IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2025
COM(2025) 736 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-data marbuta mal-impatt baġitarju tal-aġġornament annwali tal-2025 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li japplikaw għalihom
1.Objettiv tar-rapport
L-objettiv ta’ dan ir-rapport huwa li jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (RP) li tipprovdi data dwar l-impatt baġitarju tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni fid-dawl tal-aġġornamenti tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE u l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikati lilhom.
L-aġġornamenti tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE huma implimentati f’konformità mal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u għandhom iseħħu qabel tmiem is-sena. Dawn huma bbażati fuq data statistika mħejjija mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE bi qbil mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri li tirrifletti l-qagħda tal-Istati Membri sa mill-1 ta’ Lulju 2025.
2.Informazzjoni ġenerali
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 emenda l-mekkaniżmu tal-aġġornament tal-ħlas, magħruf bħala “l-metodu”, billi jippermetti aġġornament awtomatiku tas-salarji, tal-pensjonijiet u tal-benefiċċji kollha. Għal dan il-għan, l-ammonti u l-ponderazzjonijiet rilevanti (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) li jinsabu fir-RP għandhom jinftiehmu bħala ammonti u ponderazzjonijiet ta’ referenza (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) li huma soġġetti għal aġġornament regolari u awtomatiku.
Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu wkoll, kif imħabbar fl-Artikolu 65(4) tar-RP, li ma għandu jsir l-ebda aġġornament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-persunal tal-UE li jaħdem fil-Belġju u fil-Lussemburgu fis-snin 2013 u 2014. Barra minn hekk, bħala riżultat tal-approċċ globali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fost l-Istituzzjonijiet tal-UE rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet, intlaħaq qbil dwar aġġustament limitat tas-salarji u tal-pensjonijiet għall-2011 u għall-2012 ta’ 0 % u 0,8 % rispettivament.
Fil-perjodu bejn l-2004 u l-2025, il-persunal tal-UE ġarrab telf sinifikanti f’termini ta’ kapaċità reali tal-akkwist. Matul dan il-perjodu, il-persunal tal-UE tilef madwar 11,8 % tal-kapaċità tal-akkwist tiegħu, minħabba l-effett ikkombinat tar-riformi tar-RP fl-2004 u fl-2013 u t-tnaqqis fl-aġġustamenti tas-salarji. Matul l-istess perjodu l-impjegati taċ-ċivil tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri tilfu 1,2 %.
L-aġġustament limitat tas-salarji u tal-pensjonijiet fl-2011 u fl-2012 u l-iffriżar tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet fl-2013 u fl-2014, kif miftiehem mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, irriżulta f’iffrankar ta’ madwar EUR 3 biljun matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta’ bejn l-2014 u l-2020 u madwar EUR 500 miljun fis-sena fit-tul. Barra minn hekk, miżuri speċifiċi mingħajr effett baġitarju dirett, bħaż-żieda fil-ħin tax-xogħol u t-tnaqqis fil-liv annwali mingħajr kumpens fis-salarju għandhom valur ta’ madwar EUR 1,5 biljun għall-istituzzjonijiet.
3.Dispożizzjonijiet legali dwar l-aġġornament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE u tal-koeffiċjenti korrettivi applikati lilhom
3.1.Aġġornament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE (l-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP)
L-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP jipprevedi li ċerti ammonti msemmija fih li jistabbilixxu s-salarji bażiċi, l-allowances u l-koeffiċjenti differenti, għandhom jiġu aġġornati kull sena f’konformità mal-Anness XI. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ammonti aġġornati, fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament, fis-serje C tal-ĠU tal-UE għal finijiet informattivi.
Barra minn hekk, l-Artikolu 65(3) tar-RP jistipula li dawn l-ammonti (imsemmija fl-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu) għandhom jinftiehmu bħala ammonti, li l-valur reali tagħhom f’punt partikolari ta’ żmien, ikun soġġett għal aġġornament mingħajr intervent ta’ att legali ieħor.
