European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1046

7.5.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/1046 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1242 fir-rigward tal-kalkolu tal-krediti tal-emissjonijiet għall-vetturi tqal għall-perjodi ta’ rapportar tas-snin mill-2025 sal-2029

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-miri tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda. Dawk il-miri jiffurmaw parti ewlenija mill-qafas tal-Unjoni biex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 u biex tintlaħaq in-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1242 jistabbilixxi miri progressivament aktar stretti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-manifatturi. Dawk il-miri jipprovdu ċertezza u prevedibbiltà fit-tul għall-investituri tul il-katina tal-valur, filwaqt li jippermettu biżżejjed żmien ta’ tħejjija għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Għalhekk huwa essenzjali li l-livell tal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2019/1242 jibqa’ l-istess.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-miri applikabbli mill-2030 ’il quddiem u fid-dawl tad-dewmien fil-varar tal-infrastruttura pubblika tal-iċċarġjar tul l-awtostradi għall-vetturi tqal, jenħtieġ li manifatturi jkunu jistgħu jiġġeneraw aktar krediti tal-emissjonijiet qabel dik is-sena, li jista’ jinċentiva wkoll il-varar aktar bikri tal-vetturi tqal b’emissjonijiet żero.

(4)

Matul il-perjodi ta’ rapportar tas-snin mill-2025 sal-2029 biss, jenħtieġ li l-manifatturi jiġbru l-krediti tal-emissjonijiet jekk l-emissjonijiet speċifiċi tagħhom tas-CO2 ikunu taħt il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 aktar milli taħt it-trajettorja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

(5)

Peress li l-varar tax-xarabanks urbani b’emissjonijiet żero huwa diġà avvanzat u l-użu tagħhom mhuwiex affettwat b’mod negattiv minn nuqqas possibbli ta’ infrastruttura pubblika tal-iċċarġjar tul l-awtostradi, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għax-xarabanks urbani.

(6)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament biex il-manifatturi tal-vetturi jiġu pprovduti flessibbiltà addizzjonali għall-konformità tagħhom, filwaqt li jinżamm il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri għat-tnaqqis tas-CO2, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1242 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1242 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

id-differenza bejn it-trajettorja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 kif imsemmi fil-paragrafu 2 għall-perjodu ta’ rapportar tas-sena 2025 u l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ dak il-manifattur għall-perjodi ta’ rapportar tas-snin 2025 sa 2029 u d-differenza bejn it-trajettorja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-perjodi ta’ rapportar ta’ snin għajr 2025 sa 2029 u l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 ta’ dak il-manifattur għall-istess perjodu ta’ rapportar, jekk dik id-differenza tkun pożittiva (‘il-krediti tal-emissjonijiet’); jew”

;

(2)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, id-29 ta’ April 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1242/oj).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1242 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-tabella fil-punt 5.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“2019 ≤ Y< 2025

2025 ≤ Y< 2030

2030 ≤ Y< 2040

cCO2(NO)Y

[ET(2025)Y – CO2(2025)Y]× VY

[ET2025(NO)Y – CO2(NO)Y]× VY

[ET(NO)Y – CO2(NO)Y]× VY

dCO2(NO)Y

0

[CO2 (2025)Y – T(2025) Y ]× VY

[CO2(NO)Y – T(NO)Y]× VY

cCO2(M)Y

0

[ET2025(M)Y – CO2(M)Y]× VY

[ET(M)Y – CO2(M)Y]× VY

dCO2(M)Y

0

0

[CO2(M)Y – T(M)Y]× VY ”;

(2)

fil-punt 5.2, jiżdied dan li ġej:

“Fejn ET2025(NO)Y u ET2025(M)Y huma definiti kif ġej:

 

Image 1

 

Image 2

 

Image 3
”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1046/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)