Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża C‑76/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Krajský súd v Prešove (is‑Slovakkja), permezz tad‑deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2010, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2010, fil‑proċedura
Pohotovosť s. r. o .
vs
Iveta Korčkovská ,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn L. Bay Larsen li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tmien Awla, C. Toader (Relatur), u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1. It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqrija flimkien mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur.
2. Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Pohotovosť s. r. o. (iktar ’il quddiem “Pohotovosť”) u I. Korčovská dwar l‑eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li kkundannat lil din tal‑aħħar tħallas lil din il-kumpannija, skont id‑dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ self ta’ ammont ta’ SKK 20 000 (EUR 663.88) konkluż bejn dawn il‑partijiet, l-ammont ta’ SKK 48 820 (EUR 1 620.53) kif ukoll l‑interessi moratorji u l‑ispejjeż.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea
Id-Direttiva 87/102/KEE
3. Il-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva tal‑Kunsill 87/102/KEE, tat‑22 ta’ Dicembru 1986, għall‑approssimazzjoni tal‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri dwar il‑kreditu lill‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), kif emendata bid‑Direttiva 98/7/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 87/102”) tipprovdi s-segwenti:
“Billi, din id-Direttiva tipprovdi għal ċertu ammont ta’ approssimazzjoni fil‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv ta’ l-Istati Membri dwar kreditu lill-konsumatur u għal ċertu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-Istati Membri m’għandhomx ma jitħallewx milli jżommu jew jadottaw miżuri aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni xierqa għall‑obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat”.
4. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:
“1. Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu.
2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:
a) ‘konsumatur’ ifisser persuna naturali li, fi transazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra mill-kummerċ jew professjoni tiegħu;
b) ‘kreditur’ ifisser xi persuna naturali jew legali li tagħti kreditu bħala parti mill-kummerċ, negozju jew professjoni tiegħu, jew xi grupp ta’ persuni bħal dawn;
ċ) ‘ftehim ta’ kredit’ jfisser ftehim li bih xi kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil xi konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, self jew xi ftehim finanzjarju ieħor bħal dawn.
[…]
d) ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’; tfisser l-ispejjeż kollha, li jinkludu l-interessi u spejjeż oħra, li l-konsumatur għandu jħallas għall-kreditu;
e) ‘rata perċentawli ta’ ħlas’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, espressa bħala l-persentaġġ annwali ta’ l-ammont ta’ kreditu mogħti u kkalkulat in konformità ma’ l-Artikolu 1a.”
5. L-Artikolu 1a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“1. a. Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas, li għandha tkun dik l-ekwivalenti, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti ta’ l-impennji kollha (self, ħlas lura u imposti), futuri jew eżistenti, miftehmin mill-kreditur u min jissellef, għandhom jiġu kkalkulati in konformità mal-formula matematika msemmija fl-Anness II.
b. B’mod illustrazzjoni ta’ Fl-Anness III jingħataw erba’ eżempji tal-metodu ta’ kalkolazzjoni.
2. Għall-għan ta’ kalkolazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas, l-ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2)(d) għandha tiġi ddeterminat, bl-eċċezzjoni ta’ l-imposti li ġejjin:
i) imposti pagabbli lil min jissellef għal nuqqas ta’ konformità ma’ kull waħda mill-impenji mniżżla fil-ftehim ta’ kreditu;
[…]
iii) imposti għat-trasferiment ta’ fondi u spejjeż għaż-żamma ta’ kont maħsub li jirċievi pagamenti għall-ħlas lura tal-kreditu, il-ħlas ta’ interessi u kontijiet oħra ħlief fejn il-konsumatur m’għandux libertà ta’ għażla raġjonevoli fil-materja u fejn dawn l-imposti huma għoljin immens; din id-dispożizzjoni m’għandhiex, madanakollu, tapplika għal imposti għall-ġbir ta’ dawn ir-rimborżi jew ħlas, sew jekk isiru bil-flus jew b’mod ieħor;
[…]
4. a. Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas għandha tiġi kkalkulata fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 li jikkonċerna riklamar u offerti speċjali.
b. Il-kalkolazzjoni għandha ssir fuq il-preżunzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu huwa validu għall-perjodu miftiehem u li l-kreditur u l-konsumatur jaderixxu ma’ l-obbligi tagħhom taħt it-termini u d-dati miftiehma.
6. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu li jkun fihom klawsoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata ta’ interessi u l-ammont jew livell ta’ imposti oħra li jinsabu fir-rata annwali perċentwali ta’ imposta iżda mhux ikkwantifikati fil-ħin meta ġiet ikkalkulata, ir-rata annwali perċentwali ta’ imposta għandha tiġi kkalkulata fuq il-preżunzjoni li l-interessi u imposti oħra jibqgħu fissi u japplikaw sat-tmiem tal-kuntratt ta’ kreditu.
[…]”
6. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:
“1. Il-ftethm [kuntratt] ta’ kreditu għandhom isiru bil-miktub. Il-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-ftehim miktub.
2. Il-ftehim miktub għandu jinkludi:
a) dikjarazzjoni tar-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena;
b) dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi emendata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena;
ċ) prospett ta’ l-ammont, numru u frekwenza jew dati tal-ħlas li l-konsumatur għandu jagħmel sabiex iħallas il-kreditu, kif ukoll tal-ħlas ta’ l-imgħaxijiet u imposti oħra; l-ammont totali ta’ dawn il-pagamenti għandu jkun indikat ukoll fejn huwa possibbli;
d) prospett tal-cost items li saret referenza għalihom fl-Artikolu 1a(2) bl-eċċezzjoni ta’ infieq relatat mal-ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali li ma kinux inklużi fil-kalkolazzjoni tar-rata annwali perċentwali ta’ limposta iżda li għandhom jitħallsu mill-konsumatur f’ ċirkustanzi mogħtija, flimkien ma’ prospett li jidentifika dawn iċ-ċirkostanzi. Fejn l-ammont eżatt ta’ dawn l-affarijiet huwa magħruf, dik issomma għandha tkun indikata; jekk dan m’huwiex il-każ, għandu jkun ipprovdut jew il-metodu ta’ kalkolazzjoni jew stima preċiża kemm jista’ jkun fejn possibbli.
F’każi meta ma jkunx possibbli li tiġi ddikjarata r-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena, il-konsumatur irid jingħata informazzjoni xierqa fil-ftehim miktub. Din l-informazzjoni għandha tinkludi għallanqas l-informazzjoni li hemm imniżżla fit-tieni taqsima ta’ l-Artikolu 6(1).
[…]”.
7. L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:
“1. Minkejja l-esklużjoni skond l-Artikolu 2(1)(e), meta jkun hemm xi ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u xi konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas minn quddiem, li ma jkunx fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu, il-konsumatur irid jiġi infurmat waqt jew qabel ma jintgħalaq il-ftehim:
– bil-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm,
– bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u l-ħlasijiet li japplikaw mill-ħin li jintgħalaq il-ftehim u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu emendati,
– bil-proċedura biex jintemm il-ftehim.
Din l-informazzjoni trid tiġi kkonfermata bil-miktub.
2. Barra minn dan, waqt il-perjodu tal-ftehim, il-konsumatur għandu jiġi nfurmat b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fid-dikjarazzjoni tal-kont jew f’xi mod ieħor li jkun aċċettabbli għall-Istati Membri”.
8. L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti [kuntratti] ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva.
2. Barra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati, b’mod partikolari bil-mezz li bih l-ammont tal-kreditu jitqassam fuq ħafna ftehim”.
9. L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumaturi li jkunu konsistenti ma’ l-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat”.
Id-Direttiva 2008/48/KE
10. Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim [kuntratti] ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66), tistabbilixxi obbligu ġenerali għall-kreditur sabiex jindika lill-konsumatur, fl-istadju prekuntrattwali kif ukoll fil-kuntratt ta’ self, data speċifika li tinkludi r-rata perċentwali annwali ta’ ħlas (iktar ’il quddiem ir-“RPAĦ”). L-Anness I ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu armonizzat tar-RPAĦ.
11. Skont l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2008/48, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fit-12 ta’ Mejju 2010, id-data li fiha d-Direttiva 87/102 tħassret.
Id-Direttiva 93/13
12. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.
Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.
Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.
3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”.
13. L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.
2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.
14. L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi s-segwenti:
“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2)”.
15. Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.
16. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l‑kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.
2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.
3. Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil‑paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili”.
17. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall‑konsumatur”.
18. Il-paragrafu 1(e) tal-Anness tal-imsemmija direttiva, dwar klawżoli msemmija fl‑Artikolu 3(3) tagħha, issemmi “Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: [...] e) jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.
Il-leġiżlazzjoni Slovakka
19. L-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi:
“1) ‘Kuntratt konkluż ma’ konsumatur’ ifisser kull kuntratt, tkun liema tkun il‑forma ġuridika, konkluż bejn fornitur u konsumatur.
2) Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur, kif ukoll kull dispożizzjoni oħra li tirregola r-relazzjoni ġuridika li fiha jinvolvi ruħu l-konsumatur, għandhom dejjem jiġu interpretati f’sens li jiffavorixxu lill-konsumatur li huwa parti fil‑kuntratt. Il-ftehim jew akkordji kuntrattwali distinti li l-kontenut tagħhom jew l-għan tagħhom huwa intiż sabiex jevita dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex validi.
[...]
4) ‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, għall-konklużjoni u għall‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-konsum, ma taġixxix fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew f’attività ekonomika oħra”.
20. L-Artikolu 53 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:
“1) Kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet li joħolqu, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l‑obbligi tal-partijiet kontraenti (klawżola inġusta). Ma għandhiex titqies bħala inġusta klawżola kuntrattwali dwar l-għan prinċipali ta’ eżekuzzjoni jew l-iffissar tal-prezz, jekk din il-klawżola hija fformulata b’mod preċiż, ċar u li tinftiehem, jew jekk il-klawżola inġusta ġiet innegozjata b’mod individwali.
[…]
4) Għandhom jitqiesu bħala klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur dawk id-dispożizzjonijiet li, b’mod partikolari:
[…]
e) jimponu, bħala penali, fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, multa f’ammont sproporzjonalment għoli,
[…]
5) Il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi”.
21. L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 258/2001 dwar il-kreditu lill-konsumatur, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:
“Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur
1) Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jiġi stabbilit bil-miktub, u jekk le, bir-riskju ta’ invalidità, u l-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-imsemmi kuntratt.
2) Minbarra l-elementi ġenerali, kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi,
[…]
j) ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas u l-ispejjeż kollha marbuta mal-kreditu li l-konsumatur irid iħallas, ikkalkolati abbażi ta’ data valida meta ġie konkluż il-kuntratt,
[...]
Jekk il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur ma jinkludix l-elementi indikati fil-paragrafu 2, […] (j), il-kreditu mogħti għandu jitqies bħala eżenti mill-interessi u l-ispejjeż”.
22. L-Artikolu 45 tal-Liġi Nru 244/2002 dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:
“1) Il-qorti kompetenti sabiex tapplika deċiżjoni jew sabiex tipproċedi bl‑eżekuzzjoni tagħha skont leġiżlazzjoni speċifika għandha, fuq talba tal-parti li kontriha ngħatat sentenza ta’ arbitraġġ, twaqqaf il-proċedura ta’ applikazzjoni tad‑deċiżjoni jew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.
[...]
ċ) jekk is-sentenza ta’ arbitraġġ timponi fuq il-parti f’proċedura b’arbitraġġ il-provvista ta’ servizz li hija materjalment impossibbli, ipprojbita bil-liġi jew li tmur kontra l-moralità.