L-Artikolu 65a tar-RP jipprevedi li r-regoli tal-implementazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-RP ikunu stipulati fl-Anness XI.
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-RP, l-aġġornament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet skont l-Artikolu 65 tar-RP jirriżulta direttament mill-bidliet fil-kapaċità tal-akkwist tas-salarji fis-servizzi ċivili nazzjonali (indikatur speċifiku) u mill-bidliet fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu (Indiċi Konġunt).
L-Indikatur Speċifiku jkejjel il-bidliet fir-remunerazzjoni netta, wara li jqis l-inflazzjoni nazzjonali, tal-impjegati taċ-ċivil nazzjonali fil-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri. L-Eurostat jikkalkula dan l-indikatur fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-għaxar Stati Membri msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Anness XI.
Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 u issa huwa “pajjiż terz”. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni introdott bil-Ftehim dwar il-Ħruġ skada b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, ir-Renju Unit ma għadux inkluż fil-kampjun ewlieni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(4) tal-Anness XI għal skopijiet tal-kalkolu tal-Indikatur Speċifiku (il-kampjun li jifdal ta’ għaxar Stati Membri għadu jirrappreżenta mill-inqas 75 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-EU27 li jifdal).
L-Indiċi Konġunt ikejjel bidliet fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu għall-uffiċjali tal-UE skont id-distribuzzjoni tal-persunal li jservi f’dawn iż-żewġ Stati Membri. L-Eurostat jikkalkula dan l-indiċi fuq il-bażi tal-informazzjoni tal-prezzijiet ipprovduta mill-awtoritajiet Belġjani u Lussemburgiżi u fuq l-informazzjoni dwar l-għadd ta’ persunal mill-bażijiet tad-data interni tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-RP jistabbilixxi klawżola ta’ moderazzjoni, jiġifieri l-valur tal-Indikatur Speċifiku għandu jkun soġġett għal limitu massimu ta’ +2 % u għal limitu inferjuri ta’ -2 %. Jekk il-valur tal-Indikatur Speċifiku jaqbeż dan il-limitu, minfloku għandu jintuża l-valur tal-limitu biex jiġi stabbilit l-aġġornament annwali. Il-limitu mbagħad japplika b’effett mill-1 ta’ Lulju u l-bqija tal-aġġornament annwali għandu jiġi applikat b’effett mill-1 ta’ April tas-sena ta’ wara.
L-Artikolu 11 tal-Anness XI tar-RP jistabbilixxi klawżola ta’ eċċezzjoni applikabbli f’każ ta’ tnaqqis fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) f’termini reali tal-Unjoni kif previst mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 11 tal-Anness XI tar-RP, il-klawżola ta’ eċċezzjoni għandha tapplika jekk il-valur tal-Indikatur Speċifiku jkun pożittiv, iżda jkun hemm tnaqqis fil-PDG tal-Unjoni għas-sena attwali. F’każ bħal dan, skont il-kobor tat-tnaqqis fil-PDG tal-UE, l-Indikatur Speċifiku kollu jew parti minnu għandu jintuża biex jiġi kkalkulat l-aġġornament annwali u l-bqija għandu jiġi applikat minn data aktar tard fis-sena ta’ wara jew meta ż-żieda kumulattiva tal-PDG tal-Unjoni mkejla mis-sena li fiha l-klawżola ta’ eċċezzjoni applikata ssir pożittiva.
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8 tal-Anness XI tar-RP, meta l-għoli tal-ħajja f’post speċifiku ta’ impjieg kif imkejjel mill-indiċijiet impliċiti jkun żdied b’aktar minn 6 % jew 10 %, l-aġġornament intermedju jew annwali għandu jidħol fis-seħħ f’data, li hija aktar kmieni mid-data prestabbilita tal-implimentazzjoni (jiġifieri qabel l-1 ta’ Lulju għall-aġġornament annwali u l-1 ta’ Jannar għall-aġġornament intermedju). F’każijiet bħal dawn, skont il-kobor taż-żieda fl-għoli tal-ħajja, l-aġġornament intermedju għandu jidħol fis-seħħ fl-1 jew fis-16 ta’ Novembru, u l-aġġornament annwali għandu jidħol fis-seħħ fl-1 jew fis-16 ta’ Mejju.
