KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑22 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawża C‑219/25 PPU (Kamekris) ( i )

Ministère public (L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Franza)

vs

KN

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Montpellier (il-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Estradizzjoni lejn Stat terz sabiex hemmhekk tiġi skontata piena ta’ priġunerija – Rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tiddeċiedi dwar it-talba għal estradizzjoni – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Moviment liberu tal-persuni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Riskju serju ta’ tortura jew pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Smigħ xieraq”

I. Introduzzjoni

1.

Meta l-qorti ta’ Stat Membru (f’dan il-każ Franza) tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, il-Greċja), lejn Stat terz (f’dan il-każ il-Ġeorġja) sabiex hemmhekk tiġi skontata piena ta’ priġunerija, din il-qorti hija marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti ta’ Stat Membru ieħor (f’dan il-każ il-Belġju) dwar l-istess talba għall-estradizzjoni? Din hija l-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb f’din il-kawża.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt internazzjonali

2.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”), jistipula:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni daħlet fis-seħħ fil‑11 ta’ Mejju 1986 għal Franza, għall-Ġeorġja fit‑13 ta’ Settembru 2001 u fis‑27 ta’ Awwissu 1961 għall-Greċja. Franza rriżervat id-dritt (konformement mal-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni) li tirrifjuta l-estradizzjoni meta tkun ingħatat kundanna fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha ma jkunux ġew żgurati l-garanziji proċedurali fundamentali u d-drittijiet tad-difiża jew meta l-estradizzjoni tista’ twassal għal konsegwenzi partikolarment serji għall-persuna mfittxija. Il-Greċja rriżervat id-dritt, inter alia, li ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess ( 2 ).

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat FUE

4.

L-Artikolu 67 TFUE jiddeskrivi l-għanijiet tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. L-Artikolu 67(3) isemmi r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi kriminali:

“L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali.”

5.

Is-setgħat regolatorji tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji kriminali huma s-suġġett tal-Artikolu 82 TFUE:

“1.   Il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 83.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li:

a)

jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji;

b)

[…]

d)

jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet.

2.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta’ l-Istati Membri.

Dawn għandhom jikkonċernaw:

a)

l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

b)

id-drittijiet ta’ l-individwi fil-proċedura kriminali;

c)

id-drittijiet ta’ vittmi tal-kriminalità;

d)

aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b’deċiżjoni; għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-adozzjoni tar-regoli minimi previsti f’dan il-paragrafu m’għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu livell ogħla ta’ protezzjoni għall-individwi.”

2. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

6.

L-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jiggarantixxi protezzjoni f’każ ta’ estradizzjoni:

“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”

7.

Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

C.   Id-dritt Franċiż

8.

Skont l-Artikolu 696-4(1) tal-code de procédure pénale (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), l-estradizzjoni ma tiġix approvata jekk, fiż-żmien li fih seħħ ir-reat, il-persuna mfittxija kellha n-nazzjonalità Franċiża.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

9.

KN huwa ċittadin kemm Ġeorġjan kif ukoll Grieg. Fl-2011, il-qrati Ġeorġjani kkundannawh għal għomru l-ħabs in absentia talli fl-2008 u fl-2009, huwa kien ordna qtil (li fl-aħħar mill-aħħar ma twettaqx) sabiex jaħbi reati oħra u wettaq ukoll reati relatati mal-armi u mad-drogi fil-kuntest tal-kriminalità organizzata.

10.

Fl‑4 ta’ Ottubru 2021, KN ġie arrestat b’mod provviżorju fil-Belġju minħabba li l-awtoritajiet Ġeorġjani kienu rrappurtawh mal-Interpol fid-dawl tal-arrest (l-hekk imsejħa “Red Notice”). Wara li għall-ewwel huwa tqiegħed taħt arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, fid‑29 ta’ Ottubru 2021 dan tpoġġa taħt sorveljanza ġudizzjarja.

11.

Fl‑20 ta’ Jannar 2025, KN ġie arrestat fi Franza abbażi tal-istess avviż. L-awtoritajiet Ġeorġjani mbagħad talbu formalment għall-estradizzjoni tiegħu fi Franza wkoll, abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni.

12.

