European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5992

4.10.2024

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Applikazzjoni tal-Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

(C/2024/5992)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 3

2.

Prinċipji ta’ gwida 4

2.1.

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment liberu, il-libertà tal-għażla u n-nondiskriminazzjoni 4

2.1.1.

Prevenzjoni ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ prenotazzjoni minn jew imbarkazzjoni ta’ persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa 4

2.1.2.

Projbizzjoni kontra l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew tariffi speċjali għal persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex jivvjaġġaw 5

2.2.

Assistenza speċjali mingħajr ħlas 5

2.3.

Sikurezza tal-avjazzjoni 5

2.4.

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa 5

2.5.

Assistenza bla xkiel u ta’ kwalità għolja xierqa għall-ħtiġijiet partikolari ta’ kull passiġġier individwali. 6

2.6.

Għoti ta’ informazzjoni f’formati aċċessibbli 6

3.

Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 7

3.1.

Kamp ta’ applikazzjoni territorjali 7

3.2.

Kamp ta’ applikazzjoni personali 7

3.2.1.

Id-definizzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa 7

3.2.2.

Talba għal prova mingħand persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa dwar il-kundizzjoni medika tagħhom 8

3.2.3.

Fatturi li jistgħu jkunu kawża potenzjali ta’ mobbiltà mnaqqsa: 9

4.

Taħriġ 9

5.

Regoli applikabbli għat-tħejjija tal-vjaġġ 10

5.1.

L-aċċessibbiltà tas-siti web tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru u tas-servizzi bbażati fuq apparat mobbli inklużi l-applikazzjonijiet mobbli 10

5.2.

Informazzjoni dwar ir-regoli tas-sikurezza u r-restrizzjonijiet tal-linji tal-ajru relatati mat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa 11

5.3.

Prenotazzjoni 11

5.4.

Notifika minn qabel tal-ħtiġijiet ta’ assistenza 12

5.4.1.

Notifika minn qabel tal-ħtieġa għall-assistenza 12

5.4.2.

L-obbligu tat-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jiffaċilitaw in-notifika minn qabel u jittrażmettuha lill-atturi xierqa 13

5.5.

Rifjut ta’ prenotazzjoni jew imbarkazzjoni 14

5.6.

Rekwiżit għal persuna li takkumpanja li taġixxi bħala assistent tas-sikurezza 15

5.7.

Ivvjaġġar b’kelb tal-assistenza rikonoxxut 16

5.8.

Prenotazzjoni tas-sits 17

5.9.

Trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-ajruport u lit-trasportatur tal-ajru li jopera 17

6.

Assistenza fl-ajruport 18

6.1.

Ħatra ta’ punti ta’ laqgħa 18

6.2.

Min għandu jipprovdi assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruporti? 19

6.3.

Tariffa speċifika fuq l-utenti tal-ajruport għall-finanzjament tal-assistenza 19

6.4.

Għoti ta’ assistenza fl-ajruport() 21

6.5.

Standards ta’ kwalità tal-ajruporti 24

6.6.

Obbligu tat-trasportaturi tal-ajru li jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa f’każ ta’ dewmien u ta’ kanċellazzjonijiet 25

6.7.

Saħħa u sikurezza tal-persunal ta’ assistenza 25

7.

Rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier b’diżabbiltà jew passiġġier b’mobbiltà mnaqqsa u li l-imbark isir bil-kundizzjoni li tali passiġġieri jivvjaġġaw ma’ assistent tas-sikurezza 26

8.

Assistenza pprovduta mit-trasportatur tal-ajru 26

8.1.

Ġarr ta’ klieb ta’ assistenza rikonoxxuti fil-kabina 26

8.2.

Trasport ta’ tagħmir ta’ mobbiltà 27

8.3.

Trasport ta’ tagħmir mediku 27

8.4.

Sits li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa() 28

8.5.

Sits tal-persuni li jakkumpanjaw persuna b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa 28

8.6.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali dwar titjira 29

8.7.

Assistenza fil-moviment lejn faċilitajiet sanitarji 29

9.

Telf jew ħsara lit-tagħmir ta’ mobbiltà 29

10.

Ilmenti 30

11.

Ir-rwol tal-NEBs: monitoraġġ u infurzar tal-konformità 31

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2006. Dan sar applikabbli b’mod sħiħ fis-26 ta’ Lulju 2008  (2).

L-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3) jirrikonoxxu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà għan-nondiskriminazzjoni, l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità. L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà jħaddan il-prinċipju tal-aċċessibbiltà u jirrikjedi li l-Istati partijiet jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jaċċessaw, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku, inkluż it-trasport (4). Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 għandu rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali minħabba li jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bl-ajru; u jiżgura li jirċievu l-assistenza li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw fuq bażi ugwali ma’ ċittadini oħra.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ġab miegħu vantaġġi inkontestabbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Madankollu, xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu ġew interpretati u applikati b’mod differenti mill-korpi nazzjonali tal-infurzar (NEBs, National Enforcement Bodies) li jittrattaw l-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru. Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel edizzjoni tal-linji gwida interpretattivi tagħha fl-2012 (5) biex tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-NEBs, it-trasportaturi tal-ajru, l-ajruporti, il-passiġġieri u l-assoċjazzjonijiet tagħhom qajmu mistoqsijiet li mhumiex koperti mil-linji gwida interpretattivi tal-2012. L-evalwazzjoni riċenti tal-Kummissjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 fl-2021 ikkonkludiet ukoll li hemm bżonn li jiġu interpretati dispożizzjonijiet li ma kinux koperti mil-linji gwida interpretattivi tal-2012 (6).

Minbarra l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006, ġew adottati diversi standards u rakkomandazzjonijiet fil-qasam mill-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC, European Civil Aviation Conference) (7). B’mod partikolari, it-Taqsima 5 tad-Dikjarazzjoni ta’ Politika tal-ECAC fil-Qasam tal-Faċilitazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili fiha gwida dwar il-faċilitazzjoni tat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa (8) L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jispeċifika li, meta jistabbilixxu l-istandards tal-kwalità tagħhom, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruport għandhom iqisu l-Kodiċi ta’ Kondotta Tajba tal-ECAC fis-Servizzi fuq l-Art għal Persuni b’Mobbiltà Mnaqqsa, li huwa wieħed mill-annessi tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC. Barra minn hekk, il-premessa 10 fil-preambolu tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tiddikjara li, meta jorganizzaw assistenza lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa u t-taħriġ tal-persunal tagħhom, l-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jqisut-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECACfiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Parti oħra mil-leġiżlazzjoni addizzjonali tal-UE li tagħti drittijiet lil persuni b’diżabbiltà u li hija rilevanti fil-kuntest tat-trasport bl-ajru hija d-Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (9) (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà), li tistabbilixxi rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fir-rigward ta’ prodotti u servizzi ewlenin. Ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stipulati fid-Direttiva (UE) 2019/882 jikkomplementaw ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Dawn il-linji gwida interpretattivi għandhom l-għan li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u li jippromwovu l-aħjar prattiki sabiex jiżguraw applikazzjoni aħjar u infurzar aktar effettiv u konsistenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Madankollu, dawn il-linji gwida interpretattivi mhumiex maħsuba biex ikopru d-dispożizzjonijiet kollha b’mod eżawrjenti u ma joħolqux dispożizzjonijiet legali ġodda. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-linji gwida interpretattivi mhumiex legalment vinkolanti, u ma jaffettwaw l-ebda interpretazzjoni tad-dritt tal-UE pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-linji gwida interpretattivi jissostitwixxu l-linji gwida interpretattivi tal-2012.

2.   PRINĊIPJI TA’ GWIDA

2.1.   Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment liberu, il-libertà tal-għażla u n-nondiskriminazzjoni

Il-premessa 1 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tiddikjara li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħal kull ċittadin ieħor għal moviment liberu, għal-libertà tal-għażla u għan-non-diskriminazzjoni; u li dak id-dritt japplika għall-ivvjaġġar bl-ajru bħal f’oqsma oħra tal-ħajja.

2.1.1.    Prevenzjoni ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ prenotazzjoni minn jew imbarkazzjoni ta’ persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jistipula li trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku ma għandux jirrifjuta prenotazzjoni għal titjira jew li jimbarka persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa minħabba d-diżabbiltà tagħhom jew minħabba l-mobbiltà mnaqqsa tagħhom.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jipprevedi żewġ derogi mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament:

(i)

meta ma jkunx possibbli li l-persuna kkonċernata tiġi ttrasportata f’konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-UE (10) jew nazzjonali, jew mill-awtorità li tkun ħarġet iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tat-trasportatur tal-ajru;

(ii)

meta d-daqs tal-inġenju tal-ajru jew tal-bibien tiegħu jagħmel l-imbark jew il-ġarr ta’ dik il-persuna fiżikament impossibbli.

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti u l-operaturi turistiċi tagħhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku r-regoli tas-sikurezza li japplikaw għall-ġarr tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Dawn ir-regoli jenħtieġ li ikunu sempliċi, ċari u faċli biex jinstabu (11).

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li, jekk it-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti jew l-operaturi turistiċi tagħhom jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni mingħand jew li jimbarkaw persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, dawn għandhom jinfurmawhom dwar ir-raġunijiet speċifiċi għar-rifjut. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq waħda miż-żewġ derogi stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament. Jekk rifjut ikun ibbażat fuq deroga stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku huwa meħtieġ mill-Artikolu 4(1) li jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jipproponi alternattiva aċċettabbli għall-persuna inkwistjoni.

L-Artikolu 10, flimkien mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, jobbliga lit-trasportaturi tal-ajru jittrasportaw it-tagħmir ta’ mobbiltà tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Ir-rifjut li jiġi ttrasportat it-tagħmir ta’ mobbiltà spiss ikollu konsegwenzi komparabbli mal-konsegwenzi tar-rifjut tat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Huma biss ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 relatati mad-daqs tal-inġenju tal-ajru u l-bibien tiegħu u r-regoli applikabbli għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi bl-ajru u l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni li jistgħu jiġu invokati biex jiġġustifikaw rifjut tat-trasport ta’ tagħmir ta’ mobbiltà.

2.1.2.    Projbizzjoni kontra l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew tariffi speċjali għal persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex jivvjaġġaw

Il-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni minqux fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jipprevjeni lit-trasportaturi milli jimponu kundizzjonijiet speċjali għall-ivvjaġġar għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Konsegwentement, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jirrikjedu biss li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu akkumpanjati minn persuna oħra jekk ikollhom bżonn assistenza biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli.

2.2.   Assistenza speċjali mingħajr ħlas

Sabiex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru komparabbli mal-opportunitajiet disponibbli għal ċittadini oħra, huma jenħtieġ li jirċievu assistenza biex jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom fl-ajruport kif ukoll abbord l-inġenju tal-ajru (12). Fl-interess tal-inklużjoni soċjali, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jridu jirċievu tali assistenza mingħajr ebda ħlas addizzjonali, skont l-Artikoli 8(1) u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Għaldaqstant, it-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom, l-aġenti tal-ivvjaġġar, l-operaturi turistiċi u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti ma jistgħux japplikaw tariffa addizzjonali għal persuna b’diżabbiltà jew għal persuna b’mobbiltà mnaqqsa għall-assistenza fl-ajruport jew abbord inġenju tal-ajru.

2.3.   Sikurezza tal-avjazzjoni

Il-prinċipju fundamentali tas-sikurezza tal-avjazzjoni għall-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ kollha għandu jiġi osservat u ma jistax jiġi kompromess. Madankollu, jenħtieġ li jiġi żgurat li dan il-prinċipju jiġi implimentat, kull fejn ikun possibbli, b’mod li jqis il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u d-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għat-trasport fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; u dan ma għandux impatt sproporzjonat fuq il-kapaċità tagħhom li jivvjaġġaw Ir-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu applikati b’mod trasparenti u konsistenti.

2.4.   Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa ġeneralment ikunu jafu l-aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom meta jivvjaġġaw. Għalhekk, hija prattika tajba għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru li jistabbilixxu djalogu permanenti mal-organizzazzjonijiet tar-rappreżentanti tagħhom sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-mobbiltà tagħhom.

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 imsemmija hawn taħt jirrikjedu b’mod espliċitu li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa:

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jaħtru punti tal-wasla u tat-tluq li fihom il-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu, bil-faċilità, iħabbru l-wasla tagħhom fl-ajruport u jitolbu l-assistenza.

F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, meta l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jadottaw standards ta’ kwalità għall-assistenza, dawn iridu jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (fost korpi oħra).

L-Anness 5-D tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC jiddikjara li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jiżviluppaw il-programmi, il-politiki u l-proċeduri ta’ taħriġ tagħhom.

Meta t-trasportaturi tal-ajru u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jikkonsultaw ma’ organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa, huwa preferibbli li jkun hemm involviment ma’ organizzazzjonijiet differenti li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ diżabbiltajiet u tnaqqis fil-mobbiltà.

Huwa rakkomandabbli li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru jinvolvu wkoll lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jfasslu u jevalwaw is-servizzi, inkluż l-għoti ta’ assistenza, il-faċilitajiet u t-tagħmir.

2.5.   Assistenza bla xkiel u ta’ kwalità għolja xierqa għall-ħtiġijiet partikolari ta’ kull passiġġier individwali

L-assistenza pprovduta għandha tkun, sa fejn ikun possibbli, xierqa għall-ħtiġijiet partikolari tal-passiġġier individwali skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

B’mod partikolari, l-għoti ta’ siġġu tar-roti b’assistent lill-persuni kollha b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa huwa approċċ simplifikat li jinjora d-diversità tal-ħtieġa. Dan jista’ pereżempju jinkludi l-għoti ta’ gwida għall-passiġġieri neqsin mid-dawl, u l-għoti ta’ informazzjoni essenzjali f’format aċċessibbli għall-passiġġieri b’indebboliment fis-smigħ. L-assistenza jenħtieġ li tiġi organizzata b’tali mod li jiġu evitati l-interruzzjoni u d-dewmien, filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin u ekwivalenti fl-UE kollha (13). Dan jenħtieġ li jinftiehem bħala l-għoti ta’ assistenza li hija adegwata, komda, sikura u bla xkiel. It-trasferimenti minn fornitur ta’ assistenza għal ieħor jenħtieġ li għalhekk jiġu evitati kemm jista’ jkun, minħabba li trasferimenti bħal dawn spiss jikkawżaw dewmien u jġiegħlu lill-passiġġieri jistennew għal assistenti ġodda. Il-passiġġier assistit jenħtieġ li qatt ma jitħalla l-art, mingħajr assistenza jew waħdu (14), sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-passiġġier.

2.6.   Għoti ta’ informazzjoni f’formati aċċessibbli

It-trasportaturi tal-ajru u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni essenzjali kollha lill-passiġġieri tal-ajru f’formati alternattivi li jkunu aċċessibbli wkoll għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. L-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri jenħtieġ li tkun aċċessibbli b’mod awtomatiku għall-persuni b’diżabbiltà (speċjalment fir-rigward tal-apps tas-siti web, il-magni tal-biljetti u l-help desks) u, b’effett mit-28 ta’ Ġunju 2025, jenħtieġ li tiġi allinjata mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882.

“Formati alternattivi” tfisser li l-informazzjoni tingħata f’formati differenti fl-istess ħin, biex tkun aċċessibbli għal kulħadd (pereżempju, jekk l-informazzjoni tingħata kemm fuq skrin kif ukoll permezz ta’ mezzi akustiċi, tkun aċċessibbli kemm għall-passiġġieri neqsin mid-dawl kif ukoll għal dawk neqsin mis-smigħ). Il-formati aċċessibbli jinkludu, iżda mhumiex limitati għal: stampar kbir; il-verżjoni Braille; karattri mqabbża mgħollija; verżjonijiet faċli biex jinqraw; formati tal-awdjo bħal siti web; applikazzjonijiet tal-mobile; format vidjo (mgħammar b’sottotitoli u interpretazzjoni internazzjonali u nazzjonali tal-lingwa tas-sinjali) u format elettroniku ieħor. Il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil persuni b’indebboliment fis-smigħ tista’ tiġi ffaċilitata bl-użu ta’ telecoils, kif ukoll informazzjoni viżwali (eż. pittogrammi). Pereżempju, l-informazzjoni pprovduta tista’ tintwera fuq l-iskrins. Hija prattika tajba li jkun hemm persunal tal-ajruport fluwenti fil-lingwi tas-sinjali nazzjonali u internazzjonali matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport. L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-inqas bl-istess lingwi bħall-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ passiġġieri oħra (15).

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru u l-aġenti tagħhom iridu jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli dawk ir-regoli tas-sikurezza tagħhom li huma applikabbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni fuq il-ġarr tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tkun aċċessibbli, ċara u faċli biex tinstab (tal-inqas fuq is-siti web tat-trasportaturi tal-ajru u tal-aġenti tagħhom).

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru huma meħtieġa wkoll jikkomunikaw l-informazzjoni essenzjali kollha dwar titjira f’formati aċċessibbli.

Skont l-Artikolu 5(2) u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma meħtieġa jipprovdu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa bl-informazzjoni bażika dwar l-ajruport li jeħtieġu sabiex jitilgħu abbord it-titjiriet fil-punti deżinjati tal-wasla u tat-tluq tal-ajruporti f’formati aċċessibbli.

Skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti għandhom jipprovdu f’formati aċċessibbli l-informazzjoni li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jeħtieġu biex jitilgħu abbord it-titjira.

Mit-28 ta’ Ġunju 2025, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru se jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar it-trasport (inkluża informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali) f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882. Dan l-obbligu japplika wkoll għal siti web, servizzi bbażati fuq apparat mobbli, biljetti intelliġenti, terminals self-service u magni tal-biljetti.

3.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1107/2006

3.1.   Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li dan japplika għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li qed jużaw jew li beħsiebhom jużaw servizzi kummerċjali bl-ajru tal-passiġġieri mat-tluq minn ajruport, mat-tranżitu minnu jew mal-wasla fih, meta l-ajruport ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat (16).