3.2.Aġġornament tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikati għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE fl-UE (l-Artikolu 64, it-tieni paragrafu)
Skont l-Artikolu 64 tar-RP ir-remunerazzjoni ta’ uffiċjal espressa f’euro għandha tiġi ponderata b’rata ogħla, anqas jew daqs 100 %, skont il-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-postijiet varji tal-impjieg. L-ebda koeffiċjenti ta' korrezzjoni ma għandu jkun applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu fir-rigward tar-rwol speċjali bħala referenzjali ta' dawk il-postijiet ta' impjieg bħala sedi prinċipali u oriġinali tal-maġġoranza tal-istituzzjonijiet.
Barra minn hekk, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għandhom jinħolqu jew jiġu rtirati, kif ukoll jiġu aġġornati kull sena, f’konformità mal-Anness XI. Fir-rigward tal-aġġornament, il-valuri kollha għandhom jiġu mifhuma bħala valuri ta' referenza. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-valuri aġġornati fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament fis-serje C tal-ĠU tal-UE għal finijiet informattivi.
Skont l-Artikolu 8 tal-Anness XI tar-RP, għal postijiet b’żieda għolja fl-għoli tal-ħajja (kif imkejla mill-bidla fl-indiċijiet impliċiti), il-koeffiċjent tal-korrezzjoni għandu jidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar fil-każ tal-aġġornament intermedju tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni, jew fl-1 ta’ Lulju fil-każ tal-aġġornament annwali tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni. Għall-aġġornament annwali meta l-għoli tal-ħajja mkejjel bl-indiċijiet impliċiti jkun żdied b’aktar minn 6 %, l-aġġornament annwali għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Mejju minflok fl-1 ta’ Lulju u fl-1 ta’ Mejju meta l-għoli tal-ħajja mkejjel mill-indiċijiet impliċiti jkun żdied b’aktar minn 10 %.
Għall-aġġornament intermedju, meta l-għoli tal-ħajja mkejjel bl-indiċijiet impliċiti jkun żdied b’aktar minn 6 %, l-aġġornament intermedju għandu jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru minflok fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Novembru meta l-għoli tal-ħajja mkejjel mill-indiċijiet impliċiti jkun żdied b’aktar minn 10 %.
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-RP, l-aġġornament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-proporzjonijiet bejn il-paritajiet ekonomiċi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 1 tal-Anness XI u r-rati tal-kambju speċifikati fl-Artikolu 63 tar-RP għall-pajjiżi relevanti.
Il-paritajiet ekonomiċi għar-remunerazzjoni jistabbilixxu l-ekwivalenzi tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjonijiet imħallsa fi Brussell, bħala l-belt ta’ referenza, ma’ dawk imħallsa fil-postijiet l-oħra tal-impjieg, ħlief fil-Lussemburgu, li għalih ma huwa applikabbli l-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni. Il-Eurostat jikkalkula dawk il-paritajiet bi qbil mal-korpi nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri.
Il-paritajiet ekonomiċi għall-pensjonijiet jistabbilixxu l-ekwivalenza tal-kapaċità tal-akkwist tal-pensjonijiet imħallsa fil-Belġju, bħala l-pajjiż ta’ referenza, ma’ dawk imħallsa fil-pajjiżi l-oħra ta’ residenza. Il-Eurostat jikkalkula dawn il-paritajiet bi qbil mal-korpi nazzjonali tal-istatistika. Skont l-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-RP, il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) japplikaw biss għall-parti tal-pensjoni li tikkorrispondi mad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Il-koeffiċjent korrettiv minimu applikabbli għall-pensjonijiet għandu jkun ta’ 100.
