Brussell, 11.7.2024

COM(2024) 293 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà f'konformità mal-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (UE) 2019/818


1.Introduzzjoni

Ir-Regolamenti 1 li jistabbilixxu l-qafas għall-interoperabbiltà daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2019 u jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet legali dwar l-iżvilupp, it-trattament tad-data u l-monitoraġġ tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija (ESP, European Search Portal), is-Servizz kondiviż ta’ Tqabbil Bijometriku (sBMS, shared Biometric Matching Service), ir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR, Common Identity Repository), id-Detettur ta’ Identitajiet Multipli (MID, Multiple-Identity Detector) u r-Repożitorju Ċentrali għar-Rapportar u għall-Istatistika (CRRS, Central Repository for Reporting and Statistics). L-interoperabbiltà ġġib vantaġġi ta’ ekonomija ta’ skala u effiċjenza għall-arkitettura tal-IT tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, il-fruntieri u s-sigurtà u, permezz tal-interkonnessjoni tal-bażijiet tad-data tagħha, tistabbilixxi karatteristiċi ġodda mingħajr il-ħtieġa li tinġabar aktar data. Dawn il-karatteristiċi jinkludu detezzjoni mtejba tal-frodi tal-identità, mezzi ġodda biex jiġu identifikati nazzjonali ta’ pajjiżi terzi mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni xierqa u mod rapidu u effiċjenti kif jiġu kontroverifikati s-sistemi għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra. L-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data biex tipprevjeni, tidentifika u tindirizza kwistjonijiet tal-kwalità tad-data, filwaqt li tiffaċilita l-eżerċizzju mill-Unjoni tal-obbligu pożittiv tagħha skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data biex tiżgura li d-data mdaħħla fis-sistemi tkun preċiża u aġġornata.

Ir-Regolamenti jagħtu mandat lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA, European Union Agency for the Operational Management of Large-Scale IT Systems in the Area of Freedom, Security and Justice), biex timmonitorja u tevalwa l-istat ta’ implimentazzjoni. F’konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolamenti. Dan ir-raba’ rapport ikopri l-perjodu bejn Ottubru 2022 u Novembru 2023.

L-implimentazzjoni tar-Regolamenti tiddependi fuq l-implimentazzjoni xierqa tas-sistemi sottostanti li huma parti mill-qafas għall-interoperabbiltà. Għalkemm id-dewmien fit-twassil tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry/Exit System) fil-livell ċentrali mill-kuntrattur tal-eu-LISA jibqa’ fattur ta’ riskju għall-implimentazzjoni xierqa tar-Regolamenti, l-azzjoni ta’ rimedju mill-eu-LISA qed tagħti l-frott. L-azzjoni tal-Aġenzija ppermettiet it-tkomplija tal-ħidma mal-kuntrattur eżistenti u rnexxielha tiżblokka l-problemi ta’ implimentazzjoni tal-proġett. Ir-rilaxx b’suċċess tal-prodott minimu vijabbli tal-EES 2 huwa pass deċiżiv lejn il-bidu tal-operat tal-EES. Barra minn hekk, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta’ Ottubru 2023 approva l-pjan direzzjonali l-ġdid tal-approċċ fi stadji, li jippermetti li s-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE jibdew joperaw f’serje ta’ erba’ stadji konsekuttivi (l-ewwel stadju fit-tieni nofs tal-2024, it-tieni stadju fl-ewwel nofs tal-2025, it-tielet stadju f’nofs l-2025 u r-raba’ stadju fi tmiem l-2026). L-approċċ fi stadji joħloq iċ-ċarezza tant meħtieġa għall-partijiet ikkonċernati kollha dwar it-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin.

Sadanittant, il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tkompli tagħmel progress fl-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen u l-aġenziji tal-UE kollha. Peress li l-proġett tal-interoperabbiltà jirrikjedi li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu b’mod koordinat biex jiġi evitat dewmien fi Stat Membru wieħed li jaffettwa lill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib u tappoġġa r-rieda ta’ kull Stat Membru fil-mument li jibdew joperaw il-komponenti tal-interoperabbiltà.