2) Il-qorti kompetenti sabiex tapplika deċiżjoni jew sabiex tipproċedi bl‑eżekuzzjoni tagħha, għandha, anki ex officio , twaqqaf l-applikazzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ jew il-proċedura ta’ eżekuzzjoni jekk tikkonstata irregolaritajiet fil-proċedura b’arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 1(b) jew (ċ)”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23. Fis-26 ta’ Frar 2008, I. Korčovská, persuna b’diżabbiltà li tibbenefika minn pensjoni ta’ invalidità li tammonta għal madwar EUR 370 fix-xahar, daħlet f’kuntratt ta’ kreditu ma’ Pohotovosť bil-kundizzjonijiet ġenerali segwenti. L-ammont misluf kien ta’ SKK 20 000 (EUR 663.88) u l-ispejjeż marbuta mal-kreditu kienu ta’ SKK 19 120 (EUR 624.67). I. Korčovská kellha tirrimborsa l-ammont prinċipali u l-ispejjeż fuq perijodu ta’ sena bi ħlas ta’ SKK 3 260 (EUR 108.21) fix-xahar. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-RPAĦ ta’ dan il-kreditu kienet għalhekk tammonta għal 95.6 %, iżda ma kien hemm xejn dwar dan fil-kundizzjonijiet ġenerali tas-self mogħti minn Pohotovost’ u lanqas fil-kuntratt ta’ self konkluż.
24. Skont l-Artikolu 4 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, jekk id-debitur jonqos milli jħallas żewġ pagamenti fix-xahar konsekuttivi, id-dejn isir kollu kemm hu dovut bla dewmien. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 6 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi għall-ħlas ta’ interessi moratorji ta’ kuljum li jammontaw għal 0.25 % tal-ammont dovut u li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-dejn isir dovut sal-jum li jitħallas definittivament. Għalhekk, din il-penali tikkorrispondi għal rata ta’ 91.25 % fis-sena. Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li f’dan ir-rigward, skont id-dritt Slovakk, il-penalitajiet stabbiliti f’kawżi ċivili fil‑forma ta’ interessi moratorji ma għandhomx jaqbżu r-rati gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew, li attwalment huma ta’ 1 %, li jiżdiedu bi 8 %, jiġifieri totali ta’ 9 %.
25. L-Artikolu 17 tal-istess kundizzjonijiet ġenerali jistabbilixxi li l-kwistjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għandhom jiġu deċiżi jew fi Bratislava mill-iStály rozhodcovský súd (qorti permanenti ta’ arbitraġġ), jew f’qorti nazzjonali kompetenti skont l-għażla tal-parti kontraenti li ppreżentat ir‑rikors. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali, ir-relazzjonijiet kollha bejn il-kreditur u min jissellef huma rregolati mid‑dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ u mhux mill-Kodiċi Ċivili. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinkludi dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal avukat li għandu jirrappreżenta lil I. Korčovská.
26. Peress li I. Korčovská ma ħallsitx żewġ pagamenti fix-xahar konsekuttivi, Pohotovost’ ressqet kawża, fid-9 ta’ Ottubru 2008, quddiem l-iStály rozhodcovský súd li, fit-3 ta’ Novembru 2008, tat sentenza ta’ arbitraġġ li fiha kkundannat lill‑persuna kkonċernata tħallas lil din il-kumpannija, b’mod partikolari, l-ammont ta’ SKK 48 820 (EUR 1 620.53) kif ukoll interessi moratorji li jammontaw għal SKK 39 120 (EUR 1 298.55) u l-ispejjeż li jammontaw għal SKK 9 928 (EUR 392.55). Din is-sentenza saret res judicata fil-15 ta’ Diċembru 2008 u eżekuttiva fit-18 ta’ Diċembru segwenti.
27. Fuq il-bażi tal-imsemmija sentenza, marixxall tal-qorti fid-9 ta’ Marzu 2009 talab lill-Okresný kresný súd Stará Ľubovňa (qorti tad-distrett ta’ Stará Ľubovňa) sabiex tawtorizza l-eżekuzzjoni tal-ammont ta’ EUR 3 467. B’digriet tal-31 ta’ Lulju 2009, din il-qorti ssospendiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni billi invokat ksur tal-moralità fir-rigward tal-ispejjeż tar-rappreżentant legali tar-rikorrenti fil‑proċedura ta’ eżekuzzjoni, li jaqbżu l-ammont ta’ EUR 94.36, u fir-rigward tal‑kisba tal-interessi moratorji li jirrapreżentaw 0.25 % kuljum li jammontaw għal EUR 1 298.52, li bdew jiddekoru mill-21 ta’ Lulju 2008 sad-data li jitħallas id‑dejn.
