European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1989

2.4.2025

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur vitivinikulturali kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(C/2025/1989)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Saint-Mont”

PDO-FR-A0711-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 8.1.2025

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Varjetajiet tad-dwieli

Il-varjetà tardiva introdotta fil-varjetajiet tad-dwieli bħala varjetà ta’ interess għall-finijiet tal-adattament fl-2020 issir varjetà addizzjonali. Għalhekk, il-Manseng N jibqa’ l-unika varjetà ta’ interess għall-finijiet tal-adattament.

Għalhekk, il-varjetajiet tad-denominazzjoni huma dawn li ġejjin:

Inbejjed ħomor:

—

varjetà prinċipali: tannat N

—

varjetajiet komplementari: cabernet-sauvignon N, fer N

—

varjetajiet addizzjonali: cabernet franc N, merlot N, tardif N

—

varjetajiet ta’ interess għall-finijiet tal-adattament: manseng N

Inbejjed rożè:

—

varjetajiet prinċipali: tannat N, cabernet-sauvignon N, fer N

—

varjetajiet addizzjonali: cabernet franc N, merlot N, tardif N, manseng B, arrufiac B, petit courbu B, courbu B, petit manseng B

—

varjetajiet ta’ interess għall-finijiet tal-adattament: manseng N

L-għan ta’ din l-emenda huwa li jiżdied il-proporzjon tal-varjetà Tardif fil-varjetajiet tad-dwieli koperti mid-denominazzjoni. Din il-varjetà hija tabilħaqq adattata għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Toffri wkoll benefiċċji konsiderevoli għall-vitikultura fis-sens li tappoġġa l-iżvilupp tal-kumplessità aromatika, tal-kwalità u tal-ispeċifiċità tal-inbejjed koperti mid-denominazzjoni filwaqt li tħares l-identità tagħha. Permezz ta’ dan il-wirt tal-vitikultura tar-reġjun jingħata l-valur li jistħoqqlu.

Dawn l-emendi jaffettwaw id-Dokument Uniku.

2.   Ħsad

Kontenut taz-zokkor tal-għeneb

Bħala segwitu tal-introduzzjoni tal-varjetà Tardif bħala varjetà addizzjonali, il-kontenut taz-zokkor tal-għeneb ġie speċifikat għal din il-varjetà.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Żona ġeografika demarkata

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet emendata biex tinkludi r-referenza għall-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li jirrikonoxxi u jelenka l-muniċipalitajiet skont id-département fil-livell nazzjonali. Din l-emenda editorjali tippermetti li ssir referenza għaż-żona ġeografika b’rabta mal-verżjoni fis-seħħ tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li ħarġet l-INSEE, u li d-demarkazzjoni taż-żona ġeografika tingħata ċertezza legali.

Din ir-referenza ġiet miżjuda fil-punt “Żona ġeografika” tad-Dokument Uniku.

4.   Żona tar-roqgħa art demarkata

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet emendata biex tiddaħħal id-data l-ġdida għall-approvazzjoni tad-demarkazzjoni tal-irqajja’ art tad-denominazzjoni.

Din l-emenda għandha l-għan li żżid id-data ta’ approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ emenda taż-żona tar-roqgħa art demarkata fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Id-demarkazzjoni taż-żona tikkonsisti mill-identifikazzjoni, fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, tal-irqajja’ art tajbin għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta kkonċernata.

Iż-żona ġeografika ma ġietx emendata.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni

Saint-Mont

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

22 - XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 - Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbejjed ħomor

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed ħomor għandhom kulur qawwi. Ġeneralment huma kkaratterizzati minn konċentrazzjoni aromatika qawwija fil-ħalq, li spiss toħroġ fid-dieher ħjiel ta’ frott aħmar u iswed. L-istruttura tannika tagħti lil dawn l-inbejjed potenzjal tajjeb ta’ konservazzjoni, li jippermettilhom jiksbu aromi kumplessi ta’ konfettura u ħwawar, spiss ikkombinati ma’ ħjiel ta’ njam marbut mal-maturazzjoni fil-btieti.

L-inbejjed għandu jkollhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 12 % għall-inbejjed ħomor

Kull lott ta’ nbid lest biex jinbiegħ bl-ingrossa jew ippakkjat għandu jkollu:

—

qawwa alkoħolika totali wara l-arrikkiment ta’ mhux aktar minn 13,5 % għall-inbejjed ħomor.

—

kontenut ta’ aċidu maliku li ma jaqbiżx 0,4 grammi għal kull litru għall-inbejjed ħomor

—

kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) li ma jaqbiżx:

—

3 grammi għal kull litru għall-inbejjed ħomor b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum li ma taqbiżx 14 %;

—

4 grammi għal kull litru għall-inbejjed ħomor b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ aktar minn 14 %.

