|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1688 |
17.6.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1688
tat-12 ta’ Ġunju 2024
li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għar-raba’ perjodu referenzjarju mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2029
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3), il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-rekwiżiti dettaljati rigward l-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha mill-Kummissjoni fl-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza huma stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (2). |
|
(2) |
F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju (“RP4”), li jkopri s-snin kalendarji mill-2025 sal-2029 inklużi, iridu jiġu adottati qabel l-1 ta’ Ġunju 2024, u b’hekk jingħata żmien lill-Istati Membri għat-tħejjija tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, li jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2024 għall-valutazzjoni tagħhom. |
|
(3) |
Fit-tħejjija tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4, il-Kummissjoni ppubblikat il-meded indikattivi tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-fini ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, persuni u organizzazzjonijiet rilevanti oħra u, rigward aspetti ta’ sikurezza, mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”). Dawk il-meded indikattivi tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha ġew stabbiliti formalment fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2481 (3), abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li waslu mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”) maħtur mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-PRB, dwar il-meded tal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha kienu jinkludu laqgħa tal-partijiet ikkonċernati li saret fit-8 ta’ Novembru 2023 u stħarriġ online disponibbli mill-4 ta’ Ottubru 2023 sal-1 ta’ Diċembru 2023. |
|
(4) |
F’Marzu 2024, il-PRB ippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport finali tiegħu dwar il-miri tal-prestazzjoni proposti għall-Unjoni kollha għall-RP4. Dak ir-rapport jistabbilixxi fid-dettall is-suppożizzjonijiet, ir-raġunament u l-analiżi li fuqhom huma bbażati l-miri proposti u l-valuri ta’ bażi assoċjati, il-livelli limitu ta’ allert u l-gruppi komparaturi. Ir-rapport jiddeskrivi wkoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati msemmija fil-premessa (3). Fir-rapport, il-PRB uża l-aħħar suppożizzjonijiet tat-traffiku għall-RP4 li saru disponibbli mis-Servizz tal-Istatistika u t-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”). |
|
(5) |
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4 stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ġew infurmati minn inputs li waslu mingħand il-PRB, il-Maniġer tan-Network, l-EASA, u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tqiesu l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni tkopri l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, jiġifieri l-Istati Membri, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4 u l-valuri ta’ bażi assoċjati ġew stabbiliti abbażi tat-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR ippubblikat fi Frar 2024, kif espress fil-movimenti tar-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (“IFR”) u fl-unitajiet tas-servizz. Fil-livell tal-Unjoni kollha, dak it-tbassir tat-traffiku en route jikkorrispondi għal total ta’ 9 552 000 moviment IFR u 128 933 200 unità tas-servizz għall-2024, 9 787 000 moviment IFR u 133 040 200 unità tas-servizz għall-2025, 10 004 000 moviment IFR u 136 927 200 unità tas-servizz għall-2026, 10 209 000 moviment IFR u 140 566 200 unità tas-servizz għall-2027, 10 430 000 moviment IFR u 144 385 200 unità tas-servizz għall-2028, u 10 594 000 moviment IFR u 147 464 200 unità tas-servizz għall-2029. |
|
(7) |