2.Is-sitwazzjoni attwali tas-sistemi tal-qafas għall-interoperabbiltà

Skont il-qafas għall-interoperabbiltà, is-sistemi ta’ informazzjoni ġodda fuq skala kbira tal-UE, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ 3 , is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System) 4 , is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għal Nazzjonali ta’ Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN, European Criminal Records Information System for Third-country Nationals) 5 , is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE diġà eżistenti iżda riveduti – is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS, Schengen Information System) 6 u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS, Visa Information System) 7 , kif ukoll il-Eurodac – se jkunu qed jinteraġixxu ma’ xulxin permezz tal-komponenti tal-interoperabbiltà li għadhom kif ġew stabbiliti u l-għodda għar-rapportar statistiku. L-iskeda ta’ żmien deskritta hawn fuq issa qed tagħmel progress kostanti fid-dħul fis-seħħ gradwali tas-sistemi ta’ informazzjoni ġodda u riveduti tal-UE.

Fis-7 ta’ Marzu 2023, intlaħaq stadju importanti sinifikanti meta bdiet topera s-SIS imġedda, bħala l-ewwel element fil-qafas għall-interoperabbiltà. In-novitajiet ta’ tipi ġodda ta’ allerti, aktar kategoriji ta’ data u funzjonalitajiet ta’ kooperazzjoni msaħħa jtejbu s-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri taż-żona Schengen. Dan tagħmlu billi tipprovdi għodod addizzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, għas-sejbien ta’ persuni neqsin, u għall-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Dan jippermetti wkoll il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tal-migrazzjoni irregolari u s-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini. Fil-25 ta’ Lulju 2023, Ċipru beda jopera s-SIS, u b’hekk sar il-31 pajjiż membru li uża s-sistema.

Bi tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-EES, ġew adottati 15-il att ta’ implimentazzjoni u att delegat. 8 Għalkemm il-proġett esperjenza dewmien sinifikanti, l-implimentazzjoni tas-sistema issa dieħla fl-istadji finali, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak nazzjonali. L-istrateġija ta’ riżoluzzjoni żviluppata mill-eu-LISA biex tegħleb id-dewmien tal-proġett qed tagħti l-frott. Ir-rilaxx b’suċċess tal-prodott minimu vijabbli tal-EES huwa l-ewwel pass importanti li jippermetti l-ittestjar tekniku u kummerċjali tas-sistema. Biex jittaffa l-impatt li l-EES tibda topera fuq il-punti ta’ qsim tal-fruntieri, il-Kummissjoni ddiskutiet miżuri ta’ prekawzjoni mal-eu-LISA u mal-Istati Membri, filwaqt li l-Frontex qed tiżviluppa applikazzjoni għall-apparati mobbli li tippermetti r-reġistrazzjoni minn qabel tad-data ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Il-Manwal Prattiku tal-EES diġà ġie kondiviż mal-Istati Membri biex jappoġġa t-taħriġ tal-awtoritajiet nazzjonali. Flimkien ma’ dan, it-tnedija tas-sit web tal-EES b’informazzjoni għall-vjaġġaturi u t-tħejjija ta’ kampanja ta’ informazzjoni tal-EES li takkumpanja l-bidu tal-operazzjonijiet se jiffaċilitaw il-fehim tal-proċeduri l-ġodda fuq il-fruntieri esterni. L-EES u l-sBMS issa huma parti mill-ewwel stadju għall-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Interoperabbiltà, u huma previsti li jidħlu fis-seħħ matul it-tieni nofs tal-2024.

Fir-rigward tal-ETIAS, l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni għadhom għaddejjin. Mill-31 att ta’ implimentazzjoni u att delegat li jrid jiġi adottat, ħames atti għad iridu jiġu adottati u tliet atti bħalissa qed jiġu ffinalizzati qabel l-adozzjoni tagħhom. Tnejn mill-atti delegati li jifdal (dwar id-durata tal-perjodi ta’ tranżizzjoni u ta’ konċessjoni) jistgħu jiġu adottati biss ladarba tkun bdiet l-ETIAS. Qed titħejja kampanja ta’ komunikazzjoni globali, inkluż sit web iddedikat tal-ETIAS, biex jiġi żgurat li l-vjaġġaturi lejn l-Ewropa jiġu infurmati b’mod adegwat dwar ir-rekwiżiti l-ġodda tal-ivvjaġġar f’waqtu. L-ETIAS, flimkien mal-ESP u s-CIR, huma parti mit-tieni stadju li għandha tibda topera fl-ewwel nofs tal-2025.

L-iżvilupp tal-ECRIS-TCN miexi ’l quddiem. Ġie adottat l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi miżuri għall-iżvilupp tekniku u l-implimentazzjoni tas-sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi. L-eu-LISA bħalissa qed timplimenta s-sistema. L-ECRIS-TCN, flimkien mal-ESP, is-CIR u l-sBMS għall-ECRIS-TCN, se jibdew joperaw fit-tielet stadju, li huwa skedata għal nofs l-2025.

