, il-kapaċità żejda għall-prodott ikkonċernat se tilħaq livelli mingħajr preċedent, li ma jistgħux jiġu assorbiti, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-tnaqqis fil-konsum fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għal ħafna swieq qed jingħalaq bħala riżultat tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ adottati minn numru ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-aħħar snin fil-kuntest tal-kapaċità żejda globali. Fil-futur qarib mistennija jittieħdu miżuri oħra li jaffettwaw l-aċċess għal swieq importanti.

Hemm ukoll biżżejjed evidenza li turi li l-volum u l-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet, li qed iwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni, ikkawżaw jew qed jheddu li jikkawżaw indeboliment serju lill-produtturi tal-Unjoni, abbażi tal-indikaturi ekonomiċi speċifikati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/755. B’mod partikolari, l-evidenza turi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu. Dan tefa’ pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultat f’livell negattiv jew baxx ta’ profitt. L-industrija tal-Unjoni tibqa’ vulnerabbli għal żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet u minħabba l-kapaċità żejda ġenerali fis-suq globali tal-ligi tal-ħadid, iż-żidiet addizzjonali fil-kapaċità ppjanati fid-dinja, u n-numru dejjem jikber ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ meħudin minn pajjiżi terzi fuq l-illigar ibbażat fuq il-manganiż u s-siliċju. Din iż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet x’aktarx li tkun imminenti. L-investigazzjoni se teżamina s-sitwazzjoni tal-prodott ikkonċernat, abbażi wkoll tal-iżviluppi l-aktar reċenti, bħal kwalunkwe devjazzjoni tal-kummerċ li tirriżulta mill-għeluq tas-swieq ta’ pajjiżi terzi minħabba miżuri għad-difiża tal-kummerċ.

3.   PROĊEDURA

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tibda investigazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk, bħala riżultat ta’ żviluppi mhux previsti, il-prodott ikkonċernat hux qed jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant miżjuda u/jew skont termini jew kundizzjonijiet tali li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

3.1.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

Biex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li tqis neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tippubblika kwestjonarji fi: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2770. Il-kwestjonarji mimlija jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Il-partijiet interessati kollha, inklużi l-produtturi esportaturi, l-importaturi u l-utenti tal-prodott ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tagħhom huma mistiedna li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Ir-rappreżentazzjonijiet f’format liberu għandhom jiġu sottomessi fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment permezz tal-posta elettronika, sa mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kull sottomissjoni ta’ fehmiet jew informazzjoni wara dawn l-iskadenzi jistgħu jiġu injorati.

3.2.   Struzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub, biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni li tingħata lill-Kummissjoni għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jisssottomettu informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive”  (4). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” . Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali u jridu jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “Sensitive” .

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu s-sottomissjonijiet kollha u t-talba tagħhom permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi prokuri skennjati. Meta jużaw il-posta elettronika jew TRON.tdi, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G, Unit G5

Office: CHAR 03/76

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-SAFEGUARD-ALLOYS@ec.europa.eu

3.3.   Smigħ

Bis-saħħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien 21 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   SPEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI

Il-partijiet interssati li jkunu esprimew il-fehmiet tagħhom jew ippreżentaw informazzjoni jew talbu li jinstemgħu f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755, u rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw kull informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni b’rabta mal-investigazzjoni għajr dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, dment li dik l-informazzjoni tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u ma tkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 2015/478 jew l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 2015/755, u li qed tintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw fehmiethom dwar l-informazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni u dawk il-fehmiet jistgħu jitqiesu meta jkunu sostnuti b’biżżejjed evidenza.

5.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2015/755. Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

6.   UFFIĊJAL TAS-SMIGĦ

L-Uffiċjal tas-Smigħ jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Smigħ. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment ta’ rieżami attwali.

Talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fejn talbiet bħal dawn jiġu sottomessi barra l-iskedi ta’ żmien rilevanti stabbiliti fit-Taqsima 3.1 ta’ dan l-Avviż, l-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn kienu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.

7.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li l-miżuri huma meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolamenti (UE) 2015/478 u (UE) 2015/755 rispettivament, mhux aktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-bidu, sakemm ma jkunux jeżistu ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, f’liema każ dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi mtawwal b’perjodu massimu ta’ xahrejn. Jekk il-limitu ta’ żmien jittawwal, il-Kummissjoni se tippubblika Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih tistipula kemm se ddum l-estensjoni u sommarju tar-raġunijiet.

8.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet, (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(3)  L-importazzjonijiet mill-Ukrajna huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 (ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj).

(4)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L295, 21.11.2018, p.39).


ANNESS

Prodotti Kkonċernati

Prodott ikkonċernat

Kodiċijiet SA/NM

Siliċju

2804 69

Ferromanganiż

7202 11 , 7202 19

Ferrosiliċju

7202 21 , 7202 29

Ferrosilikomanganiż

7202 30

Ferrosilikomanjeżju

7202 99 30

Kalċju-siliċju

ex 7202 99 80 , ex 2850 00 60


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7541/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)