|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3150 |
19.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3150
tal-10 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 (2) awtorizzat lill-Italja tintroduċi sal-31 ta’ Diċembru 2021 miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżura speċjali”) sabiex timplimenta fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju tal-Italja, għajr għall-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2251 (3), awtorizzat lill-Italja biex tkompli tapplika dik il-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, u wessgħet l-ambitu tal-miżura speċjali ’ biex tinkludi l-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(3) |
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-11 ta’ April 2024, l-Italja talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (it-“talba”). |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ddatata t-12 ta’ Settembru 2024. B’ittra ddatata t-13 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(5) |
Skont l-Italja, is-sistema implimentata tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja, li tgħaddi l-fatturi kollha maħruġin mis-sistema “Sistema di Interscambio” ġestita mill-Aġenzija Taljana għad-Dħul, laħqet l-objettivi tagħha bis-sħiħ, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, is-simplifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa u t-titjib tal-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxi, u b’hekk naqset il-kostijiet amministrattivi għan-negozji. |
|
(6) |
Jenħtieġ għaldaqstant li l-Italja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027. F’każ li l-Italja tqis li estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027 hija neċessarja, jenħtieġ li tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni. Dik it-talba jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, i inkluż valutazzjoni tal-miżura speċjali rigward l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak ir-rapport jevalwa l-impatt tal-miżura fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(7) |
Madankollu, jenħtieġ li l-miżura speċjali tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ sistema ġenerali għall-fatturazzjoni elettronika adottata mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra ta’ dak it-Trattat, jekk tali sistema ġenerali ssir applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-konsumaturi li jirċievu fatturi stampati fil-każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. |
|
(9) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Italja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali, u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT. |
|
(10) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.
Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027, u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi valutazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi. Barra minn hekk, dak ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni tal-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE, u għandu b’mod partikolari jevalwa jekk dawk il-miżuri jżidux il-piż u l-kostijiet amministrattivi fuq dawk il-persuni taxxabbli.
Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra ta’ dak it-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali għall-fatturazzjoni elettronika, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali ssir applikabbli.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2251 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/593 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 454, 17.12.2021, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3150/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)