28. Fis-26 ta’ Awwissu 2009, Pohotovosť ippreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem il-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov). Insostenn ta’ I. Korčovská, l-Asociácia spotrebiteľských subjektov Slovenska (assoċjazzjoni Slovakka tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem l-“Asociácia”) tħalliet tippreżenta nota li fiha b’mod partikolari informat lil din il-qorti bin-numru kunsiderevoli ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni mibdija fl-Islovakkja minn Pohotovost’. Issa, l‑Asociácia tqis li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ self mogħtija minn din il‑kumpannija jinkludu klawżoli inġusti u jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali, u għaldaqstant issuġġeriet lill-qorti tar-rinviju sabiex tressaq din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.
29. Barra minn hekk, peress li l-ilment ippreżentat mill-Asociácia jinkludi fatti li hija trid tiddeċidihom ex officio , il-Krajský súd v Prešove ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) a) L-informazzjoni f’punti perċentwali tal-ispiża totali mħallsa mill‑konsumatur (ir-[RPAĦ]) għandha titqies li hija daqshekk determinanti li, jekk hija mhijiex stipulata fil-kuntratt, l-ispiża ta’ kreditu tal-konsumatur titqies li ġiet indikata b’mod mhux trasparenti u mhux biżżejjed ċara?
b) Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilita bid‑Direttiva 93/13/ […], tippermetti li klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] marbuta mal-ispiża titqies bħala abbużiva peress li din ma tkunx biżżejjed trasparenti u li ma tinftiehemx sew, fil-każ fejn il‑kuntratt ma jindikax il-punti perċentwali tal-ispiża globali tal-kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] u fejn il-prezz ikun ipprovdut biss f’somma ta’ flus ikkostitwita mid-diversi spejjeż stipulati, minn naħa, fil-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ?
2) a) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13[…] għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, għandha, hekk kif ikollha f’dan ir-rigward l-elementi dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa, tevalwa — anki ex officio — in-natura sproporzjonata tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn persuna li tipprovdi l-kreditu u konsumatur, peress li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, hija tista’ wkoll tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ dan it-tip fil-kuntest ta’ proċeduri simili abbażi tad-dritt nazzjonali?
b) Fil-każ ta’ klawżola penali sproporzjonata li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji adottati mill-konsumatur, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-imsemmija klawżola ma tkunx vinkolanti fuq il-konsumatur inkwistjoni?
ċ) Tista’ klawżola li tistabbilixxi penali ta’ 0. 25 % mill-ammont tal‑kreditu għal kull jum ta’ dewmien, jiġifieri 91. 25 % fis-sena, titqies bħala abbużiva minħabba n-natura sproporzjonata tagħha?
3) Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur li tirriżulta mill-applikazzjoni tar‑regoli tal-Unjoni (Direttiva 93/13 […], Direttiva 2008/48 […] li tħassar id-Direttiva 87/102[…]) għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum [lill-konsumatur], tippermetti lill-qorti, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ ħarsien fil-qasam tal-kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] ikunu ġew injorati permezz ta’ kuntratt u fejn talba għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni adottata bis-saħħa ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ tkun diġà tressqet, li twaqqaf l-eżekuzzjoni jew li tawtorizzaha bi spejjeż tal-kreditur, biss sal-ammont li jkun baqa’ dovut abbażi tal-kreditu kkonsentit, sa fejn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jippermettulha tipproċedi għal tali evalwazzjoni tas-sentenza mogħtija b’arbitraġġ u sa fejn ikollha l‑elementi meħtieġa li jirrigwardaw is-sitwazzjoni legali u fattwali?”
Fuq id-domandi preliminari
30. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi kjarament dedotta mill‑ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.
31. Il-Qorti Ġenerali tqis li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ammissibbiltà
32. Pohotovosť issostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, minn naħa, ir-risposti għal ċerti domandi preliminari jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Min‑naħa l-oħra, hija ssostni b’mod partikolari li l-ewwel u t-tielet domandi ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u li, b’mod ġenerali, il-qorti tar-rinviju ma osservatx l-obbligu tagħha li tiddeċiedi kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali qabel ma tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE.
33. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li jista’ jkun aħjar, skont iċ‑ċirkustanzi, li l-kwistjonijiet veri tad-dritt nazzjonali jiġu deċiżi fil-mument li jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà l-iktar wiesgħa li jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li l-kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni jew l‑evalwazzjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I-5667, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34. Fir-rigward tad-domandi preliminari fformulati mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
35. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi magħmula mill-Krajský súd v Prešove.
Fuq il-paragrafu (a) tat-tieni domanda
36. Permezz tal-paragrafu (a) tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-Direttiva 93/13, qorti nazzjonali li quddiemha ġie ppreżentat rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, għandha, hekk kif ikollha f’dan ir-rigward l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa, tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l‑imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, peress li, skont ir‑regoli ta’ proċedura nazzjonali, hija tista’ wkoll tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ dan it-tip fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
37. Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid‑Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-persuna ta’ professjoni fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-persuna ta’ professjoni, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra. p. I‑4941, punt 25, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 25).
38. Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 25).
39. Sabiex tiżgura l-protezzjoni maħsuba mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il‑konsumatur u l-persuna ta’ professjoni tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 31).
40. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija marbuta tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
41. Il-possibbiltà tal-qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola tikkostitwixxi mezz kemm biex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li twaqqaf milli konsumatur individwali jiġi marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-eżami jista’ jkollu effett dissważiv li jwassal sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-persuna ta’ professjoni (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, Ġabra p. I‑10875, punt 32, u Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
42. Din il-possibbiltà mogħtija lill-qorti ġiet ikkunsidrata bħala neċessarja sabiex tiżgura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċitahom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cofidis, punt 33, kif ukoll Mostaza Claro, punt 28).
43. Għaldaqstant, il-protezzjoni li l-imsemmija direttiva tagħti lill-konsumaturi testendi ruħha għall-każijiet fejn il-konsumatur li kkonkluda ma’ persuna ta’ professjoni kuntratt li jinkludi klawżola inġusta ma jinvokax in-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li l-ispejjeż li jinvolvu l-proċedimenti legali jiddiswaduh milli jiddefendi d-drittijiet tiegħu (sentenza Cofidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
44. Din il-protezzjoni hija ferm iktar iġġustifikata meta, kif tidher li tikkunsidraha wkoll il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal avukat magħżul mill-kreditur u li għandu jirrappreżenta lill-konsumatur debitur li jista’ jagħżel li jiġi rrappreżentat minn avukat ieħor biss jekk iħallas il-penali kuntrattwali ta’ 15 % tal-ammont tal-kreditu.
45. Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jimponix fuq qorti nazzjonali sabiex ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jikkonferixxu r- res judicata lil deċiżjoni, bħal fil-każ ta’ sentenza ta’ arbitraġġ, minkejja li dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea bid-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
46. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas li jitmexxew b’mod li jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
48. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jitlob li r-rekwiżiti imposti mid-dritt nazzjonali sabiex titqajjem ex officio regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura mandatorja. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva, kollha kemm hi, tikkostitwixxi miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell tal-għixien u l-kwalità tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea kollha (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mostaza Claro, punt 37, kif ukoll Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).
50. Għalhekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandu jitqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 52).
51. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li meta l-qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali jkollha, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali tagħha, tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fid-dawl tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, mill-mument li jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pannon GSM, punt 32, kif ukoll Astrucom Telecomunicaciones, punt 53).
52. Fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ timponi fuq il-qorti l-obbligu li twaqqaf il-provvista ta’ servizz stabbilita b’sentenza ta’ arbitraġġ meta din il-provvista hija pprojbita mil-liġi jew meta tmur kontra l-moralità. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li kull klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur tmur, skont id-dritt nazzjonali, kontra l-moralità għaliex, minkejja r-rekwiżit tal- bona fide , din toħloq bi ħsara għalih żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna ta’ professjoni u dawk tal-imsemmi konsumatur.
53. Għalhekk, bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti mitluba li teżegwixxi sentenza ta’ arbitraġġ tista’ twaqqaf, anki ex officio , l-applikazzjoni ta’ din is-sentenza ta’ arbitraġġ meta din tal-aħħar timponi fuq il-parti kkonċernata l-provvista ta’ servizz li tkun materjalment impossibbli, ipprojbita mil-liġi jew kontra l-moralità, din il-qorti għandha, mill-mument li jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan, tevalwa, anki ex officio , fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, in-natura inġusta tal-penali stabbilita bil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u l-konsumatur.
