Brussell, 5.2.2019

COM(2019) 47 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' ,Italicdata tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri

1. SFOND

Il-Kummissjoni (Eurostat) tiġbor statistika dwar il-ħatt ta’ prodotti tas-sajd skont ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 1 (“ir-Regolament). Skont ir-Regolament, ħatt huwa definit bħala prodotti tas-sajd li jinħattu fit-territorju tal-Istati Membri minn bastimenti tas-sajd tal-UE u tal-EFTA, jew li jinħattu f’territorju mhux tal-UE minn bastimenti ta’ Stati Membri u mbagħad importati fl-UE 2 . L-Artikolu 10 tar-Regolament jiddikjara li kull tliet (3) snin il-Kummissjoni jeħtiġilha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li, b’mod partikolari, jivvaluta l-kwalità u r-rilevanza tal-istatistika. Ir-rapport irid janalizza wkoll il-kosteffettività tas-sistema għall-ġbir ta’ data statistika dwar ħatt u jiġbed l-attenzjoni lejn l-aħjar prattiki li jistgħu jiġu kondiviżi biex jitnaqqas il-piż tax-xogħol fil-livell nazzjonali u li jwasslu għal data aktar utli u ta’ kwalità aħjar.

Ir-Regolament japplika għall-Istati Membri u għan-Norveġja, għall-Iżlanda u għal-Liechtenstein. Madankollu, minħabba li jikkonċerna ħatt ta’ qbid marittimu, Stati mingħajr kosta huma eżentati mill-obbligu ta’ rapportar tad-data.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq (i) ir-rapporti ta’ kwalità dwar il-ħatt sottomessi mill-Istati Membri ta’ rapportar lill-Eurostat għas-sena ta’ referenza 2016, (ii) l-analiżi ta’ konformità u (iii) id-data tal-kostijiet miġbura mill-Eurostat.

Il-Kummissjoni adottat rapporti ta’ valutazzjoni preċedenti rigward statistiċi dwar żbarki sottomessi taħt dan ir-Regolament f’Novembru 2010 3 , f’April 2014 4 u f’Mejju 2016 5 .

L-istatistiċi tas-sajd tal-Eurostat jinkludu wkoll statistiċi dettaljati dwar il-qabdiet, il-flotot u l-akkwakultura barra minn dawk dwar il-ħatt. Dipartimenti oħrajn tal-Kummissjoni, jiġifieri d-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), jiġbor ukoll ammont kbir ta’ data amministrattiva sabiex jimmaniġġja l-politika komuni tas-sajd. L-istatistiċi miġbura mill-Eurostat u d-data amministrattiva miġbura minn DĠ MARE parzjalment jikkoinċidu. Il-Eurostat nieda evalwazzjoni tal-istatistiċi tas-sajd Ewropew (li jkopru statistiċi pprovduti dwar il-qbid, il-ħatt u l-akkwakultura), li tiffoka fuq il-valutazzjoni tar-(i) rilevanza, (ii) l-effettività, (iii) l-effiċjenza, (iv) il-koerenza, (v) il-kwalità statistika u (vi) il-valur miżjud tal-UE tal-istatistika miġbura fil-kuntest tad-data kollha miġbura mill-Kummissjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

Dan ir-rapport ikopri biss l-istatistiċi dwar l-iżbarki miġbura mill-Eurostat u koperti mir-Regolament (KE) Nru 1921/2006.

2. IS-SEJBIET EWLENIN

2.1. Puntwalità u kompletezza

2.1.1. Puntwalità

Il-puntwalità tat-trażmissjonijiet tad-data tjiebet matul l-aħħar snin, bil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jibagħtu d-data fil-ħin. Għas-sena ta’ referenza 2016, id-data trażmessa minn nofs l-Istati Membri ta’ rappurtar kienet teħtieġ xi korrezzjonijiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn il-bidliet ġew ipprovduti f’perjodu ta’ żmien aċċettabbli.

Il-Kummissjoni (Eurostat) toħroġ id-data immedjatament wara li tiġi validata, u ċ-ċifri kollha jkunu disponibbli fil-bażi ta’ data pubblika tal-Eurostat xahar wara l-iskadenza tat-trażmissjoni. Jekk ikun meħtieġ, id-data tista’ tiġi riveduta fi kwalunkwe waqt.

2.1.2. Kompletezza

Il-kompletezza tad-data tjiebet mill-2015. Il-prezzijiet mandatorji tal-unitajiet tal-prodotti tas-sajd, li qabel kienu problematiċi, issa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma stabbiliti. Il-Eurostat ikkjarifika l-istruzzjonijiet ta’ rappurtar rilevanti fil-laqgħa tal-Grupp tal-Esperti dwar l-Istatistika tas-Sajd tal-2015.

Il-kompletezza tad-data tjiebet ukoll grazzi għall-miżuri meħuda minn xi Stati Membri sabiex jestendu b’mod sinifikanti l-kopertura ta’ stħarriġ tagħhom ta’ tipi ta’ bastimenti, bastimenti barranin u speċijiet. Tliet Stati Membri biss iddikjaraw li ma ġabrux id-data dwar il-ħatt minn bastimenti b’tul ta’ anqas minn 10 metri.