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni (“KPA”) tas-sikurezza, imkejla bħala l-livell tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza li jrid jinkiseb mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ANSPs”) iċċertifikati biex jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru, jenħtieġ li jixprunaw il-prestazzjoni tas-sikurezza lil hinn mill-konformità minima mar-rekwiżiti rigward is-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-ANSPs. Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-livell ta’ dawk il-miri ta’ prestazzjoni filwaqt li titqies il-prestazzjoni attwali u mmirata fil-KPA tas-sikurezza fit-tielet perjodu ta’ referenza (“RP3”) u t-titjib ulterjuri meħtieġ fl-RP4 fid-dawl tal-aħħar żviluppi regolatorji u operazzjonali. |
|
(8) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-interdipendenzi bejn il-KPA tas-sikurezza u l-KPAs l-oħra tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-ġestjoni tas-sikurezza taġixxi bħala mekkaniżmu ta’ kontroll li jiżgura li fatturi eżoġeni jew endoġeni li jħallu impatt fuq is-sikurezza tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq. Konsegwentement, jenħtieġ li ssir enfasi speċifika fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza, li jenħtieġ li jkun soġġett għal livell ta’ prestazzjoni mmirat aktar ambizzjuż mill-oqsma l-oħra ta’ ġestjoni tas-sikurezza, bl-istess mod bħal fl-RP3. |
|
(9) |
Il-metodoloġija sottostanti għall-kejl tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza ġiet aġġornata mill-EASA fid-dawl tal-RP4. Il-metodoloġija aġġustata għandha l-għan li tiżgura l-allinjament mal-aħjar prattiki tal-industrija rilevanti, filwaqt li tqis l-iżviluppi regolatorji u tekniċi. Għalhekk, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-ANSPs biex jintlaħaq ċertu valur fil-mira għall-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, definiti bħala “livelli ta’ implimentazzjoni” u li jvarjaw minn A sa D, saru aktar stretti meta mqabbla mal-RP3. B’riżultat ta’ dawk il-bidliet, il-valuri tal-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza għall-RP3 u l-RP4 mhumiex direttament komparabbli. |
|
(10) |
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4 fil-KPA tal-ambjent, imkejla bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, jenħtieġ li jirriflettu l-Aġenda tal-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni. L-Unjoni stabbiliet obbligi legali permezz tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex tikseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u biex, sal-2030, tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti b’mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-1990. Għal dan l-għan, jenħtieġ li s-setturi ekonomiċi kollha, inkluż it-trasport bl-ajru, jikkontribwixxu għat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fil-każ tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”), dan ifisser li l-ineffiċjenzi tat-titjiriet li jwasslu għal konsum eċċessiv ta’ fjuwil u emissjonijiet ta’ gassijiet serra jenħtieġ li jiġu indirizzati b’mod effettiv. Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll il-mitigazzjoni, permezz ta’ miżuri operazzjonali adegwati, ta’ ineffiċjenzi minħabba fatturi li mhumiex fil-kontroll tal-ANSPs, bħall-kundizzjonijiet tat-temp u żoni ta’ periklu magħluqa għat-traffiku. |
|
(11) |
Fl-istabbiliment tal-livell tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali għall-Unjoni kollha għall-RP4, jenħtieġ li titqies il-prestazzjoni storika miksuba f’dak il-KPA; il-benefiċċji estimati li jirriżultaw mill-miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) imsemmi fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (5); u, il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-flussi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru. |
|
(12) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li titqies l-interdipendenza bejn il-KPAs ambjentali u tal-kapaċità. L-analiżi tal-PRB turi li l-prestazzjoni ambjentali u tal-kapaċità huma interkonnessi mill-qrib. Għalhekk, it-titjib immirat fl-effiċjenza tat-titjir orizzontali fl-RP4 jirrikjedi wkoll li l-ANSPs jindirizzaw b’mod effettiv kwalunkwe nuqqas ta’ kapaċità eżistenti li jillimita d-disponibbiltà tal-ispazju tal-ajru għall-utenti u li jwassal għal trajettorji tat-titjiriet subottimali sabiex jiġu evitati ż-żoni konġestjonati. |
|
(13) |