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 3, 4 u 10 tar-Regolament għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u li jaslu f’ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, jekk it-trasportatur li jopera jkun trasportatur tal-ajru tal-UE. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ma japplikax għal titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru mhux tal-UE (jiġifieri trasportaturi tal-ajru li ma għandhomx liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru tal-UE) li jivvjaġġaw minn ajruport ta’ pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju tal-UE.

3.2.   Kamp ta’ applikazzjoni personali

3.2.1.    Id-definizzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa

L-Artikolu 2(a), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddefinixxi “persuna b’diżabbiltà” jew “persuna b’mobbiltà mnaqqsa” bħala “kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta din tuża t-trasport, tkun imnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intelletwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabbiltà, jew età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni adegwata u l-adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizz magħmul disponibbli għall-passiġġieri kollha”.

Il-persuni b’diżabbiltà mhumiex grupp omoġenju u għandhom ħtiġijiet differenti. Xi wħud jista’ jkollhom aktar minn diżabbiltà waħda. Xi diżabbiltajiet huma viżibbli, iżda ħafna diżabbiltajiet huma moħbija u mhux immedjatament evidenti għal oħrajn (eż., xi kundizzjonijiet newroloġiċi konjittivi u mard kroniku) (17). Diversi ajruporti implimentaw il-prattika tajba li jagħtu lill-persuni b’diżabbiltajiet moħbija l-għażla li jidentifikaw lilhom infushom bħala li jeħtieġu assistenza billi jilbsu lanyards, brazzuletti jew oġġetti simili li jkunu mfassla kif xieraq.

Għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, id-diżabbiltajiet jistgħu jkunu permanenti jew xi drabi temporanji biss (eż., riġlejn miksura). Is-sintomi ta’ diżabbiltà jistgħu jkunu intermittenti, b’tali mod li l-persuni jkunu effettivament inkapaċitati jew ikollhom mobbiltà mnaqqsa f’ċerti ħinijiet iżda jkunu perfettament kapaċi fi żminijiet oħra.

Id-daqs u l-kumplessità dejjem akbar tal-ajruporti u ż-żmien limitat disponibbli biex wieħed jasal f’bieb tat-tluq jistgħu jwasslu biex persuni awtodipendenti jitolbu assistenza. Filwaqt li jista’ jkun li ma jkollhomx bżonn assistenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, jistgħu ma jkunux jistgħu jimxu distanzi twal fl-ajruporti fi żmien limitat.

Huwa għalhekk rakkomandabbli li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jużaw disinn tal-ajruport faċli għall-utent, faċli biex wieħed jinnavigah, u b’sinjali ċari u mhux ambigwi; biex jiġu minimizzati l-mixjiet twal); u li l-passiġġieri jiġu infurmati dwar kwalunkwe dettall importanti tat-titjiriet tagħhom u l-bidliet f’dawk id-dettalji (eż. il-bieb tat-tluq), hekk kif tali informazzjoni ssir disponibbli.

Meta persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa jfittxu assistenza, kull talba jenħtieġ li tiġi evalwata fuq il-merti rispettivi tagħha sabiex jiġi żgurat li l-assistenza tkun proporzjonata għall-ħtiġijiet attwali tal-persuna kkonċernata fl-ambjent speċifiku (tal-ajruport jew tal-inġenju tal-ajru) u l-kundizzjonijiet tat-titjir, iżda jkun hemm aspettattiva li l-assistenza se tingħata mingħajr restrizzjonijiet żejda. Ta’ min jenfasizza f’dan il-kuntest li xi passiġġieri jistgħu jeħtieġu assistenza fl-ajruport innifsu biss (jew anke f’ċerti ajruporti biss, skont id-daqs u l-karatteristiċi speċifiċi tal-ajruport) iżda mhux abbord l-inġenju tal-ajru.

Dan ifisser li, jekk trasportatur tal-ajru jillimita l-għadd ta’ passiġġieri b’diżabbiltà abbord sabiex jikkonforma mar-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni, huwa jista’ japplika biss tali limitazzjonijiet għall-passiġġieri li jeħtieġu l-assistenza abbord u mhux għal dawk il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jeħtieġu l-assistenza biss fl-ajruport sabiex jaslu sal-bieb tat-tluq u, wara l-wasla, jitilqu mill-ajruport.

3.2.2.    Talba għal prova mingħand persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa dwar il-kundizzjoni medika tagħhom

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ma jirrikjedix li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jipprovdu evidenza tal-kundizzjoni tagħhom sabiex jiġġustifikaw it-talba tagħhom għall-assistenza. Għalhekk, it-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux jitolbu tali evidenza bħala prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza.

Madankollu, tista’ titwettaq inkjesta speċjali fil-fond jekk trasportatur tal-ajru jewl-aġent tiegħu, operatur turistiku, korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jew kumpanija li tipprovdi assistenza speċjali f’isem korp li jmexxi ajruport ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta abbuż potenzjali minn passiġġier sabiex jibbenefika minn assistenza mingħajr ħlas. Tali inkjesta jenħtieġ li tiġi ttrattata bl-akbar attenzjoni u kawtela, filwaqt li jitqiesu d-dinjità u d-dritt għall-privatezza tal-passiġġier ikkonċernat. L-assistenza tista’ tiġi rrifjutata jekk jinstab xi abbuż.

Jekk passiġġier ikollu kundizzjoni medika li thedded it-trasport sikur tiegħu jew is-saħħa ta’ passiġġieri oħra u l-ekwipaġġ (18), it-trasportatur tal-ajru, l-aġent tiegħu jew l-operatur turistiku jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni medika biex jaċċertaw li l-passiġġier huwa kapaċi jtir. Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru li jaċċettaw “kards tal-approvazzjoni medika ta’ vjaġġaturi frekwenti”, li fihom tabib jiddikjara li passiġġier b’kundizzjoni kronika jkun kapaċi jtir, ma jkunx hemm bżonn li tinkiseb awtorizzazzjoni medika għal kull vjaġġ fil-perjodu ta’ validità tal-karta (19).

Jekk jiġi stabbilit li persuna mhijiex f’kundizzjoni medika tajba biex ittir (jew minħabba li hemm riskju li t-trasport ma jistax isir b’mod sikur jew minħabba li jista’ jipperikola s-sikurezza tat-titjira), it-trasportatur tal-ajru huwa awtorizzat li jirrifjuta t-trasport ta’ dik il-persuna (20).

L-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jipprevedi wkoll li huwa permissibbli għal-linji tal-ajru li jirrifjutaw it-trasport ta’ persuni li mhumiex f’kundizzjoni medika tajba biex itiru. Għalhekk id-drittijiet tal-passiġġieri relatati maċ-ċaħda tal-imbark skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikawx għal persuna li tiġi rrifjutata l-imbark għal raġunijiet raġonevoli (inkluż meta r-raġuni għar-rifjut kienet li l-persuna tqieset f’kundizzjoni medika ħażina biex ittir).

3.2.3.    Fatturi li jistgħu jkunu kawża potenzjali ta’ mobbiltà mnaqqsa

3.2.3.1.   L-età

L-indebolimenti marbuta max-xjuħija jistgħu jirriżultaw f’mobbiltà mnaqqsa akbar mill-passiġġier medju. Fejn meħtieġ, tali mobbiltà mnaqqsa għandha tiġi indirizzata billi tiġi pprovduta assistenza xierqa.

Diversi trasportaturi tal-ajru jipprovdu servizz minorenni mhux akkumpanjat li jippermetti lit-tfal jivvjaġġaw waħedhom mingħajr adult, qarib jew tutur taħt is-superviżjoni tal-persunal tal-linja tal-ajru. Tali minorenni mhux akkumpanjati mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-assistenza għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa ma tistax tkun sostitut għas-servizz tal-minorenni mhux akkumpanjati.

Sitwazzjonijiet li jinvolvu adulti li jivvjaġġaw ma’ tfal żgħar (b’mod partikolari trabi) li l-età tagħhom tista’ tillimita l-mobbiltà tagħhom fl-ajruport (eż., jistgħu ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ distanzi twal f’ajruporti kbar fi żmien qasir jew jimmaniġġjaw taraġ fin-nuqqas ta’ liftijiet) jenħtieġ li ma jiġux esklużi mill-għoti ta’ assistenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, tista’ tingħata assistenza biex iġorru l-bagalji tagħhom fl-ajruport, sabiex l-adult li jakkumpanjahom ikun jista’ jiffoka fuq l-assistenza lit-tfal iż-żgħar fil-mobbiltà tagħhom.

3.2.3.2.   It-tqala

It-trasportaturi tal-ajru ma għandhom l-ebda obbligu li jġorru passiġġieri tqal meta raġunijiet ta’ saħħa jew sikurezza jistgħu ma jħalluhomx itiru. Madankollu, meta tiġi affettwata l-mobbiltà ta’ passiġġier fi tqala (eż., fir-rigward tal-kapaċità li jiċċaqlaq malajr u faċilment minn ajruport kbir) u speċjalment fil-punti ta’ konnessjoni, dan jista’ jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

3.2.3.3.   Persuni obeżi

Jekk il-kundizzjoni tal-persuni obeżi tnaqqas b’mod ċar il-mobbiltà tagħhom (eż. billi ma jitħallewx jgħaddu faċilment mill-ajruport jew l-ambjent tal-inġenju tal-ajru), dawn jistgħu jitqiesu bħala persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Fir-rigward ta’ kwalunkwe kategorija oħra ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa, ir-rekwiżiti tas-sikurezza jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-ivvjaġġar bl-ajru għall-persuni obeżi (eż., minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sits bilqiegħda xierqa, kemm fir-rigward tad-daqs jew tar-robustezza tas-sit innifsu jew taċ-ċinturin tas-sikurezza).

4.   TAĦRIĠ

It-taħriġ huwa element importanti fl-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Il-persunal tat-trasportaturi tal-ajru u tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti, (inkluż kwalunkwe sottokuntrattur li jaħdem f’isimhom) li jittrattaw direttament mal-pubbliku li jivvjaġġa għandu jirċievi livell xieraq ta’ taħriġ.

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jqisu t-Taqsima 5, Parti I tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC meta jorganizzaw it-taħriġ tal-persunal tagħhom (22).

It-taħriġ jenħtieġ li jitfassal skont ir-rekwiżiti partikolari tax-xogħol u jeħtieġ li jqis id-dmirijiet legali rilevanti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jew f’leġiżlazzjoni internazzjonali, tal-UE jew nazzjonali oħra.

Hemm tliet livelli ta’ obbligi ta’ taħriġ, f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(a)

il-persunal li jaħdem f’isem il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru (inkluż dawk impjegati mis-sottokuntratturi), li jipprovdu assistenza diretta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jrid jirċievi taħriġ li jagħtihom għarfien speċifiku u effettiv dwar kif jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawn il-passiġġieri (23).

(b)

il-persunal li jaħdem f’isem il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew it-trasportaturi tal-ajru fl-ajruport, li jkollu kuntatt dirett mal-pubbliku ġenerali li jkun qed jivvjaġġa jrid jirċievi taħriġ dwar l-ugwaljanza tad-diżabbiltà u l-għarfien dwar id-diżabbiltà (24). Dan l-obbligu ta’ taħriġ huwa inqas eżiġenti, u l-livell ta’ taħriġ huwa aktar ġenerali mit-taħriġ għall-persunal (fil-paragrafu preċedenti) li jipprovdi assistenza diretta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Madankollu, dan japplika għal grupp akbar ta’ persunal.

(c)

l-impjegati l-ġodda kollha tat-trasportaturi tal-ajru, u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti (inklużi dawk li ma jaħdmux f’kuntatt dirett mal-pubbliku li jivvjaġġa) (25) iridu jirċievu taħriġ relatat mad-diżabbiltà. Il-livell u l-intensità tat-taħriġ jenħtieġ li jiddependu fuq jekk il-persunal ikollux kuntatt dirett mal-pubbliku li jivvjaġġa. Jekk ma jkunx hemm tali rabta, it-taħriġ jista’ jkun l-inqas eżiġenti u l-aktar ġenerali mit-tliet tipi ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru jridu jiżguraw li l-persunal kollu tagħhom regolarment jirċievi korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament.

Il-persunal kollu involut fit-trasport bl-ajru jenħtieġ li jirċievi taħriġ xieraq. Pereżempju, l-aġenti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jirċievu taħriġ sabiex jifhmu l-ħtiġijiet u t-tip ta’ assistenza meħtieġa mill-kategoriji differenti ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Bl-istess mod, il-persunal tas-sigurtà jenħtieġ li jirċievi taħriġ sabiex iwettaq kontrolli tas-sigurtà bl-akbar rispett għad-dinjità tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar il-kontenut tal-programmi ta’ taħriġ. L-operaturi tal-ajruporti u tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jikkunsidraw li jinvolvu lil dawk l-organizzazzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-kontenut tal-programmi ta’ taħriġ tagħhom u, meta possibbli, fl-għoti tat-taħriġ innifsu (26).

Id-Dok Nru 30, il-Parti I, it-Taqsima 5 tal-ECAC fih linji gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-kontenut u l-organizzazzjoni tal-programmi differenti ta’ taħriġ (27) li t-trasportaturi tal-ajru u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li jqisu meta jifformulaw il-programmi ta’ taħriġ tagħhom (28).

5.   REGOLI APPLIKABBLI GĦAT-TĦEJJIJA TAL-VJAĠĠ

5.1.   L-aċċessibbiltà tas-siti web tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru u tas-servizzi bbażati fuq apparat mobbli inklużi l-applikazzjonijiet mobbli

Is-siti web u s-servizzi bbażati fuq l-apparat mobbli (inklużi l-applikazzjonijiet mobbli tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru) għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta’ informazzjoni lill-klijenti meta jibbukkjaw il-biljetti tal-ajru u jinnotifikaw il-ħtiġijiet ta’ assistenza. It-tfassil ta’ tali siti web aċċessibbli jenħtieġ li dejjem iqis il-linji gwida internazzjonali eżistenti (29) u l-istandards tal-UE (30) biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. L-Anness 5-J tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC, jiddeskrivi fid-dettall l-istandards li l-ajruporti u t-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jsegwu sabiex jagħmlu s-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Tali standards jispeċifikaw b’mod partikolari li l-informazzjoni għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li tkun faċli biex tinstab u fuq paġna waħda li ma tkunx aktar minn klikk wieħed lil hinn mill-paġna ewlenija tas-sit web ta’ trasportatur tal-ajru jew ta’ ajruport. Mit-28 ta’ Ġunju 2025, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru se jkunu meħtieġa jagħmlu s-siti web u s-servizzi bbażati fuq apparat mobbli tagħhom (inklużi applikazzjonijiet mobbli) aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fuq bażi ugwali mal-passiġġieri l-oħra kollha – f’konformità mal-Artikolu 2(2)(c)(i) u (ii) tad-Direttiva (UE) 2019/882.

5.2.   Informazzjoni dwar ir-regoli tas-sikurezza u r-restrizzjonijiet tal-linji tal-ajru relatati mat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu “għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, f’format aċċessibbli u għall-inqas bl-istess lingwi bħal dawk li fihom l-informazzjoni tkun disponibbli għal passiġġiera oħra, ir-regoli ta’ sikurezza li huma japplikaw għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll kull restrizzjoni fuq it-trasport tagħhom jew fuq dak ta’ tagħmir ta’ mobbiltà minħabba d-daqs tal-inġenju tal-ajru”. Madankollu, operatur turistiku “għandu jagħmel tali regoli ta’ sikurezza u restrizzjonijiet disponibbli għal titjiriet inklużi fil-vjaġġi kollox kompriż, vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li jorganizza, ibigħ jew joffri għall-bejgħ”.

Tali informazzjoni jenħtieġ li bħala minimu (31) tinkludi: kwalunkwe limitazzjoni relatata mar-rekwiżiti jew il-limitazzjonijiet tas-sikurezza minħabba d-daqs tal-inġenju tal-ajru; sitwazzjonijiet fejn persuna li takkumpanja tkun meħtieġa tipprovdi assistenza ta’ sikurezza; kwalunkwe nuqqas ta’ toilets aċċessibbli; kwalunkwe nuqqas ta’ armrest mobbli fis-sit l-aktar viċin il-kuritur tal-ajruplan; id-dimensjonijiet tas-sit u d-daqs tal-kuritur tal-ajruplan relatati mar-rekwiżiti tas-sikurezza jew id-daqs tal-inġenju tal-ajru; informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà ġewwa l-inġenju tal-ajru; jekk il-linja tal-ajru għandhiex siġġijiet tar-roti abbord biex wieħed jaċċessa t-toilets; informazzjoni dwar it-trasport ta’ tagħmir mediku u klieb ta’ assistenza rikonoxxuti; informazzjoni dwar il-forniment ta’ ossiġenu mediku; kif tikseb l-għajnuna; u kif tilmenta. Il-lingwa jenħtieġ li tkun sempliċi u ċara. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli faċilment fuq il-paġna ewlenija tagħhom u permezz tas-servizz tal-klijenti tagħhom, sabiex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jivvjaġġawx fuq titjira speċifika abbażi tal-proċeduri tas-sikurezza u tal-assistenza pprovduta abbord.

Kull fejn ikun possibbli, tali informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-passiġġieri qabel ma jagħmlu prenotazzjoni, jew mill-inqas hekk kif l-informazzjoni ssir disponibbli.

5.3.   Prenotazzjoni

Sabiex tiġi żgurata notifika minn qabel aħjar lit-trasportaturi tal-ajru dwar il-ħtieġa ta’ assistenza tagħhom (inkluż permezz tal-aġenti u l-operaturi turistiċi tagħhom) u biex ikun hemm aċċessibbiltà massima għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, il-klijenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu prenotazzjonijiet bit-telefon jew bl-internet. It-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jħeġġu lill-klijenti biex jibbukkjaw esklussivament fuq sit web jenħtieġ li jagħmlu konċessjoni għall-fatt li xi persuni jistgħu ma jkunux jistgħu jaċċessaw is-siti web tagħhom għal raġunijiet relatati mad-diżabbiltà tagħhom (32).