Il-proċedura għall-estradizzjoni quddiem il-qrati Belġjani kienet għadha ma ġietx konkluża meta kien ġie arrestat fi Franza, madankollu, bis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2025, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni tal-Georġja indirizzata lill-Belġju. Ma jistax jiġi żgurat suffiċjentement li KN ma jinsabx taħt theddida ta’ ċaħda ta’ ġustizzja enormi jew ta’ tortura jew trattament inuman jew degradanti.

13.

Il-qorti tar-rinviju, il-Cour d’appel de Montpellier (il-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza), issa jeħtieġ li tiddeċiedi dwar it-talba għal estradizzjoni indirizzata lil Franza. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kif ukoll KN jitolbu r-rifjut tal-estradizzjoni konformement mas-sentenza tal-qorti Belġjana.

14.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hijiex marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti Belġjana:

L-Artikoli 67(3) u 82(1) TFUE, flimkien mal-Artikoli 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li: Stat Membru huwa obbligat jirrifjuta li jeżegwixxi talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea lejn Stat terz meta Stat Membru ieħor ikun preċedentement irrifjuta li jeżegwixxi l-istess talba għal estradizzjoni għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali li persuna ma tkunx suġġetta għal tortura jew trattament inuman jew degradanti stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

15.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16.

Fit‑3 ta’ April 2025, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, kif previst fl-Artikoli 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikoli 107 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura. Sussegwentement ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn KN, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni Ewropea. Fit‑8 ta’ Mejju 2025, minbarra dawn il-partijiet ikkonċernati, ipparteċipaw ukoll ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja.

IV. Evalwazzjoni ġuridika

17.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-risposta hija, fil-fehma tiegħi, evidenti: la l-Artikolu 67(3) TFUE u lanqas l-Artikolu 82(1) TFUE ma jobbligaw qorti ta’ Stat Membru li tadotta deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor fejn ma testradixxix ċittadin tat-tielet Stat Membru lejn Stat terz sabiex jiskonta piena ta’ priġunerija minħabba r-riskju ta’ ksur tal-Artikoli 19 u 47 tal-Karta. F’dan is-sens, l-ewwel qorti jkollha tirrifjuta l-estradizzjoni jekk ma tkunx wettqet l-eżami tagħha stess. Minkejja dan, sa fejn id-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli, din il-qorti jeħtieġ li tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-qorti l-oħra fil-kuntest tal-eżami tagħha stess tal-estradizzjoni.

18.

Madankollu, huwa inqas ċar jekk id-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, il-Karta humiex applikabbli fil-kawża prinċipali, jiġifieri jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni (ara A). Anki l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari jistħoqqilhom eżami iktar fil-fond (ara B).

A.   Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta

19.

Fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali dwar l-estradizzjoni f’materji kriminali bejn l-Unjoni u pajjiż terz, ir-regoli dwar l-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 3 ). Xorta jibqa’ l-fatt li meta japplikaw ir-regoli nazzjonali inkwistjoni f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jeħtieġ li josservaw dan id-dritt ( 4 ).

20.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema obbligi jirriżultaw f’dan il-każ mill-Artikolu 67(3) u mill-Artikolu 82(1) TFUE. Kif jesponu wkoll Franza, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet huma madankollu pjuttost programmatiċi u, b’mod partikolari, ma jirregolawx l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni lejn Stati terzi sabiex jiskontaw piena ta’ priġunerija (ara l-punt 1). Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta tista’ tirriżulta mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment miċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat (ara l-punt 2).

1. Ir-regoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

21.

KN iqis li mill-Artikolu 67(3) u mill-Artikolu 82(1) TFUE kif ukoll mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru hija obbligata tirrikonoxxi ċ-ċaħda minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li jiġi estradit ċittadin tal-Unjoni lejn Stat terz, ibbażata fuq riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, mingħajr ma twettaq hija stess eżami tal-ostakoli għall-estradizzjoni.

22.

Skont l-Artikolu 67(3) TFUE, l-Unjoni għandha tfittex li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali. Dan l-għan ta’ sigurtà jiġġustifika, minbarra l-garanzija tal-libertà (Artikolu 67(2)) u l-aċċess ġudizzjarju ffaċilitat (Artikolu 67(4)), l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msemmi fl-Artikolu 67(1) filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u t-tradizzjonijiet u sistemi legali differenti tal-Istati Membri.