Skont l-Artikolu 17(3) tal-Anness VII tar-RP, il-ponderazzjonijiet speċifiċi (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) huma applikabbli għal ċerti trasferimenti li jsiru mill-uffiċjali u minn aġenti oħra.
3.3.Aġġornament tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(1) tal-Anness X tar-RP)
L-Artikoli 11, 12 u 13 tal-Anness X tar-RP jistabbilixxu dispożizzjonijiet fuq ħlas ta’ remunerazzjoni lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra li jaħdmu f’pajjiżi terzi. Ir-remunerazzjoni għandha titħallas f’euro fl-UE u għandha tkun soġġetta għall-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali impjegati fil-Belġju, madankollu fuq talba ta’ uffiċjal, din tista’ titħallas kollha kemm hi, jew parti minnha, fil-munita tal-pajjiż tal-impjieg. F’dak il-każ, din tkun soġġetta għall-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) għal dan il-post ta’ impjieg u tiġi kkonvertita abbażi tar-rata tal-kambju korrispondenti.
Sabiex jiġi żgurat sa fejn hu possibbli li l-uffiċjali, il-persunal temporanju u bil-kuntratt tal-Unjoni jibbenefikaw minn kapaċità tal-akkwist ekwivalenti jkun fejn ikun il-post tal-impjieg tagħhom, il-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) għandha tiġi aġġornata darba fis-sena skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness XI tar-RP. Fir-rigward tal-aġġornament, il-valuri kollha għandhom jinftiehmu bħala valuri ta’ referenza. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-valuri aġġornati fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament fis-serje C tal-ĠU tal-UE għal finijiet informattivi.
L-Eurostat jikkalkula l-paritajiet ekonomiċi biex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjonijiet imħallsa fi Brussell ma’ dawk imħallsa fil-postijiet l-oħra tal-impjieg f’pajjiżi terzi. Il-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) hija l-fattur li jinkiseb meta l-parità ekonomika tiġi diviża bir-rata tal-kambju. Ir-rati tal-kambju li jintużaw huma stabbiliti f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE u jikkorrispondu għad-data tal-applikazzjoni tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”).
3.4.Aġġornament intermedju tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE fl-UE (l-Artikolu 65(2) tar-RP)
L-Artikolu 65(2) jipprevedi li fil-każ ta’ tibdil sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, l-ammonti msemmija fl-Artikolu 65(1) u l-ponderazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 64 għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-Anness XI. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ammonti u l-ponderazzjonijiet aġġornati (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) fi żmien ġimagħtejn wara l-aġġornament fis-serje C tal-ĠU tal-UE għal skopijiet ta’ informazzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-Anness XI tar-RP, għandu jsir aġġornament intermedju tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar, fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja bejn Ġunju u Diċembru (b’referenza għal-limitu minimu tas-sensittività definit fl-Artikolu 6 tal-Anness XI tar-RP) filwaqt li ssir konċessjoni dovuta għat-tbassir tal-bidla fil-kapaċità tal-akkwist matul il-perjodu ta’ referenza annwali attwali. L-aġġornamenti intermedji għandhom jiġu kkunsidrati fl-aġġornament salarjali annwali.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tal-Anness XI tar-RP, għandu jsir aġġornament intermedju għall-postijiet kollha (inklużi Brussell u l-Lussemburgu) jekk il-limitu tas-sensittività jkun intlaħaq jew inqabeż fi Brussell u fil-Lussemburgu (kif imkejjel mill-Indiċi Konġunt bejn Ġunju u Diċembru). Jekk dak il-limitu tas-sensittività għal Brussell u għal-Lussemburgu ma jintlaħaqx, għandu jsir aġġornament intermedju biss għal dawk il-postijiet fejn ikun intlaħaq jew inqabeż il-limitu tas-sensittività.