2.2. Konsistenza

2.2.1. Kwalità u preċiżjoni

Il-kwalità ġenerali tad-data kienet tajba u terz tal-Istati Membri rrappurtaw li l-kwalità tjiebet mill-aħħar rapport ta’ valutazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qiesu kemm ir-rata ta’ nuqqas ta’ rispons kif ukoll dik ta’ kopertura baxxa bħala baxxa ħafna. Numru limitat ħafna ta’ Stati Membri rrappurtaw żbalji ta’ kejl jew kampjunar, filwaqt li tqies li l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni ħażina ma għandha l-ebda impatt fuq il-kwalità tad-data. F’nofs il-pajjiżi ta’ rappurtar, il-ħatt ġie kontroverifikata ma’ statistiċi tal-qbid jew sorsi tad-data nazzjonali oħrajn bħala parti minn proċedura ta’ verifika.

2.2.2. Komparabbiltà

Il-linji gwida ta’ rappurtar ipprovduti mill-Eurostat ikkjarifikaw it-tip ta’ żbarki koperti mir-Regolament. Flimkien mat-titjib tal-kompletezza tad-data, dawn tejbu l-komparabbiltà tad-data bejn il-pajjiżi.

2.3. Rilevanza

L-istatistiċi dwar il-volumi u l-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd li nħattu f’territorju tal-UE kkontribwew għall-impenji tal-Kummissjoni fl-informazzjoni dwar is-suq. Id-data hija essenzjali għas-segwitu u għall-analiżi tas-swieq tal-prodotti tas-sajd tal-UE tul il-katina ta’ provvista.

Hija tista’ tkun rilevanti wkoll fil-kuntest tal-obbligu tal-ħatt 6 għaliex tirrikjedi li l-qabdiet kollha tal-ispeċijiet kummerċjali regolati jinħattu u jiġu magħduda mal-kwota rilevanti.

L-Istati Membri sostnew li l-ħtiġijiet kollha tal-utenti fil-livell nazzjonali ġew issodisfati. Fejn tkun teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali, din tkopri l-varjabbli kollha meħtieġa fir-Regolament tal-UE.

2.4. Aċċessibbiltà

2.4.1. Bażi ta’ data online

L-istatistika dwar il-ħatt hija disponibbli fil-bażi ta’ data pubblika 7 (Eurostat) tal-Kummissjoni f’tabelli dettaljati tal-pajjiżi, kif ukoll f’tabella ta’ sommarju globali li turi d-data nazzjonali u tal-UE f’livell aktar aggregat.

Nofs l-Istati Membri ta’ rappurtar jippubblikaw ukoll id-data fil-livell nazzjonali f’bażijiet ta’ data online li l-utenti jistgħu jaċċessaw.

2.4.2. Pubblikazzjonijiet u tabelli tad-data

Il-Kummissjoni (Eurostat) tippubblika data u artikli rigward statistika dwar żbarki fil-ġabra tagħha online “Statistics Explained” u f’kotba dwar l-istatistika 8 .

Nofs il-pajjiżi ta’ rappurtar ipproduċew pubblikazzjonijiet elettroniċi

2.4.3. Metadata

Kull 3 snin, il-Kummissjoni (Eurostat) tiġbor rapporti ta’ kwalità nazzjonali li fuqhom ikun ibbażat dan ir-rapport. Ir-rapporti nazzjonali jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kwalità tad-data u dwar il-metodi użati għall-ġbir tagħha. Ir-rapporti dwar il-kwalità nazzjonali jsegwu l-linji gwida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u jinġabru fil-Ġestur tal-Metadata tal-ESS.

2.5. Kunfidenzjalità tad-data

Il-varjabbli kunfidenzjali fl-istatistiċi dwar il-ħatt trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) huma ftit ħafna. Fl-2016, żewġ Stati Membri ffaċċjaw kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità minħabba l-attività ta’ bastiment tas-sajd f’żona tas-sajd partikolari. Minħabba f’dan, il-volum u l-valur globali baqgħu kunfidenzjali għat-total tal-UE. Madankollu, il-proporzjon ta’ data kunfidenzjali għat-total tal-UE kien limitat: għas-sena 2016, kien jirrappreżenta 1.5 % biss min-numru totali ta’ valuri rilaxxati għall-UE-28 fil-bażi ta’ data pubbliku tal-Kummissjoni (Eurostat).

3. PIŻ U KOSTEFFETTIVITÀ

Nofs l-Istati Membri ta’ rappurtar qalu li mill-aħħar rapport esperjenzaw żidiet fl-effiċjenza. Terz minnhom qalu li rnexxielhom inaqqsu l-piż fuq ir-rispondenti bl-użu ta’ kwestjonarji aktar faċli għall-utent jew metodi ta’ trażmissjoni tad-data eħfef.

