European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3538

22.7.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Standardizzazzjoni strateġika għal suq uniku aktar b’saħħtu

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2026/3538)

Relatur:

Angelo PAGLIARA

Konsulenta

Silvia BORELLI (għall-korelatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

19.2.2026

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

15.4.2026

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

29.4.2026

Sessjoni plenarja Nru

605

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jisħaq li l-inklużività hija essenzjali għal-leġittimità u l-effettività tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni u għalhekk jappella għal parteċipazzjoni msaħħa tal-SMEs, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi appoġġ finanzjarju adegwat u aċċess imtejjeb għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, waqt li tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema u tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema fil-livell nazzjonali.

1.2.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 (1), biex tafferma mill-ġdid b’mod ċar li l-istandardizzazzjoni Ewropea trid tibqa’ strument tekniku li jappoġġja l-leġiżlazzjoni tal-UE u ma tridx tindirizza kwistjonijiet li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tad-djalogu soċjali, fil-livell Ewropew, nazzjonali, settorjali, reġjonali (provinċjali jew lokali), tal-kumpaniji u tal-istabbilimenti (2).

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament rivedut jintroduċi prinċipju espliċitu ta’ nuqqas ta’ interferenza biex jiġi żgurat li l-istandards ma jirregolawx jew ma jaffettwawx indirettament kwistjonijiet relatati mad-djalogu soċjali (3).

1.4.

Il-KESE jappella sabiex jiġi introdott mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ex ante għat-talbiet kollha ta’ standardizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġu vverifikati l-ambitu u l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom għad-drittijiet fundamentali, għal-leġiżlazzjoni soċjali u għall-prerogattivi tal-imsieħba soċjali qabel ma jibda l-proċess ta’ standardizzazzjoni.

1.5.

Il-KESE jappella għal aktar trasparenza u aċċessibbiltà fi ħdan is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, inkluż aċċess pubbliku mtejjeb għal standards armonizzati u informazzjoni aktar ċara dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-kumitati tekniċi. Dan irid jiżgura t-trasparenza, is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESO).

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-pożizzjoni tal-UE fil-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-istandards globali jibqgħu allinjati mal-leġiżlazzjoni, mal-objettivi ta’ politika u mal-livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-UE.

1.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura aċċessibbiltà sħiħa għall-persuni b’diżabbiltà fl-attivitajiet tal-korpi Ewropej u nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, inklużi l-proċeduri, il-materjali, il-faċilitajiet u s-sistemi tal-ICT, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 (4), waqt li żżomm l-integrità u l-kompożizzjoni tal-Anness III tar-Regolament 1025/2012.

1.8.

Il-KESE jissottolinja li l-istandardizzazzjoni Ewropea trid tibqa’ għodda ċentrali biex tingħata spinta lis-suq uniku, lill-kompetittività industrijali u lill-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Ir-reviżjoni għandha tiżgura li s-sistema tkompli tkun xprunata mill-industrija, u fl-istess ħin tiżgura l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati soċjali u soċjetali u tal-SMEs permezz ta’ proċeduri semplifikati, tisħiħ tal-bini tal-kapaċitajiet u rappreżentanza akbar fil-kumitati tekniċi. L-istandards jistgħu jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi straordinarji għall-SMEs u għas-suq uniku kollu kemm hu, mhux biss bħala għodod vitali għall-konformità, iżda bħala investiment għat-tkabbir.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tikkontribwixxi b’mod proattiv għar-reviżjoni li jmiss tal-qafas ta’ standardizzazzjoni tal-UE mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea, bi proposta leġiżlattiva mistennija fit-tielet trimestru tal-2026. Il-KESE jqis din ir-reviżjoni bħala opportunità f’waqtha biex jissaħħu s-suq uniku u l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, waqt li jiġi żgurat li l-istandardizzazzjoni tibqa’ għodda teknika affidabbli, trasparenti u inklużiva.

2.2.