F’konformità mal-Artikolu 7 tal-Anness XI tar-RP, l-ammont tal-aġġornament intermedju għandu jkun l-Indiċi Konġunt immultiplikat, fejn xieraq, b’nofs it-tbassir tal-Indikatur Speċifiku jekk dan ikun negattiv.
Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni huma l-proporzjon bejn il-parità ekonomika relevanti u r-rata tal-kambju pprovduta fl-Artikolu 63 tar-RP immultiplikat, jekk il-livell limitu tas-sensittività ma jkunx intlaħaq fil-Belġju u fil-Lussemburgu, bl-ammont tal-aġġornament.
3.5.Aġġornamenti interim tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(2) tal-Anness X tar-RP)
Wara l-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness X tar-RP (ara l-punt 3.3 hawn fuq), meta fil-każ ta’ pajjiż partikolari, il-varjazzjoni fl-għoli tal-ħajja mkejla abbażi tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) u r-rata tal-kambju korrispondenti tinstab li tkun qabżet il-5 % mill-aħħar aġġornament, għandu jsir aġġornament interim tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13(1) tal-Anness X tar-RP.
L-Eurostat jikkalkula l-paritajiet ekonomiċi biex tiġi stabbilita l-ekwivalenza tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjonijiet imħallsa fi Brussell ma’ dawk imħallsa fil-postijiet l-oħra tal-impjieg f’pajjiżi terzi. Il-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) hija l-fattur li jinkiseb meta l-parità ekonomika tiġi diviża bir-rata tal-kambju. Ir-rati tal-kambju li jintużaw huma stabbiliti f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE u jikkorrispondu għad-data tal-applikazzjoni tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”).
4.L-aġġornamenti tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-aġġornamenti tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE, li qed jiġu implimentati f’konformità mal-Anness XI tar-RP matul il-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar sal-1 ta’ Lulju 2025 u li se jsiru qabel tmiem l-2025. Dawn l-aġġornamenti, kif deskritti fid-dettall fil-punti 4.1 sa 4.4 ta’ dan il-kapitolu tar-rapport, huma bbażati fuq data statistika mħejjija mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) bi qbil mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri li tirrifletti l-qagħda tal-Istati Membri fl-1 ta’ Lulju 2025.
4.1.Aġġornament annwali tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE (l-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP)
F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-RP, l-Eurostat fassal rapport dwar il-bidliet fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-bidliet fil-kapaċità tal-akkwist fir-remunerazzjoni tas-servizzi ċivili nazzjonali, u l-paritajiet ekonomiċi li minnhom jirriżultaw id-diversi ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”).
Il-bidla medja fil-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjoni tal-impjegati taċ-ċivil nazzjonali fil-perjodu ta’ referenza mkejla mill-Indikatur Speċifiku hija ta’ 0,5 %.
Il-bidla fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu fil-perjodu ta’ referenza, kif imkejla mill-Indiċi Konġunt ikkalkulat mill-Eurostat hija ta’ 2,5 %.
Skont l-Artikolu 3(2) tal-Anness XI tar-RP, l-ammont tal-aġġustament jinkiseb permezz tal-multiplikazzjoni tal-Indikatur Speċifiku mal-Indiċi Konġunt ikkalkulat mill-Eurostat. Għalhekk, l-aġġornament ikkalkulat tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet fil-Belġju u fil-Lussemburgu huwa ta’ 3,0 %. Skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-RP, l-ebda ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) ma hija applikabbli fil-Belġju jew fil-Lussemburgu.
Fl-2025, ma ġie implimentat l-ebda aġġornament intermedju skont l-Artikolu 65(2) tar-RP.
Il-GSI (0,5 %) huwa taħt il-marġini stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-RP (limitu superjuri ta’ +2 % u limitu inferjuri ta’ -2 %). Għalhekk, il-klawżola ta’ moderazzjoni ma hijiex attivata.
