Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/34/UE – Żona ferrovjarja unika – Artikolu 35 – Sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni – Portata – Sanzjonijiet għall-inadempjenzi tal-impriżi ferrovjarji – Sistema ġenerali ta’ penali applikabbli fil-każ ta’ dewmien fin-network nazzjonali kollu – Penali li jistgħu jiġu imposti, skont l-entità li lilha d-dewmien huwa imputabbli, jew lill-ġestjonarju tal-infrastruttura, jew lill-impriża ferrovjarja – Sistema speċifika ta’ penali applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin – Penali imposti fuq l-impriżi ferrovjarji biss – Eliġibbiltà tal-akkumulazzjoni ta’ diversi sistemi ta’ penali – Kundizzjonijiet – Anness VI, punt 2 – Osservanza tal-prinċipji bażiċi tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni – Artikolu 56 – Korp ta’ kontroll – Firxa tal-kontroll – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C‑161/25 u C‑162/25,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Frar 2025, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Frar 2025, fil-proċeduri

Autorità di regolazione dei trasporti

vs

Captrain Italia (C‑161/25),

Rail Cargo Carrier Italy Srl,

Fuorimuro Impresa Ferroviaria Srl,

InRail SpA,

SBB Cargo Italia Srl,

Oceanogate Italia SpA,

GTS Rail SpA,

Adriafer Srl con socio unico,

DB Cargo Italia Srl,

Sangritana SpA,

Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH (C‑162/25),

fil-preżenza ta’:

Rete Ferroviaria Italiana SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Captrain Italia, Rail Cargo Carrier Italy Srl, Fuorimuro Impresa Ferroviaria Srl, InRail SpA, SBB Cargo Italia Srl, Oceanogate Italia SpA, GTS Rail SpA, Adriafer Srl con socio unico, DB Cargo Italia Srl, Sangritana SpA, minn M. Giordano, avvocato,

–        għal Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH, minn M. Giordano, avvocato,

–        għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn A. Celotto, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn M. De Vergori u M. Stigliano Messuti, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifika fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 352, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/34”), kif ukoll l-Artikolu 97 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, l-Autorità di regolazione dei trasporti (l-Awtorità li Tirregola t-Trasporti, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“ATT”), korp ta’ kontroll nazzjonali tas-settur ferrovjarju fl-Italja, u, min-naħa l-oħra, Rete Ferroviaria Italiana SpA (iktar ’il quddiem “RFI”), ġestjonarju tal-infrastruttura ferrovjarja Taljana, u impriżi ferrovjarji li jeżerċitaw attivitajiet ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija dwar deċiżjoni tal-ART, adottata matul l-2022, li tapprova l-“indikazzjonijiet u r-rekwiżiti tad-‘dokument ta’ referenza tan-network tal‑2024’” stabbiliti minn RFI, li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ penali għall-impriżi ferrovjarji f’każ li jinqabeż il-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 97 TFUE jipprovdi:

“Ħlasijiet jew drittijiet miġbura minn trasportatur, biż-żieda tal-prezzijiet tat-trasport, għat-trasport li jaqsam il-fruntieri, ma għandhomx jeċċedu livell raġonevoli, meħuda kunsiderazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż reali ta’ dak it-trasport.

L-Istati Membri għandhom iħabirku sabiex inaqqsu progressivament dawn l-ispejjeż.

[…]”

 Id-Direttiva 2012/34

4        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2012/34 jipprovdu:

“(2)      L-integrazzjoni akbar tas-settur tat-trasport tal-Unjoni [Ewropea] hija element essenzjali tal-kompletar tas-suq intern, u l-linji tal-ferrovija huma parti essenzjali tas-settur tat-trasport tal-Unjoni fil-mixja lejn il-kisba ta’ mobbiltà sostenibbli.

(3)      L-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja trid titjieb, sabiex tiddaħħal f’suq kompetittiv, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tal-linji tal-ferrovija.”

5        Fost id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “L-imposti tal-infrastruttura u tas-servizzi” hemm l-Artikolu 35 stess intitolat “Skema tal-prestazzjoni”, li jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-iskemi tat-tqegħid tal-imposti tal-infrastruttura għandhom jinkoraġġixxu l-impriżi ferrovjarji u lill-maniġer tal-infrastruttura biex jimminimizzaw ix-xkiel u jtejbu l-prestazzjoni tan-netwerk ferrovjarju permezz ta’ skema tal-prestazzjoni. Din l-iskema tista’ tinkludi penali għal azzjonijiet li jfixklu t-tħaddim tan-netwerk, il-kumpens għall-impriżi jsofru xkiel u bonuses li jippremjaw prestazzjoni aħjar minn dik li ġiet ippjanata.

2.      Il-prinċipji bażiċi tal-iskema tal-prestazzjoni kif elenkati fil-punt 2 tal-Anness VI għandhom japplikaw man-netwerk kollu”.

6        L-Artikolu 55 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Korp regolatorju”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi korp regolatorju nazzjonali wieħed għas-settur ferrovjarju. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan il-korp għandu jkun awtorità indipendenti li, f’termini organizzattivi, funzjonali, ġerarkiċi u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, hija legalment distinta u indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Il-korp għandu jkun ukoll indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull maniġer, korp tat-tqegħid tal-imposti, korp tal-allokazzjoni jew minn kull applikant. Barra minn hekk, għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.”

