|
31.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 86/152 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/535
tas-27 ta' Marzu 2015
li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka biex jirratifika l-Konvenzjoni tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja
(notifikata bid-dokument C(2015) 1994)
(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta' April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (1), u partikolarment l-Artikolu 1a tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talba li saret mir-Renju tad-Danimarka (minn hawn 'il quddiem “id-Danimarka”) permezz ta' ittra tal-5 ta' Awwissu 2013,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u d-Danimarka”), id-Danimarka għandha tastjeni milli tidħol fi ftehimiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (3), sakemm dan ma jsirx bi ftehim mal-Unjoni Ewropea u ma jkunux saru arranġamenti sodisfaċenti rigward ir-relazzjoni bejn il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, minn naħa waħda, u l-ftehim internazzjonali kkonċernat min-naħa l-oħra. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, id-Danimarka, permezz ta' ittra tal-14 ta' Jannar 2009 innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (4) sa fejn jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (5). Skont l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, in-notifika Daniża ħolqot obbligi reċiproċi skont il-liġi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 għalhekk jikkostitwixxi emenda għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka sa fejn jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 u huwa meqjus bħala anness għalih. |
|
(3) |
Fil-5 ta' Awwissu 2013 id-Danimarka talbet lill-Unjoni Ewropea sabiex taqbel mar-ratifika proposta tagħha tal-Konvenzjoni tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta' Manteniment tal-Familja (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni tal-Manteniment”). |
|
(4) |
Il-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni tal-Manteniment huma wkoll is-suġġett tar-Regolament (KE) Nru 4/2009, u minħabba f'hekk, il-Konvenzjoni tal-Manteniment taffettwa lil dan ir-Regolament. Il-qbil tal-Unjoni Ewropea mar-ratifika tad-Danimarka għall-Konvenzjoni tal-Manteniment huwa għalhekk meħtieġ sa fejn il-Konvenzjoni tal-Manteniment taffettwa r-Regolament (KE) Nru 4/2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 1a tad-Deċiżjoni 2006/325/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/942/KE (6), sabiex jiġi applikat l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, il-Kummissjoni għandha tevalwa, qabel ma tieħu deċiżjoni li tesprimi l-qbil tal-Unjoni Ewropea, jekk il-ftehim internazzjonali previst mid-Danimarka jirrendix il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka ineffettiv u jimminax il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita bir-regoli tiegħu. |
|
(6) |
L-Unjoni Ewropea ffirmat il-Konvenzjoni tal-Manteniment fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE (7). L-Unjoni Ewropea kkonkludiet il-Konvenzjoni tal-Manteniment fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE (8). L-istrument ta' approvazzjoni ġie ddepożitat fid-9 ta' April 2014, wara l-emenda għall-annessi għad-Deċiżjoni 2011/432/UE (9). |
|
(7) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq u mhix marbuta bihom jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom. Din se tkun marbuta bil-Konvenzjoni tal-Manteniment biss bħala parti kontraenti separata. |
|
(8) |
F'dawn iċ-ċirkostanzi u b'konsiderazzjoni li l-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014 fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni minbarra d-Danimarka, il-Kummissjoni tqis li r-ratifika min-naħa tad-Danimarka tal-Konvenzjoni tal-Manteniment ma trendix il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u d-Danimarka ineffettiv u ma timminax il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita bir-regoli tiegħu. Barra minn hekk, ir-ratifika min-naħa tad-Danimarka tal-Konvenzjoni tal-Manteniment mhux se taffettwa l-kundizzjonijiet li skonthom l-Unjoni Ewropea nnifisha aderixxiet għal din il-Konvenzjoni. |
|
(9) |
Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha tawtorizza lid-Danimarka sabiex tirratifika l-Konvenzjoni tal-Manteniment, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tawtorizza lid-Danimarka sabiex tirratifika l-Konvenzjoni tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2015.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22.
(2) ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati mal-obbligi ta' manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).
(5) ĠU L 149, 12.6.2009, p. 80.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/942/KE tat-30 ta' Novembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/325/KE biex tipprevedi proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 331, 16.12.2009, p. 24).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta' Manteniment tal-Familja (ĠU L 93, 7.4.2011, p. 9).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta' Manteniment tal-Familja (ĠU L 192, 22.7.2011, p. 39).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/218/UE tad-9 ta' April 2014 li temenda l-Annessi I, II u III għad-Deċiżjoni 2011/432/UE dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta' Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta' Manteniment tal-Familja (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 1).