Il-livelli tal-aċidità totali, tal-aċidità volatili u tad-diossidu tal-kubrit totali għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-regolamenti Komunitarji.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (% tal-volum): 12

—

Aċidità totali minima: —

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

2.   Inbejjed bojod u rożè

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed rożè ġieli jkollhom kulur qawwi u normalment huma kkaratterizzati minn ħjiel ta’ riħa ta’ frott aħmar. Fil-ħalq, it-togħma finali tagħhom hija vivaċi u tagħmilhom inbejjed armonjużi b’bilanċ tajjeb bejn il-grass u l-aċidità. L-inbejjed bojod huma aromatiċi ħafna, grassi u bbilanċjati permezz tal-preżenza tal-varjetà gros manseng B.

L-inbejjed għandu jkollhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 11,50 % għall-inbejjed bojod u rożè.

Kull lott ta’ nbid lest biex jinbiegħ bl-ingrossa jew ippakkjat għandu jkollu:

—

qawwa alkoħolika totali wara l-arrikkiment ta’ mhux aktar minn 12,5 % għall-inbejjed bojod u rożè.

—

kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) li ma jaqbiżx 4 g/l għall-inbejjed bojod u rożè.

Il-livelli tal-aċidità totali, tal-aċidità volatili u tad-diossidu tal-kubrit totali għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-regolamenti Komunitarji.

Karatteristiċi analitiċi

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): —

—

Qawwa alkoħolika proprja minima (% tal-volum): 11,5

—

Aċidità totali minima: —

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

1.

 

Prattika enoloġika speċifika

—

L-inbejjed rożè jsiru permezz ta’ għasir dirett.

—

Għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè, l-użu tal-faħam għall-finijiet enoloġiċi għandu jiġi awtorizzat għall-most sa massimu ta’ 20 % tal-volum tal-inbejjed rożè prodotti mill-produttur tal-inbid ikkonċernat għall-ħsad inkwistjoni.

—

It-tekniki ta’ arrikkiment sottrattiv huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor u r-rata massima ta’ konċentrazzjoni parzjali meta mqabbla mal-volumi użati hija stabbilita għal 10 %.

—

Wara l-arrikkiment, l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % għall-inbejjed ħomor u ta’ 12,5 % għall-inbejjed bojod u rożè.

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-inbejjed għandhom iħarsu l-obbligi stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi użati.

2.

 

Prattika ta’ kultivazzjoni

—

Densità ta’ tħawwil

Id-densità minima għandha tkun ta’ 4 000 dwieli għal kull ettaru.

Id-distanza bejn ir-ringieli ma għandhiex taqbeż 2,50 metru u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela għandha tkun bejn 0,80 metru u 1,10 metri.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għad-dwieli mħawla fuq art imtarrġa.

Għad-dwieli mħawla fuq art imtarrġa, l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess ringiela għandu jkun bejn 0,90 metru u 1,10 metri.

—

Regoli taż-żbir

Id-dwieli għandhom jinżabru jew b’żabra Guyot sempliċi jew doppja, jew inkella b’żabra qasira (tħarriġ bil-metodu cordon de Royat), b’massimu għal kull pjanta ta’:

—

12-il għajn, għall-varjetà tannat N;

—

18-il għajn, għall-varjetajiet petit courbu B u petit manseng B;

—

16-il għajn, għall-varjetajiet l-oħrajn.

Tkun xi tkun it-teknika ta’ żbir użata, fl-istadju meta l-frott jibda jibdel il-kulur, l-għadd tal-friegħi li jagħmlu l-frott għal kull pjanta ma jistax jaqbeż:

—

10 għall-varjetà tannat N;

—

16 għall-varjetajiet petit courbu B u petit manseng B;

—

12 għall-varjetajiet l-oħrajn

—

It-tisqija tista’ tiġi awtorizzata.

—

Il-varjetà tannat N u l-varjetajiet maħsuba għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor jinqatgħu bl-idejn.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Inbejjed ħomor

63 ettolitru għal kull ettaru

2.

Inbejjed rożè

68 ettolitru għal kull ettaru

3.

