IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.9.2017
JOIN(2017) 37 final
ANNESS
tal-
Proposta Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra.
ANNESS IX
IL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-PARTIJIET
U ELEMENTI GĦAR-REĠISTRAZZJONI, IL-KONTROLL U L-PROTEZZJONI TAL-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI
Parti A
Il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet
I.
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea
(1)
Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, flimkien mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(2)
Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.
(3)
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(4)
Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91.
II.
Leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Armenja
(1)
Il-liġi tar-RA dwar “Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, HO-60-N adottata fid-29.04.2010, daħlet fis-seħħ fl-01.07.2010.
(2)
Il-kodiċi Ċivili tar-RA, l-Artikoli 1179–1183.
(3)
Regoli dwar “Il-mili, il-preżentazzjoni u l-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, Denominazzjoni tal-oriġini u ta’ Prodotti tradizzjonali garantiti”, ikkonfermata bid-deċiżjoni 310 -N tal-Gvern tar-RA fl-10.03.2011.
Parti B
Elementi għal reġistrazzjoni, kontroll u protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi
Jenħtieġ li kull Parti tiżgura li s-sistema tagħha għar-reġistrazzjoni, il-kontroll u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tinkludi:
(1)
reġistru li jelenka l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fit-territorju tagħha;
(2)
proċess amministrattiv li jivverifika li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jidentifikaw merkanzija partikolari bħala merkanzija li toriġina f’territorju, reġjun jew lokalità ta’ waħda mill-Partijiet, fejn il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-merkanzija tkun attribwibbli essenzjalment għall-origini ġeografika tagħha;
(3)
rekwiżit li isem irreġistrat għandu jikkorrispondi għal prodott jew prodotti speċifiċi li għalihom tiġi stabbilita speċifikazzjoni tal-prodott, li tista’ tiġi emendata biss permezz ta' proċess amministrattiv xieraq;
(4)
dispożizzjonijiet dwar kontroll li japplikaw għall-produzzjoni;
(5)
l-infurzar tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati b’azzjonijiet amministrattivi xierqa mill-awtoritajiet pubbliċi;
(6)
dispożizzjonijiet legali li jipprovdu li indikazzjoni ġeografika rreġistrata:
(a)
tista’ tintuża minn kwalunkwe operatur li jirreklama l-prodott agrikolu jew il-prodott tal-ikel bħala li jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti u;
(b)
hija protetta kontra:
(i)
kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni sa fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm l-użu tal-indikazzjoni ġeografika jisfrutta r-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta;
(ii)
kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-indikazzjoni ġeografika protetta hija tradotta jew akkumpanjata minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew simili;
(iii)
kull indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta' reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f'kontenitur li x'aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu u;
(iv)
kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.
(7)
regola li l-ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi;
(8)
dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, li jistgħu jinkludu r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ termini li jkunu omonimi jew parzjalment omonimi ma’ ismijiet reġistrati, ta’ termini li jkunu abitwali f’lingwaġġ komuni bħala l-isem komuni ta’ oġġetti, ta’ termini li fihom jew li jinkludu l-ismijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u ta’ razez ta’ annimali. Tali dispożizzjonijiet għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati;
(9)
ir-regoli dwar ir-relazzjoni bejn l-indikazzjonijiet ġeografiċi u t-trademarks li jipprovdu għal eċċezzjoni limitata għad-drittijiet mogħtija taħt il-liġi dwar it-trademarks li tgħid li l-eżistenza ta’ trademark preċedenti m’għandhiex tkun raġuni biex jiġu ir-reġistrazzjoni u l-użu ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ħlief meta, minħabba l-fama tat-trademark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, il-konsumaturi jistgħu jiġu żgwidati mir-reġistrazzjoni u l-użu tal-indikazzjoni ġeografika għall-prodotti mhux koperti bit-trademark.
(10)
dritt għal kull produttur stabbilit fiz-zona ġeografika u li huwa suġġett għall-kontroll relevanti biex jipproduċi l-prodott bit-tikketta tal-isem protett, sakemm il-produttur ikun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;
(11)
proċedura ta’ oġġezzjoni li tippermetti li jiġu kkunsidrati l-interessi leġittimi ta’ utenti preċedenti tal-ismijiet, kemm jekk dawk l-ismijiet ikunu protetti bħala forma ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll jekk le.
________________