L-istandards għandhom ikomplu jappoġġjaw il-kompetittività u l-innovazzjoni Ewropea, b’mod partikolari l-SMEs, u jibqgħu kompletament konsistenti mal-valuri tal-UE, mal-acquis tal-Unjoni u mal-arkitettura istituzzjonali tad-djalogu soċjali. Fl-istess ħin, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-istandards għandhom jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent.

2.3.

L-istandards qed isawru dejjem aktar il-kompetittività industrijali, iżidu r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur Ewropej u jinfluwenzaw l-organizzazzjoni tax-xogħol. Minħabba l-impatt dejjem jikber tagħhom fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni, l-istandards għandhom jiġu żviluppati waqt li jitqiesu b’mod adegwat l-effetti potenzjali tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sikurezza u l-ħiliet tal-ħaddiema, il-konsumaturi, l-ambjent, kif ukoll ir-riżorsi u l-ħiliet tal-SMEs.

2.4.

Fl-evalwazzjoni tagħha tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 (SWD(2025)170 final), il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li x-xenarju tal-istandardizzazzjoni Ewropea nbidel b’mod sinifikanti minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament. Tfaċċaw sfidi ġodda minħabba kuntest ġeopolitiku mibdul, żvilupp teknoloġiku rapidu marbut mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u l-ħtieġa li jittejbu l-edukazzjoni u l-ħiliet fl-istandardizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tisħaq li r-Regolament irid jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal strateġiku tal-istandards Ewropej sabiex jappoġġja suq uniku reżiljenti, ekoloġiku u diġitali u jippermetti lill-UE terġa’ tikseb tmexxija globali fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni. Dan ifisser ukoll li l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati, li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lit-trade unions u lill-SMEs, biex jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni trid tissaħħaħ fejn adegwat.

3.   Kummenti ġenerali: l-isfidi tal-proċess Ewropew ta’ standardizzazzjoni

3.1.

Matul l-aħħar żewġ deċennji, is-sistemi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali, Ewropej u internazzjonali saru ekosistema dejjem aktar integrata (ta’ korpi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali, Ewropej u internazzjonali). Bħala tali, seħħet bidla fejn l-istandards Ewropej qed joriġinaw aktar ta’ spiss fil-livell internazzjonali. Dan jesponi l-istandards Ewropej għal sfidi ġodda, inkluż mill-perspettiva tal-“awtonomija strateġika” u ta’ “Magħmul fl-Ewropa”. It-tisħiħ tat-tmexxija Ewropea fil-livell internazzjonali se jiżgura li l-interessi Ewropej jiġu protetti.

3.1.1.

Il-KESE jidentifika diversi sfidi strutturali li għandhom jiġu indirizzati sabiex jissaħħaħ is-suq uniku u jittejbu l-leġittimità u l-effettività tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni.

3.1.2.

Il-puntwalità u l-prevedibbiltà jridu jittejbu billi jitnaqqas id-dewmien tul il-katina kollha mit-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea sal-abbozzar, il-valutazzjoni u l-pubblikazzjoni, u fl-istess ħin tiġi ssalvagwardjata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, il-bini ta’ kunsens u l-kwalità teknika. Jistgħu jinstabu modi fattibbli biex jittejbu l-ħeffa u r-rispons tas-sistema billi, qabel ma jinbeda x-xogħol ta’ standardizzazzjoni, l-ammont ta’ xogħol jitqabbel mar-riżorsi disponibbli, inklużi r-riżorsi tal-esperti u tas-segretarjat. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-aċċellerazzjoni tar-referenza tal-istandards armonizzati, billi jiġu stabbiliti proċeduri trasparenti u vinkolanti, bi skadenzi u kriterji ċari għall-valutazzjoni u skambji aktar mill-qrib bejn il-konsulenti tal-istandards armonizzati u l-esperti tekniċi.

3.1.3.

