52008PC0527

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran (Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran) /* KUMM/2008/0527 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.10.2008

KUMM(2008) 527 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

rigward l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran (Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-ambjent tal-Baħar u r-reġjun Kostali tal-Mediterran, magħruf ukoll bħala l-''Konvenzjoni ta' Barċellona'', inizjalment saret f'Barċellona fl-1976 u emendata fl-10 ta' Ġunju 1995. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fid-9 ta' Lulju 2004. Il-Komunità Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni, kif inhuma l-Istati Membri kollha tal-kosta Mediterranja tal-UE. L-Artikolu 4 paragrafu 3 tal-Konvenzjoni emendata tobbliga speċifikament lill-Partijiet biex jippromwovu l-ġestjoni integrata taż-żona kostali, filwaqt li jqis il-ħarsien ta' żoni ta' interess ekoloġiku u tal-pajsaġġ kif ukoll l-użu razzjonali tar-riżorsi naturali.

2. Fl-UE, l-istrument prinċipali li jippromwovi l-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali huwa r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa (2002/413/KE, ĠU L 148, 6.6.2002). Il-Kapitolu V tar-Rakkomandazzjoni jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni fl-ibħra reġjonali sabiex jinkisbu kordinazzjoni u rispons aħjar għall-kwistjonijiet kostali transkonfinali. Il-Komunità tippromwovi l-ġestjoni integrata fuq skala ikbar permezz ta' strumenti orizzontali, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali. Għalhekk, dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-ġestjoni integrata taż-żona kostali. Il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali hija komponent wieħed tal-Politika integrata tal-Baħar tal-UE.

3. Bis-saħħa ta' Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni ħadet sehem f'isem il-Komunità, f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, fin-negozjati organizzati mill-Konvenzjoni bil-ħsieb li tħejji Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran. In-negozjati ntemmu fl-20 ta' Jannar 2008 bl-addozzjoni tat-test finali fil-Konferenza tal-Plenipotenzjarji. L-Istati Membri kollha tal-UE li huma Parti mill-Konvenzjoni ta' Barċellona ffirmaw il-Protokoll, minnbarra Ċipru. Il-Protokoll huwa miftuħ għall-iffirmar sal-20 ta' Jannar 2009.

4. Iż-żoni Mediterranji kostali jkomplu jġarrbu pressjonijiet kbar fuq l-ambjent u d-degradazzjoni tar-riżorsi kostali. Il-Protokoll jipprovdi qafas biex jistimula approċċ aktar konċertat u integrat, li jinvolvi lill-partijiet konċernati pubbliċi u privati inklużi s-soċjetà ċivili u l-operaturi ekonomiċi. Approċċ inklussiv bħal dan huwa mitlub sabiex dawn il-problemi jiġu trattati b'mod iktar effettiv u jinkiseb żvilupp iktar sostenibbli taż-Żoni kostali Mediterranji.

5. Il-Protokoll ikopri firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet li jkollhom bżonn jiġu implimentati minn livelli differenti ta' amministrazzjoni filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Filwaqt li huwa xieraq għall-Komunità li tkun ta' appoġġ għall-ġestjoni integrata taż-żona kostali, waqt li titqies, fost l-oħrajn, in-natura transkonfinali tal-biċċa l-kbira mill-problemi ambjentali, l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti kompetenti tagħhom se jkunu responsabbli għad-disinn u l-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri dettaljati stabbiliti fil-Protokoll li għandu x'jaqsam mat-territorju kostali, bħalma hu t-twaqqif taż-żoni fejn il-kostruzzjoni mhix permessa.

Bis-saħħa ta' dan ta' hawn fuq, huwa xieraq għall-Komunità li tiffirma, suġġetta għal konklużjoni sussegwenti, il-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

rigward l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran (Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1), flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran ġiet konkluża f'isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 77/585/KEE u 1999/802/KE[2].

(2) L-Artikolu 4.3 (e) tal-Konvenzjoni tikkommetti lill-Partijiet Kontraenti biex jippromwovu l-ġestjoni integrata taż-żona kostali, filwaqt li jqis il-ħarsien ta' żoni ta' interess ekoloġiku u tal-pajsaġġ kif ukoll l-użu razzjonali tar-riżorsi naturali.

(3) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2002, dwar l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fl-Ewropa[3], u b'mod partikolari l-Kapitlu V tagħha, tinkuraġixxi l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata taż-żona kostali fil-kuntest tal-konvenzjonijiet li hemm mal-pajjiżi ġirien, inklużi Stati li mhumiex Membri fl-istess baħar reġjonali.

(4) Il-Komunità tippromwovi l-ġestjoni integrata fuq skala ikbar permezz ta' strumenti orizzontali, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali. Għalhekk, dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-ġestjoni integrata taż-żona kostali.

(5) Il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali hija komponent wieħed tal-Politika Integrata Marittima tal-UE kif approvata mill-Kunsill Ewropew, fl-14 ta' Diċembru 2007.

(6) Bis-saħħa ta' Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni ħadet sehem f'isem il-Komunità, f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, fin-negozjati organizzati mill-Konvenzjoni bil-ħsieb li tħejji Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran.

(7) B'riżultata ta' dawk in-negozjati it-test tal-Protokoll ġie adottat mill-Konferenza tal-Plenipotenzjarji fl-20 ta' Jannar 2008 u l-Protokoll se jkun miftuħ għall-iffirmar sal-20 ta' Jannar 2009.

(8) Iż-żoni Mediterranji kostali jkomplu jġarrbu pressjonijiet kbar fuq l-ambjent u d-degradazzjoni tar-riżorsi kostali. Il-Protokoll jipprovdi qafas biex jistimula approċċ aktar konċertat u integrat, li jinvolvi lill-partijiet konċernati pubbliċi u privati inklużi s-soċjetà ċivili u l-operaturi ekonomiċi. Approċċ inklussiv bħal dan huwa mitlub sabiex dawn il-problemi jiġu trattati b'mod iktar effettiv u jinkiseb żvilupp iktar sostenibbli taż-Żoni kostali Mediterranji.

(9) Il-Protokoll ikopri firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet li jkollhom bżonn jiġu implimentati minn livelli differenti ta' amministrazzjoni filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Filwaqt li huwa xieraq għall-Komunità li tkun ta' appoġġ għall-ġestjoni integrata taż-żona kostali, waqt li titqies, fost l-oħrajn, in-natura transkonfinali tal-biċċa l-kbira mill-problemi ambjentali, l-Istati Membri u l-awtoritajiet relevanti kompetenti tagħhom se jkunu responsabbli għad-disinn u l-implimentazzjoni fit-territorju kostali ta' ċerti miżuri dettaljati stabbiliti fil-Protokoll, bħalma hu t-twaqqif taż-żoni fejn il-kostruzzjoni mhix permessa.

(10) Huwa xieraq li l-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran jiġi ffirmat, f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni sussegwenti,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li għandhom l-awtorità jiffirmaw f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni sussegwenti, il-Protokoll fuq il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1. ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32.

[3] 2002/413/KE, ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24