SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Prattiki ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/484 – Validità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Invażjoni tal-Ukraina mir-Russja – Żieda fil-potenzjal tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni Ewropea – Deroga minn ċerti kundizzjonijiet relatati mal-pagament dirett għall-ekoloġizzazzjoni – Art mistrieħa meqjusa bħala wiċċ tar-raba’ distint u bħala żona ta’ interess ekoloġiku anki meta tkun ġiet mirgħija, maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew ikkultivata – Natura neċessarja u ġġustifikata tal-miżuri adottati”
Fil-Kawża C‑287/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2024, fil-proċedura
Ligue royale belge pour la protection des oiseaux ASBL
vs
Région wallonne,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal-Ligue royale belge pour la protection des oiseaux ASBL, minn A. Lebrun u B. Legros, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Moërynck, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Vignato, avvocata dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u C. Perrin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/484 tat‑23 ta’ Marzu 2022 li tawtorizza derogi mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni għas-sena tat-talba 2022 (ĠU 2022, L 98, p. 105). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ligue royale belge pour la protection des oiseaux ASBL (il-Lega Rjali Belġjana għall-Protezzjoni tal-Għasafar ASBL, iktar ’il quddiem il-“Lega”) u r-Région wallonne (ir-Reġjun ta’ Wallonie, il-Belġju) dwar digriet adottat minn dan tal-aħħar abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, li l-Lega tikkontesta l-validità tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1307/2013
|
3 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1307/2013”), intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
4 |
It-Titolu III tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Skema ta’ pagament bażiku, skema ta’ pagament uniku skont l-erja u pagamenti relatati”, kien jinkludi ħames kapitoli. Il-Kapitolu 3 ta’ dan it-titolu, intitolat “Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent”, kien jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 43, 44 u 46 ta’ dan ir-regolament. |
|
5 |
L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li: “1. Bdiewa intitolati għal pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament għal erja waħda għandhom josservaw fuq l-ettari eliġġibli kollha tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 32(2) sa (5), il-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent imsemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew il-prattiki ekwivalenti msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. 2. Il-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’”, kien ifformulat kif ġej: “1. Fejn ir-raba’ li tinħarat tal-bidwi tkopri bejn 10 u 30 ettaru u mhix interament ikkultivata b’uċuħ tar-raba’ taħt l-ilma għal parti sinifikanti tas-sena jew għal parti sinifikanti taċ-ċiklu tal-wiċċ tar-raba’, għandu jkun hemm mill-inqas żewġ uċuħ tar-raba’ differenti fuq dik ir-raba’ li tinħarat. Il-wiċċ tar-raba’ ewlieni m’għandux ikopri aktar minn 75 % tar-raba’ li tinħarat. Fejn ir-raba’ li tinħarat tal-bidwi tkopri aktar minn 30 ettaru u mhix interament ikkultivata b’uċuħ tar-raba’ taħt l-ilma għal parti sinifikanti tas-sena jew għal parti sinifikanti taċ-ċiklu tal-wiċċ tar-raba’, għandu jkun hemm mill-inqas tliet uċuħ tar-raba’ differenti fuq dik ir-raba’ li tinħarat. Il-wiċċ tar-raba’ ewlieni m’għandux ikopri aktar minn 75 % ta’ dik ir-raba’ li tinħarat u ż-żewġ uċuħ tar-raba’ ewlenin flimkien m’għandhomx ikopru aktar minn 95 % ta’ dik ir-raba’ li tinħarat. […] 4. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu ‘wiċċ’ tfisser kwalunkwe waħda minn dan li ġej:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Erja b’fokus ekoloġiku”, kien jistabbilixxi li: “1. Fejn ir-raba’ li tinħarat ta’ impriża tkopri aktar minn 15‑il ettaru, il-bdiewa għandhom jiżguraw li, mill‑1 ta’ Jannar 2015, erja li tikkorrispondi għal mill-inqas 5 % tar-raba’ li tinħarat tal-impriża li l-bidwi ddikjara f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament [Nru 1306/2013] u, jekk jitqiesu li huma erja b’fokus ekoloġiku mill-Istat Membru skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-erjas imsemmijin fil-punti (c), (d), (g), (h), (k) u (l) ta’ dak il-paragrafu hija erja b’fokus ekoloġiku. […] 2. Sal‑1 ta’ Awwissu 2014, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li waħda jew aktar minn dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala erja b’fokus ekoloġiku:
[…] 9. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 70:
[…]” |
|
8 |
