SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)
2 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-gass naturali – Regolament (UE) 2017/460 – Network ta’ trażmissjoni tal-gass naturali – Metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza – Artikolu 35(1) – Eżenzjoni għall-kuntratti, konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017, li ma jipprevedu ebda bidla fil-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni barra mill-indiċjar – Kunċett ta’ ‘indiċjar’”
Fil-Kawża C‑369/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura
Met Magyarország Energiakereskedġ Zrt.
Globali NRG ROM SRL
vs
Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal,
fil-preżenza ta’:
FGSZ Földgázszállító Zrt.
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn M. Gavalec, President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MET Magyarország Energiakereskedő Zrt., minn M. Czesznak u G. Stanka, ügyvédek, |
|
– |
għal Global NRG ROM SRL, B Világi, ügyvéd, |
|
– |
għal Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal, minn L. Hoschek, bħala aġent, |
|
– |
għal FGSZ Földgázszállító Zrt., minn P. Németh, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn D. Csoknyai u Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, T. Scharf u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass (ĠU 2017, L 72, p. 29). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MET Magyarország Energiakereskedġ Zrt. (iktar ’il quddiem “MET”), kumpannija Ungeriża u Global NRG ROM SRL (iktar ’il quddiem “Global NRG”), kumpannija Rumena, u l-Magyar Energetikai és Közmles -szabályozási Hivatal (l-Awtorità Regolatorja Ungeriża tas-Settur tal-Enerġija u tas-Servizzi ta’ Utilità Pubblika) (iktar ’il quddiem il-“MEKH”) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz ta’ referenza għat-trażmissjoni tal-gass u li tiddikjaraha applikabbli għall-kuntratti konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017 bejn FGSZ Földgázszállító Zrt. (iktar ’il quddiem “FGSZ”), operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass Ungeriż, u dawn iż-żewġ kumpanniji, utenti ta’ dan in-network. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009
|
3 |
Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), kienet tistipula: “Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji li konformement magħhom jiġu determinati tariffi għall-aċċess għan-network, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-ħtiġijiet ta’ suq intern li jiffunzjona korrettament […]” |
|
4 |
Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament kienet tipprovdi: “Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni permezz tas-swieq likwidi tal-bejgħ tal-gass bl-ingrossa, huwa importanti ħafna li l-gass ikun jista’ jinbiegħ indipendentament mil-lokalizazzjoni tiegħu fis-sistema. L-unika mod biex isir dan huwa billi l-utenti tan-network jingħataw il-libertà li jikkalkolaw indipendentement il-kapaċità tad-dħul u tal-ħruġ, biex b’hekk jinħolqu żoni għat-trasport tal-gass u mhux trażmissjonijiet kuntrattwali. […] It-tariffi m’għandhomx ikunu dipendenti fuq ir-rotta tattrasport. It-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punti ta’ dħul m’għandhiex għaldaqstant tkun relatata mat-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punti ta’ ħruġ, u viċi versa.” |
|
5 |
L‑Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tariffi għal aċċess għan-netwerks” kien jipprevedi, fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “It-tariffi għall-utenti tan-network m’għandhomx ikunu diskriminatorju u għandhom jiġu stabbiliti separatament għal kull punt ta’ dħul fi jew punt tal-ħruġ mis-sistema ta’ trażmissjoni. Il-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kost u l-metodoliġija għall-istabbiliment tar-rata rigward il-punti tad-dħul u l-punti tal-ħruġ għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sat‑3 ta’ Settembru 2011 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara perijodu transitorju, jiġifieri, il-ħlasijiet tan-network m’għandhomx ikunu kkalkulati abbażi ta’ linji kuntrattwali.” |
Ir‑Regolament 2017/460
|
6 |