7        L-Artikolu 56 tal-istess direttiva, intitolat “Funzjonijiet tal-korp regolatorju”, jindika:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:

(a)      id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fil-verżjonijiet proviżorji u finali tagħha;

(b)      il-kriterji stabbiliti fiha;

(c)      il-proċess tal-allokazzjoni u r-riżultat tiegħu;

(d)      l-iskema tat-tqegħid tal-imposti;

(e)      il-livell jew l-istruttura tal-imposti infrastrutturali li hu meħtieġ iħallas jew li jista’ jkun meħtieġ iħallas;

[…]

2.      Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jiżguraw il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jissorvelja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż b’mod partikolari s-suq għal servizzi għall-passiġġieri b’veloċità għolja, u l-attivitajiet tal-maniġers tal-infrastruttura fir-rigward tal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1. B’mod partikolari, il-korp regolatorju għandu jivverifika li hemm konformità mal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti.

[...]

6.      Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji.

[...]”

8        L-Anness VI tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Rekwiżiti għall-ispejjeż u l-imposti relatati mal-infrastruttura ferrovjarja”, huwa fformulat kif ġej, fil-punt 2(a) u (b) tiegħu:

“L-iskema tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin:

(a)      Sabiex jintlaħaq il-livell miftiehem ta’ prestazzjoni u sabiex ma tkunx ipperikolata l-vijabbiltà ekonomika tas-servizz, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaqbel mal-applikanti dwar il-parametri prinċipali tal-iskema tal-prestazzjoni, b’mod partikolari dwar il-valur tad-dewmien, il-limiti għall-ħlasijiet li jridu jingħataw taħt l-iskema tal-prestazzjoni, kemm skont il-vjaġġi individwali tal-ferroviji kif ukoll għall-vjaġġi kollha tal-ferroviji ta' impriża ferrovjarja f’perjodu ta’ żmien partikolari;

(b)      Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkomunika l-iskeda ta’ ħidma lill-impriżi ferrovjarji, abbażi ta’ liema skeda jiġi kkalkulat id-dewmien, mill-anqas ħamest ijiem qabel il-vjaġġ tal-ferrovija. Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ japplika perjodu ta’ notifika iqsar f’każ ta’ force majeure jew alterazzjonijiet tard fl-iskeda ta’ ħidma;

[...]”

 Id-dritt Taljan

 Id-Digriet Liġi Nru 201 tas‑6 ta’ Diċembru 2011

9        L-Artikolu 37 tad-decreto-legge n. 201 – Disposizioni urgenti per la crescita, l’equità e il consolidamento dei conti pubblici (id-Digriet Liġi Nru 201, li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għat-Tkabbir, l-Ekwità u l-Konsolidazzjoni tal-Kontijiet Pubbliċi), tas‑6 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 284, tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Suppliment Ordinarju Nru 251), ikkonvertit, b’xi modifiki, permezz tal-legge n. 214 (Liġi Nru 214), tat‑22 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 300, tas‑27 ta’ Diċembru 2011, Suppliment Ordinarju Nru 276), jipprevedi:

“1.      Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi tal-utilità pubblika [...] hija stabbilita l-Awtorità li Tirregola t-Trasporti, iktar ’il quddiem imsejħa ‘l-Awtorità’, li għandha twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod awtonomu u b’indipendenza tal-ġudizzju u tal-evalwazzjoni. [...] L-Awtorità għandha tkun kompetenti fil-qasam tat-trasport u l-aċċess għall-infrastrutturi u s-servizzi anċillari rilevanti, f’konformità mar-regolamenti Ewropej u fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll il-kompetenzi tar-reġjuni u l-entitajiet lokali skont it-Titolu V tat-Tieni Parti tal-Kostituzzjoni. [...]

2.      L-Awtorità għandu jkollha l-kompetenza fil-qasam tat-trasport u l-aċċess għall-infrastruttura rilevanti u, b’mod partikolari, għandha tiżgura li:

(a)      jiżguraw, skont metodoloġiji li jippromwovu l-kompetizzjoni, l-effiċjenza produttiva tal-ġestjoni u l-kontroll tal-ispejjeż għall-utenti, l-impriżi u l-konsumaturi, kundizzjonijiet ta’ aċċess ġusti u nondiskriminatorji għall-infrastruttura tan-networks ferrovjarji, tal-portijiet, tal-ajruporti u tal-awtostradi, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Aġenzija għall-Infrastruttura tat-Toroq u l-Awtostradi [...] kif ukoll fir-rigward tal-mobbiltà tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-livell nazzjonali, lokali u urban, inkluż fir-rigward tal-istazzjonijiet, l-ajruporti u l-portijiet, bl-esklużjoni tas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

(b)      jiddefinixxu, jekk jitqies meħtieġ fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu effettivament fis-swieq differenti tas-servizzi ta’ trasport nazzjonali u lokali, il-kriterji għall-iffissar mill-korpi kompetenti ta’ tariffi, imposti u ħlasijiet għall-użu tat-triq, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-ekwilibriju ekonomiku tal-impriżi regolati, l-effiċjenza produttiva tal-amministrazzjoni u l-kontroll tal-ispejjeż għall-utenti, l-impriżi u l-konsumaturi;

[...]

i)      fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, twettaq il-funzjonijiet kollha tal-korp ta’ kontroll [...] u, b’mod partikolari, tiddefinixxi l-kriterji għall-iffissar tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq mill-ġestjonarju tal-infrastruttura kif ukoll il-kriterji għad-distribuzzjoni tal-binarji u tal-kapaċità, u tikkontrolla l-applikazzjoni tajba tagħhom mill-ġestjonarju tal-infrastruttura;

[...]”

 Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 112

10      L-Artikolu 13 tad-decreto legislativo n. 112 – Attuazione della direttiva 2012/34/UE del Parlamento europeo e del Consiglio, del 21 novembre 2012, che istituisce uno spazio ferroviario europeo unico (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 112, li jittrasponi d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea), tal‑15 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 170, tal‑24 ta’ Lulju 2015, p. 1, iktar ’il quddiem id- “Digriet Leġiżlattiv Nru 112”), intitolat “Kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi”, jipprovdi:

“1.      Il-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu jiżgura li s-servizzi li ġejjin, li jikkostitwixxu s-sett minimu ta’ servizzi ta’ aċċess, jiġu pprovduti lill-impriżi ferrovjarji kollha li lilhom ikunu ġew allokati linji, taħt kundizzjonijiet ġusti u nondiskriminatorji u mingħajr ebda piż addizzjonali għall-imposti għall-aċċess u għall-użu tal-infrastruttura:

a)      ipproċessar ta’ talbiet għal kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja, bil-għan li jiġu konklużi kuntratti tal-infrastruttura;

b)      dritt għall-użu tal-kapaċità allokata;

ċ)      l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi d-devjaturi u l-ġonot;

d)      il-kontroll u r-regolazzjoni tat-traffiku tal-ferroviji, is-senjalazzjoni u r-rotta tal-ferroviji, u l-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni li tikkonċerna t-traffiku;

e)      l-użu tas-sistema tal-provvista tal-enerġija elettrika għall-kurrent tat-trazzjoni, jekk ikun il-każ;

f)      kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni jew għat-tħaddim tas-servizz li għalih tkun ingħatat il-kapaċità.

[...]”

11      L-Artikolu 21 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112, intitolat “Sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju”, jindika:

“1.      Sabiex jiġi minimizzat it-tfixkil ikkawżat minn kwalunkwe interruzzjoni tal-operazzjonijiet ferrovjarji, l-ġestjonarju tal-infrastruttura għandu jadotta, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-Istat, sistema xierqa ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju, li tista’ tinkludi l-possibbiltà jew li jiġu previsti klawżoli penali kontra utenti tan-network li jikkawżaw tali tfixkil, jew li jiġu previsti kumpensi għall-utenti tan-network li jsofru minn dan it-tfixkil, jew li jiġi previst kumpens għall-utenti tan-network affettwati minn dan it-tfixkil, jew li jiġu previsti forom ta’ premju għall-utenti tan-network li l-prestazzjonijiet tagħhom ikunu ogħla minn dawk previsti fil-kuntratti ta’ aċċess għall-infrastruttura rispettivi tagħhom.

2.      Il-prinċipji fundamentali tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI tad-[Direttiva 2012/34] għandhom japplikaw għan-network kollu mħaddem mill-ġestjonarju tal-infrastruttura.”

12      L-Artikolu 37(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112, intitolat “Korp regolatorju”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-korp regolatorju huwa l-awtorità regolatorja tat-trasport li teżerċita l-kompetenzi fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u tal-aċċess għall-infrastrutturi rilevanti skont l-Artikolu 37 tad-Digriet Liġi Nru 201 tas‑6 ta’ Diċembru 2011, ikkonvertit, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 214 tat‑22 ta’ Diċembru 2011, l-Artikolu 37 tad-Digriet Liġi Nru 1 tal‑24 ta’ Jannar 2012, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 27 tal‑24 ta’ Marzu 2012, tad-[Direttiva 2014/34], u dan id-digriet. Dan il-korp jaġixxi b’awtonomija sħiħa u b’indipendenza sħiħa fil-ġudizzju u fl-evalwazzjoni.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13      Permezz ta’ deċiżjoni adottata matul is-sena 2022, l-ART approva l-“indikazzjonijiet u r-rekwiżiti tad-‘dokument ta’ referenza tan-network tal‑2024’”, stabbiliti minn RFI. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-ART ipprevediet li wħud minn dawn l-indikazzjonijiet u preskrizzjonijiet jiġu integrati fid-dokument ta’ referenza tan-network għas-sena 2024, filwaqt li l-oħrajn jiġu inkorporati fid-dokument ta’ referenza tan-network għas-sena 2023.

14      L-imsemmija indikazzjonijiet u r-rekwiżiti kienu jipprevedu żewġ tipi ta’ penali. Minn naħa, dawn kienu jinkludu l-penalitajiet imposti skont is-sistema ġenerali applikabbli għan-network kollu, kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112 li jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 fl-ordinament ġuridiku Taljan, li jistgħu jiġu imposti, skont l-entità li lilha d-dewmien huwa imputabbli, jew lill-ġestjonarju tal-infrastruttura, jew lill-impriża ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, huma stabbilixxew sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ previst fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, li jistgħu jiġu imposti biss fuq l-impriżi ferrovjarji li jeżerċitaw attivitajiet ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

15      L-impriżi ferrovjarji konvenuti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Piemonte, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ATT, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tad-dokument ta’ referenza tan-network għas-sena 2023. Quddiem dik il-qorti, huma sostnew b’mod partikolari li din id-deċiżjoni u dan id-dokument kienu vvizzjati b’illegalità sa fejn kienu jistabbilixxu sistema ta’ penalitajiet distinta minn dik prevista fl-Artikolu 35 fl-Anness VI tad-Direttiva 2012/34 u sa fejn kienu jipprevedu, fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji, kumulu ta’ penalitajiet għall-istess fatt, jiġifieri dewmien li seħħ fi stazzjon ta’ konnessjoni.