Inbejjed bojod

69 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taz-żona demarkata

Żona ġeografika:

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fiż-żona ġeografika li l-perimetru tagħha jkopri t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024 fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mill-kumitat nazzjonali kompetenti:

Il-muniċipalitajiet li t-territorju kollu tagħhom jinsab fiż-żona ġeografika: Aignan, Arblade-le-Bas, Armous et Cau, Aurensan, Beaumarchès, Bernède, Bouzon-Gellenave, Castelnavet, Caumont, Corneillan, Couloumé-Mondebat, Courties, Fusterouau, Gazax et Baccarisse, Ju-Belloc, Labarthète, Ladevèze-Ville, Ladevèze-Rivière, Lannux, Lasserrade, Lelin-Lapujolle, Louslitges, Loussous-Débat, Lupiac, Margouët-Meymes, Maulichères, Peyrusse-Grande, Peyrusse-Vieille, Plaisance, Pouydraguin, Projan, Riscle (eks-muniċipalità ta’ Riscle), Sabazan, Saint-Aunix-Lengros, Saint-Mont, Saint-Pierre-d’Aubézies, Sarragachies, Tasque, Termes-d’Armagnac, Tieste-Uragnoux, Tourdun, Verlus. Il-muniċipalitajiet li parti mit-territorju tagħhom tinsab fiż-żona ġeografika: Averon-Bergelle, Dému, Marciac, Seailles.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Arrufiac B – Arrufiat

Cabernet franc N

Cabernet-Sauvignon N

Courbu B - Gros Courbu

Fer N - Fer Servadou, Braucol, Mansois, Pinenc

Gros Manseng B

Manseng noir N

Merlot N

Petit Courbu B

Petit Manseng B

Tannat N

Tardif N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tinsab f’distanza ta’ madwar 100 kilometru kemm mill-Pirenej fin-Nofsinhar kif ukoll mill-Oċean Atlantiku fil-Punent. Hija mifruxa f’żona ta’ għoljiet li jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-wied ta’ Adour u tat-tributarju tiegħu, Arros.

L-irqajja’ art tad-dwieli huma mifruxa fuq l-għoljiet fil-qalba ta’ reġjun agrikolu maħsub apposta għall-kultivazzjoni mħallta u għat-trobbija tal-bhejjem, fejn il-kultivazzjoni tal-qamħirrum għandha rwol importanti.

Hija tkopri t-territorju ta’ 46 muniċipalità.

It-temperaturi, ġeneralment moderati, huma pjuttost omoġenji fiż-żona ġeografika kollha. Ix-xita għandha gradjent qawwi, mill-Punent għal-Lvant, minn 1 000 mm fis-sena sa 800 mm fis-sena.

Is-sajf u l-bidu tal-ħarifa huma sħan u spiss xotti, b’mod partikolari minħabba r-riħ tat-tip “foehn” li jiġi min-Nofsinhar, li spiss jonfoħ matul dan il-perjodu.

Is-sottostrat ġeoloġiku huwa varjat. Fil-Punent, dan huwa rrappreżentat prinċipalment minn ramel ħamrani “Sables Fauves”, formazzjoni tal-baħar tat-Terzjarju, li l-konfini tan-Nofsinhar tagħha jaħbtu mal-konfini taż-żona ġeografika. Fuq dan ir-ramel hemm saffi alluvjali antiki, li ċ-ċagħaq tagħhom jiddepożita ruħu fuq l-għoljiet.

Fil-Lvant, is-“Sables Fauves” jgħib u minfloku titfaċċa l-molassa, b’sodod kalkarji evidenti ħafna fil-pajsaġġ.

Il-ħamrija li żviluppat fuq dan is-sottostrat hija:

—

jew ħamrija taflija bil-ġir li żviluppat fuq il-molassa;

—

jew ħamrija aċiduża lissija li żviluppat fuq is-“sables fauves” u d-depożiti taċ-ċagħaq.

Din il-ħamrija hija nieqsa mill-elementi minerali.

L-iskular tal-ilma żejjed huwa garantit minħabba l-inklinazzjoni u, għall-parti tal-Punent taż-żona, minħabba l-konsistenza ramlija u ġeblija tal-ħamrija.

L-istruttura kumplessa taż-żona tal-għoljiet tul l-assi ewlenin (Adour/Arros), li spiss isegwu t-tettonika kif ukoll id-diviżjoni f’għoljiet sekondarji, jifformaw taħlita ta’ pożizzjonijiet b’varjetà kbira ta’ direzzjonijiet.

Il-morfoloġija tal-widien hija viżibbilment asimmetrika. Il-ġenb li jħares lejn il-Punent, spiss huwa wieqaf, filwaqt li l-ġenb li jħares lejn il-Lvant, huwa inqas wieqaf.

