European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/853

5.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/853

tal-14 ta’ April 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni approvat il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (“il-Konvenzjoni ta’ Cape Town”), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE (1) u kisbet l-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont dak il-Protokoll

(2)

Matul it-tieni sessjoni tagħha tat-23 ta’ April 2025, fost punti oħra fl-aġenda, l-Awtorità Superviżorja stabbiliet skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu (l-“Awtorità Superviżorja”) hija mistennija tirrevedi l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha u tapprova r-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji, żviluppati fil-qafas tal-Kumitat tat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. (ir-“Regoli Mudell”) kif emendata fit-13 ta’ Novembru 2024 (Reviżjoni 2).

(3)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja, peress li r-reviżjoni proposta tar-Regoli Mudell mill-Awtorità Superviżorja tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 (3) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (4). Barra minn hekk, l-emendi tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura li għandhom jiġu adottati mill-Awtorità Superviżorja jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp.

(4)

L-Awtorità Superviżorja hija mistennija temenda l-Istatuti tagħha, li jiddefinixxu aspetti bħall-personalità ġuridika, il-kompiti u l-qafas amministrattiv tagħha, kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u mill-Protokoll tal-Lussemburgu. L-emendi previsti tal-Istatuti jiċċaraw id-definizzjoni ta’ Stat Parti billi jiċċaraw li kwalunkwe referenza għal Stat Parti fl-Istatuti hija wkoll referenza għal Organizzazzjoni reġjonali, li taffettwa l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(5)

L-Awtorità Superviżorja hija mistennija temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha, sabiex tiċċara r-regoli dwar l-eżerċizzju tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u tintroduċi regoli ġodda dwar l-organizzazzjoni ta’ laqgħat urġenti interim. Il-possibbiltà li d-dokumenti jiġu ċċirkolati għal laqgħat urġenti 3 ġimgħat biss qabel ma jingħata bidu għal-laqgħa tista’ madankollu twassal għal diffikultajiet sinifikanti fil-proċedura għall-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni, u l-istabbiliment ta’ lista ta’ kwistjonijiet urġenti tista’ awtomatikament tagħti natura urġenti lil kwistjonijiet li fil-prattika mhumiex urġenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja jiġu appoġġati, ħlief għall-bidla fl-iskadenzi għat-twassil tad-dokumenti għal-laqgħa u mingħajr ma jiġu speċifikati l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala urġenti, sabiex jiġi żgurat li l-possibbiltajiet għall-Unjoni li tikkoordina l-pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għall-Unjoni jiġu żgurati b’mod effettiv.

(6)

Il-Protokoll tal-Lussemburgu jeħtieġ li jibbaża fuq sistema ċara ta’ identifikazzjoni u ta’ mmarkar tal-vetturi ferrovjarji bbażata fuq standards internazzjonali. Ir-Regoli Mudell jipprovdu qafas għall-assenjazzjoni tal-identifikatur URVIS u għall-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji. Huma proposti aġġornamenti żgħar għal dawk ir-regoli u huma fl-interess tal-operazzjoni tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Għalhekk, jenħtieġ li l-approvazzjoni tar-Regoli Mudell kif emendati fit-13 ta’ Novembru 2024 (Reviżjoni 2) għall-finijiet tar-Regolamenti għar-Reġistru Internazzjonali ta’ Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji tiġi appoġġata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (l-‘Awtorità Superviżorja) hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-laqgħa tal-Awtorità Superviżorja jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq Tagħmir Mobbli għal Kwistjonijiet Speċifiċi tal-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, (ĠU L 353, 10.12.2014, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/888/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/757/UE (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/773/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1614/oj).


ANNESS

1.   Introduzzjoni

It-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (il-“Protokoll tal-Lussemburgu”) ser issir fit-23 ta’ April 2025.

2.   Kompetenza tal-Unjoni

L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Protokoll tal-Lussemburgu. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-punti fl-aġenda ta’ din il-laqgħa fejn l-Awtorità Superviżorja ser tintalab tadotta l-atti li jkollhom effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) – jiġifieri l-Punti 7 u 9 fl-Aġenda.

3.   Kummenti dwar il-punti fl-aġenda tat-tieni sessjoni tal-Awtorità Superviżorja

Punt 7 fl-Aġenda - Approvazzjoni tar-Regoli Mudell kif emendati fit-13 ta’ Novembru 2024 għall-finijiet tar-Regolamenti għar-Reġistru Internazzjonali ta’ Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji

Dokument(i)

SA2_2025_Item 7_Doc 6-Approval of the Model Rules (&ad).pdf

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot

Unjoni Ewropea

Pożizzjoni

Favur l-approvazzjoni tar-Regoli Mudell kif emendati fit-13 ta’ Novembru 2024 għall-finijiet tar-Regolamenti għar-Reġistru Internazzjonali ta’ Interessi fil-Vetturi Ferrovjarji.


Punt 9 fl-Aġenda - Reviżjoni tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja

Dokument(i)

SA2_2025_Item 9_Doc 8-Revision of Statutes and Rules of Procedure (&ad).pdf

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot

Unjoni Ewropea

Pożizzjoni

Favur l-approvazzjoni tal-emenda proposta tal-Istatuti.

Favur l-approvazzjoni tal-emenda proposta tar-Regoli ta’ Proċedura, soġġett għall-emendi li ġejjin:

—

fl-Artikolu 3(2), jiġi emendat it-tielet subparagrafu biex jaqra “Jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet urġenti meta tkun meħtieġa deċiżjoni urġenti, u biss meta tali urġenza tkun ġustifikata kif xieraq.”;

—

jiġi emendat l-Artikolu 8(2) biex jaqra: “Is-Segretarjat għandu jibgħat avviż ta’ laqgħa tal-Awtorità Superviżorja, fejn jindika l-post, id-data u l-ħin tal-bidu tal-laqgħa u l-aġenda proviżorja, lill-Membri u lill-osservaturi skont l-Artikolu 4 mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-laqgħa, u d-dokumenti għal-laqgħa mhux aktar tard minn xahrejn qabel il-bidu tal-laqgħa. Fil-każ ta’ laqgħa interim dwar kwistjoni urġenti, l-avviż tal-laqgħa għandu jintbagħat mhux aktar tard minn xahrejn qabel il-bidu tal-laqgħa, u d-dokumenti għal-laqgħa għandhom jiġu pprovduti fl-istess ħin.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/853/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)