Il-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-VIS ilha għaddejja mill-adozzjoni tar-Regolament emendatorju (UE) 2021/1134. L-enfasi attwali hija fuq it-tħejjija tal-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għall-iżvilupp tal-VIS riveduta. Ġew adottati sitta minn 12-il att. Il-VIS riveduta, flimkien mal-MID, l-aħħar komponent tal-Interoperabbiltà, se tibda topera fir-raba’ stadju (it-tieni nofs tal-2026). Bit-twassil tal-MID, se jibda l-Perjodu Tranżitorju tal-MID 9 .

Ir-Regolamenti se jkunu applikabbli wkoll għall-Eurodac riveduta 10 .

3.L-istat tal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà mill-Kummissjoni

Ir-Regolamenti jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni biex tissupplimenta u timplimenta ċerti aspetti tekniċi dettaljati tar-Regolamenti. Uħud minn dawn l-atti huma meħtieġa biex jippermettu b’mod sħiħ lill-eu-LISA tibda d-disinn u l-iżvilupp tagħha tal-komponenti fil-kuntest tal-arkitettura ġenerali tas-sistema, speċjalment minħabba li din teħtieġ id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u t-tħejjija tal-proċeduri ta’ akkwist sabiex taħdem mal-kuntratturi. Atti oħra huma meħtieġa biex jiġu stabbiliti regoli tekniċi biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tal-awtoritajiet rilevanti fuq il-post, pereżempju permezz tal-użu ta’ formoli standard u proċeduri ta’ kooperazzjoni biex jiġu indirizzati inċidenti ta’ sigurtà.

L-atti jiġu adottati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti kif ukoll mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-UE u jiġu diskussi fil-kumitati u l-gruppi ta’ esperti li ġew stabbiliti għal dak l-għan. L-atti kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà ġew adottati (tliet atti delegati u għaxar atti ta’ implimentazzjoni). Minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Rivedut dwar il-VIS 11 , ir-Regolament dwar l-emendi konsegwenzjali tal-VIS 12 u r-Regolamenti dwar l-emendi konsegwenzjali tal-ETIAS 13 fis-7 ta’ Lulju 2021, kellhom jiġu riveduti tliet atti 14 . It-testi l-ġodda issa huma meqjusa stabbli u qrib l-adozzjoni finali tagħhom. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni għal terminu ta’ ħames snin mir-Regolamenti. Minħabba d-dewmien ikkawżat mill-proġett tal-EES u l-effett tiegħu fuq id-dħul fis-seħħ tal-komponenti tal-interoperabbiltà, il-Kummissjoni talbet estensjoni tas-setgħat delegati. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi ggarantit li l-perjodu tranżitorju previst għall-portal Ewropew tat-tfittxija 15 u l-perjodu tranżitorju għad-detezzjoni ta’ identitajiet multipli 16 jistgħu jiġu estiżi jekk meħtieġ.

Skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2019/818, il-Kummissjoni għandha wkoll il-mandat li tagħmel disponibbli Manwal Prattiku għall-Implimentazzjoni u l-Ġestjoni tal-Komponenti għall-Interoperabbiltà. Il-Manwal huwa vitali biex jappoġġa lill-utenti tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (bħall-awtoritajiet tal-fruntieri, tal-viża, tal-immigrazzjoni u tal-infurzar tal-liġi) bi gwida lesta u faċli għall-utent għall-użu tal-karatteristiċi disponibbli permezz tal-interoperabbiltà. Il-Manwal huwa żviluppat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-eu-LISA, il-Europol, il-Frontex u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Matul il-perjodu ta’ rapportar, ġew organizzati seba’ laqgħat tal-gruppi ta’ esperti u tliet laqgħat tal-grupp konġunt ta’ esperti biex jitrawwem fehim komuni u jiġu żviluppati proċeduri u rakkomandazzjonijiet standard li għandhom jiddaħħlu fil-Manwal. L-ewwel verżjoni tal-Manwal Prattiku għall-interoperabbiltà hija ppjanata li tkun lesta sa nofs l-2024.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll verżjoni diġitali u faċilment navigabbli tal-Manwal sabiex twieġeb għall-ambjent tax-xogħol dejjem aktar kumpless tal-utenti tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Minħabba ż-żieda ta’ karatteristiċi, bħal links li jeħtieġu verifika manwali, l-utenti se jkollhom iwettqu operazzjonijiet li xi drabi jinvolvu diversi sistemi ta’ informazzjoni u komponenti tal-interoperabbiltà f’daqqa. L-għodda ta’ disseminazzjoni online 17 li qed tiġi stabbilita bħalissa, se tgħaqqad it-taqsimiet kollha tal-Manwal sabiex l-utenti jkunu jistgħu jinnavigawhom minn perspettiva ta’ sistemi (eż. EES jew ETIAS) jew minn perspettiva tal-utenti finali (eż. gwardja tal-fruntiera jew uffiċjal tal-pulizija). Skont ir-rwol tal-utenti, l-informazzjoni u l-proċeduri se jiġu ffiltrati biex tintwera biss l-informazzjoni rilevanti għal dak l-utent partikolari. Il-Manwali tas-SIS, tal-EES, tal-ETIAS u tal-Interoperabbiltà se jkunu disponibbli fuq l-għodda ta’ disseminazzjoni sat-tieni trimestru tal-2024.