Peress li l-evoluzzjoni mbassra tal-PDG f’termini reali hija pożittiva (+1,1 %), il-klawżola ta’ eċċezzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Anness XI tar-RP ma tapplikax.
Għalhekk, sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni se tippubblika fis-serje C tal-ĠU l-ammonti aġġornati msemmija fl-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2025 għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħrajn tal-Unjoni Ewropea, kif muri fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.
4.2.Aġġornament annwali tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikati għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE fl-UE (l-Artikolu 64, it-tieni paragrafu)
F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-RP, l-Eurostat fassal rapport dwar il-bidliet fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-bidliet fil-kapaċità tal-akkwist fir-remunerazzjoni tas-servizzi ċivili nazzjonali, u l-paritajiet ekonomiċi li minnhom jirriżultaw id-diversi ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”).
L-aġġornament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu jiġi kkalkulat billi l-aġġustament fil-Belġju u fil-Lussemburgu jiġi mmultiplikat bil-bidla fil-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) u fir-rata tal-kambju.
Il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni, għall-pensjonijiet u għat-trasferimenti ta’ parti mir-remunerazzjoni ġew ikkalkulati mill-Eurostat kif ġej.
4.2.1.Ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) għall-persunal barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu
L-Eurostat ikkalkula, bi qbil mal-korpi nazzjonali tal-istatistika, il-paritajiet ekonomiċi li jistabbilixxu l-ekwivalenza tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjoni mħallsa fi Brussell ma’ dik imħallsa fil-postijiet l-oħra tal-impjieg fl-1 ta’ Lulju 2025.
Il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra impjegati fl-Istati Membri minbarra l-Belġju u l-Lussemburgu huma ddeterminati mill-proporzjonijiet bejn dawn il-paritajiet ekonomiċi u r-rati tal-kambju applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2025.
Għalhekk, sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni se tippubblika fis-serje C tal-ĠU l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2025 għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif muri fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.
4.2.2.Ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) għall-pensjonijiet barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu u l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) għat-trasferimenti
L-Eurostat, bi qbil mal-korpi nazzjonali tal-istatistika, ikkalkula l-paritajiet ekonomiċi li jistabbilixxu l-ekwivalenza tal-kapaċità tal-akkwist tal-pensjonijiet mħallsa fil-Belġju ma’ dawk imħallsa fil-pajjiżi l-oħra ta’ residenza fl-1 ta’ Lulju 2025.
Il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) ikkalkulati għall-pensjonijiet ta’ individwi li jgħixu barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu fid-diversi pajjiżi huma ddeterminati mill-proporzjonijiet bejn dawn il-paritajiet ekonomiċi u r-rati tal-kambju applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2025. Skont l-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-RP, il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) japplikaw biss għall-parti tal-pensjoni li tikkorrispondi mad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004.
Skont l-Artikolu 17 tal-Anness VII tar-RP, dawn il-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) huma direttament applikabbli għat-trasferimenti li jsiru mill-uffiċjali u minn aġenti oħra.
Għalhekk, sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni se tippubblika fis-serje C tal-ĠU, il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2025 għall-pensjonijiet imħallsa barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu u l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) għat-trasferimenti tar-remunerazzjoni mill-uffiċjali u minn aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif muri fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.
4.3.Aġġornament annwali tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(1) tal-Anness X tar-RP)
L-istatistiki disponibbli għall-Kummissjoni kienu jinkludu lista ta’ 143 post ta’ impjieg. Madankollu, il-paritajiet ekonomiċi ma ġewx ippreżentati meta d-data ma kinitx disponibbli jew ma kinitx affidabbli minħabba instabbiltà lokali jew raġunijiet oħra.
Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni għall-postijiet tal-impjieg kollha barra mill-UE ġew ikkalkulati b’effett mill-1 ta’ Lulju 2025. L-aġġornament annwali jistabbilixxi l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) li jirriżultaw mill-paritajiet ikkomunikati mill-Eurostat għall-1 ta’ Lulju 2025.