Il-premessa 3 tar-Regolament 2017/460 tistipula: “Wara l-introduzzjoni tal-kunċett tas-sistema ta’ dħul u ħruġ bir-Regolament (KE) Nru 715/2009, l-ispejjeż ta’ trażmissjoni m’għadhomx assoċjati direttament ma’ rotta waħda speċifika billi l-kapaċità ta’ dħul u ħruġ tista’ tiġi kkuntrattata b’mod separat, u l-utenti tan-netwerk jista’ jkollhom il-gass ittrasportat minn kwalunkwe punt ta’ dħul għal kwalunkwe punt ta’ ħruġ. Bħala parti minn dan il-qafas, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jiddeċiedi l-aktar mod effiċjenti li bih il-gass jiġi mgħoddi minn ġos-sistema […]” |
|
7 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/460, jiddefinixxi l-“prezz ta’ referenza” bħala l-“prezz għal prodott ta’ kapaċità għal kapaċità kostanti b’tul ta’ sena, li huwa applikabbli fil-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ u li jintuża biex jiġu stabbiliti tariffi tat-trażmissjoni bbażata fuq il-kapaċità”. |
|
8 |
L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-applikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ prezz ta’ referenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-istess metodoloġija ta’ prezz ta’ referenza għandha tiġi applikata għall-punti kollha ta’ dħul u l-ħruġ f’sistema ta’ dħul u ħruġ speċifika soġġetta għall-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 10 u 11.” |
|
9 |
L-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Kuntratti eżistenti ”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-livelli tat-tariffi tat-trażmissjoni li jirriżultaw minn kuntratti jew prenotazzjonijiet [riżervazzjonijiet] ta’ kapaċità konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017 fejn dawn il-kuntratti jew prenotazzjonijiet tal-kapaċità ma jipprevedu ebda bidla fil-livell ta’ kapaċità- u/jew tariffi ta’ trażmissjoni bbażati fuq il-komodità ħlief għall-indiċjar, jekk ikun hemm. 2. Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali relatati mat-tariffi għat-trażmissjoni u l-prenotazzjonijiet tal-kapaċità msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jiġu mġedda, prolongati jew riportati wara d-data li fihom jiskadu.” |
Id-dritt Ungeriż
|
10 |
L-Artikolu 104(7) tal-földgázellátásról szóló 2008. évi XL. Törvény (il-Liġi Nru XL tal‑2008 dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “Il-kuntratt ma jistax validament jistipula prezz ogħla mit-tariffa uffiċjali. Jekk il-prezz ma jkunx ġie miftiehem bejn il-partijiet u l-oġġett jew is-servizz ikun suġġett għal tariffa uffiċjali, din it-tariffa uffiċjali għandha tapplika. It-tariffa uffiċjali hija wkoll determinanti meta l-partijiet ikunu ftehmu dwar prezz ieħor bi ksur ta’ liġi jew ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi t-tariffa uffiċjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Fl‑20 ta’ Ottubru 2008, MET u Global NRG ikkonkludew kull waħda kuntratt għal żmien twil ma’ FGSZ għar-riżervazzjoni tal-kapaċità, għat-trażmissjoni ta’ gass naturali u għall-ġestjoni tan-network (iktar ’il quddiem il-“kuntratt HOT”) b’rabta mal-pipeline tal-gass li jgħaqqad l-Ungerija u r-Rumanija għall-perijodu 2010‑2030. Dawn il-kuntratti kienu s-suġġett, sal‑2018, ta’ emendi annwali li jikkonċernaw it-tariffi applikabbli permezz ta’ addendums konklużi bejn il-partijiet. |
|
12 |
Fir-rigward tat-tariffa ta’ trażmissjoni għall-punt ta’ qsim tal-fruntiera bejn l-Ungerija u r-Rumanija, il-formola li tinsab fil-klawżola Nru 3 tal-kuntratti HOT tipprevedi indiċjar annwali bbażat fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum, kif stabbilit mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. |
|
13 |
Waqt id-determinazzjoni annwali tat-tariffa ta’ trażmissjoni, il-partijiet kontraenti ħadu inkunsiderazzjoni wkoll tariffi rregolati għall-użu tan-network stabbiliti mill-MEKH f’digrieti tariffarji aġġornati perjodikament. Dawn it-tariffi, li għandhom jiġu applikati obbligatorjament skont l-Artikolu 104(7) tal-Liġi dwar il-Provvista ta’ Gass Naturali, kienu jikkostitwixxu l-limitu massimu tal-prezz li għandu jitħallas mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar kienu obbligati jħallsu t-tariffi għall-użu tan-network kull sena, mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratti HOT u sat‑30 ta’ Settembru 2019, abbażi tal-iktar tariffa baxxa miż-żewġ tariffi għall-perijodu kkonċernat, dik indiċjata prevista fil-kuntratt HOT jew dik irregolata. |
|
14 |
