Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - Preamboli
Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0009 - 0010
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0009 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0149 - Consolidated version
Official Journal C 191 , 29/07/1992 P. 0001
IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BEJĠJANI, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAL-GRAN BRITTANNJA U L-IRLANDA TA' FUQ [1], DEĊIŻI li jirreġistraw stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bl-istabbiliment tal-Komunitajiet Ewropej, IFAKKRU l-importanza storika li jtemmu l-qasma tal-kontinent Ewropew u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sisien sodi għall-bini ta' l-Ewropa tal-ġejjieni, JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u lejn l-istat tad-dritt, JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffermata f’Torin fit- 18 ta’ Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, XEWQANA li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom, XEWQANA li jkomplu jkabbru il-funzjonament demokratiku u effiċjenti ta' l-istituzzjonijiet biex igħinuhom iwettqu aħjar, fi kwadru istituzzjonali wieħed, kull ħidma fdata lilhom, DEĊIŻI li jakkwistaw it-tisħiħ u l-konverġenza ta' l-ekonomiji tagħhom u li jistabbilixxu unjoni ekonomika u monetarja li tinkludi, skond id-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat, valuta waħda u stabbli, DETERMINATI li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, li jieħdu kont tal-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli u fil-kuntest tar-realizzazzjoni tas-suq intern u tat-tisħieħ tal-koeżjoni u tal-protezzjoni ambjentali, u għall-implimentazzjoni tal-politika li tassigura li l-avvanzi fl-integrazzjoni ekonomika jkunu akkompanjati bil-progress parallel f’oqsma oħra, DEĊIŻI li jistabbilixxu ċittadinanza komuni għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tagħhom, DEĊIŻI li jimplimentaw politika barranija u ta’ sigurtà komuni inkluża l-formolazzjoni ta' politika komuni dwar id-difiża, li tista' twassal għal difiża komuni skond id-disposizzjonijiet ta’ Artikolu 17, u b’hekk isaħħu l-identità Ewropea u l-independenza tagħha sabiex jinkoraġixxu l-paċi, sigurtà u progress fl-Ewropa u fid-dinja, DEĊIŻI li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’persuni, waqt li jassiguraw il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skond id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat, DEĊIŻI li jissuktaw il-proċess li joħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib taċ-ċittadin skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, In vista tal-passi ulterjuri li ser jittieħdu biex timxi 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea, IDDEĊIDEW li jistabbilixxu Unjoni Ewropea u għal dan il-għan innominaw bħala plenipotenzjarji tagħhom: (lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta) LI, wara li skambjaw il-plenipoteri tagħhom li kienu sewwa u fil-forma dovuta, ftehmu dan li ġej: [1] Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea. --------------------------------------------------