16      Dik il-qorti laqgħet parzjalment iż-żewġ rikorsi, minħabba li l-atti kkontestati kienu vvizzjati b’nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, hija annullat dawn l-atti u bagħtet lura ż-żewġ kawżi quddiem l-ATT sabiex din teżerċita mill-ġdid, jekk ikun il-każ, is-setgħa tagħha.

17      L-ATT appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju. L-impriżi ferrovjarji konvenuti fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħhom, ippreżentaw appell inċidentali li fil-kuntest tiegħu huma sostnew li l-penali fil-fruntiera jmorru kontra l-Artikolu 97 TFUE u huma ta’ natura sproporzjonata.

18      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sistema ta’ penalitajiet tistax tiġi stabbilita barra mill-qafas stabbilit mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 u, għaldaqstant, jekk dan l-artikolu jippermettix lill-Istati Membri jipprevedu sistema speċifika ta’ penalitajiet applikabbli biss għall-impriżi ferrovjarji li jeżerċitaw attivitajiet ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem is-“sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera”), li hija intiża li tissanzjona l-qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, u li jiżdied mal-penali li jistgħu jiġu imposti, skont is-sistema ġenerali applikabbli għan-network kollu, kemm fuq l-ġestjonarju tal-infrastruttura, kif ukoll fuq l-impriża ferrovjarja, skont il-persuna responsabbli għad-dewmien ta’ ferrovija li tiċċirkola fuq l-infrastruttura ferrovjarja.

19      Fit-tieni lok, fil-każ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu tali sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 jippermettix il-kumulu ta’ penalitajiet, b’tali mod li impriża ferrovjarja tista’ tiġi imposta fuqha, għall-istess fatt, jiġifieri dewmien li seħħ fi stazzjon ta’ konnessjoni, kemm penalità skont is-sistema ġenerali applikabbli għan-network kollu kif ukoll penalità fil-fruntiera.

20      Fit-tielet lok, fil-każ li dan il-kumulu ta’ penalitajiet ikun konformi ma’ dan l-Artikolu 35, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar ir-rekwiżiti li jirregolaw l-imsemmi kumulu. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dan l-artikolu jimponix fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti, f’dan il-każ l-ATT, minn naħa, li tosserva l-prinċipju ta’ newtralità tal-mekkaniżmu li hija tistabbilixxi u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-koordinazzjoni bejn is-sistemi differenti ta’ penalitajiet applikabbli kif ukoll li tivverifika li l-istess kumulu ma jwassalx għal piż sproporzjonat għall-impriżi ferrovjarji kkonċernati.

21      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 97 TFUE jipprekludix sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dħul li l-impriżi ferrovjarji jirċievu jew jistgħu jiġbru sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ tranżitu effettivament ikkawżati mill-qsim tal-fruntiera.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, essenzjalment identiċi, fil-Kawżi C‑161/25 u C‑162/25:

“1)      Sistema ta’ penali tista’ tiġi imposta barra mill-kuntest traċċat mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea?

2)      L-Artikolu 35 [tad-Direttiva 2012/34] jippermetti l-akkumulazzjoni ta’ diversi sistemi ta’ penali, fi kliem ieħor, jippermetti li, għall-istess fatt, jiġifieri dewmien f’stazzjoni tal-fruntiera, l-impriża ferrovjarja tista’ tiġi imposta kemm penali prevista mis-sistema ġenerali li tapplika għan-network kollu, kif ukoll penali speċifika għall-istazzjon tal-fruntiera?

3)      F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 35 [tad-Direttiva 2012/34] jimponi fuq il-korp [ta’ kontroll], meta dan jintroduċi jew mill-inqas ‘jivvalida’ sistema ta’ penali għall-istazzjonijiet tal-fruntiera għar-responsabbiltà tal-impriżi ta’ merkanzija bil-ferrovija, li dejjem josserva l-preskrizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni billi jassigura n-newtralità tal-miżura, b’mod li: i) għandhom jiġu previsti premji għall-impriżi ferrovjarji [li l-prestazzjoni tagħhom taqbeż il-previżjonijiet]; (ii) għandu jiġi previst kumpens għall-impriżi [li jkunu sofrew dannu]; u (iii) għandhom jingħataw penali anki lill-maniġer fil-każ fejn huwa stess huwa l-kawża tad-dewmien, jekk jitqies li n-newtralità timponi dejjem li d-diversi penali ikunu bilaterali?

4)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-[tieni domanda], l-Artikolu 35 [tad-Direttiva 2012/34] jimponi fuq il-korp [ta’ kontroll] li jikkoordina u, jekk iva, sa fejn, is-sistema ta’ penali tal-‘performance regime’ u s-sistema ta’ penali fil-fruntiera, sabiex dawn iż-żewġ sistemi jsegwu b’mod koordinat l-għan tal-effiċjenza tan-network, mingħajr ma jkunu eċċessivament onerużi għall-impriżi ferrovjarji milquta mill-penali fil-fruntiera?

5)      F’każ ta’ risposta pożittiva għat-[tieni domanda], l-Artikolu 35 [tad-Direttiva 2012/34] jimponi li jiġu kkoordinati l-penali massimi previsti miż-żewġ sistemi u li jiġi evalwat l-effett ekonomiku tagħhom fuq l-impriżi ferrovjarji sabiex[, minn naħa,] il-prinċipju ta’ effiċjenza jitqiegħed f’bilanċ mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ [natura raġonevoli] u[, min-naħa l-oħra,] sabiex il-vijabbiltà tas-servizzi ferrovjarji ma tkunx kompromessa?