It-Titolu VII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, kien jinkludi tliet kapitoli. Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Notifiki u emerġenza”, kien jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Miżuri għas-soluzzjoni ta’ problemi speċifiċi”. Dan l-artikolu kien jistabbilixxi: “1. Sabiex jiġu riżolti problemi speċifiċi, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu kemm meħtieġa kif ukoll ġustifikabbli f’emerġenza. Atti ta’ implimentazzjoni bħal dawn jistgħu jidderogaw minn dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda sal-punt u għal dak il-perjodu, li fih ikunu strettament meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 71(2). 2. Fejn raġunijiet ta’ urġenza ġustifikati kif adatt, jeħtieġu hekk, u sabiex jiġu riżolti tali problemi speċifiċi filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tas-sistema ta’ pagamenti diretti fil-każ ta’ ċirkostanzi partikolari, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 71(3). 3. Miżuri adottati skontt il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perijodu ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar. Jekk wara dan il-perijodu l-problemi speċifiċi msemmijin f’dawk il-paragrafi jippersistu, il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi soluzzjoni permanenti, tista’ tippreżenta proposta leġislattiva adatta. […]” |
Ir-Regolament Delegat Nru 639/2014
|
9 |
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1784 tad‑9 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 293, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 639/2014”), kien jinkludi l-Kapitolu 3, intitolat “Approċċ ekoloġiku”, li kien kompost minn erba’ taqsimiet. It-Taqsima 4 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika”, kienet tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament delegat, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 46(9)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013. Dan l-Artikolu 45 kien intitolat “Aktar kriterji għat-tipi ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika” u kien jipprevedi li: “1. Sabiex it-tipi ta’ żoni elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-[Regolament Nru 1307/2013] jikkwalifikaw bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 11 ta’ dan l-Artikolu. 2. Fuq art li titħalla tistrieħ u art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel (l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar) ma għandux ikun hemm produzzjoni agrikola. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu li matulu l-art għandha titħalla tistrieħ f’sena kalendarja partikolari. Dak il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn sitt xhur. […] […] 10b. L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun projbit fl-erjas kollha msemmija fil-paragrafi 2, 9 u 10 kif ukoll fl-erjas bi produzzjoni agrikola li jissemmew fil-paragrafu 7. […]” |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484
|
10 |
Il-premessi 1 sa 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, adottata abbażi tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, jgħidu li:
|
|
11 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, intitolat “Deċiżjonijiet li jidderogaw minn ċerti kundizzjonijiet relatati mal-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni għas-sena tat-talba 2022”, jistabbilixxi li: “1. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 44(4) tar-[Regolament Nru 1307/2013], għas-sena ta’ talba 2022, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-art mistrieħa titqies bħala wiċċ tar-raba’ distint anke jekk din l-art tkun intużat għar-ragħa jew għall-ħsad għall-fini ta’ produzzjoni, jew tkun ġiet ikkultivata. 2. B’deroga mill-Artikolu 45(2) tar-[Regolament Delegat Nru 639/2014], għas-sena tat-talba 2022, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dik l-art mistrieħa titqies bħala erja b’fokus ekoloġiku skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-[Regolament Nru 1307/2013] anke jekk tali art tkun intużat għar-ragħa jew għall-ħsad għall-fini ta’ produzzjoni, jew tkun ġiet ikkultivata. […] B’deroga mill-Artikolu 45(10b) tar-[Regolament Delegat Nru 639/2014], meta l-Istati Membri jagħmlu użu mid-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, huma jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippermettu l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’dawk l-erjas fejn intużaw għar-ragħa jew għall-ħsad għall-fini ta’ produzzjoni jew fejn ġew ikkultivati.” |
|
12 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, intitolat “Limitu ta’ żmien”, jipprevedi li: “ Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jittieħdu fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, intitolat “Notifiki”: “1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 fi żmien sebat ijem wara d-data li fiha jkunu ttieħdu id-deċiżjonijiet. 2. Sal‑15 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bin-numru ta’ azjendi li użaw id-derogi previsti fl-Artikolu 1 u n-numru ta’ ettari fejn dawk id-derogi ġew applikati.” |
Id-dritt Belġjan
|