Il-persuni li jibbukkjaw il-biljetti tagħhom permezz ta’ siti web jistgħu madankollu jippreferu jispjegaw l-assistenza meħtieġa mill-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom bit-telefon. Dan jippermetti lill-aġenti tal-prenotazzjoni jistaqsu mistoqsijiet rilevanti u jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ assistenza tal-klijent. Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru li jistabbilixxu linji telefoniċi ddedikati mingħajr ħlas (inklużi servizzi ta’ trażmissjoni bil-vidjo bil-lingwa tas-sinjali nazzjonali) u li jkollhom tim li jispeċjalizza fit-trattament ta’ kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà għat-talbiet għall-assistenza. Qabel ma jaċċettaw prenotazzjonijiet minn persuni b’diżabbiltà jew minn persuni b’mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti u l-operaturi turistiċi tagħhom jenħtieġ li jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jivverifikaw jekk hemmx raġuni ta’ sikurezza għaliex tali persuni ma jistgħux jitilgħu abbord it-titjira kkonċernata (33).

Huwa rakkomandabbli li intermedjarji oħra jsegwu l-istess approċċ. Il-kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru ma’ dawk l-intermedjarji l-oħra hija essenzjali biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jiġu infurmati b’mod korrett.

L-aġenti tat-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jwissu lill-klijenti biex jiċċekkjaw ir-restrizzjonijiet tas-sikurezza u s-sigurtà tat-trasportatur tal-ajru qabel ma jtiru, minħabba li tali restrizzjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq il-ġarr ta’ tagħmir mediku jew ta’ mobbiltà (eż. ċerti tipi ta’ batteriji għat-tagħmir ta’ mobbiltà). Għall-ivvjaġġar b’tagħmir ta’ mobbiltà, l-aġenti tat-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jagħtu pariri dwar ir-regoli ta’ responsabbiltà għat-telf jew il-ħsara tat-tagħmir ta’ mobbiltà, sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jikkunsidraw jekk jagħmlux dikjarazzjoni ta’ interess speċjali (34) jew jiħdux polza tal-assigurazzjoni xierqa jew le.

Meta joffru titjiriet ta’ konnessjoni lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi tal-ajru u l-aġenti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jiżguraw li l-passiġġieri jkollhom biżżejjed ħin biex jilħqu t-titjira konnessa tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li jista’ jkollhom bżonn aktar ħin minn passiġġieri oħra.

5.4.   Notifika minn qabel tal-ħtiġijiet ta’ assistenza

In-notifika minn qabel hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li tingħata assistenza xierqa lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jitolbuha. Dan ifisser li l-persunal responsabbli huwa konxju tal-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni u huwa lest u kapaċi jipprovdi t-tagħmir meħtieġ; u li r-riżorsi tat-trasportaturi tal-ajru u tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jintużaw b’mod effettiv.

5.4.1.    Notifika minn qabel tal-ħtieġa għall-assistenza

Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jridu, sabiex ikunu intitolati li jirċievu assistenza xierqa, jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom u, fejn rilevanti, il-ħtieġa li jittrasportaw it-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom (35) u l-ħtieġa li jkunu akkumpanjati mill-kelb ta’ assistenza rikonoxxut tagħhom mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq tat-titjira. F’każijiet bħal dawn, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport huwa responsabbli biex jiżgura li l-assistenza tingħata b’tali mod li l-persuna inkwistjoni tkun tista’ titla’ abbord it-titjira li għaliha jkollha prenotazzjoni.

In-notifika minn qabel trid dejjem tkun mingħajr ħlas addizzjonali, irrispettivament minn kif issir il-prenotazzjoni jew in-notifika minn qabel. Pereżempju, mhuwiex permess li l-passiġġieri jintalbu jużaw linji tat-telefon b’rata primjum biex jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom.

Jekk persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa ma tinnotifikax minn qabel il-ħtieġa ta’ assistenza jew tinnotifikaha minn qabel inqas minn 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport huwa madankollu meħtieġ mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 li jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jipprovdi l-assistenza b’tali mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ titla’ abbord it-titjira li għaliha jkollha prenotazzjoni. Sabiex tingħata assistenza xierqa, jenħtieġ li l-informazzjoni li ġejja tinqasam mat-trasportatur tal-ajru:

(a)

in-natura u d-deskrizzjoni tal-ħtiġijiet ta’ assistenza (b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna li takkumpanja), il-bagalji u, jekk possibbli, indikazzjoni ta’ meta u fejn hija meħtieġa l-assistenza;

(b)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ mobbiltà, inklużi l-kwantità, il-mudell, id-dimensjoni, il-piż, it-tip ta’ batterija u l-klassifikazzjoni ta’ watt-siegħa, u l-manwal tal-istruzzjonijiet (jekk disponibbli);

(c)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe tagħmir mediku (eż. ossiġenu mediku, ventilatur jew respiratur);

(d)

jekk il-passiġġier huwiex akkumpanjat minn kelb ta’ assistenza rikonoxxut;

(e)

jekk huwiex meħtieġ siġġu tar-roti abbord (36).

Kull diżabbiltà hija differenti, għalhekk il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali biex jissupplimentaw it-talba tagħhom għall-assistenza. Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jindikaw l-informazzjoni addizzjonali f’“test liberu” bħala parti min-notifika minn qabel tagħhom – minbarra l-kodiċi tat-talba għal servizzi speċjali (SSR, Special Service Request) tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA, International Air Transport Association) li jiddeskrivi b’mod wiesa’ l-ħtieġa tagħhom għall-assistenza. Barra minn hekk, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkunu jistgħu jissottomettu faċilment tali informazzjoni addizzjonali wara t-talba inizjali għall-assistenza, fost l-oħrajn, permezz tal-paġna “immaniġġja l-prenotazzjoni tiegħi” tal-paġna ewlenija tat-trasportatur tal-ajru; bl-email lit-trasportatur tal-ajru jew lill-aġent tiegħu jew lill-operatur turistiku; permezz ta’ telefonata lit-trasportatur tal-ajru jew lill-aġent tiegħu jew lill-operatur turistiku.

L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, lill-NEBs, lit-trasportaturi tal-ajru, lill-aġenti tal-ivvjaġġar u lill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li jkollhom rwol attiv fis-sensibilizzazzjoni u jħeġġu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jinnotifikaw minn qabel fil-ħin, kull meta jkun possibbli, il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma jenħtieġ li jwissu dwar il-konsegwenzi negattivi possibbli jekk jonqsu milli jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet tagħhom. Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu mħeġġa wkoll jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom – preferibbilment fil-ħin tal-prenotazzjoni tat-titjira tagħhom u, fil-każijiet kollha, mill-inqas 48 siegħa qabel it-tluq skedat tat-titjira tagħhom. Għal dan il-għan, kards ta’ daqs ta’ kartieri li jkun fihom informazzjoni dwar kif għandhom jiġu nnotifikati minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza u l-konsegwenzi negattivi possibbli tan-nuqqas ta’ notifika minn qabel jistgħu jitqassmu fl-ajruport lill-passiġġieri li ma jkunux innotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom (37).

Sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jagħtu prova li nnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom fi żmien xieraq, hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru, għall-aġenti tal-ivvjaġġar u għall-operaturi turistiċi kif ukoll għal intermedjarji oħra li jirċievu notifiki minn qabel għall-assistenza li jipprovdu konferma bil-miktub ta’ dan lill-passiġġier (pereżempju, f’format elettroniku (eż., bl-email) jew fuq il-karta tal-imbarkazzjoni). Jekk it-trasferiment tan-notifika bejn it-trasportatur tal-ajru, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku u l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport ifalli, il-passiġġier jista’ jipproduċi tali konferma bil-miktub bħala evidenza mal-ewwel daqqa t’għajn li jkun innotifika minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tiegħu fi żmien xieraq u permezz ta’ metodi miftiehma.

5.4.2.    L-obbligu tat-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jiffaċilitaw in-notifika minn qabel u jittrażmettuha lill-atturi xierqa

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirċievu notifiki ta’ talba għall-assistenza magħmula minn persuni b’diżabbiltà jew minn persuni b’mobbiltà mnaqqsa fil-punti kollha tal-bejgħ tagħhom fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-bejgħ bit-telefon u bl-internet.

Hija wkoll prattika tajba għal intermedjarji oħra li jsegwu r-regoli msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Jenħtieġ li jiġu pprovduti mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni (eż. paġna tal-ibbukkjar tas-sit web, chat tal-web, email u linja diretta tat-telefon (38)) lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa sabiex ikunu jistgħu jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom. Dan se jiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għall-assistenza stabbilit fl-Artikoli 7(1) u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Il-ħtieġa għal assistenza fuq l-art spiss hija marbuta mat-tqassim tat-terminals tal-ajruporti u d-distanzi tal-mixi involuti. Għalhekk passiġġier jista’ jkollu bżonn assistenza fit-tluq u mhux mal-wasla u matul il-konnessjonijiet – jew viċi versa. Il-passiġġieri jenħtieġ li għalhekk ikunu jistgħu jinnotifikaw minn qabel l-assistenza li jeħtieġu għall-ajruport ta’ oriġini u/jew destinazzjoni ta’ kull segment tat-titjira, sabiex il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jkunu jistgħu jallokaw aħjar ir-riżorsi tagħhom u jipprovdu assistenza ta’ kwalità aħjar.

L-aġenti tal-prenotazzjoni tal-linji tal-ajru jridujkunu konxji ta’ kwalunkwe regoli u restrizzjonijiet li jistgħu jipprevjenu t-trasport tal-passiġġier jew l-għoti tal-assistenza meħtieġa. Għandhom ukoll ikunu jistgħu jitolbu mill-passiġġier l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita n-natura tal-assistenza meħtieġa..

Minbarra t-taħriġ tal-aġenti tal-bejgħ tagħhom stess u l-persunal rilevanti tal-kura tal-klijenti f’kuntatt ma’ passiġġieri li jeħtieġu assistenza, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jinvolvu ruħhom b’mod proattiv man-network tagħhom ta’ aġenti tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ informazzjoni minn passiġġieri li jeħtieġu assistenza.

Huwa rakkomandabbli li intermedjarji indipendenti oħra jkunu konxji ta’ kwalunkwe regoli u restrizzjonijiet li jistgħu jipprevjenu jew il-ġarr tal-persuna b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jew l-għoti tal-assistenza meħtieġa. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jitolbu mill-passiġġier l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita n-natura tal-assistenza meħtieġa. Il-komunikazzjoni f’waqtha ta’ din l-informazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru u dawk l-intermedjarji indipendenti hija essenzjali biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jiġu infurmati kif xieraq (speċjalment f’ċirkostanzi fejn japplikaw kundizzjonijiet u drittijiet speċifiċi).

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li n-notifika tal-ħtiġijiet partikolari ta’ assistenza ta’ passiġġier tkopri wkoll titjira lura, jekk it-titjira ’l barra u t-titjira lura jkunu ġew ikkuntrattati mal-istess trasportatur tal-ajru. Dan ifisser li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa m’għandhomx għalfejn jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet tagħhom ripetutament fil-każ ta’ titjira lura. Hija prattika tajba li jiġu rreġistrati l-ħtiġijiet ta’ assistenza ta’ passiġġier b’diżabbiltà permanenti jew b’indeboliment fil-mobbiltà li spiss jivvjaġġa mal-istess trasportatur tal-ajru (bil-kunsens tal-passiġġier) u li dik l-informazzjoni tintuża għal prenotazzjonijiet sussegwenti sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li ssir notifika minn qabel ġdida kull darba li tali passiġġier jibbukkja titjira.

L-ipproċessar ta’ data personali, inkluż il-ġbir u l-ħżin ta’ data personali matul in-notifika minn qabel tal-ħtiġijiet ta’ assistenza u t-trażmissjoni tagħha lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew lit-trasportatur tal-ajru li jopera biex jissodisfa l-obbligi ta’ assistenza għandu jirrispetta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data  (39).

5.5.   Rifjut ta’ prenotazzjoni jew imbarkazzjoni

Il-projbizzjoni kontra r-rifjut ta’ prenotazzjoni minn jew ir-rifjut tal-imbark ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa hija waħda mill-prinċipji gwida minquxa fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 (40).

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jistabbilixxi żewġ derogi minn dan il-prinċipju: (a) jekk ma jkunx possibbli li l-persuna kkonċernata tiġi ttrasportata u tibqa’ f’konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti bil-liġi jew bid-deċiżjoni tal-awtorità li tkun ħarġet iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tat-trasportatur tal-ajru; (b) jekk id-daqs tal-inġenju tal-ajru jew tal-bibien tiegħu jagħmel l-imbark jew il-ġarr ta’ dik il-persuna fiżikament impossibbli.

Dawn iż-żewġ derogi jenħtieġ li jiġu eżerċitati biss jekk l-għażliet raġonevoli kollha li jippermettu lill-persuna kkonċernata tivvjaġġa jkunu ġew ikkunsidrati u nstabu li mhumiex prattikabbli.

F’ħafna sitwazzjonijiet, ir-rekwiżiti tas-sikurezza jistgħu jiġu ssodisfati bl-għajnuna ta’ persuna li takkumpanja li taġixxi bħala assistent tas-sikurezza. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, it-trasportatur tal-ajru, l-aġent tiegħu jew l-operatur turistiku jistgħu (skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006) jitolbu li l-passiġġier ikun akkumpanjat minn xi ħadd li jista’ jipprovdi l-assistenza meħtieġa ta’ sikurezza.

Il-fatt li passiġġier ikun naqas milli jinnotifika l-ħtiġijiet ta’ assistenza tiegħu jew ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-ħtiġijiet ta’ assistenza waħdu ma jiġġustifikax l-fatt li tiġi rrifjutata l-prenotazzjoni jew l-imbarkazzjoni ta’ dawk il-passiġġieri.

Sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar kif jipprenotaw titjira mingħajr ir-riskju li jiġi rrifjutat il-permess li jitilgħu abbord inġenju tal-ajru u sabiex it-trasportaturi tal-ajru ma jitħallewx jirrifjutaw li jimbarkaw persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jistipula li t-trasportaturi tal-ajru jridu jagħmlu disponibbli għall-pubbliku f’formati aċċessibbli r-regoli tas-sikurezza li japplikaw għall-ġarr tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kif ukoll kwalunkwe restrizzjoni fuq it-trasport tat-tagħmir ta’ mobbiltà minħabba d-daqs tal-inġenju tal-ajru.

Jekk trasportatur tal-ajru jirrifjuta prenotazzjoni jew imbarkazzjoni għal raġuni stabbilita fl-Artikolu 4(1), it-trasportatur tal-ajru, l-aġent tiegħu, l-operatur turistiku huwa meħtieġ mill-istess dispożizzjoni li jagħmel sforzi raġonevoli biex joffri alternattiva aċċettabbli lill-passiġġier. Hija prattika tajba għal intermedjarji oħra li jsegwu l-istess prattika.

It-trasportaturi tal-ajru huma meħtieġa jinfurmaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (preferibbilment fl-istadju tan-notifika minn qabel iżda fi kwalunkwe każ malajr kemm jista’ jkun) jekk se jinvokaw waħda miż-żewġ derogi stabbiliti fl-Artikolu 4(1). Il-vjaġġatur ikkonċernat imbagħad ikun jista’ jagħmel arranġamenti alternattivi. Dan jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, li jirrikjedi li l-informazzjoni tiġi pprovduta “minnufih”.

Għalhekk, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jinfurmaw lill-passiġġieri minn qabel dwar kwalunkwe ċirkostanza rilevanti (bħal bidla tat-trasportatur jew tal-inġenju tal-ajru li jopera) li jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jittrasportaw persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, jekk passiġġier jiġi rrifjutat l-imbark minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa, il-passiġġier u kwalunkwe persuna li takkumpanja lil dak il-passiġġier bħala assistent tas-sikurezza meħtieġ mit-trasportatur tal-ajru jridu jiġu offruti (f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004) jew (i) għażla bejn rimborż sħiħ tal-biljett (u d-dritt għal titjira lura fil-każ ta’ titjira b’waqfiet multipli); jew (ii) titjira alternattiva. Id-dritt għal titjira lura jew titjira alternattiva jiddependi fuq il-fatt li l-passiġġier b’diżabbiltà jew il-passiġġier b’mobbiltà mnaqqsa jkun jista’ jissodisfa r-rekwiżit obbligatorju ta’ sikurezza tat-titjira lura jew tat-titjira alternattiva.

Jekk trasportatur tal-ajru jirrifjuta l-imbark lil persuna b’diżabbiltà jew lil persuna b’mobbiltà mnaqqsa bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, dik il-persuna tkun intitolata għal kumpens (f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004); prenotazzjoni mill-ġdid jew rimborż tal-prezz tal-biljett; u l-assistenza (f’konformità mal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004) (41)..

Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku li jirrifjuta li jaċċetta prenotazzjoni għal raġunijiet ta’ diżabbiltà jew ta’ mobbiltà mnaqqsa jrid jinforma minnufih lill-persuna b’diżabbiltà jew lill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet. Dan jipprevjeni r-rifjut arbitrarju li jiġu ttrasportati persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jipprovdu spjegazzjoni ċara u preċiża għar-rifjut b’referenza speċifika għal-leġiżlazzjoni jew għad-deċiżjoni rilevanti nazzjonali, internazzjonali jew tal-UE dwar is-sikurezza tal-awtorità rilevanti. Referenza ġenerali għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 mhijiex biżżejjed. Meta rilevanti, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jispeċifikaw liema karatteristika tal-inġenju tal-ajru tagħmel l-imbark jew it-trasport tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa inkwistjoni fiżikament impossibbli. Huwa rakkomandabbli li l-intermedjarji jsegwu l-istess regola.

