Brussell, 19.1.2024

COM(2024) 16 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, il-kummerċ u d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, il-kummerċ u d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”)

1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, il-kummerċ u d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) 1 ġie adottat fl-2016. Dak ir-Regolament daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2016 u ilu japplika mill-1 ta’ Novembru 2018.

Ir-Regolament issostitwixxa tmien Direttivi tal-Kunsill (id-Direttivi tal-Kunsill 87/328/KEE, 88/661/KEE, 89/361/KEE, 90/118/KEE, 90/119/KEE, 90/427/KEE, 94/28/KE u 2009/157/KE) 2 u għadd ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dawk id-Direttivi, dwar it-tnissil tal-ifrat, tal-ħnieżer, tan-nagħaġ u tal-mogħoż kif ukoll tal-ekwidi, u dwar l-importazzjonijiet tal-annimali għat-tnissil. Barra minn hekk iħassar id-Direttiva 91/174/KEE 3 (tnissil tal-annimali ta’ speċi oħra) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/463/KE 4 li taħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament jikkonsolida, jissimplifika u jadatta għat-Trattat ta’ Liżbona, il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-Direttivi f’qafas legali uniku, fl-għamla ta’ Regolament. Barra minn hekk, jintroduċi dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli u l-attivitajiet uffiċjali li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta għadd ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Jimponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlatur dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati li jkun fiha.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2016/1012. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fih tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-19 ta’ Lulju 2016 u l-Kummissjoni mitluba tħejji rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin.

Kif stabbilit fl-Artikolu 61(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 26(1), 29(5), 30(9) u 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012.

L-Artikolu 61(2) jistipula wkoll li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 61(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha mogħtija bl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012, billi adottat l-att delegat obbligatorju li ġej:

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940 tat-13 ta’ Lulju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u tal-format ta’ ċertifikati żootekniċi maħruġa għal annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina inklużi f’dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku għall-equidae 5 .

Dak ir-Regolament Delegat jissimplifika ċ-ċertifikat żootekniku għall-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina, fir-rigward tal-kontenut u tal-proċedura amministrattiva, permezz ta’ dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku msemmi fl-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) 6 . Id-dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku jrid jakkumpanja l-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina f’kull ħin, inkluż meta jiġu mċaqalqa fl-Unjoni. Dan ir-Regolament Delegat intbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma talbux estensjoni tal-perjodu ta’ oġġezzjoni u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. Ir-Regolament Delegat ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil-25 ta’ Ottubru 2017, daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Novembru 2017 u ilu applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2018.

S’issa, il-Kummissjoni għalhekk użat waħda mill-erba’ setgħat biex tadotta atti delegati kif previst fir-Regolament (UE) 2016/1012. It-tliet setgħat li fadal mhumiex obbligatorji. Dawn jikkonċernaw emendi possibbli tal-Anness III [ir-rekwiżiti għall-kontroll tal-prestazzjoni u l-evalwazzjoni ġenetika], l-Anness IV [ir-rekwiżiti għaċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea u l-kompiti tagħhom] u l-Anness V [il-kontenut taċ-ċertifikati żootekniċi] tar-Regolament. Dawn it-tliet Annessi fihom numru kbir ta’ elementi tekniċi, u l-adattament tagħhom jista’ jkun meħtieġ, inter alia, fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi, avvanzi xjentifiċi jew il-funzjonament tas-suq intern.

S’issa, ma kienet meħtieġa l-ebda emenda ta’ dawk l-Annessi wara żviluppi tekniċi jew avvanzi xjentifiċi. Lanqas ma kienet meħtieġa l-emenda tagħhom indikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati.

4.KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni wettqet kif xieraq l-att delegat abbażi tas-setgħa prevista fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tinżamm dik is-setgħa peress li jistgħu jkunu meħtieġa emendi futuri ta’ dak ir-Regolament Delegat.

Peress li t-tliet setgħat li jikkonċernaw l-atti delegati li jemendaw l-Annessi III, IV u V tar-Regolament (UE) 2016/1012 huma marbuta b’mod ċar mal-avvanzi xjentifiċi jew tekniċi, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li jinżammu dawk is-setgħat kollha biex tadotta atti delegati kif previst f’dak ir-Regolament. X’aktarx li fil-futur jista’ jkun hemm bżonn li jiġu żviluppati u adottati atti delegati bbażati fuq dawk is-setgħat. Importanti li tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa fil-qafas legali peress li t-teknikalitajiet fl-Annessi III, IV u V tar-Regolament jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati minħabba żviluppi tekniċi jew avvanzi xjentifiċi futuri, jew fid-dawl tal-funzjonament tas-suq intern.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2016/1012 u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

     Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1012/oj.

(2)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 87/328/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1987 dwar l-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ tgħammir ta’ bhejjem tal-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura (ĠU L 167, 26.6.1987, p. 54) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/328/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 88/661/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-istandards żootekniċi applikabbli għal tnissil ta’ annimali tal-ispeċi tal-majjal (ĠU L 382, 31.12.1988, p. 36) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/661/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 89/361/KEE tat-30 ta’ Mejju 1989 li tikkonċerna n-ngħaġ u l-mogħoż tar-razza għat-tagħmir (ĠU L 153, 6.6.1989, p. 30) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/361/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 90/118/KEE tal-5 ta’ Marzu 1990 fuq l-aċċettazzjoni ta’ nisel pur tal-majjali tal-ifrat (ĠU L 71, 17.3.1990, p. 34) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/118/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 90/119/KEE tal-5 ta’ Marzu 1990 dwar it-tnissil minn razza differenti tal-majjali tal-ifrat (ĠU L 71, 17.3.1990, p. 36) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/119/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 55) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/427/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 94/28/KE tat-23 ta’ Ġunju 1994 li tniżżel il-prinċipji dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi applikabbli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi tal-annimali, is-semen, l-ova u l-embrijoni tagħhom, u li temenda d-Direttiva 77/504/KEE dwar l-annimali ta’ razza pura tal-ispeċi bovina (ĠU L 178, 12.7.1994, p. 66) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/28/oj.

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/157/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-annimali tal-ispeċi tal-bovini ta’ razza pura għat-tnissil (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/157/oj.

(3)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 91/174/KEE tal-25 ta’ Marzu 1991 li tistabbilixxi l-ħtiġiet żootekniċi u tar-razza għall-marketing tal-annimali ta’ razza pura u li temenda d-Direttivi 77/504/KEE u 90/425/KEE (ĠU L 85, 5.4.1991, p. 37) ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/174/oj.

(4)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/463/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 li tinnomina l-korp ta’ referenza responsabbli biex jikkollabora ħalli jagħmel l-istess il-metodi tal-ittestjar u l-evalwazzjoni tar-riżultati għal annimali ta’ razza pura tal-ispeċi tal-bovini (ĠU L 192, 2.8.1996, p. 19) ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/463/oj.

(5)

     ĠU L 275, 25.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1940/oj.

(6)

   Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.