6)      F’każ ta’ risposta pożittiva għat-[tieni domanda], l-Artikolu 97 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jifhem, permezz ta’ drittijiet jew taxxi li jistgħu jiġu jinġabru mingħand it-trasportatur, id-drittijiet jew il-ħlasijiet li l-impriża ferrovjarja ssostni għat-tranżitu, li għalihom għandhom jikkorrispondu spejjeż reali sostnuti effettivament mill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja użata għat-tranżitu u din ‘biż-żieda tal-prezzijiet tat-trasport’ (fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, ‘in addition to the transport rates’), jiġifieri indipendentement mid-dħul li t-trasportatur wettaq jew jista’ jwettaq sabiex ikopri dawn l-ispejjeż ta’ tranżitu?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ April 2025, il-Kawżi C‑161/25 u C‑162/25 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari minħabba li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx fiex jikkonsistu d-dubji li hija għandha, f’dan il-każ dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, u lanqas ma indikat kif din l-interpretazzjoni tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, Valora Effekten Handel, C‑864/24, EU:C:2026:94, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li r-rilevanza tagħha għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni, jidher li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, kif mitluba mill-qorti tar-rinviju, hija neċessarja sabiex tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tipprevedi sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fuq in-network nazzjonali kollu, li fil-kuntest tiegħu jistgħu jiġu imposti penalitajiet, skont il-persuna responsabbli għad-dewmien, kemm lill-ġestjonarju tal-infrastruttura kif ukoll lill-impriżi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ sistema speċifika ta’ penali fil-fruntiera f’każ li jinqabeż il-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, penali li jistgħu jiġu imposti biss fuq l-impriżi ferrovjarji tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

27      Isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, b’mod parallel mas-sistema ġenerali ta’ penalitajiet li jaqgħu taħt sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 35 li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilixxiet, l-applikazzjoni ta’ sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, li ma hijiex intiża formalment sabiex timplimenta l-imsemmi Artikolu 35, fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin.

29      Minn naħa, skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2012/34, l-Istati Membri huma obbligati jinkludu, fis-sistemi ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, “skema tal-prestazzjoni [sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni]” intiża sabiex tinkoraġġixxi kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-ġestjonarji tal-infrastruttura jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjoni tan-network ferrovjarju. Din is-sistema tista’ tinkludi sanzjonijiet għal azzjonijiet li jikkawżaw l-inadempjenzi fin-network, kumpens għall-intrapriżi affettwati minn dawn l-inadempjenzi, u bonuses għall-prestazzjoni tajba li taqbeż it-tbassir.

30      Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 35(2) ta’ din id-direttiva, is-sistemi ta’ titjib tal-prestazzjoni hekk implementati mill-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI tal-imsemmija direttiva.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 ma jiddefinixxix espressament il-kunċett ta’ “sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni” u li sempliċement jeżiġi li s-sistemi ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura jinkludu tali skema, mingħajr ma jiddetermina l-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni tal-indikazzjoni li din is-sistema tista’ tinkludi sanzjonijiet, kumpens u primjums. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn qari flimkien ta’ dan l-artikolu u tal-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva jirriżulta li taqa’ taħt tali sistema kull leġiżlazzjoni jew miżura dwar t-tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja intiża, b’mod partikolari, sabiex tottimizza l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-ġestjonarji tal-infrastruttura jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjoni tan-network ferrovjarju, indipendentement mill-klassifikazzjoni adottata jew mid-denominazzjoni mogħtija lil tali miżura fid-dritt nazzjonali.

32      Għaldaqstant, għandu jitqies li sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, minkejja li ma hijiex intiża formalment sabiex timplimenta l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, taqa’ madankollu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 35, sa fejn tali sistema tfittex l-għanijiet li tippromwovi l-aħjar użu tan-network ferrovjarju kif ukoll li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjonijiet ta’ dan in-network, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

33      Dan japplika indipendentement miċ-ċirkustanzi li din is-sistema ġiet stabbilita abbażi ta’ att distint minn dak li stabbilixxa s-sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli għan-network kollu, li din tikkonċerna biss segment speċifiku ta’ network, bħall-istazzjonijiet tal-fruntiera, u li ġiet adottata sabiex jiġu kkompletati miżuri preċedentement implementati fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ funzjonament li jaffettwa dan is-segment, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu.

34      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 kif ukoll il-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva.

35      Ċertament, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), li ġie ssostitwit bl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, l-Istati Membri jżommu libertà ta’ għażla tal-miżuri konkreti li jagħmlu parti mis-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, EU:C:2013:114, punt 64, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 80).

36      Madankollu, għalkemm l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti li jaqgħu taħt is-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, minn dan ma jistax jiġi dedott li huma awtorizzati jinjoraw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 35 kif ukoll il-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, peress li l-imsemmi Artikolu 35 jipprevedi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni filwaqt li jiddefinixxi l-għanijiet u l-prinċipji bażiċi li għandhom jirregolawha, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu tali sistema mingħajr ma josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2012/34.

37      Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 ikollha l-konsegwenza li tiffaċilita l-evażjoni tar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva u għalhekk tirriskja li ċċaħħad lil dan l-artikolu mill-effett utli tiegħu kif ukoll li tikkomprometti l-għan imfittex minnu, kif jirriżulta mill-paragrafu 1 tiegħu, li jikkonsisti f’li l-impriżi ferrovjarji u l-ġestjonarji tal-infrastruttura jiġu mħeġġa jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjonijiet tan-network ferrovjarju.