4.L-istat tal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni

Ir-Regolamenti jistabbilixxu l-qafas ta’ governanza magħmul mill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm ta’ Interoperabbiltà 18 u l-Grupp Konsultattiv dwar l-Interoperabbiltà 19 biex jiżguraw disinn u żvilupp adegwati tal-komponenti u l-għodod tal-interoperabbiltà. Iż-żewġ korpi huma taħt il-kappa tal-eu-LISA, li fihom il-Kummissjoni hija membru tat-tnejn. L-implimentazzjoni teknika tar-Regolamenti hija diskussa f’dawn il-korpi u l-progress jiġi mmonitorjat bl-użu ta’ kwestjonarju ta’ kull xahar/kull xahrejn dwar it-tħejjijiet tekniċi fil-livell tal-Istati Membri u tal-aġenziji rilevanti tal-UE.

Sabiex tivvaluta l-istat tal-implimentazzjoni lil hinn mit-tħejjijiet tekniċi, il-Kummissjoni torganizza f’intervalli regolari l-Forum dwar l-implimentazzjoni tal-arkitettura l-ġdida għas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Il-Forum huwa preċedut minn kwestjonarju lill-Istati Membri kollha u lill-aġenziji rilevanti tal-UE biex jitkejlu l-livelli ta’ implimentazzjoni. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni organizzat żewġ Forums (Diċembru 2022, Novembru 2023) u nediet żewġ kwestjonarji (Novembru 2022 u April 2023).

Grupp żgħir ta’ Stati Membri jista’ jiġi identifikat bħala minn ta’ quddiem nett, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra qed juru progress aktar modest. Dan għadu mhux kawża ta’ tħassib iżda se jiġi mmonitorjat mill-qrib biex tiġi żgurata tħejjija f’waqtha mill-Istati Membri kollha. Għall-ewwel darba, il-kwestjonarju ta’ April 2023 iffoka wkoll fuq il-passi meħuda fil-livell nazzjonali biex titħejja l-verifika manwali tar-rabtiet bejn id-data fis-sistemi ta’ informazzjoni differenti tal-UE, li hija l-akbar bidla fl-operazzjonijiet tan-negozju attwali għall-awtoritajiet involuti. Madwar terz tal-Istati Membri u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen bdew jiżviluppaw software nazzjonali għal dan il-għan. Diversi Stati Membri jippreferu li l-eu-LISA tiżviluppa għodda ċentrali għal dan il-għan u ġiet ippreżentata talba għall-iżvilupp tagħha matul il-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk, diversi Stati Membri qed jippjanaw għal xi livell ta’ ċentralizzazzjoni biex iwettqu l-verifika manwali b’mod aktar effiċjenti, li huwa pass milqugħ mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tal-Istati Membri sabiex tidentifika oqsma ta’ tħassib potenzjali kmieni u tiżgura t-tħejjija għall-bidu tal-operazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni organizzat, bl-appoġġ tal-eu-LISA, 56 laqgħa mal-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, l-aġenziji u t-trasportaturi tal-UE.

5.Ħtiġijiet ta’ taħriġ

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni appoġġat taħriġ relatat mal-Interoperabbiltà organizzat mis-CEPOL 20 . Ġew organizzati sitt korsijiet matul il-perjodu ta’ rapportar. Tliet webinars dwar l-użu tal-interoperabbiltà biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għad-data u tliet korsijiet ta’ ġimgħa sħiħa, tnejn dwar ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà b’mod ġenerali u kors speċifiku wieħed dwar l-MID u operazzjonijiet relatati.

