SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 15 – Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali – Ksur tal-leġiżlazzjoni doganali – Artikolu 42 – Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Deċiżjoni qafas 2005/212/ĠAI – Konfiska tar-rikavat, tal-mezzi strumentali u tal-proprjetà relatata mal-kriminalità – Artikolu 2(1) – Konfiska – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa ta’ bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija u l-konfiska tagħha jkun min ikun il-proprjetarju”
Fil-Kawżi magħquda C‑717/22 u C‑372/23,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija) (C‑717/22) u mill-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija) (C‑372/23), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Novembru 2022 u tal‑1 ta’ Ġunju 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑23 ta’ Novembru 2022 u fit‑13 ta’ Ġunju 2023, fil-proċeduri
“SISTEM LUX” OOD (C‑717/22),
VU (C‑372/23)
vs
Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas
fil-preżenza ta’:
Rayonna prokuratura – Haskovo, Teritorialno otdelenie – Svilengrad (C‑717/22),
Okrazhna prokuratura – Haskovo (C‑372/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen (Relatur), M. Gavalec u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “SISTEM LUX” OOD, minn I. A. Ivanov, advokat, |
|
– |
għat-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas, minn V. Stefanov, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, S. Ruseva u R. Stoyanov, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta u F. Meloncelli, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), tal-punt 3 tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifika ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), kif ukoll tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 41 tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwima bejn “SISTEM LUX” OOD (iktar ’il quddiem “Sistem Lux”), kumpannija stabbilita fis-Serbja, u t-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Doganali”) (Kawża C‑717/22), minn naħa, u, VU, individwu ta’ nazzjonalità Serba, u d-Direttorat Doganali (Kawża C‑372/23), min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva fuq VU għal kuntrabandu doganali kif ukoll li tiġi kkonfiskata l-merkanzija ta’ Sistem Lux li kienet is-suġġett ta’ dan il-kuntrabandu. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Deċiżjoni Qafas 2005/212
|
3 |
Il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 tistipula: “L-għan ewlieni tal-kriminalità organizzata transkonfinali huwa l-gwadann finanzjarju. Għalhekk, sabiex ikun effikaċi, kwalunkwe tentattiv sabiex tali kriminalità tiġi prevenuta u miġġielda għandu jiffoka fuq it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tal-kriminalità. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fir-raba’ inċiż tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru: […]
|
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konfiska”, jipprevedi: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew bil-privazzjoni ta’ proprjetà ta’ valur korrispondenti għal tali rikavati. […]” |
Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
|
6 |
L-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali”, jipprovdi: “1. Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli. 2. Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, minn persuna lill-awtoritajiet doganali, jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra, tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe forma oħra mitluba minn, jew mogħtija lill-awtoritajiet doganali. Fejn id-dikjarazzjoni, jew in-notifika jkunu ppreżentati, l-applikazzjoni tkun ippreżentata, jew l-informazzjoni tingħata, minn rappreżentant doganali tal-persuna kkonċernata kif imsemmi fl-Artikolu 18, dak ir-rappreżentant doganali għandu jkun marbut ukoll bl-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.” |
|
7 |
L-Artikolu 42 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “L-applikazzjoni ta’ pieni”, jistabbilixxi: “1. Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 79 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 158 tal-istess kodiċi, intitolat “Id-dikjarazzjoni doganali ta’ merkanzija u s-superviżjoni doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali, minbarra l-proċedura ta’ żona ħielsa, għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari. 2. F’każijiet speċifiċi, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6(3), dikjarazzjoni doganali tista’ tkun ppreżentata billi jintużaw mezzi oħra minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku ta’ data. 3. Merkanzija tal-Unjoni ddikjarata għall-esportazzjoni, tranżitu intern fl-Unjoni jew ipproċessar passiv għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali mill-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sal-ħin li fih tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew li tkun abbandunata f’idejn l-Istat jew meqruda jew li tkun invalidata d-dikjarazzjoni tad-dwana.” |