Minħabba li l-miżuri operazzjonali li għandhom jittieħdu mill-ANSPs, inklużi l-benefiċċji li jirriżultaw mill-miżuri ppjanati taħt l-ERNIP, se jimmaterjalizzaw gradwalment matul l-RP4, u minħabba t-tbassir tat-tkabbir tat-traffiku matul l-RP4 li jista’ jkollu impatt fuq il-kumplessità tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li l-prestazzjoni ambjentali fl-RP4 tkun immirata biex titjieb gradwalment, filwaqt li jitqiesu wkoll il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-flussi tat-traffiku tal-ajru f’ċerti Stati Membri. |
|
(14) |
Minħabba l-interdipendenzi bejn il-KPAs tal-kapaċità u ambjentali deskritti fil-premessa (12), u meta titqies l-importanza li jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-ATM sabiex tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni, il-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità għall-Unjoni kollha għall-RP4, imkejla bħala d-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jiżgura livell adegwat ta’ kwalità tas-servizz għall-utenti. |
|
(15) |
Il-miri tal-kapaċità għall-Unjoni kollha għall-RP4 jenħtieġ li, b’mod partikolari, irawmu r-riżoluzzjoni rapida u effettiva tan-nuqqasijiet li ilhom jeżistu tal-kapaċità tal-ATM li jiffaċċjaw ċerti ANSPs. Tali kwistjonijiet ta’ kapaċità ġew osservati mit-tieni perjodu ta’ referenza (“RP2”, 2015–2019) u reġgħu tfaċċaw wara l-kriżi tal-COVID-19 li, f’ħafna każijiet, ikkawżat tnaqqis notevoli jew sospensjoni tat-taħriġ ta’ kontrolluri ġodda tat-traffiku tal-ajru, anke għaċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona (“ACCs”) li fihom l-għadd tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCO”) kien storikament baxx wisq biex jissodisfa d-domanda tat-traffiku b’mod adegwat. Għalhekk, f’xi oqsma tal-Unjoni, b’mod partikolari f’għadd limitat ta’ ACCs fil-qasam ewlieni tal-Ewropa, il-kapaċità tal-ATM ma kinitx biżżejjed biex takkomoda l-irkupru tat-traffiku tal-ajru wara t-tnaqqis qawwi fit-traffiku esperjenzat matul il-pandemija tal-COVID-19. |
|
(16) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-bidliet fit-traffiku li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li wasslu għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ titjiriet f’ċerti Stati Membri minħabba bidla fil-flussi tat-traffiku. Dik is-sitwazzjoni tikkostitwixxi sfida għall-ANSPs ikkonċernati li ser ikollhom jakkomodaw volumi ta’ traffiku għoljin u li qed jiżdiedu matul l-RP4 wkoll. Il-kondensazzjoni osservata tal-flussi tat-traffiku f’ċerti żoni hija aggravata aktar bl-għeluq tat-traffiku tal-ajru ċivili ta’ ċerti partijiet tal-ispazju tal-ajru kkontrollati mill-Istati Membri fil-viċinanza tal-fruntiera mal-Ukrajna. |
|
(17) |
Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jitqiesu l-miżuri ta’ titjib tal-kapaċità tal-ANSPs li diġà ġew inklużi fil-Pjan Operattiv għan-Network Ewropew (“NOP”) imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/123. L-aħħar edizzjoni disponibbli tal-NOP, li jkopri l-perjodu ta’ żmien 2023–2027 (6), jinkludi titjib fil-kapaċità mill-biċċa l-kbira tal-ACCs li storikament kienu kontributuri sinifikanti għad-dewmien tal-ATFM en route, inkluża l-implimentazzjoni ta’ sistemi tal-ATM tal-ogħla livell u għodod avvanzati tal-ATC. Abbażi tal-analiżi disponibbli, dawk l-investimenti se jtejbu b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-kapaċità f’dawk l-ACCs matul l-RP4. Fl-RP4 mistennija wkoll benefiċċji operazzjonali speċifiċi mill-parti tal-funzjonalitajiet tal-ATM tal-“Proġett Komuni Wieħed” tas-SESAR u stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116 (7), li se jiġu implimentati matul il-perjodu ta’ żmien tal-RP4. |
|
(18) |
Skont l-NOP imsemmi fil-premessa (17), għadd ta’ ACCs huma madankollu mistennija li jiffaċċjaw sfidi biex jakkomodaw id-domanda tat-traffiku mbassra fl-ewwel snin tal-RP4, b’mod partikolari minħabba livelli inadegwati persistenti ta’ persunal tal-ATCO. L-ANSPs ikkonċernati jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjonijiet osservati tal-kapaċità strutturali u tal-persunal u biex jimminimizzaw kwalunkwe effett negattiv relatat fuq il-prestazzjoni tan-network. Il-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità għall-Unjoni kollha huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-progress biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kapaċità jsir sa tmiem l-RP3 u li kapaċità addizzjonali sinifikanti ssir disponibbli mill-ANSPs matul l-RP4 b’mod li l-ikbar konċentrazzjoni tingħata fil-bidu. |