Sat‑30 ta’ Settembru 2019, il-MEKH stabbilixxiet it-tariffi rregolati għall-użu tan-network għall-punt ta’ ħruġ mill-fruntiera Ungeriża-Rumena billi użat metodu differenti minn dak applikat għal punti oħra tan-network Ungeriż ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, jiġifieri l-mudell tal-fluss tal-flus skontat li kien intiż li jiżgura redditu fuq l-investiment marbut mal-kostruzzjoni tal-pipeline tal-gass. Din l-awtorità ħadet inkunsiderazzjoni, minbarra l-indiċjar, elementi oħra bħar-riżervazzjonijiet ta’ kapaċità ġdida u d-dħul li dawn jiġġeneraw, kif ukoll ir-rata interna ta’ rendiment. |
|
15 |
Fis‑6 ta’ April 2017, ir-Regolament 2017/460 daħal fis-seħħ. L-Artikolu 6(3) tiegħu jipprovdi li l-istess metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza għandu jiġi applikat għall-punti kollha ta’ dħul u ta’ ħruġ f’sistema ta’ dħul-ħruġ partikolari. Id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament kellu bħala konsegwenza l-applikazzjoni obbligatorja ta’ dan il-metodu għan-network Ungeriż kollu ta’ pipelines tal-gass issa meqjus bħala sistema ta’ dħul-ħruġ unika. |
|
16 |
Il-MEKH implimentat dawn ir-regoli l-ġodda għall-ewwel darba b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2019 u għalhekk stabbilixxiet it-tariffa tal-punt ta’ ħruġ mill-fruntiera Ungeriża-Rumena li kellha titħallas mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont il-kuntratti HOT bl-istess mod bħat-tariffi tal-punti ta’ ħruġ l-oħra kollha tas-sistema tan-network Ungeriż kollu. |
|
17 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma jaqblux ma’ din l-emenda, ma ffirmawx l-addendums il-ġodda għal dawn il-kuntratti, peress li l-aħħar addendum imur lura għall‑1 ta’ Ottubru 2018. Mill‑1 ta’ Ottubru 2019, huwa bla ħsara għad-drittijiet tagħhom li huma jħallsu lill-operatur tan-network FGSZ. |
|
18 |
Fid-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2022, il-MEKH stabbilixxiet il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz ta’ referenza għaċ-ċiklu ta’ regolamentazzjoni tat-tariffi mill‑1 ta’ Ottubru 2021 sat‑30 ta’ Settembru 2025. Fiha hija indikat li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460, li jipprovdi li dan tal-aħħar ma jaffettwax il-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni li jirriżultaw minn kuntratti jew minn riżervazzjonijiet ta’ kapaċità konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017, ma kinitx tapplika għall-kuntratti HOT. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika għall-kuntratti li permezz tagħhom l-aġġornament tariffarju annwali jirriżulta biss mill-implimentazzjoni ta’ klawżola ta’ indiċjar. Issa, skont il-MEKH, it-tariffi stabbiliti fil-kuntratti HOT ma kinux ivarjaw biss permezz tal-indiċjar, iżda kienu jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-livell tat-tariffa rregolata. |
|
19 |
Met u Global NRG ippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2022 quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostnew li l-kuntratti HOT jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460. Din id-dispożizzjoni timplimenta l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi li d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ma jippreġudikax id-drittijiet tal-partijiet kontraenti ta’ kuntratti għal żmien twil konklużi qablu. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-verżjoni Ungeriża tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460, l-eżenzjoni prevista fih tapplika għall-kuntratti li ma jipprevedux bidla tariffarja li teċċedi eventwali indiċjar tal-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni bbażati fuq il-kapaċità u/jew fuq il-kwantità ta’ gass tranżitat. Hija tindika li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta mill-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, mill-verżjoni Franċiża, Ġermaniża u Ingliża tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460 jirriżulta li l-kriterju ta’ eżenzjoni ma jinsabx fil-livell tal-varjazzjoni tariffarja, iżda fir-relazzjoni kawżali esklużiva mal-mekkaniżmu tal-indiċjar biss. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċar, fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti, li jkun possibbli li jitqies li t-tariffi jvarjaw biss permezz tal-indiċjar. Fil-fatt, l-ewwel nett, tittieħed inkunsiderazzjoni t-tariffa rregolata, li tiġi applikata meta tkun inqas għolja mit-tariffa kuntrattwali. It-tieni nett, l-indiċjar sussegwentement għall-applikazzjoni tat-tariffa rregolata jitwettaq mhux mit-tariffa kuntrattwali inizjali, iżda minn livell ta’ tariffa li jinkorpora din l-applikazzjoni. It-tielet nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tariffa rregolata jikkostitwixxi obbligu legali għall-partijiet kontraenti. Ir-raba’ nett, waqt l-iffissar tat-tariffa rregolata, il-MEKH kienet ħadet inkunsiderazzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/460, kriterji oħra minbarra l-indiċjar. