|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2067 |
1.8.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2067
tal-31 ta’ Lulju 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1321/2013 fir-rigward tat-tħassir tal-entrati SF-001 sa SF-010 mil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 18(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 jistipula li huwa biss it-taħwir bl-affumikazzjoni inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni (“il-lista tal-Unjoni”) li jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 (2) jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni, li tistabbilixxi l-prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001 sa SF-010 kienu validi mill-1 ta’ Jannar 2014 għal 10 snin u jistgħu jiġġeddu għal perjodi oħra ta’ 10 snin bl-applikazzjoni tad-detentur tal-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni. |
|
(3) |
Għall-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-007 u SF-010 ma tressqet l-ebda applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni u l-awtorizzazzjoni skadiet fl-1 ta’ Jannar 2024. |
|
(4) |
Għall-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-008 u SF-009, l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tressqu f’Ġunju 2022. Il-Kummissjoni rrifjutat it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-008 u SF-009 bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2071 (3), (UE) 2024/2066 (4), (UE) 2024/2073 (5), (UE) 2024/2072 (6), (UE) 2024/2079 (7), (UE) 2024/2078 (8), (UE) 2024/2069 (9) u (UE) 2024/2077 (10). |
|
(5) |
Peress li dawk l-għaxar prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni ma għadhomx awtorizzati, jixraq li l-entrati rilevanti jitħassru mil-lista tal-Unjoni. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1321/2013 jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Madankollu, fid-dawl tat-tħassib tal-Awtorità marbut mal-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-008 u SF-009, iżda wkoll tal-fatt li l-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni jintużaw b’mod estensiv f’firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-ikel u li l-użi awtorizzati kollha tal-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni li jagħtu togħma “affumikata” jew, f’xi każijiet, użati bħala alternattiva għal proċess ta’ affumikar tradizzjonali skadew jew ma ġewx imġedda, jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri xierqa, adattati għat-tipi differenti ta’ użi ta’ prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni, sabiex l-operaturi tan-negozju tal-ikel ikunu jistgħu jsibu alternattivi. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-ikel tal-kategoriji 1.7 (Ġobon u prodotti tal-ġobon), 8 (Laħam), 9.2 (Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi molluski u krustaċji), 9.3 (Bajd tal-ħut) u tas-sottokategoriji tagħhom, li miegħu jiżdiedu l-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni u li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni fil-lista tal-Unjoni qabel il-21 ta’ Awwissu 2024 jitħalla jitqiegħed fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029 u jibqa’ fis-suqsad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data ta’ meta jrid jintuża billi l-użu tal-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni f’ikel bħal dan jew fuqu jissostitwixxi l-proċessi ta’ affumikazzjoni tradizzjonali u l-aġġustamenti fil-proċessi tal-produzzjoni jistgħu jeħtieġu investiment sinifikanti u, f’xi każijiet, proċeduri amministattivi twal. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-ikel tal-kategoriji l-oħra kollha li miegħu jiżdiedu dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni u li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni fil-lista tal-Unjoni qabel il-21 ta’ Awwissu 2024 jitħalla jitqiegħed fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2026 u jibqa’ fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data ta’ skadenza tiegħu sabiex l-operaturi tan-negozju tal-ikel li jużaw dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni jkunu jistgħu jaġġustaw ir-riċetti tal-ikel tagħhom. |
|
(10) |
Għall-istess raġunijiet, il-preparazzjonijiet li fihom dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni u li mhumiex maħsuba biex jiġu kkunsmati bħala tali jenħtieġ li jitħallew jitqiegħdu fis-suq sad-dati stabbiliti għall-ikel li huma maħsuba għalih. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformita mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1321/2013, jitħassru l-entrati għal SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-007, SF-008, SF-009 u SF-010.
Artikolu 2
1. L-ikel li fih il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-008 jew SF-009 li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dawk il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni fil-lista tal-Unjoni qabel il-21 ta’ Awwissu 2024 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq u jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data ta’ skadenza jekk jitqiegħed fis-suq sad-dati li ġejjin:
|
(a) |
l-1 ta’ Lulju 2029 għall-kategoriji tal-ikel 1.7 (Ġobon u prodotti tal-ġobon), 8 (Laħam), 9.2 (Ħut u prodotti tas-sajd ipproċessati inklużi krustaċji u molluski), 9.3 (bajd tal-ħut) u s-subkategoriji korrispondenti tagħhom; |
|
(b) |
l-1 ta’ Lulju 2026 għall-kategoriji l-oħra kollha tal-ikel. |
2. Il-preparazzjonijiet li fihom il-prodotti primarji ta’ taħwir bl-affumikazzjoni SF-001, SF-002, SF-003, SF-004, SF-005, SF-006, SF-008 jew SF-009 u li mhumiex maħsuba biex jiġu kkunsmati bħala tali jistgħu jitqiegħdu fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029 għall-użu fil-kategoriji tal-ikel elenkati fil-paragrafu 1, il-punt (a), u sal-1 ta’ Lulju 2026 għall-kategoriji l-oħra kollha tal-ikel.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, “preparazzjonijiet” tfisser taħlitiet ta’ taħwir bl-affumikazzjoni jew taħlitiet ta’ ta’ taħwir bl-affumikazzjoni ma’ ingredjenti ta’ ikel ieħor, bħal aromatizzanti, addittivi tal-ikel, enzimi jew trasportaturi biex jiffaċilitaw il-ħżin, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil tagħhom.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/2065/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 tal-10 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni għall-użu bħala tali fl-ikel jew fuq l-ikel u/jew għall-produzzjoni ta’ taħwir bl-affumikazzjoni derivati (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1321/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2071 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2071, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2071/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2066 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Zesti Smoke Code 10 (SF-002) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2066, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2066/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2073 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Smoke Concentrate 809045 (SF-003) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2073, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2073/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2072 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke SEF 7525 (SF-004) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2072, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2072/oj).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2079 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ SmokEz C-10 (SF-005) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2079, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2079/oj).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2078 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ SmokEz Enviro-23 (SF-006) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2078, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2078/oj).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2069 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ ProFagus-Smoke R709 (SF-008) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2069, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2069/oj).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2077 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Fumokomp (SF-009) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata (ĠU L, 2024/2077, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2077/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2067/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)