|
(19) |
Meta Stat Membru jiffaċċja traffiku addizzjonali konsiderevoli u żieda sinifikanti fil-kumplessità tal-operazzjonijiet, kemm minħabba l-bidla fil-flussi tat-traffiku li tirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna msemmija fil-premessa(16), dik is-sitwazzjoni tagħmel il-kisba tal-konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità għall-Unjoni kollha aktar diffiċli għall-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta informazzjoni adegwata fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu dwar l-impatt operazzjonali għall-ANSP tiegħu li jirriżulta mill-gwerra fl-Ukrajna, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis dawk iċ-ċirkostanzi meta tivvaluta l-miri tal-prestazzjoni lokali proposti għall-RP4 fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità għall-Unjoni kollha. |
|
(20) |
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-KPA tal-kosteffiċjenza għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza espressi bħala perċentwal, jirriflettu l-bidla minn sena wara sena tal-“ kost unitarju ddeterminat ” (“DUC”) medju għall-Unjoni kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route. Jenħtieġ li d-data preliminari dwar il-kost u t-traffiku għall-RP4 ippreżentata mill-Istati Membri f’Ġunju 2023 tintuża bħala wieħed mill-inputs għall-istabbiliment tal-miri għall-Unjoni kollha flimkien mal-analiżi esperta li tħares’ il quddiem tal-PRB tal-kostijiet tal-RP4 u t-titjib potenzjali tal-kosteffiċjenza stmat mill-PRB għall-RP4, abbażi ta’ analiżi tal-ineffiċjenzi tal-kostijiet eżistenti fil-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route. |
|
(21) |
Jenħtieġ li jitqiesu wkoll l-interdipendenzi ma’ KPAs oħra. Il-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha għall-RP4 jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jsaħħaħ it-titjib tal-prestazzjoni operazzjonali meħtieġ fil-KPAs ambjentali u tal-kapaċità. Għal dan l-għan, huwa neċessarju li jiżdiedu l-kostijiet iddeterminati fil-livell tal-Unjoni kollha matul l-RP4 meta mqabbla mal-RP3, bil-ħsieb li tkun possibbli kwalità mtejba tas-servizz, inklużi miżuri biex jitħaffu r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-ATCOs u aktar investimenti fit-teknoloġija moderna. |
|
(22) |
Ir-rata ta’ żidiet annwali fil-kostijiet iddeterminati fl-RP4 jenħtieġ li tibqa’ taħt ir-rata mbassra tat-tkabbir tat-traffiku, sabiex jitrawwem aktar titjib fil-kosteffiċjenza u ekonomiji ta’ skala fil-forniment tas-servizzi. L-ANSPs jenħtieġ li jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji disponibbli permezz tal-kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll permezz ta’ bidliet strutturali oħra fl-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi. Matul il-perjodu ta’ żmien li jkopri kemm l-RP4 kif ukoll l-RP3, ix-xejra fit-tul tad-DUC għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route jenħtieġ li jammonta għal -1,0 % fis-sena. |
|
(23) |
Bħala konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ċerti Stati Membri tilfu sehem sinifikanti tal-flussi tat-traffiku tal-ajru li tradizzjonalment kienu jservu. Dak it-tnaqqis fit-traffiku jkompli matul l-RP4 biex ikollu impatt konsiderevoli fuq il-kosteffiċjenza tal-ANSPs tal-Istati Membri kkonċernati. Fl-RP3, fid-Deċiżjonijiet (UE) 2022/2423 (8) u (UE) 2022/2426 (9) tagħha, il-Kummissjoni diġà stabbiliet metodu biex jitqiesu dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali bħala parti mill-valutazzjoni tal-konsistenza tal-miri lokali tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha skont l-Artikolu 11(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004. |
|
(24) |