23.

Madankollu, il-missjoni tal-Unjoni li taħdem favur l-għan ta’ livell għoli ta’ sigurtà, permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, ma tinkludix obbligu direttament applikabbli għall-Istati Membri li għandu jiġi osservat fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni lejn Stat terz. B’mod partikolari, mill-Artikolu 67(3) TFUE ma jirriżultax li d-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar din il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta.

24.

Minkejja dan, l-Artikolu 82(1) TFUE jistabbilixxi setgħat regolatorji tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Skont il-punt (a), l-Unjoni tista’ tistabbilixxi b’mod partikolari regoli u proċeduri sabiex tiżgura r-rikonoxximent tat-tipi kollha ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji madwar l-Unjoni. Madankollu, l-Unjoni ma adottat ebda regolamentazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar l-estradizzjoni lejn Stati terzi u, anki jekk l-Artikolu 82(1)(a) kellu jikkostitwixxi bażi legali għal dan, minnu xorta waħda ma jirriżulta l-ebda obbligu ta’ rikonoxximent. Konsegwentement, l-Artikolu 82(1) TFUE lanqas ma jinkludi obbligu li tiġi rrikonoxxuta d-deċiżjoni tal-qorti ta’ Stat Membru ieħor li ma testradixxix lill-persuna kkonċernata lejn Stat terz.

25.

Is-sitwazzjoni tkun differenti f’sentenza msemmija minn KN, li skontha Stat Membru ma jistax jestradixxi persuna, li tkun ingħatat status ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha sakemm jibqa’ validu l-istatus ta’ refuġjat ( 5 ). Madankollu, dan l-effett ta’ bblokkar ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tat-TFUE, iżda mir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tar-refuġjati kif ukoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ( 6 ). Minkejja dan, fil-każ preżenti ma jeżistux regoli tad-dritt sekondarju paragunabbli li jkunu jobbligaw lil Franza tagħti saħħa vinkolanti lid-deċiżjoni tal-qorti Belġjana.

26.

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka invokat minn KN ma jbiddel xejn minn dan.

27.

Huwa minnu li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dan il-prinċipju jitlob lil kull Stat Membru jqis li l-Istati Membri l-oħra kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt ( 7 ). Minn dan isegwi li, meta l-qorti ta’ Stat Membru tikkonstata ġustament li jeżisti riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta fil-każ ta’ estradizzjoni, il-qrati ta’ Stati Membri oħra, meta jiddeċiedu dwar l-istess estradizzjoni, jeħtieġ li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni magħmula mill-ewwel qorti ( 8 ). Madankollu, dan ma jasalx sabiex ikun obbligu ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-ewwel qorti ( 9 ). Dan jeħtieġ regola espliċita li sa issa għadha nieqsa ( 10 ).

28.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka japplika f’din il-forma biss jekk id-drittijiet fundamentali tal-Karta jkunu applikabbli. Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, il-Karta tapplika għall-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss.

29.

Il-kunċett ta’ “jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jirrikjedi l-eżistenza ta’ rabta bejn att tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali korrispondenti li tmur lil hinn mill-fatt li l-oqsma inkwistjoni jikkoinċidu ma’ xulxin jew qasam minnhom jista’ jkollu effetti indiretti fuq l-oħrajn ( 11 ). Id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni għalhekk huma applikabbli biss fir-rigward ta’ regoli nazzjonali jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat jimponu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali ( 12 ).

30.

Madankollu, peress li la l-Artikolu 67(3) TFUE u lanqas l-Artikolu 82(1) TFUE ma joħolqu tali obbligi, huma lanqas ma jwasslu għall-applikazzjoni tal-Karta jew tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

2. Il-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni

31.

Madankollu, id-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni, previst fl-Artikolu 21(1) TFUE, jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Karta fil-kawża prinċipali. KN, ċittadin Grieg, għamel użu minn din il-libertà fundamentali bħala ċittadin tal-Unjoni billi huwa mar fi Stat Membru ieħor, jiġifieri mill-Greċja lejn Franza.

