IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.9.2017
JOIN(2017) 37 final
ANNESS
tal-
Proposta Konġuna għal Ftehim tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra.
ANNESS XI
Akkwist pubbliku koperti addizzjonali
A.
L-Unjoni Ewropea:
Kuntratti ta’ konċessjoni għal xogħlijiet koperti taħt id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, kif emendati, meta mogħtija minn entità elenkata fil- l-Annessi 1 u 2 tal-Appendiċi I tal-Ftehim tal-Unjoni Ewropea dwar l-Akkwist tal-Gvern tad-WTO taħt ir-reġim ta’ dik id-Direttiva. Dan ir-reġim huwa konformi mal-Artikoli I, II, IV, VI, VII (ħlief il-punti 2 (e) u 2 (l)), XVI (ħlief il-paragrafi 3 u 4) u XVIII tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tad-WTO.
B.
Ir-Repubblika tal-Armenja:
Kuntratti ta' konċessjoni koperti taħt ir-reġim tal-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku, meta mogħtija minn entità elenkata fl-Annessi 1 u 2 tal-Appendiċi I tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tad-WTO tar-Repubblika tal-Armenja.
________________
ANNESS XII
għall-KAPITOLU 2: DISPOŻIZZJONIJIET KONTRA L-FRODI U TA' KONTROLL tat-TITOLU VII: ASSISTENZA FINANZJARJA U DISPOŻIZZJONIJIET KONTRA L-FRODI U TA’ KONTROLL
Ir-Repubblika tal-Armenja tintrabat li gradwalment tqarreb il-leġiżlazzjoni tagħha lejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u strumenti internazzjonali fiż-żmien stipulat.
Il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dik il-Konvenzjoni japplikaw:
–
Artikolu 1 – Dispożizzjonijiet Ġenerali, definizzjonijiet
–
Artikolu 2(1) billi tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u l-parteċipazzjoni fi, l-istigazzjoni, jew it-tentattiv tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), ikunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi
Skeda ta' żmien: jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni jiġu implimentati mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
–
Artikolu 3 – Responsabbiltà kriminali tal-kapijiet ta’ negozji
Skeda ta' żmien: jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ta' dik il-Konvenzjoni jiġu implimentati fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
Il-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;
Japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dak il-Protokoll:
–
Artikolu 1(1)(c) u Artikolu 1(2) – Definizzjonijiet rilevanti
–
Artikolu 2 – Korruzzjoni passiva
–
Artikolu 3 – Korruzzjoni attiva
–
Artikolu 5(1) billi tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kondotta msemmija fl-Artikoli 2 u 3, u l-parteċipazzjoni fi, u l-istigazzjoni tal-kondotta inkwistjoni jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi
–
Artikolu 7 safejn dan jirreferi għall-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni
Skeda ta' żmien: jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll jiġu implimentati mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
It-Tieni Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej
Japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin ta' dak il-Protokoll:
–
Artikolu 1 – Definizzjoni
–
Artikolu 2 – Ħasil tal-flus
–
Artikolu 3 – Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi
–
Artikolu 4 – Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi
–
Artikolu 12 safejn dan jirreferi għall-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni
Skeda ta' żmien: Jeħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll jiġu implimentati mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
Protezzjoni tal-flus kontra l-iffalsifikar
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni
Id-Direttiva 2014/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-falsifikazzjoni
Skeda ta' żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 1338/2001 u d-Direttiva 2014/62/UE jiġu implimentati fi żmien 3 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni tal-Falsifikazzjoni tal-Muniti (Ġinevra, 1929)
Skeda ta' żmien: jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata u ratifikat hekk kif jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.
________________
PROTOKOLL GĦAT-TITOLU VII
GĦAJNUNA FINANZJARJA
U DISPOŻIZZJONIJIET KONTRA L-FRODI U TA’ KONTROLL
KAPITOLU 2: DISPOŻIZZJONIJIET KONTRA L-FRODI U TA’ KONTROLL
Protokoll dwar Definizzjonijiet
1.
“Irregolarità” tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-UE, ta' dan il-Ftehim jew ftehimiet u kuntratti li jsegwu minnu, li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew il-baġits immexxija minnha, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula mir-riżorsi proprji miġbura direttament jew għan-nom tal-Unjoni Ewropea, jew permezz ta' nefqa mhux ġustifikata.
2.