Il-kwalità legali u teknika tal-istandards armonizzati trid tiġi żgurata, sabiex l-istandards jikkonformaw bis-sħiħ mal-mandati u r-rekwiżiti legali tal-UE, u jiġu llimitati r-rifjuti, ir-reviżjonijiet u l-litigazzjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ kwalità għandu jiżgura wkoll li l-istandards jikkontribwixxu biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati rrappreżentati mill-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

3.1.4.

L-inklużività u l-parteċipazzjoni bilanċjata jibqgħu essenzjali. Għalhekk, biex jiżdiedu l-leġittimità u l-applikabbiltà tal-istandards, għandha titrawwem il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà, inklużi t-trade unions, il-konsumaturi u l-partijiet ikkonċernati ambjentali, kemm fil-korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej kif ukoll f’dawk nazzjonali.

3.1.5.

It-trasparenza u l-aċċessibbiltà jridu jiġu żgurati, minħabba r-rilevanza ta’ standards armonizzati u mhux armonizzati.

3.1.6.

L-arranġamenti u l-inċentivi ta’ governanza jridu jittejbu biex jiġu żgurati l-obbligu ta’ rendikont u r-rispons għall-prijoritajiet politiċi, speċjalment fis-settur ekoloġiku u dak diġitali li qed jevolvu malajr.

3.1.7.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istandards li jindirizzaw teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali, il-pjattaformi diġitali u l-awtomatizzazzjoni avvanzata, li jistgħu jittrasformaw b’mod sostanzjali l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni.

3.1.8.

Ir-reviżjoni trid tissalvagwardja d-djalogu soċjali fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. L-istandards m’għandhomx jindirizzaw kwistjonijiet li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tad-djalogu soċjali. Dan il-prinċipju huwa kondiviż bis-sħiħ mill-imsieħba soċjali Ewropej u huwa bbażat fuq it-Trattati tal-UE (5).

4.   Direzzjonijiet leġiżlattivi ssuġġeriti

4.1.

Ir-Regolament 1025/2012 ikopri biss standards “fl-appoġġ tal-leġiżlazzjoni u tal-politika u tal-Unjoni”. Flimkien ma’ dawn, hemm ukoll ċerti standards mhux armonizzati (nazzjonali, Ewropej u/jew internazzjonali) li huma kkwotati direttament fil-leġiżlazzjoni Ewropea; u għadd mhux magħruf ta’ standards (nazzjonali, Ewropej u/jew internazzjonali) mhux armonizzati li jsiru parti mir-regolamentazzjoni nazzjonali. Dawn iż-żewġ ġabriet ta’ standards, li jikkomplementaw il-ġabra identifikata b’mod ċar ta’ standards armonizzati, għadhom fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa. B’konsegwenza ta’ dan, l-istandardizzazzjoni u l-istandards għandhom effetti ferm aktar sinifikanti fuq is-suq uniku milli huwa rikonoxxut bħalissa.

4.2.

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa strumenti biex tevalwa l-impatt ta’ standards mhux armonizzati prodotti minn korpi ta’ standardizzazzjoni. Tabilħaqq, dawn l-istandards jaffettwaw is-suq intern u jsawru l-imġiba tal-kumpaniji fi ħdanu. Barra minn hekk, diversi atti legali tal-UE jirreferu għal standards mhux armonizzati, u f’ċerti każijiet jagħmlu l-applikazzjoni tagħhom obbligatorja.

4.3.

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju li l-istandardizzazzjoni trid tibqa’ eżerċizzju tekniku u li ma għandhiex tirregola kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ġestjoni tal-persunal. Ir-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa linji gwida li jintroduċu prinċipju espliċitu ta’ nuqqas ta’ interferenza, li jiċċara li l-istandards ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, jew jaffettwaw id-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe kwistjoni koperta mid-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

4.4.