32.

Ma jidhirx li hija meħtieġa restrizzjoni għal din il-libertà fundamentali, peress li KN ikollu jikkunsidra li se jiġi estradit lejn il-Ġeorġja kemm jekk ikun fl-Istat Membru tiegħu, il-Greċja, kif ukoll jekk ikun fi Franza.

33.

Madankollu, meta kkonkludiet il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, il-Greċja rriżervat id-dritt li ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess. Probabbilment, huwa għalhekk li KN ma kellux jibża’ mill-estradizzjoni fil-Greċja.

34.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet li jikkonċernaw estradizzjoni lejn Stati terzi minħabba proċeduri kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat restrizzjoni għall-moviment liberu minħabba differenza fit-trattament f’paragun maċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati ( 13 ). Fil-fatt, dawn l-Istati Membri pprevedew li ċ-ċittadini tagħhom ma jiġux estraditi jew ikkonsenjati. Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u Franza, dan jikkorrispondi għas-sitwazzjoni legali Franċiża, b’tali mod li huma jqisu li teżisti restrizzjoni għall-moviment liberu.

35.

Il-kwistjoni li tqum hija dwar sa fejn jista’ jestendi l-kamp ta’ protezzjoni tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-eżerċizzju tal-moviment liberu, pereżempju, jekk ikoprix id-dritt tal-vot nazzjonali li ma jiżgurax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni partikolari previst fl-Artikolu 22 TFUE fir-rigward tad-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 14 ).

36.

Il-parti l-kbira tal-każijiet ta’ estradizzjoni kienu kkaratterizzati mill-fatt li ċ-ċittadini kkonċernati minn Stati Membri oħra kienu integrati fl-Istat mitlub ( 15 ). Fin-nuqqas ta’ tali integrazzjoni, bħal f’dan il-każ, huwa għalhekk dubjuż li tkun teżisti paragunabbiltà maċ-ċittadini tal-Istat mitlub, li ma jiġux estraditi.

37.

B’mod ġenerali, il-paragunabbiltà għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ( 16 ). Din tkun eskluża meta jkunu jeżistu differenzi oġġettivi bejn il-gruppi ta’ paragun ( 17 ).

38.

Fir-rigward tal-projbizzjonijiet ta’ estradizzjoni, iż-żewġ kriterji jimmilitaw kontra l-paragunabbiltà bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni fi tranżitu u ċ-ċittadini tal-Istat stess.

39.

Ir-rabta taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija bbażata fuq ir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà li teżisti bejn dan l-Istat u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll fuq ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet ( 18 ). L-Istati Membri jeħtieġ għalhekk li jipproteġu b’mod partikolari liċ-ċittadini tagħhom stess u l-projbizzjoni ta’ estradizzjoni sservi din il-protezzjoni. Fl-istess waqt, Stat normalment ikollu ġurisdizzjoni kriminali wiesgħa fuq iċ-ċittadini tiegħu stess, inkluż fir-rigward ta’ reati barra mill-pajjiż. Għalhekk huwa iktar faċli li tiġi evitata l-impunità fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat stess. Konsegwentement, filwaqt li l-Istati Membri probabbilment ma humiex obbligati jinvestigaw reati mwettqa barra mill-pajjiż miċ-ċittadini tagħhom stess, huma iżda jeżaminaw jekk tali proċedura kriminali tkunx opportuna. Dan jippermettilhom jevitaw l-impunità filwaqt li fl-istess waqt jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom stess minn konsegwenzi sproporzjonati ta’ proċedura kriminali fi Stati terzi ( 19 ).

40.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni integrati u stabbiliti għandhom id-dritt li jistennew li jiġu ttrattati b’mod simili għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat. Dawn huma ċertament paragunabbli f’ċerti aspetti maċ-ċittadini tal-Istat li fih huma stabbiliti iżda mhux fil-punti kollha. F’dan is-sens, fil-qasam tad-dritt tal-vot, għadhom isiru eċċezzjonijiet ( 20 ) u anki fil-leġiżlazzjoni fiskali (f’dan il-każ, ir-residenza “tissostitwixxi” n-nazzjonalità), il-kwistjoni dwar jekk l-Istat ta’ attività għandux jagħti, minflok l-Istat ta’ residenza, privileġġi paragunabbli ma’ dawk mogħtija lir-residenti, tiddependi mill-ammont tas-salarju ( 21 ).