"Frodi" tfisser:
(a)
fir-rigward tal-infiq, kull att jew omissjoni intenzjonali li għandhom x'jaqsmu ma:
–
l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompleti, li jkollhom bħala effett l-approprjazzjoni jew iż-żamma bla dritt ta' fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew mill-baġits amministrati minn, jew f'isem, l-Unjoni Ewropea,
–
in-nondivulgazzjoni ta' informazzjoni bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett kif deskritt fl-ewwel inċiż ta' dan il-punt,
–
il-miżapplikazzjoni ta’ fondi msemmija fl-ewwel inċiż ta’ dan il-punt għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom kienu oriġinarjament mogħtija.
(b)
fir-rigward tad-dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali li għandhom x'jaqsmu ma:
–
l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett it-tnaqqis illegali tar-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropej jew ta' baġits amministrati minn, jew f'isem, l-Unjoni Ewropea,
–
in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni fi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett,
–
l-użu ħażin ta' xi benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.
3.
“Korruzzjoni attiva” tfisser l-azzjoni maħsuba ta' kwalunkwe persuna li twiegħed jew tagħti, direttament jew permezz ta' intermedjarju, kwalunkwe vantaġġ lil uffiċjal, għalih innifsu jew għal parti terza, sabiex jaġixxi jew jonqos milli jaġixxi skont id-dmirijiet tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu b'mod li jagħmel ħsara jew li jkun probabbli li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
4.
“Korruzzjoni passiva” tfisser l-azzjoni maħsuba ta' uffiċjal li, direttament jew permezz ta' intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta' kwalunkwe tip, għalih innifsu jew għal parti terza, li jaċċetta wegħda ta' tali vantaġġ, li jaġixxi jew jonqos milli jaġixxi skont id-dmirijiet tiegħu jew, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu b'mod li jagħmel ħsara jew li jkun probabbli li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
5.
“Kunflitt ta’ interess” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li tkun tista’ titfa’ dubju fuq l-abbiltà tal-persunal li jaġixxi b’manjiera imparzjali u oġġettiva għal raġunijiet kif definit fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
6.
“Imħallas b'mod mhux mistħoqq” tfisser ħlas li jsir bi ksur tar-regoli dwar il-fondi tal-UE.
7.
“L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi” (OLAF) tfisser id-dipartiment speċjalizzat tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-frodi. L-OLAF igawdi indipendenza operattiva u huwa responsabbli li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi maħsuba biex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa ħażin l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 20185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra.
________________
PROTOKOLL
DWAR ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA F’AFFARIJIET DOGANALI
ARTIKOLU 1
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' dan il-Protokoll:
(a)
"leġiżlazzjonijiet doganali" tfisser kull dispożizzjoni legali jew regolatorja applikabbli fit-territorji tal-Partijiet, li tmexxi l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija u t-tqegħid tal-merkanzija taħt kwalunkwe reġim jew proċedura oħra doganali, inklużi l-miżuri ta' projbizzjoni, restrizzjoni jew kontroll;
(b)
"l-awtorità applikanti" tfisser awtorità kompetenti amministrattiva maħtura minn Parti għal dan il-għan u li tagħmel talba għal għajnuna fuq il-bażi ta' dan il-Protokoll.
(c)
"l-awtorità mitluba" tfisser awtorità amministrattiva kompetenti maħtura minn Parti għal dan il-għan u li tirċievi talba għal għajnuna fuq il-bażi ta' dan il-Protokoll;
(d)
“dajta personali” tfisser kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ individwu identifikat jew li tista’ jiġi identifikat u;
(e)
“operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali” tfisser kwalunkwe ksur jew attentat ta' ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.
ARTIKOLU 2
Kamp ta’ Applikazzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin, fl-oqsma fi ħdan il-kompetenza tagħhom, bil-mod u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Protokoll, biex tiġi assigurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b'mod partikolari permezz tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra operazzjonijiet fi ksur ta' din il-leġiżlazzjoni.
2.
L-għajnuna f'materji doganali, kif previst f'dan il-Protokoll, tapplika għal kull awtorità amministrattiva tal-Parti li hija kompetenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Din l-għajnuna ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali u lanqas ma għandha tkopri informazzjoni miksuba permezz ta' setgħat eżerċitati meta mitluba minn awtorità ġudizzjarja, ħlief fejn tkun awtorizzata komunikazzjoni ta' tagħrif ta' dan it-tip minn dik l-awtorità.