Il-KESE jtenni li l-istandardizzazzjoni teknika volontarja ma tistax u m’għandhiex tinterferixxi ma’ oqsma riżervati mil-liġi għall-professjonijiet regolati. B’mod speċifiku, l-istandards tekniċi ma jistgħux jirregolaw l-attivitajiet professjonali riżervati, ir-rekwiżiti tad-dħul, il-ħiliet professjonali, jew l-istandards etiċi, li jibqgħu r-responsabbiltà esklużiva tal-leġiżlatur u r-regolamenti professjonali.

4.5.

Għandha tkun meħtieġa valutazzjoni tal-ambitu ex ante għal kull talba ta’ standardizzazzjoni sabiex jiġi identifikat kwalunkwe riskju ta’ trikkib mad-djalogu soċjali, id-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni soċjali u mal-oqsma riżervati mil-liġi għall-professjonijiet regolati. Għaldaqstant, kull talba ta’ standardizzazzjoni għandha tindika jekk taffettwax dawn l-oqsma u sa liema punt. Meta jiġu identifikati riskji, il-Kummissjoni Ewropea, il-korpi ta’ standardizzazzjoni u l-kumitati tekniċi tagħhom għandhom jagħtu preċedenza lil strumenti alternattivi.

4.6.

Il-korpi Ewropej u nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll il-kumitati tekniċi stabbiliti fi ħdanhom, iridu jiżguraw il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili, tal-partijiet ikkonċernati ambjentali, tat-trade unions u tal-SMEs. Sabiex tiġi ggarantita parteċipazzjoni sinifikanti, il-korpi tal-istandardizzazzjoni għandhom ineħħu l-ostakli finanzjarji u amministrattivi kemm jista’ jkun billi jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lit-trade unions u lill-SMEs jaċċessaw liberament l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u jipparteċipaw fihom. Għandu jiġi żgurat ukoll aċċess ugwali għall-persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jingħataw riżorsi finanzjarji adegwati, programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet u taħriġ fl-istandardizzazzjoni, biex isaħħu l-kompetenza teknika tagħhom, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Għal dan l-għan, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi biex it-tariffi mħallsa għall-parteċipazzjoni fil-korpi tal-istandardizzazzjoni jitqassmu mill-ġdid lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

4.7.

Il-KESE jissottolinja li l-istandardizzazzjoni Ewropea trid tibqa’ għodda ċentrali biex tingħata spinta lis-suq uniku, lill-kompetittività industrijali u lill-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Ir-reviżjoni għandha tiżgura l-parteċipazzjoni effettiva tal-SMEs permezz ta’ proċeduri semplifikati, bini tal-kapaċitajiet imsaħħaħ u rappreżentanza akbar fil-kumitati tekniċi. L-istandards jistgħu jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi straordinarji għall-SMEs u għas-suq uniku kollu kemm hu, mhux biss bħala għodod vitali għall-konformità, iżda bħala investiment għat-tkabbir.

4.8.

Il-KESE jappella għal proċeduri ta’ standardizzazzjoni trasparenti. Il-kompożizzjoni tal-kumitati tekniċi fi ħdan il-korpi tal-istandardizzazzjoni fil-livell Ewropew u dak nazzjonali għandha tiġi ppubblikata fuq is-siti web tagħhom.

4.9.

Minħabba r-rwol dejjem akbar tal-istandards, l-aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet qed isir kwistjoni ta’ stat tad-dritt u trasparenza. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ggarantit mill-inqas aċċess faċli u mingħajr ħlas għall-qari biss u mingħajr ostakli għall-istandards, u li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà pubblika. Fl-istess ħin, is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu żgurati.

4.10.