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament [2017/460] għandu jiġi interpretat fis-sens li huma wkoll eżenti mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament il-kuntratti ta’ prenotazzjonijiet [riżervazzjonijiet] ta’ kapaċità għal żmien twil konklużi qabel l‑2017 li l-klawżoli tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet ma kinux jipprevedu li t-tariffa ta’ trasport ibbażata fuq il-kapaċità u/jew fuq il-volum, iffissata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, tvarja esklużivament abbażi ta’ formola ddeterminata minn qabel u bbażata fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum stabbiliti min-nemzeti statisztikai hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika), iżda li, abbażi ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali, hija t-tariffa uffiċjali għall-użu tan-network li għandha tapplika minflok it-tariffa kkalkolata, dejjem jekk l-ewwel waħda tkun inqas minn din tal-aħħar, u li hija t-tariffa uffiċjali li għandha mbagħad tiġi indiċjata mill-partijiet matul il-perijodu segwenti u li għall-iffissar tagħha l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-indiċjar, il-kuntratti l-ġodda ta’ prenotazzjoni [riżerva] ta’ kapaċità għal żmien qasir konklużi għal gassdott speċifiku ta’ interkonnessjoni tan-network determinat u d-dħul li jirriżulta minnhom, kif ukoll ir-rata ta’ rendiment intern?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
22 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni prevista fih tapplika għall-kuntratti għal żmien twil ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċità għat-trażmissjoni tal-gass konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017, li jipprevedu bidla fil-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni, stabbiliti skont il-kapaċità u/jew skont il-kwantità ta’ gass tranżitat, abbażi mhux biss ta’ indiċjar, f’dan il-każ ibbażat fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum, iżda wkoll billi tittieħed inkunsiderazzjoni tariffa rregolata, li tinkludi hija stess indiċjar kif ukoll fatturi oħra, li tista’ tapplika minflok it-tariffa kuntrattwali. |
|
23 |
Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 715/2009 jagħmel parti mit-“tielet pakkett dwar l-enerġija”, adottat fit‑13 ta’ Lulju 2009, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex jilliberalizza iktar u jagħmel iktar trasparenti s-swieq tal-gass. Ir-Regolament Nru 715/2009 introduċa l-kunċett ta’ “sistema ta’ dħul/ħruġ” li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 u mill-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, f’li l-utenti tan-network ta’ trażmissjoni tal-gass ikunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-gass indipendentement miċ-ċirkulazzjoni fiżika konkreta tiegħu, u b’hekk irendi t-tariffi għall-użu tan-network ta’ trażmissjoni indipendenti mir-rotot speċifiċi ta’ trażmissjoni tal-gass. |
|
24 |
Ir-Regolament 2017/460, li l-bażi legali tiegħu hija kkostitwita mir-Regolament Nru 715/2009, għandu bħala għan li jistabbilixxi kodiċi ta’ network dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tariffarji għat-trażmissjoni tal-gass konformement mas-sistema ta’ dħul/ħruġ introdotta bir-Regolament Nru 715/2009. Għalhekk, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2017/460 jipprovdi li, bħala prinċipju, l-istess metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza għandu jiġi applikat għall-punti kollha ta’ dħul u ta’ ħruġ f’sistema ta’ dħul-ħruġ partikolari. |
|
25 |
Ma huwiex ikkontestat li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxu tariffi ta’ trażmissjoni għal rotta speċifika tal-gass u għalhekk ma josservawx l-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2017/460. |
|
26 |
Sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, l-Artikolu 35 tar-Regolament 2017/460 madankollu jipprevedi eċċezzjoni għall-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-kuntratti eżistenti. Għalhekk, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dan ir-regolament “m’għandux jaffettwa l-livelli tat-tariffi tat-trażmissjoni li jirriżultaw minn kuntratti jew prenotazzjonijiet [riżervazzjonijiet] ta’ kapaċità konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017 fejn dawn il-kuntratti jew prenotazzjonijiet tal-kapaċità ma jipprevedu ebda bidla fil-livell ta’ kapaċità- u/jew tariffi ta’ trażmissjoni bbażati fuq il-komodità ħlief għall-indiċjar, jekk ikun hemm”. |
|
27 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huma meħtieġa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli. Skont l-ewwel kundizzjoni, dan għandu jkun kuntratt konkluż qabel is‑6 ta’ April 2017, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/460. It-tieni kundizzjoni tinsab fil-fatt li dan il-kuntratt ma jipprevedix bidla fil-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni bbażati fuq il-kapaċità u/jew fuq il-kwantità ta’ gass tranżitat barra minn eventwali indiċjar. |
|
28 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratti HOT kienu ġew konklużi fl‑20 ta’ Ottubru 2008 b’tali mod li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. |
|
29 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2017/460, minbarra l-verżjoni Ungeriża, jirriżulta li l-eċċezzjoni tapplika biss għall-kuntratti għal żmien twil ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċità għat-trażmissjoni tal-gass, konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017, li permezz tagħhom il-livell tat-tariffi ta’ trażmissjoni jista’ jinbidel biss bl-effett tal-indiċjar. Filwaqt li l-verżjoni Franċiża, Ġermaniża u Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludu l-kliem “ebda bidla […] ħlief għall-indiċjar”, il-verżjoni Ungeriża tuża l-espressjoni “ebda bidla […] lil hinn mill-indiċjar”. Din l-espressjoni tista’ tiġi interpretata b’tali mod li l-livell tat-tariffi jista’ jinbidel ukoll skont elementi oħra minbarra l-indiċjar, bil-kundizzjoni li dan l-aġġornament tariffarju ma jwassalx għal livell ogħla minn dak li jirriżulta minn eventwali indiċjar. |
|
30 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt tali approċċ ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau,30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Naturschutzbund Deutschland – Landesverband Schleswig-Holstein, C‑297/19, EU:C:2020:533, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Ir-Regolament 2017/460 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “indiċjar” li jinsab fl-Artikolu 35(1) tiegħu. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kunċett għandha tiġi stabbilita konformement, b’mod partikolari, mas-sens normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma,C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, l-indiċjar jinftiehem, b’mod ġenerali, bħala mekkaniżmu kuntrattwali jew legali li għandu tendenza li jvarja b’mod awtomatiku, fiż-żmien, l-ammont ta’ valur finanzjarju inizjalment iddefinit skont l-evoluzzjoni ta’ indiċi ta’ referenza partikolari. |
|
33 |
F’dan il-każ, il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu mekkaniżmu ta’ indiċjar li permezz tiegħu t-tariffa ta’ trażmissjoni applikabbli għal perijodu partikolari hija kkalkolata permezz ta’ formola stabbilita minn qabel u bbażata fuq l-evoluzzjoni tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum kif stabbilit mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. |
|
34 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-kuntratti jistipulaw ukoll, skont dispożizzjoni imperattiva tad-dritt nazzjonali, l-applikazzjoni tat-tariffa rregolata għall-użu tan-network minflok it-tariffa inizjalment miftiehma u indiċjata, meta l-ewwel waħda tkun inqas mit-tieni. Fil-fatt, it-tariffa rregolata kienet ġiet applikata diversi drabi u sussegwentement serviet bħala bażi għall-indiċjar kuntrattwali għal perijodu partikolari. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-MEKH ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-iffissar ta’ din it-tariffa rregolata, minbarra l-indiċjar, elementi oħra bħall-kuntratti l-ġodda ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċità għal żmien qasir konklużi għall-pipeline tal-gass inkwistjoni, id-dħul li jiġġeneraw kif ukoll ir-rata interna ta’ rendiment. B’hekk jidher li l-livell tat-tariffa ta’ trażmissjoni kuntrattwali evolva maż-żmien skont elementi oħra minbarra l-indiċjar miftiehem fil-kuntratt. |
|
