12004V/PRO/23

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 23.Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu I-41(6) ubl-Artikolu III-312 tal-Kostituzzjoni

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0364 - 0366


23. PROTOKOLL DWAR IL-KOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA BL-ARTIKOLU I-41(6) U BL-ARTIKOLU III-312 TAL-KOSTITUZZJONI

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA li kkunsidraw l-Artikoli I-41(6) u III-312 tal-Kostituzzjoni,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni qed tfittex politika estera u ta' sigurtà komuni msejsa fuq il-kisba ta' konverġenza dejjem akbar ta' azzjoni mill-Istati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurta u difiża komuni hi parti integra mill-politika estera u ta' sigurtà komuni; li tipprovdi l-Unjoni b'kapaċità operazzjonali li tieħu mill-assi ċivili u militari; li l-Unjoni tista' tuża' dawn l-assi fil-kompiti previsti fl-Artikolu III-309 tal-Kostituzzjoni barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitt u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; li t-twettiq ta' dawn il-kompiti jsir billi jintużaw l-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri skond il-prinċipju ta' "ġabra waħda ta' forzi";

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni tirrispetta l-obbligi taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku ta' dawk l-Istati Membri, li jqisu d-difiża komuni tagħhom mwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha, u hija kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u difiża komuni stabbilita f'dak il-qafas;

KONVINTI li rwol aktar assertiv ta' l-Unjoni fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża ser jikkontribwixxi għall-vitalità ta' Alleanza Atlantika mġedda, skond l-arranġamenti tal-"Berlin Plus".

DETERMINATI li jassiguraw li l-Unjoni tkun kapaċi tassumi b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tista' titlob l-għajnuna ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni urġenti ta' missjonijiet mibdija skond il-Kapitoli VI u VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li sabiex tissaħħaħ il-politika ta' sigurtà u difiza hemm bżonn sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;

KONXJI li sabiex jgħaddu għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika tas-sigurtà u d-difiża Ewropea hemm bżonn ta' sforz determinat mill-Istati Membri kkonċernati;

FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jkun involut b'mod sħiħ fil-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' koperazzjoni strutturata permanenti,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa:

Artikolu 1

L-istruttura permanenti ta' koperazzjoni prevista fl-Artikolu I-41(6) tal-Kostituzzjoni għandha tkun miftuħa għal kull Stat Membru li jobbliga ruħu, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li:

a) jipproċedi b'mod aktar intensiv sabiex jiżviluppa l-kapaċitajiet tad-difiża tiegħu, permezz ta' l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tiegħu, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi prinċipali Ewropej tat-tagħmir, u fl-attività ta' l-aġenzija Ewropea fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti ("L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea"), u

b) jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2007, jew f'livell nazzjonali jew bħala parti minn forza multinazzjonali gruppi, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet ippjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala gruppi ta' ġlied, b'elementi ta' support bħal trasport u loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu III-309 f'perijodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostenuti għal perijodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal ta' l-inqas 120 jum.

Artikolu 2

Sabiex jinkisbu l-miri stipulati fl-Artikolu 1, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jobbligaw ruħhom li:

a) jikkoperaw, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, bl-iskop li jinkisbu l-miri approvati dwar il-livell ta' spiża għall-investiment f'tagħmir ta' difiża, u jirrivedu dawn il-miri regolarment fid-dawl ta' l-ambjent ta' sigurtà u tar-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

b) kemm jista' jkun jallinjaw l-apparat tad-difiża tagħhom ma' xulxin, b'mod partikolari billi jarmonizzaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġiet militari tagħhom, billi jiġbru flimkien u, fejn xieraq, jispeċjalizzaw il-mezzi u l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, u billi jinkoraġġixxu l-koperazzjoni fl-oqsma tat-taħriġ u l-loġistika;

ċ) jieħdu miżuri konkreti sabiex itejbu d-disponibbiltà, l-interoperabbiltà, il-flessibiltà u l-kapaċita tagħhom fit-tħejjija tal-forzi tagħhom, b'mod partikolari billi jidentifikaw il-miri komuni fl-impenn ta' forzi, inkluż possibilment reviżjoni tal-proċeduri deċiżjonali nazzjonali tagħhom;

d) jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li huma jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħmlu tajjeb, inkluż permezz ta' approċċi multinazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-impenji f'dan ir-rigward fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, għan-nuqqasijiet perċepiti fil-qafas tal-"Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità";

e) jieħdu sehem, fejn xieraq, fl-iżvilupp ta' programmi kbar konġunti jew Ewropej dwar tagħmir fil-qafas ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

Artikolu 3

L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-istima regolari tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet magħmula skond il-kriterji li jridu jiġu stabbiliti fost affarijiet oħra abbażi ta' l-Artikolu 2, u għandha tirrapporta dwarhom ta' l-inqas darba fis-sena. L-istima għandha sservi bħala bażi għal rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet Ewropej tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu III-312 tal-Kostituzzjoni.

--------------------------------------------------