L-ESS wettqet analiżi tal-piż u tal-kostijiet tal-proċess involut fil-ġbir tad-data biex tipprovdi statistiċi Ewropej”. 17-il Stat Membru (minn 23 li jirrappurtaw statistiċi dwar il-ħatt) bagħtu ċifri rigward il-piż, li ġew espressi f’ekwivalenti għal full time (FTE). Barra minn hekk, għat-tliet Stati Membri li setgħu jipprovdu biss ċifra totali għall-istatistika kemm dwar il-qbid tas-sajd kif ukoll dwar il-ħatt, il-piż għall-ħatt kien stmat li jammonta għal madwar nofs it-total. Il-piż kien ivarja bejn 0.01 u 11 FTE u kien anqas minn 0.25 FTE għal nofs dawk l-Istati Membri li rrappurtaw iċ-ċifri dwar il-piż.

17-il pajjiż bagħtu ċifri li kienu jinkludu kosti diretti u indiretti. Għaż-żewġ Stati Membri li ma setgħux jiddistingwu bejn kosti għall-ġbir tad-data dwar il-qbid u l-ġbir tad-data dwar il-ħatt, il-kost kien stmat li jammonta għal madwar nofs it-total. Il-kost medju annwali għall-ġbir tad-data statistika dwar l-iżbarki nazzjonali kien madwar EUR 109 000 għal kull pajjiż. Jekk jitqabbel mal-valur totali tal-ħatt, il-kost totali tal-ġbir tad-data dwar il-ħatt kien 0.08 % tal-valur totali tal-ħatt.

4. KONKLUŻJONIJIET

F’dawn l-aħħar snin l-istatistiċi dwar l-iżbarki tjiebu f’termini ta’ puntwalità, kompletezza u konsistenza. L-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar il-volum u l-valur tal-prodotti tas-sajd li jinħattu fl-UE u data dettaljata u utli ħafna fil-livell tal-ispeċijiet li għandha tintuża fl-analiżi tas-suq tal-ħut tal-UE.

Il-linji gwida ta’ rappurtar tal-Eurostat geħnu biex jagħmlu d-data dwar l-iżbarki aktar konsistenti. B’mod parallel, il-miżuri meħuda mill-fornituri tad-data nazzjonali wasslu għal kompletezza u puntwalità aħjar.

Il-kost annwali għall-produzzjoni ta’ data statistika dwar l-iżbarki, bħala medja, kien EUR 109 000 għal kull Stat Membru. Madanakollu, il-proporzjon medju tal-kosti għall-ġbir ta’ data statistika dwar il-ħatt fil-valur ekonomiku totali tal-ħatt kien taħt iż-0.1 %.

5. RAKKOMANDAZZJONIJIET

Fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-pajjiżi jkomplu jħeġġu l-użu ta’ kwestjonarji elettroniċi, minħabba li dawn jgħinu biex il-ġbir tad-data jkun aktar effiċjenti.

Proċedura sistematika għall-kontroverifika ma’ data nazzjonali oħra tiżgura konsistenza aħjar fid-data. L-awtomazzjoni tal-kontrolli ta’ validazzjoni wkoll iżżid l-affidabbiltà tad-data.

Il-Kummissjoni (Eurostat) tisħaq biex kontinwament ittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tal-istatistiċi Ewropej. Barra minn hekk, hija tinsab impenjata wkoll li tnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri u fuq ir-rispondenti. Għal dan il-għan, fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha għall-2018 9 , hija inkludiet proġett dwar l-iffaċilitar u s-simplifikazzjoni tal-istatistiċi dwar is-sajd. Dan il-proġett jinkludi evalwazzjoni tal-istatistiċi dwar is-sajd (qabdiet, żbarki u akkwakultura) li bħalissa jiġbor il-Eurostat. L-evalwazzjoni se titwettaq fil-kuntest globali tad-data tas-sajd miġbura mid-DĠs l-oħrajn tal-Kummissjoni u mill-organizzazzjoniet internazzjonali. Hija se tikkontribwixxi għal strateġija li timmira li tagħmel l-istatistiċi tas-sajd miġbura mill-Eurostat aktar xierqa għall-iskop tagħhom. L-evalwazzjoni se titlesta fis-sajf tal-2019.

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1).
(2) Dan ifisser li dawn l-istatistiċi mhumiex komparabbli mad-data dwar il-ħatt miġbura fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, fejn id-data hija miġbura skont il-bandiera tal-pajjiż tal-bastiment
(3) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri; COM(2010) 675 final.
(4) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri; COM(2014) 240 final.
(5) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri; COM(2016) 239 final.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, l-Artikolu 15.
(7)   http://ec.europa.eu/eurostat/data/database (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(8) L-aktar wieħed riċenti huwa “Agriculture, forestry and fishery statistics” — edizzjoni tal-2017, ISBN 978-92-79-75765-5 (disponibbli bl-Ingliż biss).
(9) http://ec.europa.eu/eurostat/web/ess/-/annual-work-programme-2018 (disponibbli bl-Ingliż biss).