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li trasportatur tal-ajru, l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jikkomunikaw – fuq talba – ir-raġunijiet għar-rifjut bil-miktub lill-persuna kkonċernata, fi żmien 5 tijiem tax-xogħol mit-talba. Hija wkoll prattika tajba għall-intermedjarji li jsegwu l-istess approċċ.

It-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi jridu jkunu jistgħu jiġġustifikaw lill-NEBs (jew fi kwalunkwe proċedura ta’ arbitraġġ u/jew lil tribunal, jekk ikun meħtieġ) kwalunkwe rifjut li jaċċettaw prenotazzjoni jew li jimbarkaw persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. L-informazzjoni rilevanti għalhekk għandha tiġi rreġistrata u miżmuma għal perjodu ta’ żmien xieraq, anki jekk il-passiġġier ma jitlobx li r-raġunijiet jiġu kkomunikati bil-miktub. Fin-nuqqas ta’ regoli espliċiti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar il-perjodi ta’ żmien, dawn il-korpi jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni rilevanti għall-perjodi ta’ żmien speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

5.6.   Rekwiżit għal persuna li takkumpanja li taġixxi bħala assistent tas-sikurezza

Il-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni jipprevjeni trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku milli jimponu kundizzjonijiet speċjali biex persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa jivvjaġġaw.

Trasportatur tal-ajru jew l-aġent tiegħu jew operatur turistiku jistgħu jirrikjedu biss li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jivvjaġġaw akkumpanjati minn xi ħadd jekk ma jkunux awtonomi u t-trasport tagħhom ikun ta’ riskju għas-sikurezza minħabba li ma jkunux jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli b’mod awtonomu (42). F’dawk iċ-ċirkostanzi, it-trasportatur tal-ajru jew l-aġent jew l-operatur turistiku tiegħu jistgħu (skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006) jirrikjedu li l-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu akkumpanjati minn xi ħadd li jista’ jipprovdi l-assistenza meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli (assistent tas-sikurezza).

It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar il-kundizzjonijiet li fihom jeħtieġu li assistent tas-sikurezza jivvjaġġa mal-persuna b’diżabbiltà jew mal-persuna b’mobbiltà mnaqqsa.

Il-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-ġarr jew jintalbu jivvjaġġaw ma’ assistent tas-sikurezza biss minħabba li ma jkunux jistgħu jwettqu azzjonijiet indipendenti relatati mal-kumdità tagħhom abbord inġenju tal-ajru (pereżempju, ma jkunux jistgħu jieklu jew jużaw it-toilet waħidhom). Huwa l-passiġġier li għandu jiddeċiedi jekk jivvjaġġax ma’ xi ħadd li jgħin f’kompiti relatati mal-kumdità personali jew le. Madankollu, il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina mhumiex meħtieġa jipprovdu assistenza personali lill-persuni b’diżabbiltà jew lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (pereżempju, assistenza għall-ikel jew għax-xorb; assistenza f’kamra tal-ħasil jew fl-użu tat-toilet jekk il-passiġġier ma jkunx jista’ juża l-faċilitajiet sanitarji mingħajr għajnuna; jew l-għoti ta’ medikazzjoni).

Sabiex jgħinu lit-trasportaturi tal-ajru jew lill-aġent jew lill-operatur turistiku tagħhom jiddeterminaw jekk il-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħux jivvjaġġaw mhux akkumpanjati, jenħtieġ li jistaqsuhom mistoqsijiet relatati mal-kriterji stabbiliti fir-regoli tas-sikurezza applikabbli u ma għandhom jagħmlu l-ebda suppożizzjoni dwar il-kapaċità indipendenti tagħhom li jikkonformaw mar-regoli tas-sikurezza.

Skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2006, hemm bżonn li t-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom jew l-operaturi turistiċi jagħtu raġunijiet dettaljati meta jirrikjedu li l-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu akkumpanjati.

Skont iċ-ċirkostanzi partikolari, tista’ tkun prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru li jippermettu persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa li titlob u tikseb l-għajnuna ta’ passiġġier ieħor fuq it-titjira biex tagħmel volontarjat bħala l-persuna li takkumpanjahom.

Jekk trasportatur tal-ajru jeħtieġ li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn assistent tas-sikurezza, hija prattika tajba għat-trasportatur tal-ajru li joffri trasport b’xejn għal dik il-persuna li takkumpanjaha li taġixxi bħala assistent tas-sikurezza (43). Fil-każ ta’ modi oħra tat-trasport (jiġifieri bil-ferrovija, bix-xarabank u bil-kowċ u fuq l-ilma) diġà hemm id-dritt li tali assistenti tas-sikurezza li jakkumpanjawhom jiġu ttrasportati mingħajr ħlas.

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu infurmati bis-sħiħ dwar il-kostijiet addizzjonali tat-trasport tal-assistent tas-sikurezza jekk trasportatur tal-ajru jiddependi fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 biex jirrikjedi li jkunu akkumpanjati minn persuna li taġixxi bħala assistent tas-sikurezza.

5.7.   Ivvjaġġar b’kelb tal-assistenza rikonoxxut

L-Artikolu 7(2) u l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjaraw li, f’każ fejn persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun teħtieġ l-użu ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru jridu jakkomodaw dan – dment li (i) din il-persuna tinnotifika minn qabel lit-trasportatur tal-ajru jew lill-aġent tagħha jew lill-operatur turistiku li se jivvjaġġaw b’kelb tal-assistenza rikonoxxut; u (ii) in-notifika u t-trasport tal-kelb inkwistjoni jikkonformaw ma’ kwalunkwe regola nazzjonali applikabbli li tkopri l-ġarr tal-klieb ta’ assistenza abbord l-inġenji tal-ajru.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 juża l-kliem “klieb ta’ assistenza rikonoxxuti” biex jagħmilha ċara li klieb bħal dawn (i) intgħażlu u tħarrġu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali ta’ persuna b’diżabbiltà; u (ii) jużaw il-kapaċitajiet u l-ħiliet li jkunu tgħallmu meta jassistu lis-sidien tagħhom fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. Sabiex jiġi żgurat li klieb bħal dawn ma joħolqux riskju għas-sikurezza tal-avjazzjoni, minbarra li jiġu mħarrġa għall-kompiti speċifiċi involuti biex jassistu lis-sidien tagħhom) huma mħarrġa wkoll biex jiċċaqilqu b’mod sikur fi spazji pubbliċi u biex jobdu lil sidhom. Fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni, it-trasportatur tal-ajru jista’ jitlob lil sid il-kelb jagħti prova li l-kelb irċieva t-taħriġ meħtieġ.

Il-klieb ta’ assistenza jinkludu mhux biss il-klieb gwida ta’ persuni neqsin mid-dawl jew b’vista batuta, iżda wkoll klieb li jassistu persuni b’tipi oħra ta’ diżabbiltajiet. Eżempji jinkludu klieb tas-smigħ li jassistu persuni neqsin mis-smigħ u b’indebboliment fis-smigħ jew klieb ta’ mobbiltà li jassistu lill-persuni b’diżabbiltà fiżika (eż., jipprovdulhom bilanċ u stabbiltà).

Bħalissa ma hemm l-ebda regola fil-livell tal-UE dwar it-taħriġ jew iċ-ċertifikazzjoni tal-klieb ta’ assistenza. Dan jista’ jfixkel il-valutazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti dwar jekk kelb jikkwalifikax bħala kelb ta’ assistenza rikonoxxut. Ikun rakkomandabbli li l-NEBs, l-organizzazzjonijiet tal-industrija, l-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tat-taħriġ tal-klieb ta’ assistenza jaqblu dwar sett armonizzat ta’ regoli għall-valutazzjoni ta’ jekk kelb ikunx irċieva t-taħriġ meħtieġ biex jikkwalifika bħala kelb ta’ assistenza rikonoxxut.

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44) jimponi ċerti rekwiżiti qabel ma l-klieb ikunu jistgħu jivvjaġġaw madwar l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi ta’ identifikazzjoni meħtieġa u l-prova tat-tilqim. L-industrija u l-partijiet ikkonċernati rilevanti (b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa) jenħtieġ li jqajmu b’mod attiv l-għarfien ta’ dawk ir-rekwiżiti min-naħa tas-sidien tal-klieb ta’ assistenza.

5.8.   Prenotazzjoni tas-sits

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru jridu jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirranġaw is-sits matul it-titjiriet abbord l-ajruplani biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, fuq talba u soġġett għar-rekwiżiti tas-sikurezza u d-disponibbiltà.

It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jkollhom sits deżinjati għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru li jżommu dawn is-sits mingħajr ħlas u riżervati għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa sa qrib il-ħin tat-tluq tat-titjira u li jiżguraw li jkunu l-aħħar sits assenjati lil passiġġieri oħra li ma jeħtiġux l-assistenza.

It-trasportaturi tal-ajru li jallokaw is-sits qabel it-titjira jenħtieġ li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jipprenotaw minn qabel sits li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, soġġett għal limitazzjonijiet tas-sikurezza.

Skont l-Artikolu 10 u l-Anness II ta’ dan ir-Regolament, it-trasportaturi tal-ajru li jitolbu ħlas għall-prenotazzjoni tas-sits minn qabel iridu jirrinunzjaw għal tali tariffi ta’ prenotazzjoni minn qabel għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu s-sit li jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom. L-allokazzjoni tas-sits għall-passiġġieri kollha hija soġġetta għal rekwiżiti xierqa tas-sikurezza. Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa ma jridux jiġu allokati jew jokkupaw sits li jippermettu aċċess dirett għall-ħruġ ta’ emerġenza jew jokkupaw sits jekk il-preżenza tagħhom tista’ timpedixxi lill-membri tal-ekwipaġġ fil-qadi tad-dmirijiethom, tostakola l-aċċess għat-tagħmir ta’ emerġenza jew timpedixxi l-evakwazzjoni ta’ emerġenza tal-inġenju tal-ajru (45). It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jippubblikaw il-politika tagħhom dwar l-allokazzjoni tas-sits fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fuq il-paġna web tagħhom. Meta persuna tinforma lit-trasportatur tal-ajru jew lill-aġent jew lill-operatur turistiku tiegħu dwar in-natura tad-diżabbiltà tagħhom, dan tal-aħħar jenħtieġ li jinforma lil dak il-passiġġier dwar is-sits disponibbli li huma l-aktar aċċessibbli u jalloka lil dak il-passiġġier sit xieraq (pereżempju, b’armrests mobbli, qrib it-toilet u b’post bilqiegħda biswit għall-persuna b’diżabbiltà u l-assistent tas-sikurezza).

Is-sits jenħtieġ li jiġu allokati mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u l-assistenti tas-sikurezza tagħhom ikollhom sits xierqa.

Fiċ-ċirkostanzi kollha, jenħtieġ li jiġi ċċarat għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li ma jistgħux jiġu ggarantiti sits allokati minħabba li l-fatturi operattivi (eż., bidla tal-inġenji tal-ajru) jistgħu jaffettwaw il-pjanta ta’ tqassim tas-sits. F’ċirkostanzi bħal dawn, madankollu, jenħtieġ li jsir kull sforz biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiità (eż., billi wieħed jipprova jalloka sit komparabbli).

Barra minn hekk, sabiex it-trasportaturi tal-ajru jkunu jistgħu jallokawlhom sits xierqa, huwa kruċjali li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jinnotifikaw il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom. Idealment jenħtieġ li jagħmlu dan fil-ħin tal-prenotazzjoni tat-titjira tagħhom u mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel it-tluq skedat tat-titjira tagħhom.

5.9.   Trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-ajruport u lit-trasportatur tal-ajru li jopera

Hija r-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jittrażmettu l-informazzjoni kollha miġbura mill-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa kemm lill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tat-tluq, tal-wasla u tat-tranżitu, kif ukoll lit-trasportatur tal-ajru li jopera (jekk il-prenotazzjoni ma tkunx saret ma’ dak it-trasportatur tal-ajru). L-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li, jekk passiġġier jinnotifika minn qabel il-ħtieġa għall-assistenza mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq tat-titjira, it-trasportatur tal-ajru, l-aġenti jew l-operaturi turistiċi tiegħu jridu jittrażmettu l-informazzjoni kkonċernata mill-inqas 36 siegħa qabel it-tluq ippubblikat tat-titjira. L-Artikolu 6(3) jiddikjara li fil-każijiet l-oħra kollha għandhom jittrażmettu l-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, trasportatur tal-ajru li jopera jrid, mill-aktar fis possibbli wara t-tluq tat-titjira, jinforma lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tad-destinazzjoni bin-numru ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa abbord dik it-titjira li jeħtieġu assistenza fl-ajruport tal-wasla u dwar in-natura ta’ dik l-assistenza. Dan ir-rekwiżit japplika biss jekk l-ajruport tal-wasla jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.

Sabiex jiġi pprovdut il-livell xieraq ta’ assistenza, it-talbiet minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu rreġistrati u trażmessi lit-trasportatur tal-ajru li jopera u lill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti bl-użu tal-kodiċijiet SSR tal-IATA maqbula internazzjonalment (46).

Kull meta jkun possibbli, l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet dettaljati tal-passiġġier jenħtieġ li tiġi trażmessa bl-użu tal-kaxxa “test liberu” li hija viżibbli fis-sistema ta’ messaġġi tal-Lista ta’ Assistenza għall-Passiġġieri (PAL, Passengers Assistance List)/Lista ta’ Assistenza għall-Bidla (CAL, Change Assistance List), jew fi kwalunkwe format xieraq ieħor miftiehem bejn il-partijiet ikkonċernati. Dan huwa partikolarment importanti għall-persuni li l-ħtiġijiet tagħhom huma kumplessi u ma jistgħux jiġu identifikati faċilment permezz tal-kodiċijiet tal-IATA. Pereżempju, “persuni b’diżabbiltà moħbija” hija kategorija wiesgħa ħafna li tinkludi persuni bi bżonnijiet differenti li huma inqas evidenti għall-persunal li jassisti, iżda li madankollu huma koperti mill-istess kodiċi tal-IATA.

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu offruti soluzzjonijiet li jippermettulhom jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet tagħhom bl-aktar mod faċli, ovvju u li jinftiehem. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi kondiviża mill-aktar fis possibbli ma’ dawk kollha kkonċernati mill-assistenza tagħhom.

6.   ASSISTENZA FL-AJRUPORT

6.1.   Ħatra ta’ punti ta’ laqgħa

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jiżguraw il-forniment ta’ punti tal-wasla u tat-tluq deżinjati uffiċjalment li fihom il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu, b’faċilità, iħabbru l-wasla tagħhom fl-ajruport u jitolbu l-assistenza. Dawk il-punti jenħtieġ li jiġu indikati b’kooperazzjoni mal-utenti tal-ajruport, permezz tal-kumitat tal-utenti tal-ajruport (47) (fejn ikun hemm tali kumitat) u l-organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali.

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi wkoll li dawk il-punti jkunu fil-konfini tal-ajruport jew f’punt taħt il-kontroll dirett tal-korp ta’ amministrazzjoni, kemm ġewwa kif ukoll barra l-bini tat-terminal. Dan ifisser li dawn jenħtieġ li jiġu ddeżinjati mill-inqas fid-daħliet ewlenin għall-bini tat-terminals; f’żoni b’bankijiet taċ-check-in; fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, tal-light rail, tal-metro u tal-karozzi tal-linja; fil-gradi tat-taxi u punti ta’ tluq oħrajn; u fil-parkeġġi tal-ajruporti (48).

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li l-punti tal-wasla u tat-tluq ikunu mmarkati b’mod ċar u li jipprovdu informazzjoni bażika (49) dwar l-ajruport f’formati aċċessibbli. Tali informazzjoni bażika jenħtieġ li tinkludi t-tqassim tal-ajruport u l-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà tiegħu (pereżempju, id-distanza massima probabbli tal-mixi f’ajruport, u kwalunkwe ostaklu bħal turġien jew bibien dojoq jew xogħlijiet li jkunu għaddejjin); id-dettalji tas-servizzi kollha disponibbli fl-ajruport għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa; u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpanija li fil-fatt tipprovdi l-assistenza għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruport. L-istess informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-ajruport għall-konsultazzjoni mill-passiġġieri qabel il-vjaġġ tagħhom.

Is-sinjalar jenħtieġ li jkun ċar u mhux ambigwu, u preferibbilment juża standards internazzjonali ta’ sinjalar.

Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti tagħhom u l-operaturi turistiċi li jinfurmaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa dwar l-importanza li jikkonsultaw is-siti web tal-ajruporti fir-rigward tat-tluq, tal-wasla u tat-titjiriet konnessi tagħhom.

6.2.   Min għandu jipprovdi assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruporti?

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport huwa responsabbli għall-għoti ta’ assistenza fl-ajruporti. Dawk il-korpi ta’ amministrazzjoni għandhom rwol ċentrali fil-provvista tas-servizzi kollha fl-ajruport. Għalhekk huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jirċievu assistenza ta’ kwalità għolja. Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jista’ jew jipprovdi direttament l-assistenza elenkata fl-Anness I tar-Regolament lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa huwa stess; jew kuntratt ma’ parti terza waħda jew aktar għall-għoti ta’ din l-assistenza. Fiż-żewġ każijiet, il-korp li jmexxi ajruport jibqa’ dak responsabbli għall-għoti ta’ assistenza, u l-assistenza pprovduta trid tissodisfa l-istandards ta’ kwalità stabbiliti mill-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 (50).

Il-kumitat tal-utenti tal-ajruport kif ukoll trasportatur tal-ajru individwali jistgħu jitolbu lill-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport biex jidħol f’kuntratt bħal dan.