14 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tal-arrêté du gouvernement wallon, du 12 mai 2022, prévoyant des dérogations à certaines conditions relatives à la mise en œuvre des jachères pour l’année 2022 (id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie, tat‑12 ta’ Mejju 2022, li Jipprevedi Derogi Minn Ċerti Kundizzjonijiet Dwar l-Implimentazzjoni ta’ Art Mistrieħa għas-Sena 2022 (Moniteur belge tad‑19 ta’ Mejju 2022, p. 43644, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑12 ta’ Mejju 2022”), jipprevedi li: “§ 1er Skont l-Artikolu 1 tad-[Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484], id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma adottati għas-sena 2022: 1o b’deroga mill-Artikolu 44(4) tar-[Regolament Nru 1/2003], art mistrieħa li tkun ġiet mirgħija, maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew ikkultivata għandha titqies bħala wiċċ tar-raba’ distinta; 2o b’deroga mill-Artikolu 45(2) tar-[Regolament Nru 639/2014], art mistrieħa li tkun ġiet mirgħija, maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew ikkultivata għandha titqies bħala żona ta’ interess ekoloġiku; § 2 Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-kultivazzjoni ta’ art mistrieħa għandha tkun awtorizzata għall-uċuħ tar-raba’ li ġejjin: 1° iż-żerriegħa tal-qamħirrum […]; 2° is-silaġġ tal-qamħirrum […]; 3° ix-xnien […]; 4° in-nifel […]; 5° in-nifel lupulina […]; 6° l-għantqux […]; 7° is-sainfoin […]; 8° is-sojja […]; 9° il-ful tax-xitwa […]; 10° il-ful tar-rebbiegħa […]; 11° il-lupin ħelu […]; 12° it-taħlitiet tax-xitwa ta’ legumi u ta’ ċereali jew speċi oħra […]; 13° it-taħlitiet tar-rebbiegħa ta’ legumi u ta’ ċereali jew speċi oħra […]; 14° piżelli tax-xitwa li fihom il-proteini […]; 15° piżelli tar-rebbiegħa li fihom il-proteini […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
15 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑18 ta’ Lulju 2022 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju, il-Lega talbet l-annullament tad-Digriet tat‑12 ta’ Mejju 2022. |
|
16 |
Insostenn tat-talba tagħha, il-Lega ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, li abbażi tagħha ġie adottat id-Digriet tat‑12 ta’ Mejju 2022, tikser, minn naħa, ir-Regolament Nru 1307/2013 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45(2) u (10b) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014. |
|
17 |
F’dan ir-rigward, il-Lega talbet lill-qorti tar-rinviju tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 hijiex “konformi mal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014”. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, il-Lega ssostni li mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 ma jirriżultax li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ urġenza”, fis-sens tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament jimponu li l-urġenza tiġi ġġustifikata b’mod iktar konvinċenti, iddettaljat u oġġettiv kif ukoll li jiġu ppreċiżati l-prodotti bażiċi li l-prezz tagħhom żdied u li għalihom l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi limitata. Fil-fatt, awtorizzazzjoni ta’ deroga mir-Regolament Nru 1307/2013 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 639/2014 ma tistax tkun wiesgħa u impreċiża. |
|
19 |
Filwaqt li tosserva li l-Lega tibbaża l-argument tagħha fuq premessa żbaljata sa fejn id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 ġiet adottata mhux abbażi tal-paragrafu 2, iżda tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rikors li hija adita bih iqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-motivi stabbiliti fil-premessi 4 sa 8 tagħha, din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1307/2013 u tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 639/2014. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jimponi li kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti legali għandu jinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni sabiex tadottah u żżid li, għalkemm id-domanda preliminari proposta mil-Lega hija fformulata f’termini ġenerali, il-qari tar-rikors għal annullament jippermetti li jkunu magħrufa b’mod suffiċjenti l-motivi ta’ invalidità żviluppati fih u li jikkonsistu fil-“kritika magħmula fir-rigward tal-proporzjonalità tad-[Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484], jew b’mod iktar preċiż tal-motivazzjoni tagħha”. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-[Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484] tikkonforma mal-Artikolu 69 tar-[Regolament Nru 1307/2013], flimkien mal-Artikolu 45 tar-[Regolament Delegat Nru 639/2014]?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
