European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/869

12.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/869

tal-14 ta’ April 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni u l-Annessi tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu (1) (il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1992 u ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE (2).

(2)

Skont l-Artikolu 15(5)(b) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“Konferenza tal-Partijiet”) għandha s-setgħa li tikkunsidra u tadotta, kif meħtieġ, emendi ta’ din il-Konvenzjoni.

(3)

Matul il-ħmistax-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022 u s-sittax-il laqgħa tagħha f’Mejju 2023, il-Konferenza tal-Partijiet ikkunsidrat proposta għal emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni mressqa mill-Federazzjoni Russa. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tiddifferixxi l-kunsiderazzjoni ta’ dik il-proposta għal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet.

(4)

Il-Federazzjoni Russa ppreżentat proposta kemxejn emendata f’Ottubru 2024 għal diskussjoni fis-sbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet f’April-Mejju 2025. Dik il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi limitu taż-żmien ta’ 90 jum biex pajjiż tal-importazzjoni jwieġeb lin-notifikatur bi vjeġġ ta’ skart u li tinkludi bidliet oħrajn ippreżentati bħala editorjali.

(5)

Tressqet proposta f’isem l-Unjoni biex jiġu emendati l-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni, u din ġiet diskussa mill-Konferenza tal-Partijiet matul il-ħmistax-il laqgħa tagħha f’Ġunju 2022. Il-proposta għandha l-għan, fost l-oħrajn, li temenda u tiċċara d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet tar-rimi elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni u, b’mod partikolari, li: tinkludi introduzzjoni ġenerali li tiddistingwi b’mod ċar it-termini “mhux ta’ rkupru” u “ta’ rkupru”; tinkludi testi introduttorji li jispjegaw it-tifsira ta’ “operazzjonijiet mhux ta’ rkupru” (l-Anness IVA) u ta’ “operazzjonijiet ta’ rkupru” (l-Anness IVB); taġġorna u tiċċara d-deskrizzjonijiet tal-operazzjonijiet skont l-iżviluppi xjentifiċi, tekniċi u oħrajn li seħħew minn meta ġiet adottata l-Konvenzjoni fl-1989; tiżgura, permezz tal-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet komprensivi, li l-operazzjonijiet kollha mhux imsemmija b’mod speċifiku jkunu koperti mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. Il-Konferenza tal-Partijiet iddeċidiet li tkompli tikkunsidra dik il-proposta matul il-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet.

(6)

Fir-rigward tal-emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ppreżentati mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li l-Unjoni ma tappoġġahomx għax dawn ma jgħinux jindirizzaw il-problemi li l-Unjoni jidhrilha li huma prijoritajiet għall-funzjonament tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, l-emendi fit-test prinċipali tal-Konvenzjoni jeħtieġu proċess twil u peżanti biex jidħlu fis-seħħ, u għalhekk qieset li huwa sproporzjonat li titnieda tali proċedura għal emenda li ftit li xejn toffri valur miżjud. L-Unjoni jenħtieġ li tkompli tappoġġa inizjattivi mfassla biex itejbu l-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, bħalma huwa previst bħalissa permezz tal-Konvenzjoni, dment li dawn jibqgħu konformi mal-politiki u l-objettivi ġenerali tal-Unjoni u ma jkunux jeħtieġu emenda għall-Konvenzjoni.

(7)

Fir-rigward tal-proposta biex jiġu emendati l-Anness IV u ċerti entrati fl-Annessi II u IX, l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tappoġġa l-adozzjoni tagħha. Biex jintlaħaq kunsens dwar dik il-proposta, l-Unjoni jenħtieġ li turi wkoll flessibbiltà, b’mod partikolari rigward il-miżuri proposti li fis-sbatax-il-Konferenza tal-Partijiet li jmiss x’aktarx mhux se jiksbu biżżejjed appoġġ biex jiġu adottati. Dak jinkludi, pereżempju, li d-diskussjoni dwar l-aktar suġġetti kontenzjużi tiġi diferita, bħall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u l-operazzjonijiet komprensivi, l-istinkar għal qbil dwar il-bqija tal-aspetti tal-proposta u l-appoġġ ta’ emendi possibbli minn Partijiet oħra, diment li dawn ikunu jistgħu jilħqu l-istess objettivi bħal dawk proposti mill-Unjoni b’rabta mal-Anness IV tal-Konvenzjoni.

(8)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet dwar dawk il-proposti, għax billi jemendaw il-Konvenzjoni u l-Annessi tagħha, dawn għandhom effetti legali. Jekk jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet, l-atti previsti se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jaffettwaw b’mod deċiżiv il-liġi tal-Unjoni, jiġifieri li jsejħu għal emendi tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu (il-“Konferenza tal-Partijiet”) hija din li ġejja:

(a)

l-Unjoni ma għandhiex tappoġġa l-emendi tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni kif propost mill-Federazzjoni Russa, iżda għandha tappoġġa inizjattivi mfassla biex itejbu l-funzjonament tal-proċedura ta’ “kunsens infurmat minn qabel”, dment li dawn ikunu konformi mal-politiki u l-objettivi ġenerali tal-Unjoni u ma jkunux jeħtieġu emenda tal-Konvenzjoni;

(b)

l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness IV u ta’ ċerti entrati fl-Annessi II u IX tal-Konvenzjoni mressqa f’isem l-Unjoni u diskussa mill-Konferenza tal-Partijiet matul il-ħmistax-il laqgħa tagħha. Jekk ikun meħtieġ biex ikun żgurat li jintlaħaq kunsens dwar emenda tal-Anness IV, l-Unjoni tista’ turi flessibbiltà u taqbel li titbiegħed mill-proposta tagħha, dment li dik l-emenda tkun tikkontribwixxi biex tiżdied iċ-ċarezza ġuridika tal-Anness u biex jiġu implimentati l-mekkaniżmi tal-kontroll tal-Konvenzjoni, u ma timminax il-liġi tal-Unjoni rigward l-immaniġġjar u l-vjeġġi tal-iskart.

Artikolu 2

Fid-dawl ta’ żviluppi fis-sbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 39, 16.2.1993, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1993/98/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal-1 ta’ Frar 1993 dwar it-tmiem, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basel) (ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1993/98/oj).

(3)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċertu Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/98/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/869/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)