41.

Madankollu, il-kwistjoni hija differenti f’dan il-każ. Il-mistoqsija li tqum hawnhekk hija dik dwar jekk kull ċittadin tal-Unjoni fi tranżitu huwiex paragunabbli, fl-Istat ta’ tranżitu, maċ-ċittadini residenti fl-Istat ta’ tranżitu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest li joriġina minn Stat terz. Fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, tista’ tingħata tweġiba fl-affermattiv għal din il-mistoqsija. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadinanza nazzjonali tiġi dejjem iktar sovrapposta miċ-ċittadinanza tal-Unjoni ( 22 ).

42.

Madankollu, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni kriminali ta’ Stat Membru, it-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti għandha tkun fin-negattiv. Għaċ-ċittadini tal-Unjoni fi tranżitu, ma teżistix relazzjoni speċjali paragunabbli ta’ solidarjetà u lealtà mal-Istat ta’ tranżitu. Għall-kuntrarju, għal dawn tal-aħħar, anki l-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat ta’ tranżitu għal reati mwettqa fi Stati terzi hija ta’ spiss dubjuża u għalhekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest iżid il-possibbiltajiet ta’ impunità tal-persuna mfittxija.

43.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni, kif tapplika fid-dritt soċjali ( 23 ), bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni integrati fl-Istat Membru u ċ-ċittadini tal-Unjoni li sempliċement ikunu fi tranżitu. Peress li s-suġġett huwa ċittadin tal-Unjoni fi tranżitu, jiena tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni ma jkoprix din is-sitwazzjoni. L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest maħruġ minn Stat terz għalhekk ma taqax taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-libertajiet fundamentali fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma humiex intiżi sabiex jeħilsu lill-Istati mir-responsabbiltà tagħhom lejn iċ-ċittadini tagħhom għal eżekuzzjoni effettiva tal-pieni tal-awturi tar-reati kkundannati u, għaldaqstant, sabiex iżidu l-possibbiltajiet ta’ impunità tagħhom. Il-libertajiet fundamentali lanqas ma huma intiżi sabiex jeħilsu lill-Istat Membru mir-responsabbiltà lejn Stat terz (rabta internazzjonali li tiggarantixxi b’mod reċiproku li ċ-ċittadini kkundannati ma jistgħux jevadu l-piena tagħhom billi jaħarbu fl-Istat kontraenti l-ieħor). Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi estradita lejn Stat terz taqa’ għalhekk taħt id-dritt nazzjonali u l-garanziji tad-drittijiet fundamentali tiegħu, kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-KEDB).

44.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkunsidra li hemm restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali, se neżamina, sussidjarjament, il-ġustifikazzjoni tagħha.

45.

Il-prevenzjoni tal-impunità tista’ tiġi eżaminata fil-livell tal-ġustifikazzjoni f’każ ta’ prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ( 24 ). Kif il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta, dan l-għan jirrifletti wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-kriminalità ( 25 ). Madankollu, il-ġurisprudenza teżiġi li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-awtur tar-reat waqt l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni lejn Stat terz ( 26 ).

3. Ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali

46.

L-Artikolu 19(2) tal-Karta jikkonċerna speċifikament l-estradizzjoni. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

47.

Minn dan isegwi li, sa fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub għandha indizji li juru riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat terz rikjedenti, hija obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta tintalab tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dan l-Istat terz ( 27 ).

48.

Fl-istess waqt, dan l-Istat Membru ma jistax sempliċement jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-Istat terz rikjedenti jew il-fatt li dan tal-aħħar ikkonkluda ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu, bħala prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub jeħtieġ li tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ta’ qrati internazzjonali, bħas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), minn deċiżjonijiet ta’ qrati tal-Istat terz rikjedenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti ( 28 ). Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, jidher, skont id-dokumentazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, li għadu possibbli li jkun hemm titjib iżda li ma hemmx ksur serju u sistematiku ( 29 ).

49.

Deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra dwar l-istess talba għall-estradizzjoni jew simili mill-Istat terz ikkonċernat, li jinkludu konstatazzjonijiet fir-rigward tar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, f’dan il-każ is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2025 tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), huma parti minn dawn l-elementi wkoll ( 30 ). Dan jirriżulta diġà mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 31 ).

50.

Madankollu, skont il-Qorti EDB, l-oneru tal-prova ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti jaqa’ fuq il-persuna kkonċernata ( 32 ). Konsegwentement, l-Artikolu 19(2) tal-Karta ma jipprekludix estradizzjoni meta riskju ta’ trattament inuman jew degradanti ma jistax jiġi eskluż abbażi tal-informazzjoni disponibbli, iżda lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat.

51.

Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw, bħala prinċipju, għal riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, liema riskju huwa invokat ukoll fis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2025 mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) ( 33 ).

52.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li jeħtieġ li teżamina jekk l-informazzjoni ppreżentata quddiemha tiġġustifikax riskju ta’ ksur tal-imsemmija drittijiet fundamentali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u/jew il-kundanna in absentia ( 34 ).

53.

Għall-finijiet sempliċi ta’ kompletezza għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni KN, ma jeżisti ebda indizju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta jew fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen. Fil-fatt, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2025 tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), li rrifjutat l-estradizzjoni lejn il-Ġeorġja, ma hijiex kundanna kriminali li tkun tista’ tagħti lok għal din il-projbizzjoni ( 35 ).

B.   Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

54.

Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda b’mod partikolari l-Artikolu 67(3) TFUE u l-Artikolu 82(1) TFUE, li jinsabu fit-Titolu V (“L-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”) tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE li, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa rekwiżit għall-applikabbiltà tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

56.

Kif għadni kif esponejt, dawn id-dispożizzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar ma humiex ta’ sinifikat dirett għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża preċiżament sabiex tiċċara dan il-punt.

57.

Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari huwa miftuħ.

58.

Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju sostniet b’mod partikolari li kien urġenti li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li KN jinsab f’detenzjoni fuq il-bażi tal-proċedura ta’ estradizzjoni lejn il-Ġeorġja biss.

59.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix id-domanda preliminari kif previst hawnhekk, iżda tiddeċiedi li d-deċiżjoni tal-qorti Belġjana għandha tiġi rrikonoxxuta, din ir-raġuni ta’ detenzjoni taqa’.

60.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, sussegwentement, il-qrati Franċiżi jibqgħu jżommu lil KN taħt detenzjoni sabiex jeżegwixxu s-sentenza Ġeorġjana fi Franza ( 36 ) jew sabiex imexxu proċedura kriminali għall-fatti kkundannati fil-Ġeorġja. La l-prinċipju ta’ ne bis in idem tal-Artikolu 14(7) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u lanqas il-projbizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu tali proċedura kriminali ġdida, peress li tal-ewwel ma japplikax għall-proċeduri mibdija minn Stati differenti ( 37 ), u peress li tal-aħħar ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ Stati terzi.

61.

Madankollu, xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jindika li tali approċċ huwa previst fi Franza jew li l-awtoritajiet kompetenti Belġjani ħadu tali passi. Għall-kuntrarju, waqt is-seduta, Franza spjegat li, jekk l-estradizzjoni tkun illegali, KN jiġi rrilaxxat.

62.

Barra minn hekk, anki r-risposta proposta hawnhekk għat-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tinfluwenza t-tul tad-detenzjoni. Fil-fatt, hija teżiġi li l-qorti Franċiża teżamina, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, jekk estradizzjoni lejn il-Ġeorġja tinvolvix riskji sinjifikattivi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. Fil-każ li KN jibqa’ detenut matul dan l-eżami, ikun għaqli li l-qorti Franċiża tibda dan l-eżami malajr kemm jista’ jkun.

63.

Għaldaqstant, iż-żamma taħt detenzjoni ta’ KN tiddependi minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

64.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari f’dan il-każ.

V. Konklużjoni

65.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

La l-Artikolu 67(3) TFUE, la l-Artikolu 82(1) TFUE u lanqas il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikoli 21 u 18 TFUE ma jwasslu għall-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal talba għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor lejn Stat terz meta din il-persuna kienet biss fl-Istat Membru mitlub meta din tkun ġiet arrestata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) https://www.coe.int/en/web/conventions.