22 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u konformement mal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-motivi ta’ invalidità li jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Friends of the Irish Environment (Opportunitajiet ta’ sajd ogħla minn żero), C-330/22, EU:C:2024:19, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix żviluppi ddettaljati dwar dan is-suġġett, minnha jirriżulta madankollu li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, din hijiex immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt, u jekk, barra minn hekk, din id-deċiżjoni tosservax ir-rekwiżit stabbilit fl-istess dispożizzjoni, dwar in-natura neċessarja u ġġustifikata tal-miżura li hija tadotta. |
|
24 |
Fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-atti ta’ portata ġenerali, bħad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huma intiżi li jilħqu. Jekk l-att ikkontestat jiżvela l-parti essenzjali tal-għan imfittex mill-istituzzjoni li tkun adottatu, ikun eċċessiv li tiġi mfittxija l-motivazzjoni speċifika ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet tekniċi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest u tar-regoli li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jibbenefikaw mill-pagament dirett għall-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, kif previst mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1307/2013, il-bdiewa għandhom, konformement mal-Artikolu 43(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, jikkonformaw ruħhom ma’ ċerti prattiki agrikoli. Dawn il-prattiki jinkludu d-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u l-preservazzjoni, fuq superfiċji agrikola, ta’ żona ta’ interess ekoloġiku. |
|
27 |
B’mod partikolari, l-ewwel nett, mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jirriżulta li d-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ timplika li, minn ċerti limiti ta’ superfiċji, l-art tal-bidwi li tinħarat tinkludi mill-inqas tnejn jew tliet uċuħ tar-raba’ differenti. Skont il-paragrafu 4(c) ta’ dan l-artikolu, l-art mistrieħa għandha titqies, għall-finijiet ta’ dan ir-rekwiżit ta’ diversifikazzjoni, li hija wiċċ tar-raba’ distint mill-art użata għat-tkabbir ta’ ħaxix jew ta’ grixa erbaċea tal-foraġġ oħra, b’tali mod li l-art mirgħija jew maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni ma tistax titqies bħala art mistrieħa. |
|
28 |
It-tieni nett, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1307/2013, meta art ta’ azjenda agrikola li tinħarat tkopri iktar minn ħmistax-il ettaru, il-bdiewa għandhom jiżguraw li superfiċji minima ddefinita tkun tikkostitwixxi “żona ta’ interess ekoloġiku”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-art mistrieħa hija fost iż-żoni li l-Istati Membri jistgħu jqisu li huma ta’ interess ekoloġiku. |
|
29 |
It-tielet nett, l-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-art mistrieħa ma għandhiex tintuża għall-produzzjoni agrikola u jipprojbixxi, fil-paragrafu 10b tiegħu, l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq l-art inkwistjoni. |
|
30 |
Ir-raba’ nett, l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni intiżi li jsolvu problemi speċifiċi u li jkunu kemm neċessarji kif ukoll iġġustifikati f’każ ta’ urġenza. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iżda sal-punt u għal dak il-perjodu li fih ikunu strettament neċessarji. |
|
31 |
Din l-awtorizzazzjoni għandha titqies li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jidderogaw mhux biss mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 stess, iżda wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-atti delegati, bħar-Regolament Delegat Nru 639/2014, li, konformement mal-Artikolu 290(1) TFUE, huma intiżi li jissupplimentaw jew jemendaw ir-Regolament Nru 1307/2013. |
|
32 |
Abbażi tal-imsemmija awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, li l-Artikolu 1 tagħha ppermetta lill-Istati Membri jidderogaw, għas-sena ta’ talba 2022, mir-Regolament Nru 1307/2013 kif ukoll mir-Regolament Delegat Nru 639/2014, u dan fi tliet aspetti. |
|
33 |
L-ewwel nett, l-Istati Membri setgħu, b’deroga mill-Artikolu 44(4) tar-Regolament Nru 1307/2013, jiddeċiedu li l-art mistrieħa titqies bħala wiċċ tar-raba’ distint, anki jekk din l-art kienet ġiet mirgħija jew maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew kienet ġiet ikkultivata. |
|
34 |
It-tieni nett, l-Istati Membri setgħu, b’deroga mill-Artikolu 45(2) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, jiddeċiedu li l-art mistrieħa titqies bħala żona ta’ interess ekoloġiku, anki jekk din l-art kienet ġiet mirgħija jew maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew kienet ġiet ikkultivata. |
|
35 |
It-tielet nett, b’deroga mill-Artikolu 45(10b) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, meta l-Istati Membri użaw id-deroga msemmija fil-punt preċedenti, huma setgħu jiddeċiedu wkoll li jawtorizzaw l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq superfiċji mirgħija jew maħsuda għall-finijiet ta’ produzzjoni jew ikkultivati. |
|
36 |