38      Tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-għan ta’ liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju, li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2012/34, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tagħha. Fil-fatt, dawn jippreċiżaw li din id-direttiva hija intiża li tiżgura integrazzjoni ikbar tas-settur tat-trasport tal-Unjoni, peress li din tikkostitwixxi element essenzjali tat-tlestija tas-suq intern, u li ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja sabiex tintegraha f’suq kompetittiv.

39      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt dan l-Artikolu 35 sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, li ma hijiex intiża formalment sabiex timplimenta l-istess Artikolu 35, applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, sa fejn din tfittex l-għanijiet li tippromwovi l-aħjar użu tan-network ferrovjarju kif ukoll li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjoni ta’ dan in-network. F’tali każ, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ tali sistema, b’mod parallel mas-sistema ġenerali ta’ penalitajiet li jaqgħu taħt sistema ta’ titjib ta’ prestazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 35, li din il-leġiżlazzjoni stabbilixxiet, sakemm din l-ewwel sistema tosserva r-rekwiżiti previsti fl-imsemmi Artikolu 35 u l-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi

40      Permezz tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni, kemm sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fuq in-network nazzjonali kollu kif ukoll sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, b’tali mod li, għall-istess fatt, impriża ferrovjarja tista’ tiġi suġġetta għal diversi penalitajiet, u, fl-affermattiv, jekk il-korp ta’ kontroll huwiex obbligat jiżgura l-koordinazzjoni bejn dawn is-sistemi ta’ penali kif ukoll jivverifika li l-kumulu tagħhom josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

41      Kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti li jaqgħu taħt is-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni prevista fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, intiżi sabiex jinkoraġġixxu kemm lill-impriżi ferrovjarji kif ukoll lill-ġestjonarju tal-infrastruttura sabiex itejbu l-prestazzjonijiet tan-network. Xorta jibqa’ l-fatt li, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 35, din is-sistema għandha tosserva l-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2(a) tal-Anness VI ta’ din id-direttiva.

42      Fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni u tal-fatt li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 sempliċement jipprevedi li s-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni tista’ tinkludi sanzjonijiet, mingħajr madankollu ma jippreċiża n-natura jew il-portata tagħha, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jistabbilixxu sistema komposta minn sanzjonijiet differenti, billi jistabbilixxu sistema speċifika ta’ penalitajiet intiża sabiex tnaqqas l-inadempjenzi marbuta mad-dewmien li jseħħ f’parti partikolari tan-netwerk, b’mod parallel mas-sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fuq in-network nazzjonali kollu.

43      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-Istati Membri għandhom libertà ta’ għażla tal-miżuri konkreti li jagħmlu parti mis-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni, dawn il-miżuri għandhom madankollu jikkostitwixxu ġabra koerenti u trasparenti li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34.

44      Dan ir-rekwiżit jippreżupponi, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-diversi miżuri li jagħmlu parti minn din is-sistema jkunu s-suġġett ta’ koordinazzjoni mill-korp ta’ kontroll li l-Istati Membri huma obbligati jaħtru konformement mal-Artikolu 55(1) ta’ din id-direttiva.

45      Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-korp huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, li jagħtih setgħa ta’ kontroll tas-sistema ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura, jindika lill-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali tal-ġestjonarju tal-infrastruttura ferrovjarja l-emendi li għandhom isiru f’din is-sistema sabiex jiġu rrimedjati l-inkompatibbiltajiet tagħha mar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 56, id-deċiżjonijiet tal-korp ta’ kontroll jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, li fosthom hemm l-Artikolu 35 tagħha, jew tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punti 38, 45 u 46).

46      Issa, minn naħa, l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li l-korp ta’ kontroll għandu jiżgura l-osservanza, mill-ġestjonarji tal-infrastruttura, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tad-dokument ta’ referenza dwar in-network, imsemmi fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu 56. Min-naħa l-oħra, mill-punt 2(a) tal-Anness VI ta’ din id-direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 35(2) tagħha, jirriżulta li l-miżuri previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ titjib tal-prestazzjoni għandhom jippermettu li jintlaħaq livell ta’ prestazzjoni miftiehem, mingħajr ma tiġi kompromessa l-vijabbiltà ekonomika tas-servizzi.

47      Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, il-korp ta’ kontroll huwa obbligat jivverifika, minn naħa, li l-miżuri kollha li jagħmlu parti mis-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni stabbilita mill-ġestjonarju tal-infrastruttura fid-dokument ta’ referenza dwar in-network għandhom, b’mod koerenti u trasparenti, l-għan ta’ titjib tal-prestazzjoni tan-network u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

