|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2076 |
13.10.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2076
tal-10 ta’ Ottubru 2025
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Spanja
(notifikata bid-dokument C(2025) 6911)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda infettiva li tinġarr minn vettur u li taffettwa lill-annimali bovini. L-okkorrenza tagħha tista’ tħalli impatt sever fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, filwaqt li tikkawża wkoll disturb fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. |
|
(2) |
Fil-każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-annimali bovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali bovini, b’mod partikolari minħabba l-mod ta’ trażmissjoni tagħha permezz tal-vetturi. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, u ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi mill-inqas żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom. |
|
(4) |
Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali, fit-territorju tagħha, fir-rigward tal-infezzjoni tal-annimali bovini bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda. Din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari żewġ tifqigħat ta’ dik il-marda f’annimali bovini miżmuma fil-muniċipalitajiet ta’ Castelló d’Empuries u Peralada, fir-reġjun ta’ Alt d’Ampordà tal-provinċja ta’ Girona, li ġew ikkonfermati fit-3 u fl-4 ta’ Ottubru 2025. Wara dawn it-tifqigħat, Spanja stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, fejn jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard previsti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(5) |
Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, kif ukoll biex jiġi evitat kwalunkwe disturb bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi ddeterminata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Spanja |
|
(6) |
Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Il-kriterji applikati għall-għażla tad-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll tad-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, ma jqisux biss is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-żoni milquta minn dik il-marda, iżda anke fatturi epidemjoloġiċi oħra, fosthom il-parametri ġeografiċi u r-riskju li l-marda tkompli tinxtered. Anke meta ntgħażlet id-durata tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni tqiesu l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (4). |
|
(7) |
Għalhekk, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Spanja jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u jenħtieġ li fid-dritt tal-Unjoni tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, meta jitqies il-fatt li l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda tista’ tinfirex minn annimali bovini infettati b’mod subkliniku, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-movimenti tal-annimali bovini minn kwalunkwe post fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza lejn destinazzjoni li tinsab ’il barra mill-perimetru estern ta’ dawn iż-żoni. |
|
(8) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, u speċjalment l-introduzzjoni reċenti ta’ din il-marda fl-Italja u fi Franza f’Lulju u l-konferma tagħha fi Spanja, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi evitat it-tixrid tal-marda mill-istabbiliment affettwat fi Spanja lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jibdew japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(9) |
Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona ta’ protezzjoni u ż-żona ta’ sorveljanza fi Spanja jiġu stabbiliti minnufih u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar. |
|
(10) |
Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sas-26 ta’ Novembru 2025. |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja għandha tiżgura li:
|
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jistabbilixxu żona ristretta, li tkun tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu; |
|
(b) |
iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-punt (a) ikunu jinkludu mqar iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni; |
|
(c) |
il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jiġu applikati mqar sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Spanja għandha tiżgura li l-movimenti tal-annimali bovini miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fl-Anness lejn destinazzjoni li tinsab ’il barra mill-perimetru estern ta’ dawn iż-żoni jkunu pprojbiti sad-dati elenkati f’dak l-Anness.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-26 ta’ Novembru 2025.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/
ANNESS
Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata
|
Żona amministrattiva u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa |
Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fi Spanja, kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
Ir-reġjun ta’ Alt d’Ampordà ES-LSD-2025-00001 ES-LSD-2025-00002 |
Żona ta’ protezzjoni: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Alt d’Ampordà, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2481926, Lonġ. 3.0622671 (2025/1), Lat. 42.2883682, Lonġ. 3.0464172, (2025/2). |
5.11.2025 |
|
Żona ta’ sorveljanza: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Alt d’Ampordà, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2481926, Lonġ. 3.0622671 (2025/1), Lat. 42.2883682, Lonġ. 3.0464172, (2025/2). |
6.11.2025–26.11.2025 |
|
|
Żona ta’ sorveljanza: Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Alt d’Ampordà, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 50 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2481926, Lonġ. 3.0622671 (2025/1), Lat. 42.2883682, Lonġ. 3.0464172, (2025/2) esklużi l-inħawi li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni |
26.11.2025 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2076/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)