Il-bdiewa attivi fi Stat Membru li jkun ddeċieda li jagħti dawn id-derogi setgħu, konsegwentement, ikunu eliġibbli għall-pagament dirett għall-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, anki jekk kienu jużaw l-art mistrieħa tagħhom għall-finijiet ta’ produzzjoni agrikola u anki jekk kienu jużaw fuqhom prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
|
37 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni, imfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni waqt l-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ att ta’ portata ġenerali bħad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fil-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni esponiet li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi kkawżata mill-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa kellha effett fuq il-provvista u fuq id-domanda ta’ prodotti agrikoli. Għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa tesponi b’mod sintetiku iżda li jinftiehem is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u li tiddeskrivi b’ċarezza suffiċjenti l-problema speċifika ta’ natura urġenti li din hija intiża li ssolvi. |
|
38 |
Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, il-kunċett ta’ “prodotti bażiċi” huwa differenti minn dak ta’ “prodotti agrikoli”. Fil-fatt, minn qari flimkien tal-premessi 4 u 8 tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “prodotti bażiċi” jirreferi għall-“materja prima”, jiġifieri l-elementi neċessarji għall-produzzjoni agrikola. Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-fatt li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, bħall-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Taljana, jużaw, f’dawn iż-żewġ premessi, it-terminu ekwivalenti għal dak ta’ “materja prima” bil-lingwa Franċiża, jiġifieri, rispettivament, “Rohstoff(e)”, “commodity” u “materie prime”. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 ma tagħmilx distinzjoni bejn id-diversi prodotti agrikoli, peress li l-ewwel sentenza tal-premessa 4 tagħha tirreferi għall-impatt taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fuq il-provvista u fuq d-domanda tal-prodotti agrikoli kollha mingħajr distinzjoni. Konsegwentement, l-argument imressaq mil-Lega quddiem il-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 ma hijiex immotivata biżżejjed sa fejn ma tippreċiżax liema prodotti agrikoli għandhom jitqiesu bħala prodotti bażiċi li, waħedhom, kellhom ikunu kkonċernati mill-miżura derogatorja adottata, jinjora l-fatt li dawn huma żewġ kunċetti differenti li l-portata rispettiva tagħhom ma jikkoinċidux. |
|
39 |
Barra minn hekk, l-argument tal-Lega, imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta wkoll mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tippreċiża, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, ir-“raġunijiet imperattivi ta’ urġenza” li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħha, huwa bbażat fuq premessa żbaljata. |
|
40 |
Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ urġenza” hija neċessarja sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, filwaqt li, kif osservat ukoll dik il-qorti, l-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ġiet adottata abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li jirreferi għall-“każ ta’ urġenza”. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, il-Lega sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-urġenza ma ġietx, f’dan il-każ, murija mill-Kummissjoni peress li din l-istituzzjoni la kienet iddefinixxiet il-kunċett ta’ “prodotti bażiċi” u lanqas kienet ippreżentat il-kalkolu li juri ż-“żieda qawwija fil-prezzijiet” ta’ dawn il-prodotti. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-motivazzjoni tal-atti ta’ portata ġenerali, imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma jeżiġix li l-Kummissjoni tippreżenta motivazzjoni li tiddefinixxi b’mod speċifiku l-prodotti bażiċi li l-prezzijiet tagħhom ikunu affettwati mill-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja fl‑24 ta’ Frar 2022 jew li hija twettaq kalkolu taż-żieda ta’ dawn il-prezzijiet. |
|
43 |
Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-għan ġenerali mfittex mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, dan huwa espost fit-tieni sentenza tal-istess premessa 4. Il-Kummissjoni tippreċiża li, sabiex tiġi affrontata l-problema speċifika deskritta fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, kellu jiżdied il-potenzjal ta’ produzzjoni agrikola tal-Unjoni għall-alimentazzjoni tal-bniedem u tal-annimali. |
|
44 |
Mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 jirriżulta li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li l-bdiewa jitħallew jużaw kemm jista’ jkun is-superfiċji disponibbli tagħhom, peress li, skont l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-art mistrieħa tibqa’ art li tinħarat adattata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u tista’, minħabba f’hekk, tintuża immedjatament għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf. Huwa f’dan il-kuntest li, kif jirriżulta mill-premessa 5, il-Kummissjoni qieset li l-Istati Membri kellhom jiġu awtorizzati jidderogaw mill-kundizzjonijiet relatati mal-pagament dirett għall-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, inkluża l-projbizzjoni tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