It-titjib mistenni fil-kosteffiċjenza għall-RP4 jenħtieġ li jiġi kkalkulat billi wieħed jitlaq mill-valur ta’ bażi għall-Unjoni kollha għad-DUC, li huwa derivat billi l-valur ta’ bażi għall-kostijiet stabbiliti għall-Unjoni kollha jiġi diviż bit-tbassir tat-traffiku ta’ STATFOR espressa f’unitajiet ta’ servizz għas-sena 2024. Il-valur ta’ bażi għall-kostijiet iddeterminati għall-Unjoni kollha jenħtieġ li jiġi stmat bl-użu tal-aħħar data disponibbli dwar il-kostijiet reali tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-RP3, kif aġġustat abbażi tad-tal-kostijiet preliminari għas-sena 2024 riċevuta mill-Istati Membri f’Ġunju 2023 u stimi dwar il-livell tal-kostijiet għas-sena 2024 li jirriżultaw mill-analiżi tal-PRB. Jenħtieġ li jitqiesu l-varjazzjonijiet previsti tat-traffiku matul il-bqija tal-perjodu ta’ żmien tal-RP3 u r-relazzjoni tagħhom mal-kostijiet. |
|
(25) |
Sabiex jiġu stabbiliti livelli limitu ta’ allert li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, jenħtieġ li jitqiesu l-firxiet tat-tbassir tat-traffiku, f’termini ta’ unitajiet ta’ servizz en route u movimenti IFR, minn tkabbir baxx sa dak għoli abbażi tat-tbassir STATFOR tal-Eurocontrol. Il-perjodu twil ta’ tbassir sa tmiem l-2029 jinvolvi grad ta’ inċertezza, b’mod partikolari relatat mar-riskji ġeopolitiċi, it-tkabbir ekonomiku, u l-varjabbiltà fil-flussi tat-traffiku kif rajna matul l-RP3 kif ukoll mal-iżvilupp ta’ rabtiet ekonomiċi ma’ swieq emerġenti. Il-livelli limitu ta’ allert jenħtieġ li jipprovdu għal livell raġonevoli ta’ varjazzjoni tat-traffiku madwar it-tbassir bażi tat-traffiku ta’ STATFOR ippubblikat fi Frar 2024, filwaqt li joffru l-possibbiltà lill-Istati Membri li jitolbu reviżjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni tagħhom f’każ li t-traffiku reali pjuttost jevolvi f’konformità mat-tbassir għoli ta’ STATFOR jew mat-tbassir baxx ta’ STATFOR. |
|
(26) |
Minbarra l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha, il-gruppi komparaturi tal-ANSPs b’ambjent operattiv u ekonomiku simili, jenħtieġ li jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza. Sabiex jiġu stabbiliti dawk il-gruppi, jenħtieġ li jitqiesu l-kumplessità tal-ispazju tal-ajru, il-livelli u l-varjabbiltà tat-traffiku, l-għoli tal-ħajja u l-livell tal-inflazzjoni. |
|
(27) |
Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku ta opinjoni negattiva. Att ta’ implimentazzjoni ġie meqjus meħtieġ u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal deliberazzjonijiet ulterjuri. Il-kumitat tal-appell ma ħariġx opinjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ambitu
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għar-raba’ perjodu referenzjarju li jkopri il-ħames snin kalendarji mill-2025 sal-2029.
Artikolu 2
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, kif imsemmi fil-punt 1.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li għandhom jintlaħqu sal-aħħar tal-2029 minn fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati biex jipprovdu servizzi, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”):
|
(a) |
tal-inqas Livell C fl-objettivi tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġiferi “kultura tas-sikurezza”, “politika u objettivi tas-sikurezza”, “assigurazzjoni tas-sikurezza”, u “promozzjoni tas-sikurezza”; |
|
(b) |
tal-inqas Livell D fl-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza jiġifieri “ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”. |
Artikolu 3
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, kif definiti fil-punt 2.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom jiġu espressi bħala l-medja tal-effiċjenza tat-tajran orizzontali en route tat-trajettorja reali u mkejla bħala distanza addizzjonali medja ta’ tajran imqabbla mad-distanza ortodromika u ma għandhiex taqbeż il-perċentwali li ġejjin: 2,80 % fl-2025, 2,75 % fl-2026, 2,71 % fl-2027, 2,68 % fl-2028 u 2,66 % fl-2029.
Artikolu 4
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, kif definit skont il-punt 3.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom ikunu l-medja ta’ dewmien tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route attribwit għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta’ massimu ta’ 0,9 minuta għal kull titjira fl-2025, ta’ 0,7 minuta għal kull titjira fl-2027, ta’ 0,6 minuta għal kull titjira fl-2026, ta’ 0,5 minuta għal kull titjira fl-2028 u ta’ 0,5 minuta għal kull titjira fl-2029.