Jekk il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jirrifjuta li jidħol f’kuntratt ma’ parti terza għall-għoti ta’ assistenza lil persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa, dan irid jipprovdi ġustifikazzjoni bil-miktub għal dan f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, jekk il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jiddeċiedi li jikkuntratta parti terza għall-għoti ta’ assistenza lil persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa, huwa jrid jagħmel dan f’kooperazzjoni mal-utenti tal-ajruport (permezz tal-kumitat tal-utenti tal-ajruport, jekk jeżisti kumitat bħal dan). Għalhekk, l-utenti tal-ajruport jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar il-kontenut ta’ tali kuntratt (eż., ir-rekwiżiti minimi tas-servizz; in-numru ta’ persuni impjegati; u t-tagħmir li għandu jintuża mill-kuntrattur li għandu jiġi assenjat biex jipprovdi assistenza) kif ukoll dwar l-għażla tal-kuntrattur terz (jiġifieri l-evalwazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt).

6.3.   Tariffa speċifika fuq l-utenti tal-ajruport għall-finanzjament tal-assistenza

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li tingħata assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr ħlas addizzjonali lil dawk il-persuni partikolari.

Jekk il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport ma jkunx irid jieħu f’idejh l-kostijiet ta’ tali assistenza waħdu, jista’ (skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006) jimponi tariffa speċifika fuq kull trasportatur tal-ajru li juża ajruport fuq bażi mhux diskriminatorja. Din it-tariffa speċifika trid tkun proporzjonata għan-numru ta’ passiġġieri li kull trasportatur tal-ajru jġorr lejn u mill-ajruport u għandha tiffinanzja dik l-assistenza b’tali mod li l-piż jinfirex b’mod ekwu bejn il-passiġġieri kollha li jużaw l-ajruport sabiex jiġu evitati diżinċentivi għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

F’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, dik it-tariffa speċifika trid tkun raġonevoli, relatata mal-kostijiet u trasparenti.

Sabiex jiġi garantit li t-tariffi speċifiċi imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru jkunu relatati mal-kostijiet (jiġifieri, proporzjonati mal-assistenza pprovduta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa) u li dawk it-tariffi ma jiffinanzjaw l-ebda attività tal-korp ta’ amministrazzjoni għajr dawk relatati mal-għoti ta’ tali assistenza, it-tariffi jenħtieġ li jiġu adottati u applikati bi trasparenza sħiħa (51).

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-imposta speċifika għandha tiġi stabbilita mill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport f’kooperazzjoni mal-utenti tal-ajruport; permezz tal-kumitat tal-utenti tal-ajruport (jekk ikun hemm kumitat bħal dan) jew kwalunkwe entità xierqa oħra.

Hija prattika tajba li ssir konsultazzjoni, immexxija mill-korpta’ amministrazzjoni tal-ajruport, mal-utenti tal-ajruport flimkien ma’ skambju ta’ fehmiet dwar l-elementi tal-kalkolu tal-imposta speċifika. Qabel ma jimponi t-tariffa speċifika għall-ewwel darba jew meta jirrevediha, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jenħtieġ li jagħti notifika xierqa minn qabel lill-utenti tal-ajruport u jenħtieġ li jagħtihom l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. L-utenti tal-ajruport jenħtieġ li jiġu pprovduti b’informazzjoni finanzjarja, operazzjonali u rilevanti oħra trasparenti u xierqa biex ikunu jistgħu jagħmlu kummenti infurmati. Tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta f’livell dettaljat biżżejjed biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jifhmu r-relazzjoni bejn il-kostijiet, il-livelli ta’ servizz u l-fatturi ewlenin tal-kostijiet. B’mod ġenerali, il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jiċċaraw in-natura tal-proposti, il-partijiet l-aktar probabbli li jiġu affettwati, il-mistoqsijiet speċifiċi dwar liema feedback jintalab, u l-iskadenza għall-għoti tal-feedback mitlub. Il-partijiet interessati kollha jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. Id-deċiżjoni jenħtieġ li tkun debitament ġustifikata. L-utenti jenħtieġ li jingħataw notifika raġonevoli minn qabel tad-deċiżjoni finali dwar kwalunkwe reviżjoni tat-tariffi jew l-impożizzjoni ta’ tariffi ġodda.

Meta l-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jikkonsulta lill-kumitat tal-utenti tal-ajruport jew lill-utenti individwali tal-ajruport dwar it-tariffa speċifika għall-finanzjament tal-assistenza lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, dan jenħtieġ li jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja: lista tas-servizzi u l-infrastruttura pprovduti bi skambju għat-tariffa speċjali imposta; il-metodoloġija użata għall-impożizzjoni tat-tariffa speċifika; id-dħul tal-ħlas speċifiku; u l-kostijiet totali tas-servizzi koperti.

Bħala parti mill-impożizzjoni tat-tariffa speċifika għall-finanzjament tal-assistenza ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miri ta’ effiċjenza għall-assistenza. Dawn jenħtieġ li jiġu rieżaminati kull sena f’konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u mat-trasportaturi tal-ajru.

Jenħtieġ li jsir proċess ta’ konsultazzjoni effettiv immexxi mill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport mal-utenti tal-ajruport, flimkien ma’ skambju ta’ fehmiet dwar l-elementi tal-kalkolu tat-tariffa. Madankollu, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport huwa awtorizzat li jieħu deċiżjoni finali fi tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-kalkolu tat-tariffa u l-ammont tat-tariffa speċifika li jqis xierqa.

Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport irid jissepara l-kontijiet tal-attivitajiet tiegħu relatati mal-assistenza mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa mill-kontijiet tal-attivitajiet l-oħra tiegħu, f’konformità mal-prattika kummerċjali attwali. Skont l-Artikolu 8(6), sintesi annwali verifikata tal-ħlasijiet riċevuti u tal-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-assistenza pprovduta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandha tkun disponibbli għall-korpi tal-infurzar u għall-utenti tal-ajruport.

Eżempji tat-tip ta’ kostijiet li jistgħu jiġu koperti taħt din it-tariffa speċifika jinkludu dawn li ġejjin: kostijiet ta’ assistenza diretta (il-kostijiet tat-tmexxija ta’ kuljum tal-assistenza (eż. is-salarju tal-persunal ta’ assistenza); kostijiet oħra inċidentali ta’ għoti ta’ assistenza (eż. kostijiet ta’ manutenzjoni, xiri ta’ materjal operattiv, kiri ta’ spazju sabiex ikun hemm, pereżempju, uffiċċju tad-dispaċċ għal persunal ta’ assistenza); nefqa kapitali fuq faċilitajiet meħtieġa biex tiġi pprovduta l-assistenza (52); in-nefqa kapitali ta’ tagħmir li għandu jintuża biex jassisti persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa; il-kost tal-bini jew tal-modifika retroattiva tal-infrastruttura biex din issir aċċessibbli għal dawk il-persuni; kostijiet imġarrba għal għarfien dwar id-diżabbiltà u t-taħriġ ta’ assistenza għall-persunal tal-ajruport; u spejjeż amministrattivi (pereżempju, il-ħin li l-persunal tal-ajruport iqatta’ fl-iżvilupp tal-offerta għall-għoti tal-assistenza u t-tmexxija tal-kuntratt).

Fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura tal-mobbiltà li ma tintużax esklużivament minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa (eż. liftijiet u conveyor belts), l-obbligu li jiġu pprovduti kontijiet separati għall-attivitajiet relatati mal-assistenza pprovduta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u attivitajiet oħra jenħtieġ li jfisser li parti biss minn din l-infrastruttura tal-mobbiltà (proporzjonata għall-użu minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta mqabbel mal-użu totali tal-infrastruttura tal-mobbiltà inkwistjoni) jenħtieġ li tiġi ffinanzjata mit-tariffa speċifika.

6.4.   Għoti ta’ assistenza fl-ajruport (53)

Notifika minn qabel u assistenza xierqa

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma meħtieġa jipprovdu assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex ikunu jistgħu jipproċedu minn punt tal-wasla deżinjat f’ajruport għal inġenju tal-ajru u mill-inġenju tal-ajru għal punt tat-tluq deżinjat mill-ajruport. Dan jinkludi l-imbark u l-iżbark.

Skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-assistenza pprovduta għandha, sa fejn ikun possibbli, tkun xierqa għall-ħtiġijiet partikolari tal-passiġġier individwali u tkun organizzata b’tali mod li jiġu evitati l-interruzzjoni u d-dewmien (54).

Jekk passiġġier ikun innotifika minn qabel u kif xieraq, il-ħtiġijiet ta’ assistenza tiegħu, huwa meħtieġ korp ta’ ġestjoni tal-ajruport f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 li jipprovdi assistenza b’tali mod “li l-persuna tkun tista’ taqbad it-titjira”.

L-istess regola tapplika wkoll għall-passiġġieri konnessi skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Jekk passiġġier ikun debitament innotifika minn qabel il-ħtieġa tiegħu għall-assistenza, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport irid jiżgura li dan il-passiġġier ikun jista’jaqbad it-titjira konnessa tiegħu.

Fil-każ ta’ passiġġieri li ma jkunux innotifikaw minn qabel kif xieraq il-ħtieġa tagħhom għall-assistenza, korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport huwa meħtieġ li jagħmel l-“isforzi kollha raġonevoli” biex jipprovdi l-assistenza li l-persuna kkonċernata teħtieġ sabiex tkun tista’ taqbad it-titjira. Għalhekk, meta tiġi pprovduta l-assistenza, huwa permess li tingħata prijorità lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jkunu nnotifikaw minn qabel kif xieraq il-ħtieġa tagħhom għall-assistenza – dment li jsiru l-isforzi raġonevoli kollha biex jassistu wkoll lil dawk il-passiġġieri li ma jkunux innotifikaw minn qabel kif xieraq il-ħtieġa tagħhom għall-assistenza.

L-Anness 5-D tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC, (55) fih standards ta’ kwalità għas-servizz li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li jipprovdu għal persuni b’diżabbiltà li jitilqu u jaslu u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-assistenza fl-ajruporti tinkludi li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu jistgħu jikkomunikaw il-wasla tagħhom fl-ajruport u t-talba tagħhom għall-assistenza fil-punti deżinjati; jiċċaqalqu mill-punt deżinjat għall-bank taċ-check-in; jagħmlu check in u jirreġistraw il-bagalji; u jipproċedu mill-bank taċ-check-in sal-inġenju tal-ajru (inkluż it-tlestija tal-proċeduri tal-emigrazzjoni, tad-dwana u tas-sigurtà).

L-użu tat-terminu “assistenza xierqa” fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ifisser li l-assistenza jenħtieġ li tinkludi wkoll assistenza ma’ bagalji tal-idejn meta mitluba waqt iċ-check-in, is-sigurtà, id-dwana, l-immigrazzjoni, u l-imbark.

Kundizzjonijiet għall-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà li jitilqu u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jeħtieġu l-ħin mhux biss biex iħejju biex jassistu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, iżda jiggarantixxu wkoll l-operat f’waqtu tat-titjiriet.

Għaldaqstant, u sabiex jirċievu assistenza mill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jagħżlu bejn waħda mill-għażliet li ġejjin:

a)

jippreżentaw ruħhom għaċ-check-in fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mit-trasportatur tal-ajru jew mill-aġent tiegħu jew mill-operatur turistiku, jew (jekk ma jkun stipulat l-ebda ħin) mhux aktar tard minn siegħa (1) qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

b)

jaslu f’wieħed mill-punti deżinjati tal-wasla jew tat-tluq tal-ajruport (56) fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mit-trasportatur tal-ajru jew mill-aġent tiegħu jew mill-operatur turistiku, jew (jekk ma jkun stipulat l-ebda ħin) mhux aktar tard minn sagħtejn (2) qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat.

Il-forniment ta’ siġġijiet tar-roti biex jiġi żgurat it-trasport bla xkiel ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruport

Jenħtieġ li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, fuq talba, jipprovdu siġġijiet tar-roti sabiex jiżguraw it-trasport bla xkiel ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruporti mill-punt tal-wasla tagħhom f’ajruport sal-ħin tal-imbark ta’ inġenju tal-ajru, u mill-ħin tal-iżbark tagħhom minn inġenju tal-ajru sal-punt tal-ħruġ tagħhom minn ajruport. Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jenħtieġ li jqisu l-ħtiġijiet varji li jista’ jkollhom il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u l-għadd ta’ passiġġieri li jistgħu jeħtieġu tali assistenza. Huwa aċċettat il-fatt li d-daqs tal-ajruport jista’ jkollu impatt fuq id-disponibbiltà ta’ tipi differenti ta’ siġġijiet tar-roti. L-għażla tista’ tkun aktar ristretta f’ajruporti reġjonali żgħar, iżda ajruporti akbar huma mistennija li jkollhom varjetà usa’ ta’ siġġijiet tar-roti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawn il-passiġġieri (57). Anke jekk l-għażla tas-siġġijiet tar-roti tkun ristretta, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li madankollu jiżguraw li s-siġġijiet tar-roti disponibbli jkunu komdi u sikuri kemm jista’ jkun.

F’każijiet fejn il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jaslu fl-ajruport bis-siġġijiet tar-roti tagħhom stess, hija prattika tajba għall-korpi ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport li jippermettulhom (sa fejn ikun possibbli u sakemm dan jibqa’ konformi mar-regolamenti tas-sigurtà fis-seħħ) jużaw is-siġġu tar-roti tagħhom stess sakemm jitilgħu abbord l-inġenju tal-ajru, speċjalment f’dawk il-każijiet fejn it-tipi ta’ siġġijiet tar-roti li jkunu disponibbli fl-ajruport ma jkunux adattati għad-diżabbiltà speċifika tal-passiġġier ikkonċernat. Bl-istess mod (u, meta jkun prattikabbli, filwaqt li jitqiesu l-proċeduri tal-immaniġġjar relatati mas-sikurezza), il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jirċievu t-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom stess immedjatament wara l-iżbark u jenħtieġ li ma jkunux obbligati jirkuprawh fis-sala tal-bagalji.

Servizzi fuq l-arttat-tagħmir ta’ mobbiltà ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jistipula li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma responsabbli għas-servizzi fuq l-art tat-tagħmir ta’ mobbiltà tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Dan jinkludi wkoll is-servizzi fuq l-art tas-siġġijiet tar-roti elettriċi –soġġett għal twissija bil-quddiem ta’ 48 siegħa u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar oġġetti perikolużi.

Sostituzzjoni temporanja ta’ tagħmir ta’ mobbiltà li jkun saritlu ħsara jew li jkun intilef ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa

Skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jridu jkunu lesti li jipprovdu sostituzzjonijiet temporanji għal tagħmir ta’ mobbiltà li jkun saritlu ħsara jew li jkun intilef, għalkemm dan mhux neċessarjament ikun “identiku”. F’konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u sabiex tiġi pprovduta “assistenza xierqa”, is-sostituzzjoni jenħtieġ li tkun kemm jista’ jkun simili għat-tagħmir ta’ mobbiltà li saritlu ħsara jew li jkun intilef u jissodisfa l-ħtiġijiet partikolari tal-passiġġier individwali. F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, is-sostituzzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mingħajr ħlas żejjed. Hija prattika tajba li l-passiġġier ikkonċernat jitħalla jżomm it-tagħmir ta’ sostituzzjoni temporanju sakemm dak li saritlu l-ħsara jkun ġie ffissat jew sostitwit.

Assistenza fil-faċilitajiet taċ-check-in

Il-faċilitajiet taċ-check-in jenħtieġ li jitfasslu biex ikunu aċċessibbli għall-passiġġieri li jużaw siġġijiet tar-roti kif ukoll għal persuni ambulanti b’diżabbiltajiet differenti. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-persunal ikun jista’ jikkomunika ma’ passiġġieri neqsin mis-smigħ u b’indebboliment fis-smigħ – permezz tal-lingwa tas-sinjali jew mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni.

Meta ajruport jew linja tal-ajru tuża tagħmir taċ-check-in self-service, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882se japplikaw mit-28 ta’ Ġunju 2025. Madankollu, l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva (UE) 2019/882 fih miżura tranżitorja: L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li terminals self-service użati legalment minn fornituri ta’ servizzi għall-forniment ta’ servizzi qabel t-28 ta’ Ġunju 2025 jistgħu jkomplu jintużaw fil-forniment ta’ servizzi simili sa tmiem il-ħajja ekonomikament utli tagħhom – iżda mhux aktar minn 20 snin wara d-dħul fl-użu tagħhom. Hija prattika tajba li jiġu pprovduti uffiċċji separati taċ-check-in u tat-tluq għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa sabiex jitnaqqas il-ħin tal-kju għal dawk li huma inqas kapaċi joqogħdu bilwieqfa għal perjodi estiżi.

Assistenza fil-proċeduri tal-immigrazzjoni, tad-dwana u tas-sigurtà

Hija prattika tajba li l-proċeduri tal-immigrazzjoni, tad-dwana u tas-sigurtà jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa sabiex jiġi ffaċilitat ir-rilaxx tagħhom b’mod sikur u dinjituż (58).

Assistenza waqt it-tlugħ abbord

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness I tiegħu, il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport irid jassisti wkoll lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex jitilgħu abbord l-inġenju tal-ajru, jipproċedu mill-bieb tal-inġenju tal-ajru sas-sits tagħhom u jaħżnu l-bagalji tagħhom fuq l-inġenju tal-ajru.

L-informazzjoni dwar it-tlugħ abbord jenħtieġ li tiġi pprovduta permezz ta’ mezzi sensorji differenti (eż. b’avviżi ta’ loudspeaker u bil-miktub fuq tabelli għall-wiri).

Il-manwal mhux vinkolanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Aċċess għat-Trasport bl-Ajru minn Persuni b’Diżabbiltà (il-Manwal tal-ICAO) (59) jiddikjara li l-persuni b’diżabbiltà li jidentifikaw lilhom infushom bħala li jeħtieġu assistenza jew ħin addizzjonali għall-imbark jenħtieġ li jiġu offruti l-opportunità li jitilgħu abbord separatament (jiġifieri qabel il-passiġġieri l-oħra kollha), minħabba li dan ġeneralment ikun aktar dinjituż u inqas stressanti għall-persuna u aktar effiċjenti għal-linja tal-ajru. Tali preimbarkazzjoni hija soġġetta għall-fatt li l-passiġġier ikkonċernat ikun fil-bieb fil-ħin u għal kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza.