Id-dewmien u l-iskedar mill-ġdid tad-dħul fis-seħħ tas-sistemi ta’ informazzjoni riveduti u ġodda tal-UE se jaffettwaw ukoll l-iskeda tat-taħriġ dwar l-interoperabbiltà. Dan huwa partikolarment rilevanti għat-taħriġ ta’ tħejjija għad-dħul fis-seħħ tal-MID. L-MID huwa l-aħħar komponent tal-interoperabbiltà li beda jopera, iżda għandu l-akbar impatt fuq l-operazzjonijiet tan-negozju fl-Istati Membri u l-Frontex. Biex tħejji sew lill-utenti finali, is-CEPOL se torganizza korsijiet li jiffukaw fuq il-proċess tal-MID u l-ġestjoni tal-links.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa materjal ta’ taħriġ dwar l-interoperabbiltà biex tappoġġa dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ. Qed jiġi żviluppat programm ta’ taħriġ dettaljat li jkopri l-aspetti kollha relatati mal-interoperabbiltà kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ iqsar u aktar imfassla apposta għall-komunitajiet ta’ utenti differenti.

6.Fondi tal-UE

In-nefqiet matul il-perjodu ta’ rapportar huma taħt l-ammonti stmati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva u sal-lum ma ġie identifikat l-ebda riskju ta’ nfiq żejjed. Skont l-aħħar Rapport ta’ Progress dwar l-Interoperabbiltà tal-eu-LISA 21 , sa issa tħallsu EUR 32,5 miljun lill-kuntratturi u ġew ikkuntrattati EUR 60,6 miljun għall-attivitajiet ta’ żvilupp u implimentazzjoni.

L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi disponibbli taħt il-programmi tagħhom tal-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014-2020, sakemm tiskadi l-iskadenza għall-eliġibbiltà tan-nefqa fit-30 ta’ Ġunju 2024. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jużaw ir-riżorsi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li huma disponibbli taħt il-programmi tagħhom, iffinanzjati mill-azzjonijiet tal-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI, Border Management and Visa Policy) għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE.

7.Konklużjoni

L-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà hija parti essenzjali mill-arkitettura mtejba tal-IT għal sistemi ta’ informazzjoni ġodda u aġġornati tal-UE li jiffaċilitaw mhux biss aċċess aktar rapidu, aktar effiċjenti u sistematiku għad-data mill-awtoritajiet tal-fruntieri, tal-viża, tal-immigrazzjoni u tal-infurzar tal-liġi, iżda jippermettu wkoll qsim tal-fruntieri aktar faċli u aktar sikur għall-miljuni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jżuru l-Unjoni Ewropea kull sena.

Ir-rapport juri progress kostanti matul il-perjodu Ottubru 2022 - Novembru 2023. Il-Kummissjoni tinsab fl-istadji finali tal-adozzjoni ta’ tliet atti emendati u delegati 22 relatati mal-Qafas għall-Interoperabbiltà. Il-ħidma mxiet ’il quddiem b’mod kostanti fuq l-iżvilupp tal-Manwal Prattiku għall-Implimentazzjoni u l-Ġestjoni tal-Komponenti tal-Interoperabbiltà u l-ewwel verżjoni hija mistennija sa nofs l-2024, u mxiet ’il quddiem ukoll l-għodda ta’ disseminazzjoni online għall-Manwal tal-interoperabbiltà u Manwali oħra. L-istat ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti fost l-Istati Membri juri grupp żgħir ta’ Stati Membri minn ta’ quddiem nett u grupp kbir li qed jagħmel progress aktar modest. Dan għadu mhux kawża ta’ tħassib, iżda huwa meħtieġ monitoraġġ mill-qrib.

