7.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/8 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Diċembru 2020

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tivvota favur iż-żieda fil-kapital awtorizzat tal-Fond Ewropew tal-Investiment

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(2) tal-Istatuti tal-Fond Ewropew tal-Investiment (il-‘Fond’) jipprovdi li l-kapital awtorizzat tal-Fond jista’ jiżdied b’deċiżjoni tal-Laqgħa Ġenerali tal-Fond (il-“Laqgħa Ġenerali”) li taġixxi b’maġġoranza ta’ -85 % tal-voti mitfugħa.

(2)

Meta jitqies l-impatt mistenni tal-kriżi tal-COVID-19 u bil-ħsieb li jikkontribwixxi għar-rispons tal-Unjoni u tal-Fond għall-kriżi permezz tal-implimentazzjoni tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixi l-Programm InvestEU bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 u permezz ta’ aktar żvilupp tar-rwol tal-Fond fil-ġestjoni tal-programmi nazzjonali u reġjonali, huwa meħtieġ li jiżdied immedjatament il-kapital awtorizzat tal-Fond b’EUR 2 870 000 000.

(3)

Il-Bord tad-Diretturi tal-Fond (il-“Bord tad-Diretturi”) ddeċieda li jissottometti talba lil-Laqgħa Ġenerali għall-approvazzjoni sabiex iżżid il-kapital awtorizzat tal-Fond b’EUR 2 870 000 000 permezz tal-ħruġ ta’ 2 870 sehem ġdid u għall-approvazzjoni tal-arranġamenti, inkluż għall-ħlas, għal tali żieda fil-kapital. Jekk iż-żieda fil-kapital tiġi approvata, kull sehem ġdid ikollu valur nominali ta’ EUR 1 000 000 u kull sehem sottoskritt jitħallas sa 20 % tal-valur nominali tiegħu. Ikun possibbili li l-Laqgħa Ġenerali titlob il-ħlas tat-80 % li jifdal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tal-Istatuti tal-Fond. L-ishma kollha, kemm jekk ikunu eżistenti kif ukoll jekk ikunu għadhom kif inħarġu, se jkunu ta’ valur ugwali u jkollhom drittijiet ugwali fl-aspetti kollha.

(4)

Il-Bord tad-Diretturi ppropona li l-ishma awtorizzati ġodda jkunu disponibbli għas-sottoskrizzjoni matul perjodu wieħed ta’ sottoskrizzjoni li jibda minnufih mal-approvazzjoni taż-żieda fil-kapital mil-Laqgħa Ġenerali u jintemm fit-30 ta’ Settembru 2021. L-Unjoni se tkun tista’ tipparteċipa fis-sottoskrizzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Laqgħa Ġenerali ladarba jidħol fis-seħħ l-att ġuridiku li japprova l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fiż-żieda fil-kapital.

(5)

Sabiex ir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Laqgħa Ġenerali jkun jista’ jivvota dwar iż-żieda fil-kapital malajr kemm jista’ jkun, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodi ta’ tmien ġimgħat u ta’ għaxart ijiem imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tivvota, f’isem l-Unjoni, fil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond Ewropew tal-Investiment favur iż-żieda proposta ta’ EUR 2 870 000 000 fil-kapital awtorizzat tal-Fond.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2020.