3.
Għajnuna biex jiġu rkuprati d-dazji, it-taxxi jew il-multi mhix koperta minn dan il-Protokoll.
ARTIKOLU 3
Għajnuna fuq talba
1.
Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità interpellata għandha tipprovdiha bl-informazzjoni rilevanti kollha li tista' tippermettilha ;o tiżgura li l-leġiżlazzjoni doganali hija applikata b'mod korrett, inkluż l-informazzjoni li tirrigwarda attivitajiet imniżżla jew ippjanati li huma jew jistgħu jkunu proċessi fi ksur ta' leġiżlazzjoni doganali.
2.
Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tinformaha dwar jekk:
(a)
l-oġġetti esportati mit-territorju ta' waħda mill-Partijiet kinux importati b'mod xieraq fit-territorju tal-Parti l-oħra, u tispeċifika, meta jkun il-każ, il-proċedura tad-dwana li ġiet applikata għall-merkanziji;
(b)
il-merkanzija importata fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet ġietx esportata korrettament mit-territorju tal-Parti l-oħra, waqt li tispeċifika, fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għal din il-merkanzija.
3.
Fuq talba tal-awtorità applikanti, jenħtieġ li l-awtorità li ssirilha t-talba għandha, fi ħdan il-qafas tad-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tagħha, tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tassigura sorveljanza speċjali ta’:
(a)
persuni fiżiċi jew ġuridiċi li dwarhom ikun hemm raġonevolment bażi li twassal sabiex wieħed jaħseb li kienu jew huma involuti fi proċessi li jiksru l-liġijiet tad-dwana jew;
(b)
postijiet fejn ħażniet ta' merkanziji kienu jew setgħu kienu miġbura b'tali mod illi jkun hemm raġonevolment bażi li twassal sabiex wieħed jemmen li dawn il-merkanziji kienu maħsuba għal proċessi li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(c)
oġġetti li huma jew setgħu kienu ttrasportati b'tali mod illi jkun hemm bażi raġonevoli li twassal sabiex wieħed jemmen li kienu maħsuba għal proċessi li jiksru l-liġijiet tad-dwana u;
(d)
mezzi ta' trasport li huma jew setgħu kienu użati b'tali mod illi jkun hemm bażi raġonevoli li twassal sabiex wieħed jemmen li kienu maħsuba għal proċessi li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
ARTIKOLU 4
Għajnuna spontanja
Il-Partijiet għandhom jgħinu lil xulxin, b'inizjattiva proprja u skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tagħhom, jekk huma jqisu li dan ikun meħtieġ għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni miksuba li għandha x'taqsam ma':
(a)
attivitajiet li huma jew li jidhru li huma operazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jew li jistgħu jkunu ta' interess għall-Parti l-oħra;
(b)
mezzi jew metodi ġodda użati fit-twettiq ta' operazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali;
(c)
merkanziji magħrufa li huma soġġetti għal operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(d)
persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huma jew li kienu involuti f'operazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni tad-dwana, u;
(e)
mezzi ta' trasport li dwarhom ikun hemm bażi raġonevoli li twassal sabiex wieħed jemmen li kienu, li huma, jew li jistgħu jkunu użati f'operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
ARTIKOLU 5
Konsenja u notifika
1.
Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba, skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji applikabbli għal dik l-awtorità, għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkunsejna kwalunkwe dokument, jew tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni li toriġina mill-awtorità applikanti u li taqa' fl-ambitu ta' dan il-Protokoll, lil destinatarju residenti jew stabbilit fit-territorju tal-awtorità li ssirilha t-talba.
2.
It-talbiet għall-konsenja ta' dokumenti jew għan-notifika ta' deċiżjonijiet għandhom isiru bil-miktub bil-lingwa uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba jew bil-lingwa aċċettata minn din l-awtorità.
ARTIKOLU 6
Forma u sustanza tat-talbiet għall-għajnuna
1.
It-talbiet skont dan il-Protokoll għandhom isiru bil-miktub. Għandhom ikunu akkumpanjati bid-dokumenti meħtieġa sabiex jippermettu l-konformità mat-talba. F’każ ta’ urġenza, l-awtorità li ssirilha t-talba tista’ taċċetta talbiet orali, iżda tali talbiet orali għandhom jiġu kkonfermati mill-awtorità applikanti immedjatament bil-miktub.
