European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/971

19.8.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/971

tal-4 ta’ Mejju 2026

li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1437

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(2), it-tielet subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tistabbilixxi u topera punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) li jipprovdi aċċess elettroniku ċentrali għal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni, li tinkludi informazzjoni regolata ppreżentata mill-Mekkaniżmu Maħtur Uffiċjalment (MMU) imsemmi fl-Artikolu 21(1) u maħtur skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE.

(2)

Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ħassret l-Artikolu 21a tad-Direttiva 2004/109/KE, li skontu l-ESMA operat portal web li jservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew (EEAP) għall-ħżin u l-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni regolata bbażata fuq il-MMU.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2023/2864 daħħlet ukoll l-Artikolu 23a fid-Direttiva 2004/109/KE biex tispeċifika li l-korp tal-ġbir kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 huwa l-MMU maħtur skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/109/KE.

(4)

B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ issa li l-ESAP jaqdi l-funzjoni ta’ għoti ta’ aċċess, fil-livell tal-Unjoni, għal informazzjoni regolata maħżuna mill-MMU.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jirrifletti l-emendi rilevanti tad-Direttiva 2004/109/KE u li jkun allinjat mar-Regolament (UE) 2023/2859, mad-Direttiva (UE) 2023/2864 u mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1338 (4) u (UE) 2025/1339 (5) dwar l-aċċess għal informazzjoni regolata skont id-Direttiva 2004/109/KE, konsegwentement jenħtieġ li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1437 (6) jiġi emendat.

(6)

Madankollu, peress li huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1437 jiġu emendati b’mod sostanzjali, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex tiġi żgurata l-faċilità ta’ referenza, jenħtieġ li dak ir-Regolament Delegat jitħassar u jiġi sostitwit bi standards tekniċi regolatorji aġġornati li huma allinjati mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-MMU stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/2859, id-Direttiva (UE) 2023/2864 u fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1338 u (UE) 2025/1339.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-ESMA.

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Wara li kkunsidrat il-fatt li, f’konformità mal-Artikolu 23a tad-Direttiva 2004/109/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni regolata tiġi ppreżentata lill-korp ta’ ġbir għall-fini li ssir aċċessibbli fuq l-ESAP mill-10 ta’ Lulju 2026, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tfittxija għal informazzjoni regolata

1.   L-ESMA għandha tistabbilixxi u topera l-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (“ESAP”) skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2023/2859 bħala l-punt ta’ aċċess ċentrali għat-tfittxija għal informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni mill-utenti.

2.   L-ESMA għandha tiżgura li l-ESAP joffri, fir-rigward tal-informazzjoni regolata magħmula disponibbli mill-mekkaniżmi maħtura uffiċjalment (MMU) imsemmija fid-Direttiva 2004/109/KE, il-kriterji tat-tiftix imsemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2023/2859.

Artikolu 2

Teknoloġiji tal-komunikazzjoni

1.   L-ESMA għandha tiggarantixxi s-sigurtà u l-integrità tal-informazzjoni regolata skambjata bejn il-MMU u l-ESAP.

2.   Il-MMU għandhom jużaw il-protokolli tal-Internet siguri msemmija fl-Artikolu 4, il-punt (d), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339, biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli fuq l-ESAP.

3.   Il-MMU għandhom jagħmlu l-informazzjoni regolata disponibbli fuq l-ESAP permezz ta’ trasferiment tal-files.

4.   Kull MMU għandu jiżgura li l-konnessjoni tiegħu mal-ESAP tkun disponibbli għall-utenti mill-inqas 97 % fix-xahar.

Artikolu 3

Għoti ta’ informazzjoni lill-ESAP mill-MMU

1.   Kull MMU għandu jipprovdi lill-ESAP l-informazzjoni regolata msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/2859 u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339.

2.   Il-MMU għandhom jipprovdu lill-ESAP il-metadata msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339, inkluża l-metadata kollha li l-emittenti jippreżentaw lill-MMU skont l-Artikolu 23a tad-Direttiva 2004/109/KE.

3.   Kull MMU għandu jagħmel disponibbli għall-ESAP il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-dokumenti mxerrda mill-emittenti u maħżuna mill-MMU f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.

4.   Meta l-emittenti jirrettifikaw u jippreżentaw mill-ġdid l-informazzjoni lil MMU, dak il-MMU għandu jagħmel disponibbli għall-ESAP id-dokument ippreżentat mill-ġdid u l-metadata li takkumpanjah fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339.

5.   Il-MMU ma għandhomx jitolbu ħlas lill-ESMA għat-twassil ta’ informazzjoni regolata, il-metadata jew, fejn meħtieġ, is-siġill elettroniku kwalifikat, u lanqas għal kwalunkwe kost li jġarrbu l-MMU biex jaqbdu mal-ESAP.

Artikolu 4

Identifikatur uniku użat mill-MMU

Kull MMU għandu juża l-identifikatur speċifiku ta’ entità ġuridika msemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1338.

Artikolu 5

Format komuni għat-twassil tal-metadata

1.   Kull MMU għandu jwassal il-metadata lill-ESAP fil-format speċifikat fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339.

2.   Kull MMU għandu jwassal il-metadata dwar l-informazzjoni regolata lill-ESAP f’konformità mat-tabella stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1339.

Artikolu 6

Lista u klassifikazzjoni komuni tal-informazzjoni regolata

Il-lista komuni tat-tipi ta’ informazzjoni regolata għandha tikkorrispondi mat-tipi ta’ informazzjoni elenkati fit-tabella tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1338 u li huma relatati mad-Direttiva 2004/109/KE.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1437 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-10 ta’ Lulju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/109/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2023/2864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li temenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2864, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2864/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1338 tal-10 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonalitajiet tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2025/1338, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1338/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1339 tal-10 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kompiti tal-korpi ta’ ġbir (ĠU L, 2025/1339, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1339/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1437 tad-19 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 234, 31.8.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1437/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/971/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)