Minn tmiem il-Medju Evu, minbarra l-inbejjed ħomor u “clairets” prodotti f’parti kbira mill-baċir tal-Adour u maħsuba għan-nies tal-muntanji tal-Pirenej, kienu jiġu prodotti nbejjed bojod fil-Punent taż-żona ġeografika, li diġà kienu jiġu esportati lejn it-Tramuntana tal-Ewropa sa mis-seklu sbatax.

Il-wasla konsekuttiva tal-mell abjad, tat-tinwir tad-dwieli, tal-phylloxera, kif ukoll id-domanda għolja għall-inbid għad-distillazzjoni f’“Armagnac”, wasslu biex iż-żoni tad-dwieli maħsuba għall-produzzjoni tal-inbejjed ta’ kwalità naqsu b’mod konsiderevoli u minflokhom bdiet tingħata preferenza għall-“Piquepoules” li huma dwieli baxxi użati għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-distillazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-mekkanizzazzjoni tal-biedja, f’nofs is-seklu għoxrin, wasslet għall-estensjoni taż-żoni ta’ kultivazzjoni tal-qamħirrun u aggravat it-tnaqqis taż-żoni tal-vitikultura.

L-ewwel trade union għall-ħarsien tal-inbejjed Saint-Mont twaqqfet fl-1957. Din ħadet l-inizjattiva li tibda ġġedded, sa mill-1970, vinja b’varjetà ta’ dwieli bbażata fuq varjetajiet lokali bħal varjetajiet suwed, tannat N, cabernet franc N, cabernet-sauvignon N u fer N u l-varjetajiet bojod, arrufiac B, courbu B, gros manseng B u petit manseng B.

Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta Saint-Mont ġiet rikonoxxuta fl-2011.

L-inbejjed ħomor għandhom kulur qawwi. Ġeneralment huma kkaratterizzati minn konċentrazzjoni aromatika qawwija fil-ħalq, li spiss toħroġ fid-dieher ħjiel ta’ frott aħmar u iswed. L-istruttura tannika tagħti lil dawn l-inbejjed potenzjal tajjeb ta’ konservazzjoni, li jippermettilhom jiksbu aromi kumplessi ta’ konfettura u ħwawar, spiss ikkombinati ma’ ħjiel ta’ njam marbut mal-maturazzjoni fil-btieti.

L-inbejjed rożè xi kultant għandhom kulur qawwi u normalment huma kkaratterizzati minn ħjiel ta’ riħa ta’ frott aħmar. Fil-ħalq, it-togħma finali tagħhom hija vivaċi u tagħmilhom inbejjed armonjużi b’bilanċ tajjeb bejn il-grass u l-aċidità.

L-inbejjed bojod huma aromatiċi ħafna, grassi u bbilanċjati permezz tal-preżenza tal-varjetà gros manseng B.

Il-vinji jinsabu fl-aktar irqajja’ ta’ art favorevoli, raggruppati skont it-tip, mifruxa fuq għoljiet ippożizzjonati kif xieraq, b’ħamrija nieqsa mill-minerali u bl-ilma li jiskula sew minnha.

Iż-żona ġeografika tinsab fil-baċir idrografiku tal-Adour b’varjetà tad-dwieli ddominata mill-varjetà tannat N u mill-varjetajiet gros manseng B u petit manseng B, partikolarment adattati għall-klima pjuttost umda taż-żona ġeografika u għall-ħamrija fonda. Madankollu, il-pożizzjoni tagħha bħala salib it-toroq bejn diversi reġjuni tal-vitikultura arrikkixxa l-vinji b’kontribuzzjonijiet mir-reġjuni tal-madwar u b’mod aktar partikolari għall-wirt tal-pjanti tiegħu, bit-triloġija tal-baċir idrografiku tal-Garonne cabernet franc N, cabernet-sauvignon N, merlot N, u l-pożizzjoni tagħhom tibbenefika mill-klima oċeanika.

Il-prattiki implimentati mill-operaturi wasslu għall-ħsad obbligatorju bl-idejn tal-varjetajiet maħsuba għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor.

Wara l-fermentazzjoni, deher li kien meħtieġ perjodu ta’ maturazzjoni fil-btieti biex jinkiseb inbid aħmar b’aromi kumplessi, iżda fuq kollox biex it-tannini jissaħħu u jirfinaw. L-inbejjed jibqgħu jimmaturaw sa mill-inqas l-1 ta’ Marzu ta’ wara l-ħsad.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Id-DOP Saint-Mont tista’ tiġi ssupplimentata bl-isem addizzjonali li jispeċifika l-unità ġeografika akbar “Sud-Ouest” (Lbiċ), skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-8564051e-3037-488d-8a6f-a5c55a999fe1


(1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1989/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)