2.
Ttalbiet li huma magħmula skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-awtorità applikanti;
(b)
l-assistenza mitluba;
(c)
l-għan ta’ u r-raġuni għat-talba;
(d)
id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji u elementi legali oħra involuti;
(e)
indikazzjonijiet preċiżi u kompleti kemm jista' jkun dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma s-suġġett tal-inkjesti; kif ukoll
(f)
sommarju tal-fatti rilevanti u l-investigazzjonijiet li diġà twettqu.
3.
It-talbiet għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali tal-awtorità li tirċievi t-talba jew b'lingwa aċċettabbli għal din l-awtorità. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal kwalunkwe dokument li jakkumpanja t-talba skont il-paragrafu 1.
4.
Jekk talba ma tkunx konformi mar-rekwiżiti formali stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3, l-awtorità li ssirilha t-talba tista’ tirrekjedi l-korrezzjoni jew il-kompletezza ta’ dik it-talba. Sadanittant l-awtoritajiet ta’ kull Parti jistgħu jordnaw miżuri kawtelatorji.
ARTIKOLU 7
Eżekuzzjoni tat-talbiet
1.
Sabiex timxi fuq talba għall-għajnuna, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u tar-riżorsi disponibbli, daqs li kieku qiegħda taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta' awtoritajiet oħra ta' din l-istess Parti, billi tagħti t-tagħrif li hi diġà jkollha, billi twettaq l-investigazzjonijiet xierqa jew billi tieħu ħsieb li dawn jitwettqu. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal kull awtorità oħra għal liema ġiet indirizzata talba mill-awtorità li ssirilha t-talba meta din tal-aħħar ma tistax taġixxi waħedha.
2.
It-talbiet għall-għajnuna għandhom ikunu eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji tal-Parti li ssirilha t-talba.
3.
L-uffiċjali awtorizzati tal-Parti li jkunu debitament awtorizzati jistgħu, bi ftehim mal-Parti involuta l-oħra u suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn din ta' l-aħħar, ikunu preżenti sabiex jiksbu fl-uffiċċji tal-awtorità li tirċievi t-talba jew kwalunkwe awtorità oħra kkonċernata skont il-paragrafu 1, informazzjoni li tikkonċerna attivitajiet li huma jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li l-awtorità applikanti jkollha bżonn għall-iskopijiet ta' dan il-Protokoll.
4.
L-uffiċjali debitament awtorizzati ta' Parti jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti għall-istħarriġiet imwettqa fit-territorju ta' din tal-aħħar.
ARTIKOLU 8
Forma tal-informazzjoni li trid tkun ikkomunikata
1.
L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika r-riżultati tal-investigazzjonijiet lill-awtorità applikanti bil-miktub flimkien mad-dokumenti relevanti, kopji ċertifikati u affarijiet oħra.
2.
Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’forma elettronika.
3.
L-awtorità applikanti tista’ titlob it-trażmissjoni tad-dokumenti oriġinali biss f’każijiet fejn il-kopji ċċertifikati jkunu insuffiċjenti. Dawn id-dokumenti oriġinali għandhom jintbagħtu lura malajr kemm jista' jkun.
ARTIKOLU 9
Eċċezzjonijiet għall-obbligi tal-għoti tal-għajnuna
1.
L-assistenza tista' tiġi rrifjutata jew tista' tiġi sottomessa għall-osservanza ta' ċerti kundizzjonijiet jew bżonnijiet, fil-każ fejn Parti tqis li l-assistenza fil-qafas ta' dan il-Protokoll:
(a)
x'aktarx li tippreġudika s-sovranità tar-Repubblika tal-Armenja jew ta' Stat Membru li jkun intalab biex jipprovdi għajnuna skont dan il-Protokoll;
(b)
x'aktarx tippreġudika l-politika pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħrajn, b'mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2; jew
(c)
tkun tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.
2.
L-assistenza tista' tiġi posposta mill-awtorità rikjesta fuq il-bażi li din tista' tfixkel investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti li jkunu għaddejjin. F'dan il-każ, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkonsulta mal-awtorità applikanti sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna tistax tingħata bla ħsara għal dawk it-termini jew kundizzjonijiet li l-awtorità li ssirilha t-talba tista' teħtieġ.
3.