|
10 |
L-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Mizuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluż il-konfiska u l-bejgħ, jew il-qerda, biex jeħilsu minn merkanzija fil-każijiet li ġejjin:
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 233 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “L-obbligi tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni u ta’ min iġorr u jirċievi l-merkanzija li titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni” jipprovdi: “1. Id-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni jkun responsabbli għal dan kollu li ġej:
[…] 3. Min iġorr jew jirċievi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jaf li din qed timxi taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni jkun ukoll responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fiż-żmien preskritt u b’konformità mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali biex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħhom.” |
|
12 |
L-Artikolu 226 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Tranżitu estern”, jipprovdi:
[…]” |
Id‑Direttiva 2014/42
|
13 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
14 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI [tat‑3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu K.3 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 97)], il-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI [tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 158)], u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [2005/212], huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.” |
Il‑Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba
|
15 |
Skont l-Artikolu 7 intitolat “Assenza ta’ abbuż ta’ poter” tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, approvat bir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas‑6 ta’ Settembru 2001 (ĠU 2002, C 72 E, p. 331): “Il-poteri huma eżerċitati biss għall-għan li ngħataw għalih mid-dispożizzjonijiet relevanti. L-uffiċjal għandu jevita b’mod partikolari li juża dawn is-setgħat għal finijiet li ma għandhomx bażi legali jew li ma humiex immotivati minn interess pubbliku.[traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
Id‑dritt Bulgaru
Il‑liġi Doganali
|
16 |
L-Artikolu 231 taż-Zakon za mitnitsite (il-Liġi Doganali) (DV Nru 15, tas-6 ta’ Frar 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Doganali”), jistabbilixxi: “Id-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni amministrattiva għandhom jittieħdu mid-Direttur tal-Agentsia “Mitnitsi”(l-Aġenzija Doganali, il-Bulgarija) jew mill-aġenti li jinħatru minnu.” |
|
17 |
L-Artikolu 233 ta’ din il-liġi jipprovdi: “(1) Kull min iċaqlaq jew jittrasporta merkanzija lil hinn mill-fruntiera tal-Istat, jew jipprova jagħmel dan, mingħajr ma jkun għarraf lill-awtoritajiet doganali jew ma mingħajr ma jkun ġie awtorizzat minn dawn, huwa punibbli, meta l-att imwettaq ma jikkostitwixxix reat kriminali, b’multa għal kuntrabandu doganali ta’ bejn 100 sa 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, tal-valur tal-merkanzija. […] (6) Il-prodotti li jkunu s-suġġett ta’ kuntrabandu doganali jiġu ssekwestrati favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħhom u meta dawn ikunu nieqsa jew ikunu tneħħew, [l-awtur] għandu jiġi kkundannat għall-ekwivalenti tal-valur għal skopijiet doganali tagħhom jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-valur tal-merkanzija. […]” |
Il‑Liġi dwar il‑Ksur u s‑Sanzjonijiet Amministrattivi
|
18 |
Skont l-Artikolu 7 taż-zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, DV Nru 92, tat-28 ta’ Novembru 1969): “(1) Ikun hemm ħtija għal att ikklassifikat bħala ksur amministrattiv, meta jitwettaq b’mod intenzjonali jew mhux intenzjonali. (2) Huwa biss fil-każijiet espressament previsti li l-atti mwettqa b’mod mhux intenzjonali ma humiex issanzjonati.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il‑Kawża C‑717/22
|
19 |
Fit‑28 ta’ Mejju 2021, uffiċjal tad-dwana tal-post doganali ta’ Kapitan Andreevo (il-Bulgarija), li jinsab fil-fruntiera Bulgaro-Turka, wettaq kontroll ta’ trakk semitrejler li kien qiegħed jittrasporta tlettax-il pakkett ta’ profili tal-aluminju, mgħobbija fit-Turkija. |
|
20 |
L-uffiċjal tad-dwana vverifika d-dokumenti doganali li ppreżentalu VU, is-sewwieq ta’ dan it-trakk, u kkonstata li tmienja mill-pakketti ttrasportati, li kienu proprjetà ta’ Sistem Lux, ma kinux ġew iddikjarati fid-dokumenti ta’ akkumpanjament. |
|
21 |
Infetħet proċedura ta’ ksur amministrattiv skont l-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, li fi tmiemha ġie stabbilit li VU, minkejja li kien preżenti waqt it-tagħbija u l-użin tal-merkanzija, ma kienx wettaq l-obbligu tiegħu, bħala xufier li jwettaq trasport internazzjonali, li jieħu konjizzjoni tad-dokumenti li ġew ipprovduti lilu u li jivverifika, b’mod partikolari, il-konformità tagħhom mal-merkanzija effettivament ittrasportata. |