Assistenza mal-wasla

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness I tiegħu, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jridu jipprovdu assistenza mal-wasla lil persuna b’diżabbiltà jew lil persuna b’mobbiltà mnaqqsa biex jirkupraw il-bagalji tagħhom fuq l-inġenju tal-ajru; jipproċedu mis-sits tagħhom għall-bieb tal-inġenju tal-ajru; jiżbarkaw mill-inġenju tal-ajru; jipproċedu mill-inġenju tal-ajru għas-sala tal-bagalji u jirkupraw il-bagalji; ilestu l-proċeduri tal-immigrazzjoni u tad-dwana; u jipproċedu mis-sala tal-bagalji għal punt deżinjat.

Hija prattika tajba li l-ekwipaġġ tal-kabina tat-trasportatur tal-ajru jiżgura mal-iżbark li l-assistenti tal-ajruport li jkunu qed jistennew fil-bieb tal-inġenju tal-ajru jiġu introdotti għall-passiġġieri li jeħtieġu assistenza. Dan se jgħin biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ konfużjoni jew nuqqas ta’ għoti ta’ assistenza, pereżempju meta l-persunal ta’ assistenza ma jkunx jista’ jidentifika minnufih il-passiġġieri li jeħtieġu l-assistenza (kif jista’ jkun il-każ għall-persuni b’diżabbiltà moħbija).

F’konformità mar-rekwiżit ta’ “assistenza xierqa” skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-assistenza fil-proċediment mis-sala tal-bagalji għal punt deżinjat jenħtieġ li tinkludi t-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa mis-sala tal-bagalji għal punt deżinjat bil-bagalji tagħhom, jekk jitolbu dan.

Akkomodazzjoni għall-klieb ta’ assistenza rikonoxxuti

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li, fejn ikun meħtieġ kelb tal-assistenza rikonoxxut, tali rekwiżit għandu jiġi ssodisfat – dment li dan ir-rekwiżit jiġi nnotifikat lit-trasportatur tal-ajru jew lill-aġent tiegħu jew lill-operatur turistiku f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli li jkopru l-ġarr tal-klieb tal-assistenza abbord l-inġenji tal-ajru (fejn jeżistu tali regoli). L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jistipula li s-servizzi fuq l-art ta’ klieb ta’ assistenza rikonoxxuti huwa r-responsabbiltà tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti.

Huwa xieraq li tiġi pprovduta żona ta’ serħan tal-klieb miżmuma tajjeb għall-klieb ta’ assistenza,

“Jiem ta’ aċċessibbiltà”: prattika tajba tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru biex jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ivvjaġġar bl-ajru

Diversi ajruporti u trasportaturi tal-ajru diġà implimentaw il-prattika tajba tal-organizzazzjoni ta’ “jiem ta’ aċċessibbiltà” sabiex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ajruport u mal-ambjenti abbord qabel il-vjaġġ tagħhom.

6.5.   Standards ta’ kwalità tal-ajruporti

Konsultazzjoni mal-utenti tal-ajruport u mar-rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom huwa ta’ mill-inqas 150 000 moviment kummerċjali ta’ passiġġieri jrid ikollhom standards ta’ kwalità għall-assistenza speċifikata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti għandhom jistabbilixxu dawk l-istandards ta’ kwalità u jiddeterminaw ir-riżorsi biex jintlaħqu, f’kooperazzjoni mat-trasportaturi tal-ajru permezz tal-kumitat tal-utenti tal-ajruport (fejn ikun hemm kumitat bħal dan) u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (60). Jekk ajruport ma jkollux kumitat tal-utenti tal-ajruport, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jenħtieġ li jorganizza forma alternattiva ta’ konsultazzjoni li tinkludi t-trasportaturi tal-ajru kollha li jġorru passiġġieri minn jew lejn l-ajruport ikkonċernat.

Il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport jenħtieġ li jorganizza laqgħat regolari mar-rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa; u jikkonsultahom dwar l-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità; ir-rieżami tal-prestazzjoni skont l-istandards ta’ kwalità; ir-rieżami tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni; l-għoti ta’ kuntratti lil fornituri ta’ servizzi (eskluża l-parti kummerċjalment kunfidenzjali ta’ tali kuntratti); u l-għoti ta’ pariri dwar l-aċċessibbiltà ta’ terminals, tagħmir u servizzi u programmi ta’ taħriġ.

Hija prattika tajba li r-rappreżentanti tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jiġu mistiedna jispezzjonaw il-konformità mal-istandards ta’ kwalità.

Id-dokumenti dwar l-istandards ta’ kwalità jenħtieġ li jiddikjaraw b’mod ċar li saret konsultazzjoni, flimkien ma’ lista ta’ min ġie kkonsultat (eż., l-utenti tal-ajruport u r-rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa); meta saret il-konsultazzjoni; u kif tqiesu l-fehmiet espressi matul il-konsultazzjoni.

Kontenut tal-istandards ta’ kwalità

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddikjara li jridu jitqiesu bis-sħiħ il-politiki u l-kodiċijiet ta’ kondotta rikonoxxuti internazzjonalment (b’mod partikolari l-Kodiċi ta’ Kondotta Tajba tal-ECAC fis-Servizzi fuq l-Art għal Persuni b’Mobbiltà Mnaqqsa) (61). Il-kodiċi tal-ECAC fih standards kwalitattivi u kwantitattivi speċifiċi relatati mal-assistenza stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Standards ta’ kwalità vinkolanti

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma marbuta bl-istandards ta’ kwalità għall-assistenza stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, f’konformità mal-Artikolu 14(1) ta’ dak ir-Regolament li jirrikjedi li l-NEBs jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dawk l-istandards ta’ kwalità.

Pubblikazzjoni tal-istandards ta’ kwalità

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma meħtieġa jippubblikaw id-dokumenti standard ta’ kwalità tagħhom għall-assistenza. Il-passiġġieri jenħtieġ li jkunu jistgħu jidentifikaw dawk l-istandards ta’ kwalità malajr u faċilment fuq is-sit web ta’ ajruport.

Monitoraġġ tal-prestazzjoni skont l-istandards ta’ kwalità

Jenħtieġ li jkun hemm rieżamijiet regolari biex tiġi vverifikata l-prestazzjoni tal-fornitur tas-servizz mal-istandards ta’ kwalità. Il-fornituri tas-servizzi “jenħtieġ li jkunu mistennija jintroduċu s-sistemi tagħhom stess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u jipprovdu data raġonevoli kif meħtieġ mill-komunità tal-ajruporti”  (62).

Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jenħtieġ li jiġbru data li tkejjel il-prestazzjoni fir-rigward tad-dokument dwar l-istandards ta’ kwalità u jissottomettu dik id-data kull sena lill-NEBs. Id-data sottomessa lill-NEBs jenħtieġ li tinkludi data relatata mal-prestazzjoni mqabbla mal-metrika kwantitattiva tal-ECAC (63); ir-riżultati ta’ kwalunkwe stħarriġ dwar il-passiġġieri; is-sommarji tal-laqgħat mar-rappreżentanti tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa; inċidenti fejn titjira ta’ passiġġier jew titjira konnessa tkun intilfet; u inċidenti fejn l-assistenza għall-passiġġieri li jaslu ma kinitx disponibbli fil-bieb fi żmien 45 minuta mill-wasla.

Hija prattika tajba għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti li jadottaw għodod (eż., sistemi ta’ software li jagħtu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti aċċess f’ħin reali għal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u data dwar il-prestazzjoni relatata mal-għoti ta’ assistenza lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa). Dan jgħin biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-assistenza lill-passiġġieri tiġi trażmessa b’mod akkurat; li t-tariffi speċifiċi stabbiliti mill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti għall-assistenza ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa huma raġonevoli u relatati mal-kostijiet; u li l-konformità mal-istandards ta’ kwalità tiġi mmonitorjata b’mod akkurat. Tali għodod jenħtieġ li jimmonitorjaw l-istandards ta’ kwalità billi jkejlu s-servizzi pprovduti lil kull passiġġier individwali.

6.6.   Obbligu tat-trasportaturi tal-ajru li jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa f’każ ta’ dewmien u ta’ kanċellazzjonijiet

Minbarra r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar l-għoti ta’ assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruporti, l-Artikolu 9(1) u 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jirrikjedi li t-trasportaturi operattivi jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa u ta’ kwalunkwe persuna li takkumpanjahom fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord, kanċellazzjoni jew dewmien ta’ kwalunkwe tul. Il-passiġġieri kollha huma intitolati li jirċievu kura bħal ikliet u xorb (fi proporzjon raġonevoli għat-tul ta’ żmien ta’ stennija); akkomodazzjoni f’lukanda jekk tkun meħtieġa waqfa matul il-lejl; u l-possibbiltà li jsiru żewġ telefonati mingħajr ħlas u li jintużaw il-faċilitajiet tal-posta elettronika. Madankollu, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jingħataw prijorità.

Il-passiġġieri jenħtieġ li jiġu offruti tali kura, mingħajr ħlas u b’mod ċar u aċċessibbli (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni). It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jkollhom ukoll proċessi fis-seħħ biex b’mod attiv joffru kura lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fuq titjira rilevanti u jipprovduhom b’attenzjoni bħala prijorità. Dan ifisser li l-passiġġieri jenħtieġ li ma jitħallewx jagħmlu arranġamenti huma stess (pereżempju, isibu u jħallsu għall-akkomodazzjoni jew l-ikel). It-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom minflok joffru l-kura b’mod attiv. It-trasportaturi tal-ajru li joperaw jenħtieġ li jiżguraw ukoll, meta possibbli, li l-akkomodazzjoni offruta tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u l-klieb ta’ assistenza tagħhom.

Fid-dawl tar-rekwiżiti fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord, dewmien twil u kanċellazzjonijiet, hija prattika tajba għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u għat-trasportaturi tal-ajru li jistabbilixxu u jżommu pjanijiet ta’ kontinġenza ta’ emerġenza biex jimminimizzaw l-impatt ta’ interruzzjonijiet kbar fit-titjiriet fuq persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa fl-ajruporti (eż. b’lista ta’ akkomodazzjoni aċċessibbli fil-viċinanza tal-ajruport; lista ta’ fornituri potenzjali ta’ tagħmir mediku; u dettalji tal-punti tal-iċċarġjar għat-tagħmir mediku elettriku).

6.7.   Saħħa u sikurezza tal-persunal ta’ assistenza

Is-saħħa u s-sikurezza tal-persunal tal-ajruport li jipprovdi assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li ma jiġux kompromessi. Pereżempju, meta jipprovdi assistenza, il-persunal tal-ajruport għandu, meta possibbli, juża għajnuniet mekkaniċi bħal siġġijiet tar-roti fuq l-art, siġġijiet tar-roti li jitilgħu abbord, rampi u liftijiet; u l-irfigħ manwali tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali.

Meta l-Istati Membri jkollhom regoli nazzjonali li jirregolaw ir-responsabbiltajiet tal-impjegaturi fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati tagħhom, dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu segwiti meta tingħata l-assistenza.

7.   RIFJUT TA’ IMBARK TA’ PASSIĠĠIER B’DIŻABBILTÀ JEW PASSIĠĠIER B’MOBBILTÀ MNAQQSA U LI L-IMBARK ISIR BIL-KUNDIZZJONI LI TALI PASSIĠĠIERI JIVVJAĠĠAW MA’ ASSISTENT TAS-SIKUREZZA

Il-punt 5.5 hawn fuq dwar ir-rifjut ta’ prenotazzjoni jew imbarkazzjoni huwa applikabbli wkoll għal sitwazzjonijiet fejn trasportatur tal-ajru jirrifjuta li jimbarka passiġġier għal raġunijiet ta’ rekwiżiti ta’ sikurezza; jew jissoġġetta t-trasport tal-passiġġier ikkonċernat għall-kundizzjoni li dan ikun akkumpanjat minn persuna kapaċi li tipprovdi l-assistenza meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli.

8.   ASSISTENZA PPROVDUTA MIT-TRASPORTATUR TAL-AJRU

Trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi l-assistenza elenkata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jekk dawk il-persuni jkunu nnotifikaw minn qabel il-ħtieġa tagħhom għall-assistenza mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat tat-titjira; ikunu nnotifikaw minn qabel il-fatt li qed jivvjaġġaw b’kelb ta’ assistenza; u jkunu ppreżentaw ruħhom f’punt deżinjat tal-wasla u tat-tluq u aktar tard fil-bank taċ-check-in fil-ħin stipulat fl-Artikolu 7(4) ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, trasportatur tal-ajru għandu jipprovdi l-assistenza elenkata fl-Anness II tar-Regolament mingħajr ħlas.

Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà primarja tal-ekwipaġġ tal-kabina hija s-sikurezza tal-passiġġieri kollha abbord inġenju tal-ajru. Dawn jiżguraw li jitħarsu r-rekwiżiti tas-sikurezza abbord u jorganizzaw assistenza ta’ sikurezza f’każ ta’ emerġenzi u matul l-operazzjonijiet ta’ kuljum. Kwalunkwe azzjoni li tista’ tikkomprometti t-twettiq ta’ dmirijiethom jew l-istat mediku tagħhom (inklużi kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa u sikurezza) jista’ jkollha impatt fuq is-sikurezza tal-passiġġieri kollha abbord. L-ekwipaġġi tal-kabina mhumiex meħtieġa jipprovdu assistenza personali lill-persuni b’diżabbiltà jew lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (eż. assistenza għall-ikel jew għax-xorb) li tmur lil hinn mis-servizz ipprovdut lil passiġġieri oħra. Madankollu, dawn jistgħu jkunu mistennija li jassistu fil-ftuħ tal-kontenituri tal-ikel u fid-deskrizzjoni tal-arranġamenti tal-forniment tal-ikel għal persuni neqsin mid-dawl. Bl-istess mod, l-ekwipaġġ tal-kabina mhuwiex meħtieġ jipprovdi assistenza f’kamra tal-ħasil jew fl-użu ta’ faċilitajiet sanitarji (f’każijiet fejn il-passiġġier ma jkunx jista’ juża l-faċilitajiet tat-toilet mingħajr assistenza). Madankollu, l-ekwipaġġ tal-kabina jista’ jkun mistenni li jassisti passiġġier biex jiċċaqlaq mill-kabina f’siġġu tar-roti abbord (fejn ikun installat) jew b’metodi alternattivi. Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina mhumiex meħtieġa jipprovdu servizzi mediċi (inkluża l-amministrazzjoni ta’ medikazzjoni lill-passiġġieri b’diżabbltà jew lill-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa). Jekk persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa ma tkunx tista’ twettaq tali kompiti mingħajr assistenza iżda jkollha bżonn twettaq wieħed jew aktar minn dawn il-kompiti matul it-titjira, assistent li jkun kapaċi jipprovdi l-assistenza meħtieġa jrid jakkumpanja lil dik il-persuna.

Fir-rigward tat-trasport tal-bagalji: minbarra l-obbligu tat-trasportaturi tal-ajru li jittrasportaw tagħmir mediku u żewġ biċċiet ta’ tagħmir ta’ mobbiltà għal kull persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr ħlas (kif stabbilit f’aktar dettalji fil-punti 8.2 u 8.3 hawn taħt), ir-regoli dwar il-limitazzjonijiet tal-piż japplikaw għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa bl-istess mod kif japplikaw għal kwalunkwe passiġġier ieħor (jiġifieri, iridu jħallsu l-istess tariffa għall-bagalji b’piż żejjed bħal kwalunkwe passiġġier ieħor). Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, ir-regoli dwar il-limitazzjonijiet tal-piż ma japplikawx għat-trasport ta’ tagħmir mediku u ta’ mobbiltà sakemm tiġi rispettata l-limitazzjoni ta’ żewġ biċċiet ta’ tagħmir ta’ mobbiltà għal kull persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa u jkun hemm konformità ma’ kwalunkwe restrizzjoni applikabbli relatata mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi, is-sikurezza jew id-daqs tal-avjazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru.

8.1.   Ġarr ta’ klieb ta’ assistenza rikonoxxuti fil-kabina

Soġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar il-moviment tal-annimali msemmija fil-punt 5.7 (64), il-klieb ta’ assistenza rikonoxxuti għandhom jitħallew jivvjaġġaw fil-kabina tal-passiġġieri mingħajr ħlas addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu.

Normalment, il-klieb ta’ assistenza rikonoxxuti jpoġġu fl-ispazju fl-art quddiem is-sit ta’ sidhom. Jekk kelb ta’ assistenza ma jkunx jista’ joqgħod fl-art quddiem is-sit ta’ sidu (pereżempju, minħabba li jkun kbir wisq), it-trasportatur tal-ajru għandu joffri arranġament alternattiv xieraq għall-akkomodazzjoni tal-kelb mingħajr ma jitlob tariffi addizzjonali, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu. Dan jista’ jinkludi l-għoti ta’ sit għall-kelb ta’ assistenza ħdejn il-persuna b’diżabbiltà mingħajr ħlas.

8.2.   Trasport ta’ tagħmir ta’ mobbiltà

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu, trasportatur tal-ajru jrid jittrasporta sa żewġ biċċiet ta’ tagħmir ta’ mobbiltà (inkluż siġġijiet tar-roti elettriċi) għal kull persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa, mingħajr ħlas.