Meta l-awtorità li qed tapplika tfittex l-għajnuna li hi stess ma tkunx tista' tipprovdiha jekk tkun rikjesta, għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Għalhekk, hija l-awtorità li ssirilha t-talba li tiddeċiedi l-mod li bih għandha tirrispondi għal din it-talba.
4.
Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni tal-awtorità interpellata u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni jridu jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien.
ARTIKOLU 10
Skambju ta' informazzjoni u kunfidenzjalità
1.
Kull informazzjoni kkomunikata, tkun xi tkun il-forma tagħha, skont dan l-Anness, għandha tkun ta’ natura kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli applikabbli f’kull waħda mill-Partijiet. Hija għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-Parti li tkun irċevietha.
2.
Data personali tista' tiġi skambjata biss meta l-Parti li tista' tirċeviha tintrabat li tipproteġi din id-data b'mod li huwa kkunsidrat bħala adegwat mill-Parti li tista' tipprovdiha.
3.
L-użu ta' informazzjoni miksuba skont dan il-Protokoll fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi istitwiti fir-rigward tal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jitqies li jkun għall-finijiet ta' dan il-Protokoll. Għalhekk, il-Partijiet jistgħu, fir-rekords tal-evidenza tagħhom, fir-rapporti u x-xhieda u fi proċeduri u akkużi mressqa quddiem il-qrati, jużaw bħala evidenza l-informazzjoni miksuba u d-dokumenti kkonsultati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. L-awtorità li ssirilha t-talba tista’ tissoġġetta l-provvista ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti għall-kundizzjoni li tkun notifikata dwar tali użu.
4.
L-informazzjoni miksuba għandha tintuża biss għall-finijiet ta' dan il-Protokoll. Meta waħda mill-Partijiet tixtieq tuża din l-informazzjoni għal għanijiet oħra, jenħtieġ li tikseb minn qabel permess bil-miktub tal-awtorità li provdiet l-informazzjoni. Użu bħal dan għandu mbagħad ikun suġġett għal kull restrizzjoni stabbilita minn din l-awtorità.
ARTIKOLU 11
Esperti u xhieda
Uffiċjal tal-Parti l-oħra jista' jiġi awtorizzat mill-awtorità li ssirilha t-talba sabiex jidher, fil-limitazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mogħtija, bħala espert jew xhud fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi fir-rigward ta' kwistjonijiet koperti b'dan il-Protokoll, u jipproduċi dawk l-oġġetti, dokumenti, jew kopji ċertifikati tagħhom, skont kif jista' jkun meħtieġ għall-proċeduri. It-talba għad-dehra għandha tindika speċifikament quddiem liema awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva l-uffiċjal se jkollu jidher, dwar liema kwistjonijiet u bis-saħħa ta' liema titlu jew kwalifika se jsiru l-mistoqsijiet lill-uffiċjal.
ARTIKOLU 12
Spejjeż tal-għajnuna
Il-Partijiet għandhom jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha fir-rigward ta' xulxin għar-rimborż tal-ispejjeż li ntefqu fir-rigward ta' dan il-Protokoll, minbarra, fejn jixraq, għal spejjeż għal esperti u xhieda, u dawk għal interpreti u tradutturi li ma jkunux impjegati fis-servizz pubbliku.
ARTIKOLU 13
Implimentazzjoni
1.
L-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll għandha tkun fdata, minn naħa lill-awtorità doganali tar-Repubblika tal-Armenja, u min-naħa l-oħra lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, kif ikun xieraq. Għandhom jiddeċiedu fuq il-miżuri u l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu, bil-kunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti fis-seħħ b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin infurmati dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni li jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.
3.
Fl-Unjoni Ewropea d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll m’għandhomx jaffettwaw il-komunikazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan il-Protokoll bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Fir-Repubblika tal-Armenja d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll m’għandhom jaffettwaw il-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet doganali tal-Armenja dwar kwalunkwe informazzjoni miksuba skont dan il-Protokoll.
ARTIKOLU 14
Ftehimiet oħra
Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kull Ftehim bilaterali dwar għajnuna reċiproka li ġie jew li jista' jiġi konkluż bejn l-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan tal-aħħar ikunu inkompatibbli ma' dawk ta' dan il-Protokoll.
ARTIKOLU 15
Konsultazzjonijiet
Fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni fil-qafas tas-Sottokumitat Doganali stabbilit mill-Artikolu 126 ta’ dan il-Ftehim.
________________