|
22 |
Konsegwentement, l-awtorità ta’ sanzjoni amministrattiva qieset li, billi ttrasporta, mingħajr ma għarraf lill-awtoritajiet doganali u mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, il-profili tal-aluminju inkwistjoni mill-fruntiera Bulgara, VU kien wettaq, b’negliġenza, il-ksur amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. Għaldaqstant, hija imponietlu multa għal kuntrabandu doganali fl-ammont ta’ BGN 73140,06 (lev Bulgaru) (madwar EUR 37400), li jikkorrispondi għall-valur doganali tal-profili tal-aluminju misjuba fit-tmien pakketti mhux iddikjarati. Hija ordnat ukoll il-konfiska favur l-Istat, abbażi tal-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, ta’ dawn il-profili tal-aluminju. |
|
23 |
Huwa f’dan il-kuntest li Sistem Lux ippreżentat rikors quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra d-deċiżjoni ta’ konfiska tal-imsemmija profili tal-aluminju. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li jipprevedi l-konfiska tar-rikavat li huwa s-suġġett tal-kuntrabandu doganali jkun min ikun il-proprjetarju tagħhom, jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta dawn ir-rikavati jkunu jappartjenu lil persuna li ma tkunx l-awtur tal-ksur amministrattiv jew meta l-awtur ikun wettaq dan il-ksur b’negliġenza. |
|
25 |
Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li d-dritt tal-Unjoni jista’ jipprekludi wkoll dispożizzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti sa fejn il-konfiska, li tikkostitwixxi sanzjoni addizzjonali li tiżdied mal-multa għal kuntrabandu doganali, tista’ tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta. Tali dispożizzjoni tista’ wkoll tmur kontra d-dritt ta’ kull persuna li tgawdi liberament mill-oġġetti li tkun akkwistat, imsemmi fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. |
|
26 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ konfiska prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali mal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, sa fejn dan jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, kif ukoll tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 u tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, li jipprekludu li tali miżura tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
Il‑Kawża C‑372/23
|
28 |
Għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali fil-Kawża C‑372/23 toriġina mill-istess fatti bħal dawk fil-Kawża C‑717/22, esposti fil-punti 19 sa 22 ta’ din is-sentenza. |
|
29 |
VU kkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ sanzjoni amministrattiva li timponilu multa għal kuntrabandu doganali fl-ammont ta’ BGN 73 140.06 u li tikkonfiska favur l-Istat il-merkanzija inkwistjoni quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad). |
|
30 |
Din il-qorti kkonfermat din id-deċiżjoni, minħabba li VU kien effettivament ittrasporta din il-merkanzija u kien daħħalha fit-territorju Bulgaru mingħajr ma għarraf lill-awtoritajiet doganali u mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, peress li ma wettaqx l-obbligu preliminari li jiddikjaraha mhux oralment iżda bil-miktub, u li għalhekk il-ksur amministrattiv ta’ “kuntrabandu doganali”, fis-sens tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, kien twettaq. Barra minn hekk, hija rrilevat li VU kien wettaq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ prudenza tiegħu, li jikkostitwixxi forma ta’ “ħtija”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, minkejja n-natura mhux intenzjonali tagħha. |
|
31 |
VU ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem din tal-aħħar, VU jsostni li huwa ma kienx kiser intenzjonalment l-obbligu li jiddikjara bil-miktub il-merkanzija inkwistjoni u li għalhekk ma wettaqx il-ksur ta’ kuntrabandu doganali, li jippreżupponi l-eżistenza ta’ intenzjoni. |
|
32 |
VU sostna wkoll li, waqt il-kontroll doganali, l-uffiċjali doganali ma kinux ikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 6 sa 10 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, u, b’mod partikolari, li huma kienu kisru l-Artikolu 7 ta’ dan il-kodiċi meta żammewh responsabbli. |
|