Il-persuna kkonċernata għandha tinnotifika lit-trasportatur tal-ajru mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat tat-titjira dwar it-trasport tas-siġġijiet tar-roti elettriċi. Il-ġarr ta’ tali siġġijiet tar-roti elettriċi huwa soġġett għal limitazzjonijiet possibbli ta’ spazju abbord l-inġenju tal-ajru. Huwa soġġett ukoll għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-oġġetti perikolużi.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ma jiddefinixxix “tagħmir ta’ mobbiltà”. Madankollu, dan jista’ jinftiehem bħala kwalunkwe tagħmir li huwa maħsub biex jassisti lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa bil-mobbiltà tagħhom. It-trasport b’xejn ta’ tagħmir ta’ mobbiltà mhuwiex limitat għal dawk l-oġġetti meħtieġa matul it-titjira, iżda jinkludi wkoll tagħmir ta’ mobbiltà meħtieġ fid-destinazzjoni. Is-siġġijiet tar-roti elettriċi spiss ma jkunux jistgħu jiġu ttrasportati fil-kabina tal-inġenju tal-ajru, għalhekk l-inklużjoni tagħhom fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 fil-kategorija tat-tagħmir għall-mobbiltà li jrid jiġi ttrasportat mingħajr ħlas, tfisser li dik il-kategorija tinkludi oġġetti li mhumiex meħtieġa matul it-titjira iżda pjuttost fid-destinazzjoni.

Biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa, it-trasportaturi tal-ajru, l-aġenti u l-operaturi turistiċi tagħhom jenħtieġ li jitolbu bil-quddiem lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bit-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa relatata mat-trasport tagħhom.

Il-“Gwida tal-IATA dwar it-Trasport ta’ għajnuna għall-Mobbiltà”  (65) hija r-riżultat ta’ inizjattiva tal-IATA biex tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati involuti fit-trasport tat-tagħmir ta’ mobbiltà (inkluż rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà, trasportaturi tal-ajru, fornituri tas-servizzi fuq l-art, ajruporti, regolaturi, akkademiċi, u manifatturi tat-tagħmir ta’ mobbiltà), sabiex jinġabru l-aħjar prattiki relatati mat-trasport sikur tat-tagħmir ta’ mobbiltà. Fiha rakkomandazzjonijiet li jgħinu lit-trasportaturi tal-ajru u lill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mat-trasport tat-tagħmir ta’ mobbiltà; u biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-għadd ta’ każijiet fejn trasportatur tal-ajru jirrifjuta li jittrasporta tagħmir ta’ mobbiltà jew fejn it-tagħmir ta’ mobbiltà jintilef jew issirlu ħsara.

8.3.   Trasport ta’ tagħmir mediku

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu, it-trasportaturi tal-ajru huma meħtieġa jittrasportaw it-tagħmir mediku tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, mingħajr ħlas.

Minħabba l-ispettru wiesa’ ta’ passiġġieri li r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ifittex li jkopri, ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ tagħmir mediku jew il-kwantità ta’ tali oġġetti li jistgħu jinġarru (għall-kuntrarju ta’ tagħmir ta’ mobbiltà, li, kif iddikjarat hawn fuq fil-punt 8.2 huwa limitat għal żewġ oġġetti). Iċ-ċirkostanzi ta’ kull talba biex jinġarru tali oġġetti jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fuq il-merti individwali tagħha u b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-passiġġier.

Il-leġiżlazzjoni dwar oġġetti perikolużi jista’ jkollha impatt fuq il-ġarr ta’ tagħmir mediku: medikazzjoni likwida fuq ċerta kwantità jew siringi tista’ tkun permessa biss fil-bagalji tal-kabina fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku li jindika li l-użu tat-tagħmir jew tal-mediċina matul il-vjaġġ huwa essenzjali, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

It-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasportaw l-ossiġenu mediku ta’ persuni b’diżabbiltà fil-kabina mingħajr ħlas, dment li t-tagħmir jissodisfa kwalunkwe rekwiżit statutorju relatat mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi u li jkun ibbażat fuq l-Istruzzjonijiet Tekniċi tal-ICAO għat-Trasport Sikur ta’ Oġġetti Perikolużi bl-Ajru” (66); u soġġetti għal avviż minn qabel lit-trasportatur. It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jagħżlu wkoll li jipprovdu ossiġenu mediku direttament lill-passiġġieri. Madankollu, huma mhumiex obbligati li jagħmlu dan u huma intitolati li jitolbu ħlas għall-provvista ta’ ossiġenu mediku. Jekk it-trasportaturi tal-ajru jiddeċiedu li jipprovdu ossiġenu mediku lill-passiġġieri tagħhom, hija prattika tajba li dan jiġi offrut b’rata skontata. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jippubblikaw it-tariffi li jitolbu għall-forniment ta’ ossiġenu mediku. It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jeħtieġu avviż bil-quddiem tal-ħtieġa għall-ossiġenu meta persuna b’diżabbiltà tkun tixtieq tuża l-provvista tat-trasportatur tal-ajru stess matul it-titjira.

Hija r-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-passiġġieri, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bl-ajru.

8.4.   Sits li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (67)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu, it-trasportaturi tal-ajru huma meħtieġa jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirranġaw is-sits biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa fuq talba u soġġett għar-rekwiżiti tas-sikurezza u d-disponibbiltà (68).

Għalhekk, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkollhom aċċess għal sits xierqa jekk ikunu disponibbli fil-ħin tal-prenotazzjoni. Ma għandhomx jintalbu jħallsu tariffa għall-aċċess għal sit xieraq, f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu. Il-politiki tat-trasportaturi tal-ajru dwar l-allokazzjoni tas-sits għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkunu trasparenti. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jippubblikaw il-proċeduri tagħhom għat-talba ta’ “post xieraq” fuq is-siti web tagħhom.

It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jitolbu informazzjoni dwar diżabbiltà jew restrizzjoni tal-mobbiltà sabiex ikunu jistgħu jallokaw l-aktar sit xieraq għall-persuna kkonċernata.

Il-Manwal tal-ICAO jiddikjara (69) li “meta persuna tidentifika n-natura tad-diżabbiltà tagħha, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li, qabel ma jassenja sit lil dak il-passiġġier, jinforma lill-passiġġier dwar dawk is-sits disponibbli li huma l-aktar aċċessibbli u mbagħad jistabbilixxi ma’ dak il-passiġġier assenjazzjoni xierqa tas-sit (eż. armrest mobbli, toilet fil-qrib, postijiet bilqiegħda ħdejn il-persuna b’diżabbiltà u l-assistent), soġġett għar-regolamenti tas-sikurezza. Jekk is-sits ma jiġux allokati minn qabel, hija prattika tajba li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jitħallew jitilgħu abbord u jagħżlu l-post li jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, jekk disponibbli, soġġett għar-regolamenti tas-sikurezza”.

Ladarba jkunu ġew allokati s-sits, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li ma jiġux imċaqalqa mis-sits li huma l-aktar xierqa għalihom, għajr għal raġunijiet ta’ sikurezza. F’każ ta’ bidla ta’ inġenju tal-ajru, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu mill-ġdid allokati sit xieraq.

8.5.   Sits tal-persuni li jakkumpanjaw persuna b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa

F’konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex jagħtu lil persuna, li takkumpanja persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa biex tassisti lil dik il-persuna, sit ħdejn il-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa. Barra minn hekk, abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) adottat standard dwar il-ġarr ta’ kategoriji speċjali ta’ passiġġieri li jistabbilixxi (fost punti oħra) li l-persuni li jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jkollhom sit ħdejn il-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa li jakkumpanjaw (70).

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II ta’ dak ir-Regolament, jekk (i) trasportatur tal-ajru jkun jeħtieġ li assistent tas-sikurezza jakkumpanja persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, u (ii) dak it-trasportatur tal-ajru jkun jista’ jpoġġi l-assistent tas-sikurezza li jakkumpanjah ħdejn il-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa; imbagħad it-trasportatur tal-ajru ma jrid jimponi l-ebda ħlas addizzjonali għall-prenotazzjoni tas-sit tal-assistent tas-sikurezza li jakkumpanjah.

8.6.   Komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali dwar titjira

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u l-Anness II tiegħu, l-informazzjoni essenzjali dwar it-titjiriet trid tiġi pprovduta f’formati aċċessibbli. Dan jenħtieġ li dejjem jinkludi l-informazzjoni dwar is-sikurezza relatata mal-inġenju tal-ajru. Mit-28 ta’ Ġunju 2025, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni trid tkun konformi mar-regoli stipulati fid-Direttiva (UE) 2019/882.

8.7.   Assistenza fil-moviment lejn faċilitajiet sanitarji

Skont l-Artikolu 10 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-ekwipaġġ tal-kabina huwa meħtieġ jipprovdi assistenza xierqa lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jiċċaqalqu mis-sit tagħhom għal faċilitajiet sanitarji, meta jkun meħtieġ.

Madankollu, tali assistenza jenħtieġ li ma tikkompromettix is-saħħa u s-sikurezza tal-ekwipaġġ tal-kabina. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ tagħmir xieraq, l-ekwipaġġ tal-kabina jenħtieġ li ma jkunx obbligat jassisti persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa biex jerfa’ u jiċċaqlaq manwalment mis-sit tiegħu għall-faċilitajiet sanitarji. Fil-prinċipju, is-siġġijiet tar-roti abbord jenħtieġ li jintużaw għal dak il-fini meta disponibbli (bords għat-trasferiment jew paranki ta’ grad mediku jistgħu jkunu alternattivi ekwivalenti).

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li ma jitħallewx jitilgħu abbord sempliċiment minħabba li ma jistgħux jiġu assistiti biex jiċċaqilqu lejn il-faċilitajiet sanitarji minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ siġġu tar-roti abbord jew ta’ apparat alternattiv. Meta possibbli, jenħtieġ li jiġu infurmati minn qabel li siġġu tar-roti abbord jew għodda alternattiva ma jkunux disponibbli, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jivvjaġġawx f’dawk il-kundizzjonijiet jew le. L-impossibbiltà li persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa jużaw il-faċilitajiet sanitarji fiha nnifisha mhijiex riskju għas-sikurezza u għalhekk tista’ ma tkunx raġuni valida biex jiġi rrifjutat it-trasport tagħhom, speċjalment matul titjiriet qosra.

It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li, meta possibbli, iqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jiddeċiedu dwar id-disinn ta’ inġenji tal-ajru ġodda u dawk li jkunu għadhom kif ġew rinnovati (71). Dan jista’ jinkludi l-forniment ta’ siġġu tar-roti abbord xieraq u d-disinn ta’ faċilitajiet sanitarji aċċessibbli. Il-Parti I tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC, fih rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-tagħmir minimu mixtieq tal-inġenji tal-ajru relatat mal-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (72).

9.   TELF JEW ĦSARA LIT-TAGĦMIR TA’ MOBBILTÀ

It-tagħmir ta’ mobbiltà huwa kruċjali biex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jibqgħu indipendenti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dawn spiss ikunu mfassla apposta u jistgħu jkunu għaljin ħafna biex jiġu sostitwiti jew jissewwew.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, meta t-tagħmir ta’ mobbiltà jew it-tagħmir ta’ assistenza jintilef jew issirlu ħsara waqt li jkun qed jiġi mmaniġġjat fl-ajruport jew jiġi ttrasportat abbord l-inġenju tal-ajru, il-passiġġier li għalih jappartjeni t-tagħmir jenħtieġ li jiġi kkumpensat, f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-UE u nazzjonali.

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Montreal), tirregola r-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru għal tagħmir ta’ mobbiltà mitluf jew bil-ħsara (73). Il-Konvenzjoni tiddikjara li t-trasportaturi tal-ajru huma responsabbli għal kwalunkwe telf ta’ jew ħsara lil bagalji personali (inkluż it-tagħmir ta’ mobbiltà).

F’konformità mal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti huma responsabbli għas-servizzi fuq l-art tat-tagħmir ta’ mobbiltà. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal fir-rigward tal-ħlas tad-danni fil-każ ta’ telf jew ħsara lit-tagħmir ta’ mobbiltà. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ma jipprevjenix lit-trasportaturi tal-ajru milli jfittxu li jirkupraw il-kost ta’ kwalunkwe kumpens imħallas meta t-telf jew il-ħsara lit-tagħmir ta’ mobbiltà jirriżultaw mill-azzjonijiet tal-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew ta’ kwalunkwe parti terza oħra.

L-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, jillimita l-kumpens għal bagalji personali mitlufa jew danneġġati (inkluż tagħmir ta’ mobbiltà) (74). Tali kumpens spiss ma jkoprix il-kostijiet reali tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija ta’ tagħmir ta’ mobbiltà. L-Artikolu 22(2) jippermetti wkoll lill-passiġġieri jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-konsenja fid-destinazzjoni meta l-bagalji jingħataw lit-trasportatur tal-ajru u, jekk ikun meħtieġ, iħallsu tariffa supplimentari. Il-passiġġier jindika l-valur tal-bagalji f’dik id-dikjarazzjoni; u, f’każ ta’ telf jew ħsara, it-trasportatur ikun responsabbli li jħallas somma li ma taqbiżx il-valur iddikjarat tal-bagalji, sakemm ma jagħtix prova li din is-somma hija akbar mill-interess attwali tal-passiġġier fil-kunsinna fid-destinazzjoni.

Hija prattika tajba għat-trasportaturi tal-ajru u l-aġenti tagħhom li joffru b’mod proattiv lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal – diġà fil-mument tal-prenotazzjoni iżda mhux aktar tard minn meta t-tagħmir jingħata lit-trasportatur. Hija prattika tajba li dik id-dikjarazzjoni titħalla ssir mingħajr ħlas (75).

Huwa rakkomandabbli li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bit-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom jikkunsidraw jekk jestendux il-polza tal-assigurazzjoni tagħhom għat-telf jew il-ħsara lit-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom.

10.   ILMENTI

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jipprevedi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa li tqis li d-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ikunu nkisru jkollha l-possibbiltà li l-ewwel tressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport jew tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat (skont il-każ).

Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tista’ tressaq ilment lil NEB biss jekk (i) ikunu diġà ressqu lment lit-trasportatur tal-ajru jew lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, u (ii) dan tal-aħħar ma jkunx wieġeb fi żmien raġonevoli lill-ilmentatur, jew jekk l-ilmentatur ma jqisx it-tweġiba sodisfaċenti.

Persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tista’ tilmenta ma’ kwalunkwe mill-NEBs inkarigati mill-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri jew ma’ kwalunkwe awtorità oħra li tkun kompetenti biex tittratta l-ilmenti relatati ma’ dak ir-Regolament (76).

Madankollu, mhux l-NEBs kollha ta’ kull Stat Membru għandhom il-ġurisdizzjoni li jittrattaw ilmenti bħal dawn. Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-NEBs huma responsabbli biss għall-infurzar tiegħu fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f’ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri tagħhom.

Hija prattika tajba li jiġi segwit l-approċċ ibbażat fuq l-inċidenti, simili għall-attribuzzjoni tal-ilmenti bejn l-NEBs għar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (77).

Għal ilmenti marbuta mal-assistenza meħtieġa li tiġi pprovduta minn korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport: l-NEB kompetenti jenħtieġ li tkun dik fl-Istat Membru fejn jinsab l-ajruport ikkonċernat (78).

Għal ilmenti marbuta mal-assistenza li għandha tiġi pprovduta minn trasportatur tal-ajru: jekk il-post tat-tluq ikun jinsab fi Stat Membru, l-NEB kompetenti jenħtieġ li jkun l-NEB f’dak l-Istat Membru; iżda jekk il-post tat-tluq ikun jinsab barra l-Istati Membri u t-titjira tkun operata minn trasportatur liċenzjat tal-UE, l-NEB kompetenti għandu jkun l-NEB fl-ewwel Stat Membru tal-wasla.

Il-prinċipju tat-territorjalità jfisser li, jekk iseħħ inċident matul titjira, l-NEB mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tal-operat tat-trasportatur tal-ajru jista’ jintalab mill-NEB li jittratta l-ilment biex jipprovdi assistenza fir-riżoluzzjoni tal-ilment.

Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, NEB li jirċievi l-ilment iżda li ma jkollux il-kompetenza li jittrattah għandu jgħaddih lill-NEB li għandu tali kompetenza.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, jeħtieġ li l-NEBs jikkooperaw u jassistu lil xulxin b’mod reċiproku, sabiex l-NEB kompetenti responsabbli għat-trattament ta’ lment dwar trasportatur speċifiku jkun jista’ jikseb l-informazzjoni meħtieġa biex isolvi l-ilment (filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data).

L-entitajiet rilevanti kollha (it-trasportaturi tal-ajru u l-aġenti tagħhom, l-operaturi turistiċi, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u l-NEBs) jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jressqu l-ilmenti tagħhom b’mezzi aċċessibbli.

11.   IR-RWOL TAL-NEBS: MONITORAĠĠ U INFURZAR TAL-KONFORMITÀ

L-NEBs jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jiġu rispettati. F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-NEB jew l-NEBs ta’ Stat Membru huma responsabbli għall-infurzar tar-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f’ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom.

Hija prattika tajba għall-NEBs kollha li jimmonitorjaw b’mod proattiv l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u li jżommu responsabbli l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ jistgħu jinkludu spezzjonijiet regolari fl-ajruporti u fit-trasportaturi tal-ajru; rieżamijiet tas-siti web tal-ajruporti u tat-trasportaturi tal-ajru għall-aċċessibbiltà u l-kontenut rilevanti għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (79). L-NEB tal-Istat Membru li jkun ta l-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru tal-UE jenħtieġ li jimmonitorja l-prattiki kummerċjali tiegħu relatati mar-Regolament (KE) Nru 1107/2006; il-“manwali tal-proċedura” tagħha; u l-għodod u l-proċeduri li t-trasportatur tal-ajru stabbilixxa biex jiżgura konformità sħiħa mar-Regolament. Huma jenħtieġ li jissorveljaw b’mod partikolari r-regoli tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru sabiex jiżguraw li dawn ikunu bbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza u għandhom jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru ma jnaqqsux l-għadd ta’ passiġġieri b’diżabbiltà u ta’ passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa għal raġunijiet oħra (eż., kummerċjali). L-NEBs li identifikaw applikazzjoni ħażina fit-territorju tagħhom tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 marbuta mal-prattiki, l-għodod u l-proċeduri kummerċjali ta’ trasportatur tal-ajru jridu jiġbdu l-attenzjoni tal-NEB tal-Istat Membru li jagħti l-liċenzja operattiva tat-trasportatur tal-ajru tal-UE, sabiex l-NEBs (jekk possibbli) ikunu jistgħu jikkoordinaw azzjonijiet bl-għan li jwaqqfu prattiki illegali.