( 3 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 26).

( 4 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 26 u 27) u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 38).

( 5 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 71).

( 6 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2024:521, punti 64 sa 70).

( 7 ) Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (KEDB II) (EU:C:2014:2454, punt 191), kif ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 46).

( 8 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 46). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 55).

( 9 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 43).

( 10 ) Għall-konstatazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat, ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 68) u Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 43).

( 11 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 34); u tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 35).

( 12 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 26); tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35); u tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 36).

( 13 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 33); tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 45); tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 27); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 30); u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina) (C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 34).

( 14 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑‑Polonja (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 154), u Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑808/21, EU:C:2024:962, punt 155).

( 15 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 19); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punti 10 u 16); u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għal estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina) (C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 13). Ara, madankollu, inċidentalment, is-sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 34).

( 16 ) Sentenza tal‑1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et (C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 25)

( 17 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Talotta (C‑383/05, EU:C:2007:181, punt 19).

( 18 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (149/79, EU:C:1980:297, punt 10); tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51); u tad‑29 ta’ April 2025, Il-Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza b’Investiment) (C‑181/23, EU:C:2025:283, punt 96).

( 19 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 48 u 49) u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 52).

( 20 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 154), u Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑808/21, EU:C:2024:962, punt 155) fir-rigward tal-Artikolu 22 TFUE.

( 21 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 35 u 36).

( 22 ) Reċentement is-sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Il‑Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza b’Investiment) (C‑181/23, EU:C:2025:283, punti 100 u 101).

( 23 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 77 et seq.).

( 24 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 37 u 38); tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 32); u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 60).

( 25 ) Fir-rigward tad-dritt għall-ħajja previst fl-Artikolu 2 tal-KEDB tad-29 ta’ Jannar 2019, ara s-sentenzi tal-Qorti EDB Güzelyurtlu et vs Ċipru u It-Turkija (CE:ECHR:2019:0129JUD003692507, punti 231 sa 236) u tad‑9 ta’ Lulju 2019, Romeo Castaño vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2019:0709JUD000835117, punt 81).

( 26 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 53 sa 59); u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Talba għall-estradizzjoni lejn il-Bosnja-Ħerzegovina) (C‑237/21, EU:C:2022:1017, punt 55); kif ukoll sentenzi tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punt 88); u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Bivolaru u Moldovan vs Franza (CE:ECHR:2021:0325JUD004032416, punt 107).

( 27 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 58); u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 64) kif ukoll id-Digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633, punt 24). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1989:0707JUD001403888, punt 88); tas‑26 ta’ Lulju 2005, N. vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2003:0923DEC003888502, punt 158); tal‑4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2014:0904JUD000014010, punt 116); u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Bivolaru u Moldovan vs Franza (CE:ECHR:2021:0325JUD004032416, punt 107).

( 28 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 57 u 59); tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 65); u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija) (C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 63).

( 29 ) Ara. Council of Europe Action Plan for Georgia 2024-2027 (CM(2023)168, p. 31), u Report to the Georgian Government on the visit to Georgia carried out by the European Committee for the Prevention of Torture and Inhuman or Degrading Treatment or Punishment (CPT) mill-10 sal-21 ta’ Settembru 2018 (CPT/Inf (2019) 16, Nri 44 sa 48).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), (C‑753/22, EU:C:2024:524, punti 77 u 78), u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 46).

( 31 ) Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.

( 32 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L‑Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punt 129); tat‑23 ta’ Awwissu 2016, J.K. et vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punt 91); u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Bivolaru u Moldovan vs Franza (CE:ECHR:2021:0325JUD004032416, punt 109).

( 33 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 97) u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 38).

( 34 ) Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 49).

( 35 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Sofiyska gradska prokuratura (Mandati ta’ arrest suċċessivi) (C‑71/21, EU:C:2023:668, punt 52).

( 36 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 39).

( 37 ) Komunikazzjonijiet tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Nru 692/1996, A.R.J. vs L‑Awstralja, Nru 6.4, u Nru 204/1986, A.P. vs L‑Italja, Nru 7.3. Fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB, dan jirriżulta diġà mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.