33 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont jekk il-fatti ta’ kuntrabandu doganali twettqux jew le b’mod intenzjonali. Madankollu, din il-qorti tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ wkoll titqies li hija konformi mal-Artikolu 49(3) tal-Karta, minħabba li r-reati amministrattivi jippreżentaw perikolu soċjali iżgħar mir-reati kriminali. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali jipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni li tista’ tiġi adattata, ta’ bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija, b’tali mod li l-awtorità ta’ sanzjoni amministrattiva tapplika din id-dispożizzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, inkluż in-natura intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur imwettaq. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu utli għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma jkunu ntalbu jiddeċiedu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għal din il-proċedura, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tispjega, f’din id-deċiżjoni stess, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tipprovdi l-ispjegazzjonijiet meħtieġa dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll Fiskali), (C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju għandha tippermetti, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra, jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li dan id-dritt jiġi ssalvagwardat, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries,C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa (digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Talasca,C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21; sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dawn huma mfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), li issa jinsabu fil-punti 13, 15 u 16 tal-verżjoni l-ġdida tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2024, C 6008). |
|
39 |
F’dan il-każ, il-ħames domanda fil-Kawża C‑372/23 ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. |
|
40 |
Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-formulazzjoni ta’ din id-domanda, b’mod partikolari ta’ dawk tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba. Din il-qorti lanqas ma tesponi r-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa sa fejn risposta għall-imsemmija domanda hija neċessarja sabiex tippermetti lil dik il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha. |
|
41 |
Minn dan isegwi li l-ħames domanda fil-Kawża C‑372/23 hija inammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑372/23
|
42 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑372/23, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 u l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi kkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni doganali sempliċement minħabba negliġenza, ikkostitwita min-nuqqas ta’ osservanza tal-forma xierqa ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ttrasportata, u li, f’tali ċirkustanzi, tiġi imposta fuq l-awtur tal-imsemmi ksur sanzjoni amministrattiva ta’ ammont li jikkorrispondi, tal-inqas, għall-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dan il-ksur. |
|
43 |
L-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna involuta direttament jew indirettament fil-kontrolli doganali għandha tipprovdi lill-awtoritajiet doganali bid-dokumenti jew l-informazzjoni kollha meħtieġa. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni minn persuna lill-awtoritajiet doganali tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli b’mod partikolari għall-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta f’din id-dikjarazzjoni. |
|
44 |
F’dan il-każ, l-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li jindikaw li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġiet ittrasportata mit-Turkija lejn is-Serbja, fejn il-Bulgarija kienet biss pajjiż ta’ tranżitu. Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, din il-merkanzija kellha għalhekk titqiegħed taħt il-“proċedura ta’ tranżitu estern”, fis-sens tal-Artikolu 226 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. L-Artikolu 158 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li l-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali, minbarra l-proċedura ta’ żona ħielsa, għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari. |
|
45 |
In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 158 ta’ dan il-kodiċi, jikkostitwixxi “nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali”, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tal-imsemmi kodiċi. Fil-fatt, dan l-aħħar kunċett ma jkoprix biss attivitajiet frawdolenti, iżda jinkludi kull nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Sabiex tali nuqqas ta’ osservanza jiġi kkwalifikat bħala “nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 42(1), ma huwiex wisq importanti li jkun magħruf jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza kienx intenzjonali, jew jekk twettaqx b’negliġenza jew fl-assenza ta’ kull aġir żbaljat tal-operatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali,C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet skont l-Artikolu 42 tal-istess kodiċi tinkludi s-sitwazzjoni li fiha n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-operatur ikkonċernat jitwettaq b’negliġenza. |
|
47 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali nuqqas ta’ osservanza, huwa kull Stat Membru li għandu jipprevedi, konformement mal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, b’mod partikolari, fil-każ ta’ provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali,C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 30). |