Għalhekk, sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni se tippubblika fis-serje C tal-ĠU l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2025 għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi, kif muri fl-Anness III ta’ dan ir-rapport.
4.4.Aġġornamenti interim tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(2) tal-Anness X tar-RP)
4.4.1.Għall-perjodu Awwissu 2024 – Jannar 2025
L-istatistika disponibbli għall-Kummissjoni wriet li għal ċerti pajjiżi terzi, il-varjazzjoni fl-għoli tal-ħajja mkejla abbażi tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) u r-rata tal-kambju korrispondenti qabżet il-5 % minn mindu l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu f’pajjiżi terzi u pagabbli fil-munita tal-pajjiż tal-impjieg tagħhom ġew stabbiliti l-aħħar, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2024.
F’konformità mal-Artikolu 13, it-tieni paragrafu tal-Anness X tar-RP, f’każ li jkollu jsir aġġornament interim tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”), f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness XI tar-RP.
L-aġġornament interim stabbilixxa l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) li jirriżultaw mill-paritajiet ikkomunikati mill-Eurostat għall-1 ta’ Awwissu, l-1 ta’ Settembru, l-1 ta’ Ottubru, l-1 ta’ Novembru, l-1 ta’ Diċembru 2024 u l-1 ta’ Jannar 2025, rispettivament.
Għalhekk, fis-27 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat fis-serje C tal-ĠU sitt tabelli mensili li juru liema pajjiżi huma affettwati, il-ponderazzjonijiet rispettivi (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) u d-dati applikabbli għal kull wieħed, kif muri fl-Anness VI ta’ dan ir-rapport.
4.4.2.Għall-perjodu Frar 2025 – Ġunju 2025
L-istatistika disponibbli għall-Kummissjoni turi li għal ċerti pajjiżi terzi, il-varjazzjoni fl-għoli tal-ħajja mkejla abbażi tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”) u tar-rata tal-kambju korrispondenti qabżet il-5 % minn mindu l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi u pagabbli fil-munita tal-pajjiż ta’ impjieg tagħhom ġew stabbiliti l-aħħar.
F’konformità mal-Artikolu 13, it-tieni paragrafu tal-Anness X tar-RP, f’każ li jkollu jsir aġġornament interim tal-ponderazzjoni (“koeffiċjent tal-korrezzjoni”), f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness XI tar-RP.
L-aġġornament interim stabbilixxa l-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) li jirriżultaw mill-paritajiet ikkomunikati mill-Eurostat għall-1 ta’ Frar, l-1 ta’ Marzu, l-1 ta’ April, l-1 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2025, rispettivament.
Għalhekk, sa tmiem l-2025, il-Kummissjoni se tippubblika fis-serje C tal-ĠU ħames tabelli mensili li juru liema pajjiżi huma affettwati, il-ponderazzjonijiet rispettivi (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) u d-dati applikabbli għal kull wieħed, kif muri fl-Anness IV ta’ dan ir-rapport.
5.L-impatt baġitarju tal-aġġornamenti tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE u l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikati lilhom
Din it-taqsima tipprovdi stima dettaljata tal-impatt baġitarju tal-aġġornamenti li jaffettwaw ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-persunal tal-UE fl-2025.
5.1.Aġġornament annwali tal-2025 tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE (l-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP)
L-aġġornament annwali tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 65(1), it-tieni paragrafu tar-RP għandu impatt finanzjarju fuq il-linji baġitarji kollha relatati man-nefqa tal-persunal fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha soġġetti għar-RP.
