Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Marzu 2006 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru
Official Journal L 386 , 29/12/2006 P. 0017 - 0017
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0565 - 0565
20060327 Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Marzu 2006 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru (2006/953/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Fil- 5 ta' Ġunju ta' l-2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (2) Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, Ftehim mar-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru, hawn aktar 'il quddiem imsemmi "il-Ftehim", skond il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi Ftehim Komunitarju. (3) Il-ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat b'mod provviżorju, soġġett għal konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru qiegħed hawn jiġi approvat f'isem il-Komunita', soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim. It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħżel il-persuna(i) bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f'isem il-Komunita' soġġett għall-konklużjoni tiegħu. Artikolu 3 Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim. Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2006. Għall-Kunsill Il-President M. Gorbach --------------------------------------------------