|
48 |
Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti biex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom xierqa. Madankollu, b’konformità mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, previst fl-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-miżuri amministrattivi jew repressivi adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu minn dan il-kodiċi u lanqas ma għandhom ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Zes Zollner Electronic,C‑640/21, EU:C:2023:457, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Għalhekk, is-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 42, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli et Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 39). |
|
50 |
L-imsemmi prinċipju jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u tar-regoli relattivi għall-livell tal-ammont tal-multi, iżda anki f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali,C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa prevista fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali għall-ksur ta’ kuntrabandu doganali hija bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dan il-ksur, b’tali mod li l-awtorità doganali tista’ taġġusta l-ammont ta’ din il-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluża n-natura intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-ksur imwettaq. |
|
52 |
Madankollu, anki fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-ksur doganali, b’mod partikolari l-frekwenza kbira tagħhom u d-diffikultà li jinkixfu, multa, prevista mid-dritt nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija ma tidhirx li hija proporzjonata mal-gravità tal-ksur kollu li hija tissanzjona, b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi marbuta mad-dikjarazzjonijiet doganali fil-kuntest tal-proċedura doganali tat-tranżitu estern. Fil-fatt, tali sanzjoni, minn naħa, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-merkanzija ammessa taħt din is-sistema ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali u, min-naħa l-oħra, tidher sproporzjonata meta mqabbla mad-dejn doganali li jirriżulta mill-fatt tat-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt l-imsemmija sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker,C‑655/18, EU:C:2020:157, punti 44 u 46). |
|
53 |
Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar peress li din is-sanzjoni tiżdied ma’ dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li abbażi tiegħu l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ kuntrabandu doganali hija ssekwestrata favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħha u, meta din il-merkanzija tkun nieqsa jew tneħħiet, l-awtur huwa kkundannat għall-ekwivalenti tal-valur għal skopijiet doganali tagħha jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-valur tal-imsemmija merkanzija. Fil-fatt, l-akkumulu tas-sanzjonijiet li l-awtur ta’ ksur ta’ kuntrabandu doganali jesponi ruħu għalih tista’ twassal sabiex dan jiġi kkundannat iħallas tliet darbiet il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata. |
|
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑372/23 għandha tkun li l-Artikolu 15 u l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi kkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni doganali minħabba s-sempliċi fatt ta’ negliġenza, ikkostitwita min-nuqqas ta’ osservanza tal-forma xierqa ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija ttrasportata. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu li, f’tali ċirkustanzi, tiġi imposta sanzjoni amministrattiva ta’ ammont li jikkorrispondi, tal-inqas, għall-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dan il-ksur fuq l-awtur tal-imsemmi ksur. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda fil‑Kawża C‑717/22 kif ukoll fuq it‑tielet u r-raba’ domanda fil‑Kawża C‑372/23
|
55 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑717/22 kif ukoll tat-tielet u tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa, il-konfiska tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dan il-ksur. Fil-każ ta’ risposta negattiva, dawn il-qrati jixtiequ jkunu jafu jekk tali konfiska hijiex permessa anki meta din il-merkanzija ma tkunx tappartjeni lill-awtur tal-ksur. |
|
56 |
Preliminarjament, kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qrati tar-rinviju, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern. Għalhekk, skont l-Artikolu 158 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, kellha ssir dikjarazzjoni doganali għal din il-merkanzija. |
|
57 |