54. Għaldaqstant, ir-risposta għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13 timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
Fuq il-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda
55. Permezz tal-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu li tistabbilixxi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, penali ta’ kuljum li tammonta għal 0. 25 % tal-ammont tal-kreditu, jiġifieri 91. 25 % ta’ dan l-ammont fis-sena, tistax tiġi deskritta bħala inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 minħabba n-natura sproporzjonata tagħha, u, min-naħa l-oħra, fl-affermattiv, jekk il-qorti nazzjonali li kkonstatat din in-natura sproporzjonata għandhiex twaqqaf lil din is-sentenza milli tiġi infurzata fuq il-konsumatur.
56. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bir-riferiment tiegħu għall-kunċetti ta’ bona fide u ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jwasslu għan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punt 17, kif ukoll tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C-237/02, Ġabra p. I-3403, punt 19).
57. Madankollu, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li klawżola għandha dejjem titqies bħala li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali meta tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur, għalhekk, ma jkunx seta’ influwenza l-kontenut tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard, kuntest li jidher li hu l-każ fil-kawża prinċipali.
58. L-anness li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jirreferi għalih jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, li fosthom hemm, fil-punt 1(e) tal-imsemmi anness, dik li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.
59. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari għandhiex natura inġusta jew le, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jindika li r-risposta għandha tingħata fid-dawl tan-natura tal-beni u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument li l-kuntratt jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-imsemmi kuntratt ġie konkluż. Għandu jitfakkar ukoll li, f’dan il-kuntest, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt li japplika għall-kuntratt, fatt li jimplika eżami tal-ordinament ġuridiku nazzjonali (sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
60. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mogħti lilha bl-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta l-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, peress li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, penali li hija sproporzjonatament għolja, għandhiex titqies bħala inġusta fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-kuntratt ġie konkluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 25).
61. Għaldaqstant, jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-klawżola inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar illi din il-klawżola, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex torbot il‑konsumatur, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u li, barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, l-imsemmija qorti għandha tevalwa jekk il-kuntratt jistax jibqa’ jgħodd mingħajr din il-klawżola inġusta eventwali.
62. F’din is-sitwazzjoni, l-imsemmija qorti għandha għalhekk tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 59).
63. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn din il-qorti, penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti meta ġie konkluż il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola.
Fuq l-ewwel domanda
64. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, kif stabbilita mill-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 87/102, tikkostitwixxix data essenzjali f’dan it-tip ta’ kuntratt u, għaldaqstant, jekk in-nuqqas tal-imsemmija informazzjoni jippermettix li jiġi kkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma ġewx abbozzati b’mod ċar u li jinftiehmu, b’mod li l-klawżola dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu tista’ allura tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni minn din il-qorti dwar in-natura eventwali inġusta tagħha skont l-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva.
65. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, ir-risposta għad-domanda preliminari preżenti għandha tkun ibbażata fuq id-Direttiva 87/102 u mhux fuq id-Direttiva 2008/48.
66. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan imfittex mid-Direttiva 87/102 huwa li tiġi żgurata l-osservanza minima tar-regoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C-429/05, Ġabra p. I-8017, punt 47, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Scarpelli, C-509/07, Ġabra p. I-3311, punt 25). Fil‑fatt, din id-direttiva, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 15 u mill-ħamsa u għoxrin premessa tagħha, li jistabbilixxu li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kreditu lill-konsumatur (sentenza Rampion u Godard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
67. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat ukoll li d-Direttiva 87/102, kif jirriżulta wkoll mill-premessi tagħha, ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura, minn naħa, il-ħolqien ta’ suq komuni tal-kreditu lill-konsumatur (mit-tielet sal-ħames premessi) u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi li jirrikorru għal dawn il-krediti (is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessi) (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Berliner Kindl Brauerei, C-208/98, Ġabra p. I-1741, punt 20, u tal-4 ta’ Marzu 2004, Cofinoga, C-264/02, Ġabra p. I-2157, punt 25).