F’miljuni ta’ EUR
|
|
Intestatura VII
|
Intestaturi oħrajn (I sa VI)
|
|
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
|
Impatt stmat fuq in-nefqiet
|
+ 138,9
|
+ 277,9
|
+ 277,6
|
+ 43,5
|
+ 87,0
|
+ 87,0
|
|
Impatt stmat fuq id-dħul
|
+ 23,1
|
+ 46,2
|
+ 46,2
|
+ 7,2
|
+ 14,4
|
+ 14,4
|
5.2.Aġġornament annwali tal-2025 tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE fl-UE (l-Artikolu 64, it-tieni paragrafu u l-Artikolu 20(1) tal-Anness XIII)
L-aġġornament annwali b’effett mill-1 ta’ Lulju 2025 tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-persunal tal-UE fl-Istati Membri barra minn Brussell u l-Lussemburgu għandu impatt finanzjarju fuq diversi linji baġitarji relatati man-nefqa tal-persunal.
F’miljuni ta’ EUR
|
|
Intestatura VII
|
Intestaturi oħrajn (I sa VI)
|
|
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
|
Impatt stmat fuq in-nefqiet
|
-0,3
|
-0,7
|
-0,7
|
+6,4
|
+12,9
|
+12,9
|
5.3.Aġġornament annwali tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(1) tal-Anness X tar-RP)
L-aġġornament annwali b’effett mill-1 ta’ Lulju 2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikati għar-remunerazzjoni tal-persunal tal-UE affettwat f’pajjiżi terzi għandu impatt finanzjarju fuq diversi linji baġitarji relatati man-nefqa tal-persunal fl-Intestatura VII.
F’miljuni ta’ EUR
|
|
Intestatura VII
|
|
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
|
Impatt stmat fuq in-nefqiet
|
-0,5
|
-1,0
|
-1,0
|
5.4.Aġġornamenti interim tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 13(2) tal-Anness X tar-RP)
5.4.1.Għall-perjodu Awwissu 2024 – Jannar 2025
L-aġġornament interim b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2024, l-1 ta’ Settembru 2024, l-1 ta’ Ottubru 2024, l-1 ta’ Novembru 2024, l-1 ta’ Diċembru 2024 u l-1 ta’ Jannar 2025 ta’ ċerti ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikati għar-remunerazzjoni tal-persunal tal-UE affettwat f’pajjiżi terzi għandu impatt finanzjarju fuq diversi linji baġitarji relatati man-nefqa tal-persunal fl-Intestatura VII.
F’miljuni ta’ EUR
|
|
Intestatura VII
|
|
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Snin sussegwenti
|
|
Impatt stmat fuq in-nefqiet
|
-0,04
|
-0,08
|
-0,08
|
5.4.2.Għall-perjodu Frar 2025 – Ġunju 2025
L-aġġornament interim b’effett mill-1 ta’ Frar 2025, l-1 ta’ Marzu 2025, l-1 ta’ April 2025, l-1 ta’ Mejju 2025 u l-1 ta’ Ġunju 2025 ta’ ċerti ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti ta’ korrezzjoni”) applikati għar-remunerazzjoni tal-persunal tal-UE affettwat f’pajjiżi terzi għandu impatt finanzjarju fuq diversi linji baġitarji relatati man-nefqa tal-persunal fl-Intestatura VII.
F’miljuni ta’ EUR
|
|
Intestatura VII
|
|
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Snin sussegwenti
|
|
Impatt stmat fuq in-nefqiet
|
-0,04
|
-0,04
|
-0,04
|
Annessi:
(1)L-Abbozz tal-Pubblikazzjoni fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – Aġġornament tal-2025 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-UE u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (valuri fl-1 ta’ Lulju 2025)
(2)L-Abbozz tal-Pubblikazzjoni fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – Aġġornament tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu f’pajjiżi terzi
(3)L-Abbozz tal-Pubblikazzjoni fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – Aġġornament interim tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (“koeffiċjenti tal-korrezzjoni”) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu f’pajjiżi terzi
(4)Pubblikazzjoni fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – Aġġornament interim tal-2025 tal-ponderazzjonijiet (koeffiċjenti tal-korrezzjoni) applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali, tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea li jservu f’Delegazzjonijiet extra-UE