Wara li saret din il-preċiżazzjoni u fir-rigward tal-ewwel parti tad-domandi preliminari hekk irriformulati, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 42(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li, “[f] ejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin […] imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, fejn xieraq, arranġament applikat minflok u biex jissostitwixxi piena kriminali; […] ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emendament ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni miżmuma mill-persuna kkonċernata”. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, id-dubju tal-qrati tar-rinviju joriġina parzjalment mill-qari tagħhom ta’ dan l-Artikolu 42(2), sa fejn dan jelenka b’mod eżawrjenti s-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli f’każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. |
|
59 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tat-terminu “b’mod partikolari” minn din id-dispożizzjoni jikkonferma li l-lista ta’ dawn is-sanzjonijiet amministrattivi ma hijiex eżawrjenti u li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi oħra minbarra dawk imsemmija f’dik id-dispożizzjoni, bħal miżuri ta’ konfiska tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ ksur doganali. |
|
60 |
Barra minn hekk, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, bil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjoni ta’ dan il-kodiċi, l-Istati Membri jistgħu jakkumulaw sanzjonijiet amministrattivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm josservaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 42(1) tal-imsemmi kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker,C‑655/18, EU:C:2020:157, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali jipprekludix li merkanzija tkun tista’ tiġi kkonfiskata minkejja li ma tkunx tappartjeni lill-persuna li wettqet il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska ta’ proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide użata għat-twettiq ta’ reat ta’ kuntrabandu hija inkompatibbli mad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo et Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 56). |
|
62 |
Min-naħa l-oħra, miżuri ta’ konfiska relatati mar-rikavat ta’ ksur jew ta’ attività illegali jew strument li serva għal ksur li ma huwiex proprjetà ta’ terza persuna in bona fide jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-użu tal-beni fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Neves 77 Solutions,C‑351/22, EU:C:2024:723, punt 82). |
|
63 |
Sabiex tali sanzjoni tiżgura effett realment dissważiv ta’ sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għal ksur doganali, filwaqt li tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, l-awturi ta’ tali ksur għandhom jiġu effettivament imċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw minn dan tal-aħħar u s-sanzjonijiet previsti għandhom jippermettu l-produzzjoni ta’ effetti proporzjonati mal-gravità tal-imsemmi ksur, b’mod li kull persuna tiġi skoraġġata b’mod effettiv milli twettaq ksur tal-istess natura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 44). |
|
64 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-merkanzija kkonfiskata ma hijiex ta’ VU, iżda ta’ Sistem Lux. Kif irrilevaw b’mod partikolari d-Direttorat Doganali u l-Gvern Bulgaru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jidher li din il-kumpannija hija d-destinatarja tal-merkanzija u/jew il-proprjetarju tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’waħda jew fl-oħra minn dawn l-ipoteżi, hija obbligata tosserva l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. |
|
65 |
F’tali ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li Sistem Lux tista’ titqies, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 233, bħala l-persuna li lilha għandu jiġi imputat il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw dawn l-elementi fattwali sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà eventwali tal-imsemmija kumpannija. |
|
66 |
Fil-kuntest taż-żewġ ipoteżi msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan intiż mil-leġiżlazzjoni doganali li jipprekludi l-importazzjoni illegali tal-merkanzija mhux tal-Unjoni ġewwa l-Unjoni u li tiġi miġġielda l-frodi billi jiġi żgurat il-ġbir korrett tad-dazji fuq l-importazzjoni sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010 DSV Road, C‑234/09, EU:C:2010:435, punt 33, u tas‑7 ta’ April 2022, Kauno teritorinė muitinė,C‑489/20, EU:C:2022:277, punt 35), il-konfiska, inkwantu sanzjoni addizzjonali, ta’ din il-merkanzija, meta tappartjeni lil persuna li lilha għandu jiġi imputat il-ksur tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tidher proporzjonata, u fl-istess ħin tista’ tiddiswadi lill-operaturi kkonċernati milli jiksru l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kodiċi u tipprekludi li dawn l-operaturi jkunu jistgħu jiksbu vantaġġ minn dan il-ksur. |
|
