IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.7.2025
COM(2025) 422 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”)
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2016/1012 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) ġie adottat fl-2016. Dak ir-Regolament daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2016 u ilu japplika mill-1 ta’ Novembru 2018.
Ir-Regolament issostitwixxa tmien Direttivi tal-Kunsill (id-Direttivi tal-Kunsill 87/328/KEE, 88/661/KEE, 89/361/KEE, 90/118/KEE, 90/119/KEE, 90/427/KEE, 94/28/KE u 2009/157/KE) u għadd ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont dawk id-Direttivi, dwar it-tnissil tal-ifrat, tal-ħnieżer, tan-nagħaġ u tal-mogħoż kif ukoll tal-ekwidi, u dwar l-importazzjonijiet tal-annimali għat-tnissil. Barra minn hekk iħassar id-Direttiva 91/174/KEE (tnissil tal-annimali ta’ speċijiet oħra) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/463/KE li tinnomina korp ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Regolament jikkonsolida l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-Direttivi f’qafas legali uniku fl-għamla ta’ Regolament, jissimplifikahom u jadattahom għat-Trattat ta’ Liżbona. Barra minn hekk, jintroduċi dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli u l-attivitajiet uffiċjali li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta għadd ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Jimponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlatur dwar l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati li jkun fih.
2.BAŻI LEGALI
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2016/1012. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fih tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mid-19 ta’ Lulju 2016 u l-Kummissjoni mitluba tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat iddelegati mhux iktar tard minn 9 xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 5 snin.
Kif stabbilit fl-Artikolu 61(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 26(1), 29(5), 30(9) u 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012.
L-Artikolu 61(2) jistipula wkoll li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 61(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħa tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
Matul l-ewwel perjodu ta’ rapportar (sad-19 ta’ Ottubru 2020), il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat iddelegati tagħha mogħtija bl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012, billi adottat l-att delegat obbligatorju li ġej:
·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940 tat-13 ta’ Lulju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut u tal-format ta’ ċertifikati żootekniċi maħruġa għal annimali ta’ razza pura għat-tnissil tal-ispeċi ekwina inklużi f’dokument ta’ identifikazzjoni permanenti uniku għall-equidae.
Dak l-użu tas-setgħa ddelegata u r-Regolament Delegat li jirriżulta minnha matul l-ewwel perjodu ta’ rapportar ġie deskritt fl-ewwel rapport.
Matul it-tieni perjodu ta’ rapportar kopert minn dan ir-rapport (sad-19 ta’ Ottubru 2025), il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat iddelegati tagħha.
Sal-aħħar tat-tieni perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni għalhekk użat waħda mill-erba’ setgħat biex tadotta atti delegati kif previst fir-Regolament (UE) 2016/1012. It-tliet setgħat li fadal mhumiex obbligatorji. Dawn jikkonċernaw l-emendi possibbli tal-Anness III (ir-rekwiżiti għall-kontroll tal-prestazzjoni u l-evalwazzjoni ġenetika), l-Anness IV (ir-rekwiżiti għaċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea u l-kompiti tagħhom) u l-Anness V (il-kontenut taċ-ċertifikati żootekniċi) tar-Regolament. Dawn it-tliet Annessi fihom għadd kbir ta’ elementi tekniċi, u l-adattament tagħhom jista’ jkun meħtieġ, inter alia, fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi, avvanzi xjentifiċi jew il-funzjonament tas-suq intern.
S’issa, ma kienet meħtieġa l-ebda emenda ta’ dawk l-Annessi bħala segwitu ta’ żviluppi tekniċi jew avvanzi xjentifiċi. Lanqas ma kienet meħtieġa l-emenda tagħhom indikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni wettqet kif xieraq l-att delegat abbażi tas-setgħa prevista fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/1012, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1940. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li dik is-setgħa tinżamm peress li jistgħu jkunu meħtieġa emendi fil-ġejjieni ta’ dak ir-Regolament Delegat.
Peress li t-tliet setgħat li jikkonċernaw l-atti delegati li jemendaw l-Annessi III, IV u V tar-Regolament (UE) 2016/1012 huma marbuta b’mod ċar mal-avvanzi xjentifiċi jew tekniċi, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li dawk is-setgħat kollha jinżammu biex tadotta atti delegati kif previst f’dak ir-Regolament. X’aktarx li fil-ġejjieni jista’ jkun hemm bżonn li jiġu żviluppati u adottati atti delegati bbażati fuq dawk is-setgħat. Huwa importanti li tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa fil-qafas legali peress li t-teknikalitajiet fl-Annessi III, IV u V tar-Regolament jistgħu jeħtieġu li jiġu aġġornati minħabba żviluppi tekniċi jew avvanzi xjentifiċi fil-ġejjieni, jew fid-dawl tal-funzjonament tas-suq intern.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2016/1012 u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.