48      Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, teżiġi li l-miżuri adottati ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punti 39 u 40 kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’ Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Minn dan isegwi li, meta sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni tinkludi diversi sistemi ta’ penalitajiet li jistgħu japplikaw għall-istess fatt, huwa l-korp ta’ kontroll li għandu jivverifika li dawn is-sistemi huma koerenti bejniethom u li josservaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 kif ukoll il-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI tagħha. Dan l-korp għandu jivverifika wkoll li l-penalitajiet li jistgħu jiġu imposti b’applikazzjoni tagħhom, meħuda flimkien, huma xierqa, neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-inadempjenzi u t-titjib tal-prestazzjoni tan-netwerk ferrovjarju, u, għaldaqstant, li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi tad-diversi miżuri imposti fuq l-impriżi ferrovjarji, il-korp ta’ kontroll huwa obbligat jivverifika, fid-dawl tal-punt 2(a) tal-Anness VI tad-Direttiva 2012/34, li s-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni ma tikkompromettix il-vijabbiltà ekonomika ta’ servizz, u li l-miżuri li jifformaw din is-sistema, fosthom b’mod partikolari s-sistemi differenti ta’ penalitajiet implimentati sabiex jitnaqqsu n-nuqqasijiet u jittejbu l-prestazzjonijiet, ma jistgħux jippreġudikaw il-vijabbiltà ekonomika u l-profittabbiltà tal-impriżi ferrovjarji kkonċernati.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li ebda element li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-penalitajiet li jistgħu japplikaw għall-istess fatt fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura kriminali minħabba, b’mod partikolari, il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2025, Engie România, C‑205/23, EU:C:2025:43, punt 49), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jidhirx li huwa applikabbli f’dan il-każ.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni, kemm sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fin-network nazzjonali kollu kif ukoll sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, b’tali mod li, għall-istess fatt, impriża ferrovjarja tista’ tiġi suġġetta għal diversi penalitajiet. Meta din is-sistema tinkludi diversi sistemi ta’ penali, il-korp ta’ kontroll huwa obbligat jivverifika, minn naħa, li l-miżuri li jagħmlu parti minn din is-sistema jsegwu, b’mod koerenti u trasparenti, l-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tan-network u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li ma jippreġudikawx il-vijabbiltà ekonomika u l-profittabbiltà tal-impriżi ferrovjarji kkonċernati.

 Fuq it-tielet domanda

53      Permezz tat-tielet domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-korp ta’ kontroll l-obbligu li jivverifika, minn naħa, li s-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni prevista f’dan l-artikolu tinkludi neċessarjament, minbarra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, l-għoti ta’ primjums lill-impriżi ferrovjarji li l-prestazzjonijiet tagħhom jaqbżu l-previżjonijiet kif ukoll dak ta’ kumpens favur impriżi li jkunu ġarrbu dannu, u, min-naħa l-oħra, li l-penali fil-każ ta’ dewmien japplikaw ukoll għall-ġestjonarju tal-infrastruttura meta dan tal-aħħar ikun responsabbli għad-dewmien.

54      Skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2012/34 u kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu tista’ tinkludi sanzjonijiet fil-każ ta’ atti li jikkawżaw inadempjenzi fin-network, kumpens għall-impriżi li huma vittmi ta’ dawn l-inadempjenzi u primjums f’każ ta’ prestazzjoni tajba li teċċedi l-previżjonijiet. Issa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li tali sistema għandha neċessarjament tinkludi kull wieħed mit-tliet komponenti msemmija minnha, jiġifieri sanzjonijiet, kumpensi u primjums, sabiex tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni.

55      Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li jippermettilhom jiddeterminaw liema miżuri msemmija fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2012/34 huma ta’ natura, minn naħa, li jissodisfaw l-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-promozzjoni tal-aħjar użu tan-network ferrovjarju kif ukoll it-tnaqqis tal-inadempjenzi u t-titjib tal-ħidma fl-użu ta’ dan in-network, u, min-naħa l-oħra, li jiddefinixxu l-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni skont il-bżonnijiet ta’ ottimizzazzjoni, ta’ titjib u tal-inadempjenzi tan-network identifikati.

56      Għaldaqstant, kif jikkonferma l-punt 2 tal-Anness VI tad-Direttiva 2012/34, sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni tista’ tkun komposta minn miżuri differenti intiżi li jirrispondu għal aspetti differenti tat-tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, sakemm, kif ġie rrilevat fil-punti 43 u 49 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri jikkostitwixxu ġabra koerenti, trasparenti u proporzjonata ta’ natura li tilħaq l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

57      F’din il-perspettiva, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tat-titjib ta’ aspett speċifiku tan-network ferrovjarju, jista’ jkun possibbli għall-Istat Membru kkonċernat li jipprevedi miżuri li japplikaw biss għall-ġestjonarju tal-infrastruttura jew għall-impriżi ferrovjarji kkonċernati biss. Fil-fatt, peress li l-ġestjonarju tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jeżerċitaw attivitajiet ta’ natura differenti u huma, f’dan ir-rigward, suġġetti għal obbligi distinti, ma jistax neċessarjament jiġi rikjest li dawn jaqgħu taħt l-istess sistema ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ tfixkil li jaffettwa ċ-ċirkulazzjoni ferrovjarja.

58      Madankollu, tali sistema ma jistax ikollha l-konsegwenza li twassal għal trattament diskriminatorju fir-rigward ta’ ċerti impriżi ferrovjarji. Fil-fatt, skont l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34, il-korp ta’ kontroll huwa awtorizzat jissorvelja s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji. Huwa għandu, b’mod partikolari, jivverifika fuq inizjattiva tiegħu stess li d-dokument ta’ referenza dwar in-network ma jkunx fiha klawżoli li jiddiskriminaw kontra l-applikanti.