Hija prattika tajba għall-NEBs li jikkonsultaw regolarment lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-industrija (il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi turistiċi) jew li jistabbilixxu bordijiet konsultattivi li jikkonsistu mir-rappreżentanti ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati. Meta jiġu stabbiliti tali bordijiet konsultattivi dwar id-diżabbiltà, l-NEBs jistgħu jikkunsidraw li jistiednu (minbarra l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa) esperti mhux affiljati li jittrattaw il-faċilitazzjoni tat-trasport bl-ajru ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll persuni mhux affiljati b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li huma flyers frekwenti u li jistgħu jipprovdu pariri prattiċi lill-NEBs.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj).

(2)  L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 bdew japplikaw mis-26 ta’ Lulju 2007.

(3)   ĠU C 326, 26.10.2012, p. 400, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/530/oj.

(4)  () https://www.un.org/development/desa/disabilities/convention-on-the-rights-of-persons-with disabilities.html. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma kollha partijiet għall-Konvenzjoni.

(5)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2012, Linji Gwida Interpretattivi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, SWD(2012) 171 final,https://transport.ec.europa.eu/document/download/4a0673a7-27d2-421e-8cf2-5b59d2816c21_en?filename=2012-06-11-swd-2012-171_en.pdf.

(6)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tar-Regolament(KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, SWD(2021) 417 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021SC0418.

(7)  L-ECAC hija organizzazzjoni intergovernattiva li ġiet stabbilita mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization) u mill-Kunsill tal-Ewropa. Bħalissa għandha 44 stat membru, li fosthom hemm is-27 Stat Membru kollha tal-UE. L-għanijiet tagħha huma li tarmonizza l-politiki u l-prattiki tal-avjazzjoni ċivili fost l-istati membri tagħha u, fl-istess ħin, tippromwovi l-fehim dwar kwistjonijiet ta’ politika bejn l-istati membri tagħha u partijiet oħra tad-dinja.

(8)  It-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC. L-aħħar verżjoni tad-dokument (it-13-il Edizzjoni, Diċembru 2023) tista’ tinstab fuq: https://www.ecac-ceac.org/images/activities/facilitation/ECAC-Doc_30_Part_I_Facilitation_13th_edition_13_Dec_2023.pdf.

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/965/oj).

(11)  Ara l-punt 5.2.2 għall-informazzjoni minima li jenħtieġ li tiġi ppubblikata.

(12)  Ara l-premessa 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(13)  Ara l-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(14)  L-Anness 5-D tad-Dok Nru 30 tal-ECAC jispeċifika li l-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jeħtieġu assistenza jenħtieġ li ma jitħallewx waħedhom għal aktar minn 30 minuta.

(15)  Ara l-premessa 13 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(16)  Skont l-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE, Treaty on the Functioning of the European Union), il-liġi tal-UE ma tapplikax għall-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness II tat-TFUE (ara l-Anness II tat-TFUE https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A12007L%2FTXT). Dawk il-pajjiżi u t-territorji huma minflok soġġetti għall-arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni stabbiliti f’konformità mar-Raba’ Parti tat-TFUE. Barra minn hekk, skont l-att ta’ adeżjoni tad-Danimarka, il-liġi tal-UE ma tapplikax għall-Gżejjer Faeroe. Il-Gżejjer Faeroe għandhom għalhekk jitqiesu bħala pajjiż terz skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

B’kuntrast ma’ dan, skont l-Artikolu 355 tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati japplikaw għad-dipartimenti extra-Ewropej Franċiżi (jiġifieri l-Guadeloupe, il-Gujana Franċiża, il-Martinique, ir-Réunion, Saint Barthelemy u Saint-Martin), l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji. Dawn it-territorji huma għalhekk parti minn Stat Membru li għalih japplika t-Trattat skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 huwa applikabbli wkoll għall-Iżlanda u għan-Norveġja (skont il-Ftehim ŻEE) u l-Iżvizzera (f’konformità mal-Ftehim tal-1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

(17)  Fl-2024, il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti (ACI, Airport Council International) Ewropa ppubblika l-linji gwida tiegħu dwar “Assistenza lill-passiġġieri b’diżabbiltajiet mhux viżibbli” għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti. Dawn il-linji gwida jiddeskrivu l-aktar diżabbiltajiet moħbija komuni u jipprovdu gwida prattika dwar kif għandhom jiġu assistiti l-persuni b’dawn id-diżabbiltajiet: https://www.aci-europe.org/downloads/publications/ACI%20EUROPE%20Guidance%20on%20assisting%20passengers%20with%20non-visible%20disabilities%202024.pdf.

(18)  Ir-Riżoluzzjoni 700 tal-IATA (Aċċettazzjoni u Ġarr ta’ Passiġġieri Inkapitalizzati) (it-22 edizzjoni, Ġunju 2022) tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jkun xieraq li tintalab l-approvazzjoni medika tal-passiġġier ikkonċernat.

(19)  Ara l-punt 3.1.3 dwar il-Karta Medika ta’ Vjaġġatur Frekwenti (FREMEC) fir-Riżoluzzjoni 700 tal-IATA (Aċċettazzjoni u Ġarr ta’ Passiġġieri Inkapitalizzati) (it-22 edizzjoni, Ġunju 2002).

(20)  Skont CAT.GEN.MPA.105 (Responsabbiltajiet tal-kmandant (tat-titjira)) stabbiliti fl-Anness IV. Is-Subparti A tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/965/oj).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/261/oj).

(22)  Ara l-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(23)  Pereżempju, l-aġenti tal-prenotazzjoni u l-persunal taċ-ċentri telefoniċi tat-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jirċievu taħriġ speċifiku dwar kif ifittxu informazzjoni dwar id-diżabbiltà jew it-tnaqqis fil-mobbiltà; x’inhuma l-ħtiġijiet tipiċi ta’ assistenza ta’ persuna b’dik id-diżabbiltà speċifika jew it-tnaqqis fil-mobbiltà; u kif tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar l-assistenza u biex jiġi żgurat li din tiġi mgħoddija b’mod korrett.

L-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza tal-għoti ta’ assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jiġu mgħallma wkoll sabiex jiġi żgurat li s-saħħa u s-sikurezza tal-persunal ma jiġux kompromessi filwaqt li tingħata l-assistenza.

(24)  Din il-kategorija jenħtieġ li tinkludi wkoll kmandanti tal-inġenji tal-ajru, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew dwar l-imbark ta’ persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lit-taħriġ tagħhom dwar “diżabbiltajiet moħbija”.

(25)  Pereżempju, il-persunal tas-servizzi fuq l-art jenħtieġ li jitħarreġ fl-immaniġġjar tat-tagħmir ta’ mobbiltà.

(26)  Ara l-Anness 5-G tad-Dok Nru 30, il-Parti I, it-Taqsima 5 tal-ECAC.

(27)  Ara b’mod partikolari l-Anness 5-G tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(28)  Ara l-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(29)  Bħalissa l-Linji Gwida għall-Aċċessibbiltà tal-Kontenut tal-Web (WCAG) 2.1: https://www.w3.org/TR/WCAG21/.

(30)  Ara pereżempju l-Istandard Ewropew Armonizzat dwar l-Aċċessibbiltà tal-ICT (EN 301 549): https://www.etsi.org/human-factors-accessibility/en-301-549-v3-the-harmonized-european-standard-for-ict-accessibility.

(31)  Ara l-Anness 5-J tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(32)  Jenħtieġ li titqies ukoll il-provvista ta’ telefon testwali li jippermetti l-aċċessibbiltà għal persuni neqsin mis-smigħ u b’indebboliment fis-smigħ.

(33)  Ara l-premessa 2 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(34)  Ara l-Kapitolu 9 ta’ dawn il-linji gwida interpretattivi dwar is-suġġett tad-dikjarazzjoni ta’ interess speċjali.

(35)  Ara l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 ma jobbligax b’mod espliċitu lit-trasportaturi tal-ajru jġorru siġġijiet tar-roti abbord. Madankollu, il-punt 5.5 tat-Taqsima 5, il-Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-ECAC jimponu obbligu fuq it-trasportaturi tal-ajru biex iġorru mill-inqas siġġu tar-roti wieħed abbord fuq inġenji tal-ajru ġodda u fuq inġenji tal-ajru wara rinnovazzjoni maġġuri jekk l-inġenju tal-ajru inkwistjoni jkollu 100 sit jew aktar.

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu assistenza xierqa lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jiċċaqilqu mis-sit tagħhom għal faċilitajiet sanitarji jekk ikun meħtieġ u s-siġġijiet tar-roti abbord huma l-għodda ewlenija għalihom biex jipprovdu tali assistenza.

(37)  Ara l-Anness 5-Htat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(38)  Ara l-Anness 5-J tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(39)  Ara l-premessa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Ara wkoll ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(40)  Ara l-punt 2.1.1. ta’ dawn il-linji gwida.

(41)  Ara l-Artikoli 2(j) u 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

(42)  Dan jinkludi lil kull min ma jkunx jista’ jorbot u jħoll iċ-ċinturin tas-sikurezza tiegħu; jitlaq mill-post tiegħu u jilħaq ħruġ ta’ emerġenza mingħajr għajnuna; isib u jilbes il-ġakketta tas-salvataġġ; jilbes il-maskra tal-ossiġenu mingħajr assistenza; jew jifhem l-informazzjoni dwar is-sikurezza u kwalunkwe parir u struzzjoni mogħtija mill-ekwipaġġ f’sitwazzjoni ta’ emerġenza (inkluża l-informazzjoni kkomunikata f’formati aċċessibbli).

(43)  Ara l-punt 4.2.4.2 tal-Anness 5-H tat-Taqsima 5, il-Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC. Fid-29 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (UE) Nru 1177/2010, (UE) Nru 181/2011 u (UE) 2021/782 fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni (COM(2023) 753 final). Skont il-proposta, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jittrasportaw tali assistenti tas-sikurezza li jakkumpanjawhom mingħajr ħlas u, jekk ikun prattikabbli, ipoġġuhom ħdejn il-persuna b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa li tkun teħtieġ l-assistenza tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(44)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/576/oj).

(45)  Ara l-AMC1 CAT.OP.MPA.155 c) fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/965/2014-02-17).

(46)  Għall-ispjegazzjoni tal-kodiċijiet SSR tal-IATA, ara l-punt 5.8.1 tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(47)  L-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jiddefinixxi “utent tal-ajruport” bħala “kull persuna naturali jew ġuridika responsabbli għat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri mill-ajruport jew lejn l-ajruport konċernat”. L-Artikolu 2(h) jiddefinixxi “Kumitat tal-Utenti tal-Ajruport” bħala “kumitat ta’ rappreżentanti tal-utenti ta’ ajruport jew ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom”.

(48)  Ara l-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(49)  L-Anness 5-K tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC, jipprovdi gwida dettaljata ħafna għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti dwar l-istabbiliment u s-sinjalar tal-punti ta’ sejħa fl-ajruport.

(50)  Ara l-punt 6.5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(51)  Ara l-premessa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(52)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jippermetti l-inklużjoni tal-kost tal-kapital ta’ ekwità fil-kalkolu tal-kost. Il-kost tal-ekwità għandu jinftiehem bħala d-distribuzzjoni mistennija tal-profitt ta’ impriża lill-investituri tal-ekwità tagħha. Hija r-rata ta’ redditu li l-ajruport iħallas lill-investituri tal-ekwità tiegħu sabiex jikseb kapital ta’ ekwità (assi netti) mingħandhom.

(53)  Minbarra l-kompiti għall-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti li huma elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006, il-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2023 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali (COM(2023) 752 final) tobbliga lit-trasportaturi li joffru kuntratti multimodali uniċi biex jikkooperaw mal-korpi ta’ amministrazzjoni tat-terminals biex jassistu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa bl-użu ta’ kuntratti multimodali uniċi, b’mod partikolari meta jikkonnettjaw minn mezz ta’ trasport għal ieħor. It-trasportaturi li joffru kuntratti multimodali uniċi u l-korpi ta’ amministrazzjoni tat-terminals se jkollhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jużaw kuntratti multimodali uniċi se jkollhom jinnotifikaw minn qabel il-ħtieġa ta’ assistenza tagħhom darba biss. It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminals se jkollhom jistabbilixxu u joperaw punti uniċi ta’ kuntatt f’ċerti ċentri multimodali elenkati fl-Anness I tal-proposta biex jirċievu talbiet għall-assistenza minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa u jittrażmettuhom lill-entitajiet responsabbli għall-għoti tal-assistenza.

(54)  Ara l-premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(55)  Ara l-paġni 2, 3 u 4 tal-Anness 5-D, Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(56)  Ara l-punt 6.1. dwar l-għażla tal-punti tal-wasla jew tat-tluq.

(57)  Dan isegwi mill-obbligu fl-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 li l-assistenza għandha, sa fejn ikun possibbli, tkun xierqa għall-ħtiġijiet partikolari tal-passiġġier individwali.

(58)  Ara r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/300/oj).

(59)  Ara l-punt 7.3 tal-Manwal tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Aċċess għat-Trasport bl-Ajru minn Persuni b’Diżabbiltà (id-dokument 9984), l-ewwel edizzjoni, 2013.

(60)  Għalhekk jenħtieġ li korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport iqis l-opinjoni tal-kumitat tal-utenti tal-ajruport dwar it-tagħmir li għandu jinxtara sabiex jassisti persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

(61)  Ara wkoll l-Anness 5-C tat-Taqsima 5, Parti I, tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(62)  Ara l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, flimkien mal-paragrafu 9.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta Tajba tal-ECAC fis-Servizzi fuq l-Art.

(63)  Ara l-punt 7.5 tal-Anness 5-C, it-Taqsima 5, il-Parti I tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(64)  Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 576/2013.

(65)  Il-Gwida tal-IATA dwar it-Trasport ta’ għajnuna għall-Mobbiltà – l-ewwel edizzjoni, Frar 2023,

https://www.iata.org/contentassets/7b3762815ac44a10b83ccf5560c1b308/iata-guidance-on-the-transport-of-mobility-aids-final-feb2023.pdf.

(66)  Id-dokument 9284 tal-ICAO, “Istruzzjonijiet Tekniċi għat-Trasport Sikur tal-Oġġetti Perikolużi bl-Ajru”, japplika d-dispożizzjonijiet bażiċi stabbiliti fl-Anness 18 tal-ICAO “Trasport Sikur tal-Oġġetti Perikolużi bl-Ajru”, li jissemmew ukoll fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012.

(67)  Ara wkoll il-punt 5.8 aktar ’il fuq.

(68)  Ara l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Pereżempju, sit b’armrest mobbli jenħtieġ li jiġi allokat lil passiġġier li ma jkunx jista’ jgħaddi faċilment minn fuq armest mhux mobbli; sit li jipprovdi spazju addizzjonali għas-saqajn għal passiġġier li ma jistax iċaqlaq saqajh; jew post qrib toilet jew ħruġ għal passiġġier b’diffikultà fil-mobbiltà.

(69)  Ara l-paragrafu 3.21 tal-Manwal tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Aċċess għat-Trasport bl-Ajru minn Persuni b’Diżabbiltà (id-dokument 9984), l-ewwel edizzjoni, 2013.

(70)  Ara l-istandard AMC1 CAT.OP.MPA.155(c) tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA):

https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/dfu/Annex%20II%20to%20ED%20Decision%20%28CAT%29%20v13%20%28for%20approval%29.pdf.

Fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, AMC tfisser “mezzi aċċettabbli ta’ konformità”; CAT tfisser “trasport kummerċjali bl-ajru”; u OP tfisser “operazzjoni”.

(71)  Ara l-premessa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(72)  Ara l-punt 5.5 tal-Parti I tad-Dokument Nru 30 tal-ECAC.

(73)  L-UE hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/539/oj).

(74)  Il-Konvenzjoni ta’ Montreal tillimita d-dritt għal kumpens u r-responsabbiltà ta’ trasportatur għal 1 288 drittijiet speċjali ta’ prelevament (SDRs) (madwar EUR 1 581 mill-5.7.2024) fil-każ ta’ qerda, telf, ħsara jew dewmien ta’/għal bagalji.

(75)  Fl-2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament (COM(2013) 130 final) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom. Jekk dawn jiġu adottati, it-trasportaturi tal-ajru u l-aġenti tagħhom ikunu obbligati joffru lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess mingħajr ħlas (ara l-Artikolu 2(4) tal-proposta). L-adozzjoni tar-regolament propost mill-koleġiżlaturi għadha pendenti.

(76)  Jekk l-ilment ikun relatat ma’ sitwazzjoni transfruntiera, l-ilmentatur jista’ jirrikorri għan-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, li jista’ jipprovdi għajnuna prattika biex jiġi solvut l-ilment: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumers/resolve-your-consumer-complaint/european-consumer-centres-network-ecc-net_en#contact-ecc-net.

(77)  Ara f’dak ir-rigward il-ftehim bejn l-NEBs skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 fuq https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/passenger-rights/national-enforcement-bodies-neb_en?msclkid=d61cc23ecf8411ec8e7f093788aace20.

(78)  Ara l-premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

(79)  Fid-29 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (UE) Nru 1177/2010, (UE) Nru 181/2011 u (UE) 2021/782 fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni (COM(2023) 753 final). Dan jobbliga lit-trasportaturi tal-ajru jistabbilixxu standards ta’ kwalità tas-servizz relatati mat-twettiq tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan ir-regolament u jippubblikaw kull sentejn (2) rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kwalità tagħhom. Rapporti bħal dawn jgħinu b’mod sinifikanti lill-NEBs biex iwettqu l-kompiti tagħhom ta’ infurzar u monitoraġġ.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5992/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)