L-UE għandha tirrevedi l-istrateġija internazzjonali tagħha għall-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u fil-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC), u fl-istess ħin tiżgura li l-istandards internazzjonali ma jbaxxux il-qafas tal-UE dwar is-sikurezza, is-saħħa u s-sostenibbiltà. Dan għandu jinkludi l-iżgurar li l-istandards internazzjonali jkunu konsistenti mal-istandards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment u mal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Barra minn hekk, l-UE għandha timpedixxi wkoll li standards inkonsistenti mal-valuri u l-leġiżlazzjoni tagħha jidħlu fis-suq uniku mingħajr salvagwardji. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, ir-Regolament għandu jistipula li prodott jew servizz jista’ jiġi offrut fis-suq intern biss jekk jirrispetta standards abbozzati, ivvutati u ppubblikati mill-korpi tal-istandardizzazzjoni u li jikkonformaw mar-Regolament tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni.

5.   Linji gwida għar-reviżjoni tar-Regolament 1025/2012

5.1.

Il-KESE jenfasizza li l-istandards armonizzati għandhom iservu biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni teknika tal-leġiżlazzjoni u ma jsirux għodda ta’ regolamentazzjoni. L-istandards armonizzati ma jridux jissostitwixxu, jikkompromettu, jew jinterferixxu mal-leġiżlazzjoni soċjali jew mal-ftehimiet kollettivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex, permezz ta’ talba għal standard Ewropew wieħed jew aktar, taffettwa d-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi jew id-dritt li tittieħed azzjoni industrijali, u lanqas ma għandha tintervjeni fi kwistjonijiet li huma rregolati permezz ta’ djalogu soċjali fil-livell Ewropew jew nazzjonali.

5.2.

Sabiex jiġi żgurat li l-istandards armonizzati jibqgħu tekniċi, kull talba tal-Kummissjoni Ewropea għal standard armonizzat għandha tinkludi valutazzjoni ta’ jekk jaffettwax id-djalogu soċjali, id-drittijiet fundamentali jew il-leġiżlazzjoni soċjali. Din il-valutazzjoni għandha mbagħad tiġi rieżaminata mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. L-organizzazzjonijiet tal-Anness III għandhom jiġu infurmati mill-Kumitat u jingħataw l-opportunità li jippreżentaw Opinjoni dwar l-ambitu tat-talba tal-Kummissjoni Ewropea.

5.3.

F’oqsma kritiċi ta’ politika, bħad-difiża Ewropea, li r-regolamentazzjoni tagħhom għandha tiġi skrinjata minn influwenzi esterni u fejn l-awtonomija tal-istrateġija Ewropea għandha tiġi implimentata b’mod strett, il-Kummissjoni Ewropea trid tkun kapaċi tiżviluppa speċifikazzjonijiet komuni minflok ma titlob standards Ewropej minn korpi Ewropej tal-istandards. Meta tabbozza speċifikazzjonijiet komuni, il-Kummissjoni Ewropea trid tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti.

5.4.

Għandha tingħata prijorità lill-kwalità milli lill-ħeffa. Minkejja li l-proċeduri jridu jiġu ssemplifikati permezz tad-diġitalizzazzjoni u ppjanar imtejjeb, skedi ta’ żmien iqsar ma jridux idgħajfu d-deliberazzjonijiet bir-reqqa meħtieġa biex jiġu prodotti standards ta’ kwalità għolja allinjati mal-politiki u l-valuri tal-UE. Għalhekk, il-ħeffa ma għandhiex tiġi mħeġġa għad-detriment tal-inklużività u tal-kunsens. Barra minn hekk, l-istandards li jaffettwaw it-tagħmir fuq il-post tax-xogħol, is-sistemi diġitali jew l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magni għandhom jiżguraw li s-sikurezza, is-saħħa u l-kunsiderazzjonijiet ergonomiċi tal-ħaddiema jiġu integrati bis-sħiħ mill-istadju tad-disinn.

5.5.