67 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 198(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jipprovdi li “[l]-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluż il-konfiska […], biex jeħilsu minn merkanzija fil-każijiet li ġejjin […] fejn wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkunx ġie sodisfatt, jew il-merkanzija tkun ġiet miżmuma mis-superviżjoni doganali”. |
|
68 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑717/22 kif ukoll għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/23 għandha tkun li l-Artikolu 42(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, minbarra l-impożizzjoni ta’ multa, il-konfiska tal-merkanzija li hija s-suġġett ta’ dan il-ksur meta din tappartjeni lil persuna li lilha huwa imputabbli l-imsemmi ksur, bil-kundizzjoni li s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għal dan il-ksur tkun, kollha kemm hi, konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità. |
Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑717/22
|
69 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑717/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-konfiska ta’ merkanzija li hija s-suġġett ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali meta dan il-ksur ma jikkostitwixxix ksur kriminali, iżda ksur amministrattiv. Fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas u l-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li tali konfiska għandha tiġi ordnata minn awtorità amministrattiva. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jikkonfiska, kompletament jew parzjalment, mezzi strumentali u rikavati ta’ reati kriminali punibbli bi priġunerija għal żmien ta’ iżjed minn sena, jew proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal tali rikavati. |
|
71 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa, kif jirriżulta wkoll mill-istess titolu kif ukoll mill-premessa 1 tal-istess deċiżjoni, li jirreferu għall-“konfiska ta’ rikavati, mezzi u assi relatati mal-kriminalità” u għall-“kriminalità organizzata”, rispettivament, limitat għar-reati kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane,C‑752/21, EU:C:2023:179, punt 40). |
|
72 |
Barra minn hekk, huma biss ir-reati kriminali ta’ ċerta gravità, jiġifieri dawk suġġetti għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena, li huma koperti mill-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane,C‑752/21, EU:C:2023:179, punt 41). |
|
73 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “konfiska”, għandu, b’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/42, jsir riferiment għat-termini tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din, skont liema tikkostitwixxi konfiska “iċ-ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane,C‑752/21, EU:C:2023:179, punti 42 u 43). |
|
74 |
Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ konfiska tal-merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali nħarġet wara proċedura ta’ natura amministrattiva, liema proċedura ma kinitx tirrigwarda reat kriminali punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212, u lanqas, b’mod ġenerali, reat kriminali. |
|
75 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-proċedura amministrattiva, f’dan il-każ, kienet ippreċeduta minn proċedura kriminali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod inekwivoku li din l-aħħar proċedura ngħalqet mingħajr tkomplija, b’tali mod li ebda proċedura kriminali ma kienet pendenti meta nbdiet il-proċedura amministrattiva. |
|
76 |
Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-konfiska tal-merkanzija inkwistjoni ġiet ordnata mhux minn “qorti”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, iżda mill-awtoritajiet doganali. |
|
77 |
Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma hijiex applikabbli meta d-deċiżjoni ta’ konfiska tittieħed minn awtorità doganali wara proċedura li tirrigwardax reat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001,C‑234/18, EU:C:2020:221, punt 61, u tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane,C‑752/21, EU:C:2023:179, punt 46). |
|
78 |
Sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas huwa ddefinit b’mod ċar u sa fejn din ġiet adottata sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi komuni f’qasam iddefinit sew, li, barra minn hekk, jikkonċerna l-kooperazzjoni f’materji kriminali, l-imsemmija deċiżjoni qafas lanqas ma tista’ tkun applikabbli ratione materiae b’analoġija għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel Mitnichesko razsledvane i razuznavane,C‑752/21, EU:C:2023:179, punt 47). |
|
79 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑717/22 għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/212 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal miżura ta’ konfiska meħuda wara ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jekk dan il-ksur ma jikkostitwixxix reat kriminali punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ iktar minn sena, iżda ksur amministrattiv. |
Fuq l‑ispejjeż
|
80 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.