L-impatt tal-obbligu li jiġu vverifikati manwalment ir-rabtiet iġġenerati mill-MID fuq l-operazzjonijiet tan-negozju tal-awtoritajiet affettwati jitqies bħala sostanzjali. L-ewwel investigazzjoni fil-fond dwar il-livelli ta’ tħejjija wriet riżultati pożittivi peress li għaddejjin sforzi fl-Istati Membri filwaqt li jittieħed kont ta’ dawn l-obbligi l-ġodda, iżda l-ħidma preparatorja għad fadlilha ħafna biex titlesta. Filwaqt li d-data l-ġdida għall-operat tal-komponenti tal-interoperabbiltà, b’mod partikolari l-MID, toffri xi żmien ta’ tħejjija addizzjonali, dan ma għandux jirriżulta fi tnaqqis fil-momentum tal-proġett.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-progress mill-qrib u tivvaluta r-riskji għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti. Se tkompli tinvolvi ruħha b’mod regolari mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tikkoordina u timmonitorja l-azzjonijiet, tidentifika oqsma ta’ diffikultà potenzjali, tnaqqas ir-riskji relatati mal-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà u tappoġġa l-implimentazzjoni effiċjenti u f’waqtha tal-proġetti kollha f’konformità mal-iskeda ta’ żmien miftiehma. Il-Kummissjoni se żżomm ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew infurmati dwar il-progress miksub permezz ta’ rappurtar annwali u permezz tal-proċedimenti tal-Kumitati u l-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(1)

     Ir-Regolament (UE) 2019/817 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI; u r-Regolament (UE) 2019/818 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816. Matul ir-rapport issir referenza għal dawn ir-Regolamenti bħala “ir-Regolamenti”.

(2)

     F’Mejju 2023, l-eu-LISA żviluppat strateġija ta’ riżoluzzjoni ġdida billi għolliet il-livell ta’ interazzjoni mas-CEOs tal-Konsorzju tal-proġett biex tiżgura l-impenn u l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom, billi implimentat approċċ gradwali ta’ “akkumulazzjoni” bi skeda ta’ żmien aktar sikura u metodi ta’ ħidma aġli. L-approċċ il-ġdid tal-prodott minimu vijabbli (MVP, minimum viable product), approvat mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA, għandu l-għan li jistabbilizza l-implimentazzjoni tal-EES billi jiffoka fuq aspetti li jżidu l-valur għall-utenti finali u jaċċelleraw it-tħejjijiet tagħhom. L-ewwel rilaxx tal-MVP, fl-aħħar ta’ Lulju 2023, huwa l-ewwel pass tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni. Il-passi sussegwenti jikkonċentraw fuq it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ ttestjar tal-Istati Membri u t-titjib tal-MVP li jtejjeb il-kwalità tal-prodott.

(3)

     Ir-Regolament 2017/2226 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(4)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1240 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(5)

     Ir-Regolament (UE) 2019/816 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(6)

     Ir-Regolament 2018/1860 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1);

Ir-Regolament (UE) 2018/1861 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14);

Ir-Regolament (UE) 2018/1862 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(7)

     Ir-Regolament (UE) 2021/1134 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).

(8)

     Fil-livell tal-Kummissjoni qed jitħejja att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli dwar funzjonalità għall-ġestjoni ċentralizzata ta’ listi ta’ awtoritajiet kemm għas-Sistemi ta’ Dħul/Ħruġ kif ukoll għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

(9)

     L-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2019/817, l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2019/818.

(10)

     Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b'soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(11)

     Ir-Regolament (UE) 2021/1134 għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11)

(12)

     Ir-Regolament (UE) 2021/1133 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 1)

(13)

   Ir-Regolament (UE) 2021/1150 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 1);

Ir-Regolament (UE) 2021/1151 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 7);

Ir-Regolament (UE) 2021/1152 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 15);

(14)

     C(2021) 4982 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/817 b’regoli dettaljati dwar l-operazzjoni tar-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika, C (2021) 5052 li jistabbilixxi r-regoli tekniċi għall-profili tal-utenti tal-portal Ewropew tat-tfittxija, u C (2021) 6176 li jistabbilixxi r-regoli tekniċi għall-ħolqien ta’ links bejn id-data minn sistemi ta’ informazzjoni differenti tal-UE.

(15)

     L-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) 2019/817, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2019/818.

(16)

     L-Artikolu 69(8) tar-Regolament (UE) 2019/817, l-Artikolu 65(8) tar-Regolament (UE) 2019/818.

(17)

     L-għodda ta’ disseminazzjoni hija sit web li l-aċċess tiegħu huwa ristrett għall-komunità ta’ utenti tas-sistemi li għalihom japplikaw il-Manwali u ospitati mis-servizz tal-IT tal-Kummissjoni (DIGIT).

(18)

     L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2019/818.

(19)

     L-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) 2019/817, l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2019/818.

(20)

   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi.

(21)

     It-tmien rapport ta’ progress dwar l-iżvilupp tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 78(2) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(2) tar-Regolament (UE) 2019/818 (2023-215).

(22)

C(2021)4982, C(2021)5052, u C(2021)6176. Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna għat-titoli sħaħ.