Artikolu 5
Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza
1. Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, kif definit fil-punt 4.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, għandhom ikunu bidla minn sena wara sena tal-kost unitarju ddeterminat medju ta’ unità għall-Unjoni kollha għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ta’ – 1,2 % għall-2025, – 1,2 % għall-2026, – 1,2 % għall-2027, – 1,2 % għall-2028 u – 1,2 % għall-2029. Il-bidla minn sena wara sena għandha tiġi kkalkulata billi wieħed jitlaq mill-valur ta’ bażi għall-kost unitarju ddeterminat stabbilit fil-paragrafu 3.
2. Il-valur ta’ bażi għall-Unjoni kollha għall-kostijiet iddeterminati għandu jiġi stabbilit għal EUR 7 100 000 000, espress f’termini reali fil-prezzijiet tal-2022 (“EUR 2022”).
3. Il-valur ta’ bażi għall-Unjoni kollha għall-kostijiet iddeterminati għandu jiġi stabbilit għal EUR 55,07 f’EUR 2022.
Artikolu 6
Livelli limitu ta’ allert
1. L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ mira tal-prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1)(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, meta:
|
(a) |
it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mit-tbassir tat-traffiku fil-pjan ta’ prestazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b’tal-inqas 10 % tal-movimenti tar-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (“IFR”); jew |
|
(b) |
it-traffiku reali, irreġistrat mill-Eurocontrol, huwa differenti mit-tbassir tat-traffiku fil-pjan ta’ prestazzjoni adottat skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 matul sena kalendarja partikolari b’tal-inqas 10 % ta’ unitajiet ta’ servizz. |
2. L-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni ta’ mira tal-prestazzjoni waħda jew aktar li jinsabu fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1)(a)(i) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, meta l-varjazzjoni tal-valuri referenzjarji bħala riżultat tal-aġġornamenti staġjonali tal-Pjan Operattiv għan-Network (“NOP”) skont l-Artikolu 9(4)(a) u l-Artikolu 9(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 meta mqabbla mal-valuri referenzjarji mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fi żmien it-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni hija tal-inqas:
|
(a) |
0,05 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route jekk il-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fil-ħin tat-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni huwa inqas minn 0,2 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route; jew |
|
(b) |
0,04 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route b’żieda ta’ 5 % tal-valur referenzjarju mill-aħħar verżjoni tal-NOP disponibbli fiż-żmien tat-tfassil tal-pjan ta’ prestazzjoni jekk il-valur referenzjarju huwa akbar minn jew ugwali għal 0,2 minuta ta’ dewmien tal-ATFM en route. |
Artikolu 7
Gruppi komparaturi
Il-gruppi komparaturi tal-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b’ambjent operattiv u ekonomiku simili, għall-fini tal-valutazzjoni tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:
|
(a) |
Grupp A: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja; |
|
(b) |
Grupp B: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru ta’ Ċipru, l-Irlanda, Malta u l-Portugall; |
|
(c) |
Grupp C: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Rumanija; |
|
(d) |
Grupp D: il-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru taċ-Ċekja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja; |
|
(e) |
Grupp E: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Iżvizzera; |
|
(f) |
Grupp F: il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tad-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja. |
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/549/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/317/oj).
(3) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2481 tal-10 ta’ Novembru 2023 li tistabbilixxi meded indikattivi għall-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għar-raba’ perjodu ta’ referenza (2025-2029) (ĠU L, 2023/2481, 14.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2481/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1119/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/123/oj).
(6) https://www.eurocontrol.int/publication/european-network-operations-plan-2023-2027.
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/116 tal-1 ta’ Frar 2021 dwar l-istabbiliment tal-Proġett Komuni Wieħed li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru previst fir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014 (ĠU L 36, 2.2.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/116/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2423 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 318, 12.12.2022, p. 116, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2423/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2426 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni imressaq mil-Latvja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (ĠU L 318, 12.12.2022, p. 147, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2426/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1688/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)