59      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq il-korp ta’ kontroll l-obbligu li jivverifika, minn naħa, li s-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni prevista f’dan l-artikolu tinkludi neċessarjament, minbarra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, l-għoti ta’ primjums lill-impriżi ferrovjarji li l-prestazzjonijiet tagħhom jeċċedu l-previżjonijiet kif ukoll dak ta’ kumpens favur impriżi li jkunu sofrew dannu, u, min-naħa l-oħra, li l-penali fil-każ ta’ dewmien japplikaw ukoll għall-ġestjonarju tal-infrastruttura meta dan tal-aħħar ikun responsabbli għad-dewmien. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 35 jimponi fuq dan il-korp l-obbligu li jivverifika li, meħuda fl-intier tagħha, l-imsemmija sistema tikkostitwixxi ġabra koerenti, trasparenti u proporzjonata ta’ miżuri ta’ natura li jilħqu l-għanijiet imsemmija fl-istess Artikolu 35.

 Fuq is-sitt domanda

60      Permezz tas-sitt domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 97 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli għall-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li dawn l-impriżi jirċievu jew jistgħu jirċievu sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ tranżitu.

61      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 97 TFUE, it-taxxi jew l-imposti li, indipendentement mill-prezzijiet tat-trasport, huma imposti minn trasportatur li jaqsam il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu livell raġonevoli, fid-dawl tal-ispejjeż reali effettivament ikkawżati minn dan il-passaġġ. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż direttament marbuta mal-qsim tal-fruntieri fi ħdan l-Unjoni sabiex tippromwovi t-tlestija tas-suq intern.

62      F’dan il-każ, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-legalità tas-sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, jiġifieri sistema speċifika ta’ penalitajiet applikabbli għall-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, li tiżdied mas-sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fin-network nazzjonali kollu. Dawn il-penali, li huma imposti fuq l-impriżi ferrovjarji mill-ġestjonarju tal-infrastruttura, jikkostitwixxu, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, mekkaniżmu intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji jnaqqsu l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjonijiet tan-network ferrovjarju.

63      Issa, l-implimentazzjoni ta’ tali sistema ma tistax tiġi assimilata mat-taxxi jew imposti msemmija fl-Artikolu 97 TFUE. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jinkludu somom miġbura mit-trasportatur. Dan ma huwiex il-każ tal-penali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li huma imposti fuq l-impriżi ferrovjarji mill-ġestjonarju tal-infrastruttura fil-kuntest ta’ sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 97 TFUE.

65      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda f’kull waħda mill-kawżi magħquda għandha tkun li l-Artikolu 97 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli għall-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li dawn l-impriżi jirċievu jew jistgħu jirċievu sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ tranżitu.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

taqa’ taħt dan l-Artikolu 35 sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera, li ma hijiex intiża formalment sabiex timplimenta l-imsemmi Artikolu 35, applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, sa fejn din tfittex l-għanijiet li tippromwovi l-aħjar użu tan-network ferrovjarju kif ukoll li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji jnaqqsu kemm jista’ jkun l-inadempjenzi u jtejbu l-prestazzjoni ta’ dan in-network. F’tali każ, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, kif emendata, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ tali sistema, b’mod parallel mas-sistema ġenerali ta’ penalitajiet li jaqgħu taħt sistema ta’ titjib ta’ prestazzjoni fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3, li din il-leġiżlazzjoni stabbilixxiet, sakemm din l-ewwel sistema tosserva r-rekwiżiti previsti fl-imsemmi Artikolu 35 u l-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI ta’ din id-direttiva, kif emendata.

2)      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, kif emendata mid-Direttiva 2016/2370,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni, kemm sistema ġenerali ta’ penalitajiet applikabbli fil-każ ta’ dewmien fin-network nazzjonali kollu kif ukoll sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, b’tali mod li, għall-istess fatt, impriża ferrovjarja tista’ tiġi suġġetta għal diversi penalitajiet. Meta din is-sistema tinkludi diversi sistemi ta’ penali, il-korp ta’ kontroll huwa obbligat jivverifika, minn naħa, li l-miżuri li jagħmlu parti minn din is-sistema jsegwu, b’mod koerenti u trasparenti, l-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tan-network u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li ma jippreġudikawx il-vijabbiltà ekonomika u l-profittabbiltà tal-impriżi ferrovjarji kkonċernati.

3)      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, kif emendata mid-Direttiva 2016/2370,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jimponix fuq il-korp ta’ kontroll l-obbligu li jivverifika, minn naħa, li s-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni prevista f’dan l-artikolu tinkludi neċessarjament, minbarra l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, l-għoti ta’ primjums lill-impriżi ferrovjarji li l-prestazzjonijiet tagħhom jeċċedu l-previżjonijiet kif ukoll dak ta’ kumpens favur impriżi li jkunu sofrew dannu, u, min-naħa l-oħra, li l-penali fil-każ ta’ dewmien japplikaw ukoll għall-ġestjonarju tal-infrastruttura meta dan tal-aħħar ikun responsabbli għad-dewmien. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 35 jimponi fuq dan il-korp l-obbligu li jivverifika li, meħuda fl-intier tagħha, l-imsemmija sistema tikkostitwixxi ġabra koerenti, trasparenti u proporzjonata ta’ miżuri ta’ natura li jilħqu l-għanijiet imsemmija fl-istess Artikolu 35.

4)      L-Artikolu 97 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

5)      ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, fil-kuntest tas-sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni imsemmija fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/34, kif emendata mid-Direttiva 2016/2370, sistema speċifika ta’ penalitajiet fil-fruntiera applikabbli għall-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ qbiż tal-ħin ta’ parkeġġ fl-istazzjonijiet ta’ konnessjoni man-networks ferrovjarji barranin, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li dawn l-impriżi jirċievu jew jistgħu jirċievu sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ tranżitu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.