35 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipju tal-istess metodu ta’ kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza applikat għall-punti kollha ta’ dħul u ta’ ħruġ f’sistema ta’ dħul-ħruġ partikolari, previst fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, u li din hija, għaldaqstant, suġġetta għal interpretazzjoni stretta. |
|
36 |
Dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 35, li skont dan id-dispożizzjonijiet kuntrattwali relatati mat-tariffi ta’ trażmissjoni u mar-riżervazzjonijiet ta’ kapaċità msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 35 ma jistgħux jiġu mġedda, ipprolongati jew riportati wara d-data ta’ skadenza tagħhom. |
|
37 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 715/2009 u mir-Regolament 2017/460, dawn huma intiżi, konformement mal-premessi 7 u 19 tar-Regolament Nru 715/2009, li jiggarantixxu li t-tariffi ta’ aċċess għan-network josservaw kompletament il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u r-rekwiżiti ta’ funzjonament tajjeb tas-suq intern, u li jżidu l-kompetizzjoni permezz tal-ħolqien ta’ swieq likwidi tal-bejgħ tal-gass bl-ingrossa. Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament u l-premessa 3 tar-Regolament 2017/460 jippreċiżaw li, għal dan l-għan, huwa indispensabbli li l-bejgħ ikun jista’ jiġi nnegozjat indipendentement mil-lokalizzazzjoni tal-gass fin-network u li l-uniku mod sabiex jintlaħaq dan huwa li tiġi żgurata lill-utenti tan-network il-libertà li jikkalkolaw b’mod indipendenti l-kapaċità ta’ dħul u ta’ ħruġ, b’mod li tiġi organizzata t-trażmissjoni tal-gass skont iż-żoni pjuttost milli fil-forma ta’ flussi kuntrattwali, peress li t-tariffi ma għandhomx jiddependu fuq ir-rotta. In-natura nondiskriminatorja tat-tariffi jew tal-metodoloġiji ta’ kalkolu tagħhom hija enfasizzata wkoll fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2009. |
|
38 |
Għaldaqstant, interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460 timplika, fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop ta’ dan ir-regolament kif indikati fil-punti 23 u 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, li din ma tistax tapplika jekk, matul it-tul tal-kuntratt, it-tariffa prevista fih tkun is-suġġett ta’ aġġustamenti li jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra l-indiċjar ibbażat fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum. |
|
39 |
Fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li jkunu tnisslu fih tamiet fondati minn istituzzjoni. Madankollu, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2017/460, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni prevista fih tapplika unikament għall-kuntratti għal żmien twil ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċità għat-trażmissjoni tal-gass konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017 u li fihom ebda tibdil tal-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni, stabbiliti skont il-kapaċità u/jew il-kwantità ta’ gass tranżitat, ma huwa previst minbarra fuq il-bażi ta’ indiċjar, ibbażat partikolarment fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum. Din l-eċċezzjoni ma tapplikax għall-kuntratti li l-bidliet ta’ livelli tariffarji tagħhom joriġinaw minn fatturi oħra, inkluż fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet kontraenti fuq dawn tal-aħħar jew ta’ applikazzjoni ta’ tariffa rregolata. |
Fuq l-ispejjeż
|
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 35(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/460 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni tal-gass, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-eċċezzjoni prevista fih tapplika unikament għall-kuntratti għal żmien twil ta’ riżervazzjoni ta’ kapaċità għat-trażmissjoni tal-gass konklużi qabel is‑6 ta’ April 2017 u li fihom ebda tibdil tal-livelli tat-tariffi ta’ trażmissjoni, stabbiliti skont il-kapaċità u/jew il-kwantità ta’ gass tranżitat, ma huwa previst minbarra fuq il-bażi ta’ indiċjar, ibbażat partikolarment fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum. Din l-eċċezzjoni ma tapplikax għall-kuntratti li l-bidliet ta’ livelli tariffarji tagħhom joriġinaw minn fatturi oħra, inkluż fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet kontraenti fuq dawn tal-aħħar jew ta’ applikazzjoni ta’ tariffa rregolata. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.