L-inklużività trid tiġi ttrattata bħala kundizzjoni tal-leġittimità, u tiġi żgurata parteċipazzjoni bilanċjata mill-industrija, inklużi l-SMEs, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili, il-partijiet ikkonċernati ambjentali u t-trade unions, appoġġjati minn riżorsi adegwati. Għaldaqstant, l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III għandu jiżdied, u r-rwol ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandu jiġi żgurat u rrispettat. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati huma fattur ewlieni fis-sistema u jeħtieġ li jiġu ssalvagwardjati għas-sistema ta’ kontrokontrolli demokratiċi meħtieġa u l-promozzjoni tal-valuri tal-UE. Għandu jiġi żgurat li l-istandards b’għeruq internazzjonali li se jiġu adottati bħala standards Ewropej ma jiksrux l-objettivi tal-UE jew idgħajfu l-politika jew il-leġiżlazzjoni tal-UE.

5.6.

Sabiex tinkiseb inklużività effettiva u tiġi żgurata l-leġittimità tas-sistema ta’ standardizzazzjoni, l-Artikolu 6.1 tar-Regolament (“L-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-istandards”) għandhom jiġu emendati. Bħalissa, dan il-paragrafu jikkonsisti f’lista mhux eżawrjenti u mhux vinkolanti ta’ miżuri li l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jistgħu jieħdu biex jappoġġjaw l-inklużività, l-aċċess u l-parteċipazzjoni effettiva tal-SMEs fl-istandardizzazzjoni fil-livell nazzjonali. Fil-prattika, l-Artikolu 6.1 irriżulta f’kundizzjonijiet mhux uniformi għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-Istati Membri differenti. Il-lista eżistenti ta’ miżuri u d-dispożizzjonijiet kollha tagħha għandhom isiru obbligatorji kemm għall-SMEs kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, għall-partijiet ikkonċernati ambjentali u għat-trade unions. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat u rrispettat ir-rwol ta’ dawn il-kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati fil-livell Ewropew, billi jiġi sfruttat ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III.

5.7.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (6), il-KESE jirrakkomanda li, permezz ta’ portal tal-internet aċċessibbli, jiġi ggarantit mill-inqas aċċess għall-qari biss tal-istandards li jkun faċli, mingħajr ħlas u mingħajr ostakli u li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà pubblika, waqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-ESO.

5.8.

L-istandardizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-kompetittività sostenibbli, tippromovi l-innovazzjoni, il-produttività u r-reżiljenza u tintegra s-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent.

5.9.

Il-KESE jappella sabiex ir-Regolament rivedut jirrikjedi li l-korpi ta’ standardizzazzjoni jikkonformaw mar-Regolament Ewropew dwar l-istandardizzazzjoni kull meta dawn jabbozzaw, jippubblikaw jew jivvutaw fuq standards li jsiru standards armonizzati Ewropej.

5.10.

Il-monitoraġġ u l-obbligu ta’ rendikont għandhom jiżdiedu permezz ta’ indikaturi ċari dwar l-iskedi ta’ żmien, il-kwalità, l-inklużività u l-impatt, flimkien ma’ mekkaniżmi korrettivi meta jkun meħtieġ. Il-miżuri fil-livell nazzjonali f’dan is-sens jistgħu jiġu implimentati billi jiġi emendat l-Artikolu 6.3 tar-Regolament, li jobbliga lill-Korpi Nazzjonali tal-Istandards jiġbru u jagħmlu disponibbli data dwar l-aċċess u l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-istandardizzazzjoni fil-livell nazzjonali.

Brussell, id-29 ta’ April 2026.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


(1)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj).

(2)  Ara l-ittra konġunta: Standardisation bodies must refrain from issuing social standards,, iffirmata minn ETUC, Business Europe, SMEunited u SGI Europe nhar is-27 ta’ Ġunju 2025 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara l-ittra konġunta: Standardisation bodies must refrain from issuing social standards, signed by ETUC, Business Europe, SMEunited, SGI Europe on the 27 June 2025 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(5)  Ara l-ittra konġunta: Standardisation bodies must refrain from issuing social standards, signed by ETUC, Business Europe, SMEunited, SGI Europe on the 27 June 2025 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, C-588/21 P (Malamud); C-160/20; C-613/14 (James Elliott).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3538/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)