|
45 |
Barra minn hekk, fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, il-Kummissjoni indikat li dawn il-miżuri relatati mad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u maż-żoni ta’ interess ekoloġiku kienu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 biss sa fejn u għall-perijodu strettament neċessarju, peress li kienu limitati għas-sena ta’ talba 2022 u peress li kienu intiżi li jirrimedjaw għall-impatt fuq il-provvista u fuq id-domanda ta’ prodotti agrikoli billi jippermettu żieda tas-superfiċji totali ta’ art li tinħarat disponibbli għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf. |
|
46 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri previsti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, minn naħa, kienu neċessarji u ġġustifikati sabiex tiġi riżolta problema speċifika li tirriżulta f’kuntest ta’ urġenza u, min-naħa l-oħra, idderogaw minn dan ir-regolament biss sa fejn u għal perijodu strettament neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
|
47 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom ikunu neċessarji u ġġustifikati f’każ ta’ urġenza u jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament biss sa fejn u għal perijodu strettament neċessarju. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fid-dawl tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, li, kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, hija intiża li ssolvi problema speċifika li dehret f’kuntest ta’ urġenza, il-miżura introdotta minn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tidher li hija neċessarja u ġġustifikata. Fil-fatt, minn naħa, mingħajr ma jirrikjedi azzjonijiet kumplessi, l-użu tal-art mistrieħa jista’ jikkontribwixxi b’mod dirett għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola. Min-naħa l-oħra, miżura li l-bdiewa ma jiġux imċaħħda mill-pagament dirett għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent meta dawn jużaw l-art mistrieħa tagħhom għal finijiet ta’ produzzjoni agrikola hija ta’ natura li tinċentiva lil dawn tal-aħħar sabiex jisfruttaw din l-art. |
|
49 |
It-tieni nett, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, il-Kummissjoni sempliċement awtorizzat lill-Istati Membri jidderogaw, biss matul il-perijodu kopert mis-sena ta’ talba 2022, minn ċerti dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 tagħha, u mingħajr ma imponitilhom obbligu f’dan is-sens. |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn ċerti Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn tali possibbiltà, il-Kummissjoni llimitat l-azzjoni tagħhom sabiex timminimizza l-impatt potenzjalment negattiv tagħha fuq l-ambjent. |
|
51 |
Fil-fatt, fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484, il-Kummissjoni fakkret li l-Istati Membri kienu obbligati, fl-implimentazzjoni tagħha, li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent u, b’mod partikolari, tal-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti tal-kwalità tal-ħamrija, tal-kwalità tar-riżorsi naturali u tal-bijodiversità, b’mod partikolari matul il-perijodi l-iktar sensittivi għal meta joħorġu l-fjuri u għall-għasafar li jbejtu. F’dan il-kuntest, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fl-osservanza ta’ dawn l-obbligi, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-derogi kif ukoll li jippreċiżaw l-użu u l-uċuħ tar-raba’ permessi, ħaġa li l-Gvern ta’ Wallonie għamel, f’dan il-każ, fl-Artikolu 2(2) tad-Digriet tat‑12 ta’ Mejju 2022. |
|
52 |
Fl-istess kuntest, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1 tagħha u li jikkomunikawlha n-numru ta’ azjendi agrikoli li jkunu rrikorrew għad-derogi kif ukoll in-numru ta’ ettari li għalihom ġew applikati dawn id-derogi. Mill-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet dawn l-obbligi sabiex, b’mod partikolari, tivverifika li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jirrikorru għas-sistema derogatorja introdotta mill-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jkunu konformi mal-limiti stabbiliti minnha. |
|
53 |
Minn dan isegwi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484 ma jidhrux li ma humiex konformi mar-rekwiżit previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, jiġifieri li jkunu neċessarji u ġġustifikati. |
|
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-eżami tagħha ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/484. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/484 tat‑23 ta’ Marzu 2022 li tawtorizza derogi mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni għas-sena tat-talba 2022. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.