68. Huwa f’din il-perspettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra l-kundizzjonijiet ta’ kreditu mhux ugwali u sabiex jippermettilu jkollu għarfien totali tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni futuri tal-kuntratt iffirmat li, meta l-kuntratt jiġi konkluż, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102 jimponi li min jissellef għandu jkollu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-impenn tiegħu (sentenza Berliner Kindl Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
69. L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jsir bil-miktub u li dak li huwa miktub għandu jinkludi l-indikazzjoni tar-RPAĦ kif ukoll il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jistgħu jiġu emendati. L-Artikolu 1a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-modalitajiet tal-kalkolu tar-RPAĦ u jippreċiża, fil-paragrafu 4(a) tiegħu, li r-RRAĦ għandha tiġi kkalkolata “fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cofinoga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
70. Din l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ispiża globali tal-kreditu, fil-forma ta’ rata kkalkolata skont formula matematika unika, hija, għalhekk, importanti ħafna. Minn naħa, din l-informazzjoni, li skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 87/102 għandha tiġi kkomunikata hekk kif jasal l-istadju ta’ pubblikazzjoni, tikkontribwixxi għat-trasparenza tas-suq inkwantu tgħin lill-konsumatur iqabbel l-offerti ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, din tgħin lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (sentenza Cofinoga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).
71. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva 87/102, jista’ jkun element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi minn qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ self dwar l-ispiża tiegħu li fih ma jkunx hemm l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13.
72. Jekk dan ma huwiex il-każ, qorti nazzjonali tista’ tevalwa n-natura inġusta ta’ din il-klawżola skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, anki jekk din il-klawżola tista’ tiġi analizzata bħala li taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-imsemmi artikolu, għandu jitfakkar li l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom biss sa fejn il-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami każ b’każ, li dawn ġew abbozzati mill-persuna ta’ professjoni b’mod ċar u li jinftiehmu (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, Ġabra p. I-4785, punt 32).
73. Fil-kawża prinċipali, eżami tan-natura inġusta tal-klawżola tal-kuntratt ta’ self li tonqos milli jkollha l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ tista’ għalhekk tiġi evalwata skont id-Direttiva 93/13 u, f’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ dan id-digriet, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tevalwa din il-klawżola ex officio . F’sitwazzjoni bħal din, kif tfakkar fil-punt 60 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż, in-nuqqas tar-RPAĦ fil-klawżola tal-kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lill-imsemmija klawżola n-natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13.
74. Madankollu, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 258/2001, liġi li ttrasponiet id-Direttiva 87/102, kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ u, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.
75. Issa, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kuntratti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplementaw din l-istess direttiva jew li jikkorrispondu għaliha.
76. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, mingħajr il-ħtieġa li jsir eżami skont id-Direttiva 93/13 tan-natura inġusta tal-klawżola li ma jkollhiex l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102, sentenza Rampion u Godard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).
77. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva 87/102, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l-possibbiltà li tevalwa, anki ex officio , jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.
Fuq it-tielet domanda
78. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali u sa fejn hija tasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 87/102 u 93/13 ma ġewx osservati, tistax, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, twaqqaf jew tillimita l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali li ġiet adottata skont klawżola ta’ arbitraġġ stabbilita mill-kuntratt ta’ self.
79. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 267TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C-291/03, Ġabra p. I-8477, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
80. Issa, permezz tad-domanda preżenti, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tindikalha jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tar-risposti pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tieni domanda, tistax, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt nazzjonali, tillimita l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss għall-ammont li baqa’ dovut skont il-kreditu lill-konsumatur.
81. Sa fejn ir-risposta għal din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konkreta tar-regoli tad-dritt interpretati fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi għall-fatti f’din il-kawża, u sa fejn, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju għandha, abbażi tar-risposti pprovduti għall-imsemmija domandi, l-elementi ta’ interpretazzjoni meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, din id-domanda ma għandhiex tingħata risposta.
Fuq l-ispejjeż
82. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id‑Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio , in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
2) Hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn din il-qorti, penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti meta ġie konkluż il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola.
3) F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 93/13. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l‑possibbiltà li tevalwa, anki ex officio , jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas fil-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.