IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.9.2017
JOIN(2017) 37 final
2017/0238(NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Sħubija
Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"Ftehim").
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Repubblika tal-Armenja (l-Armenja) attwalment huma bbażati fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999 għal perjodu inizjali ta' għaxar snin u li ġie mġedded awtomatikament.
Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill adotta Deċiżjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jinnegozjaw Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Armenja. Il-Kunsill inżamm infurmat f'kull stadju tan-negozjati. Huwa ġie kkonsultat fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali u fil-Kumitat tal-Politika Kummerċjali. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat fil-pront u bis-sħiħ matul in-negozjati.
In-negozjati tal-Ftehim bdew fis-7 ta' Diċembru 2015 u t-test tal-Ftehim ġie inizjalat fil-21 ta' Marzu 2017.
2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA
2.1L-għan u l-kontenut tal-ftehim
Il-Ftehim il-ġdid, li jkopri l-kwistjonijiet tal-kompetenza u tal-interessi tal-UE, għandu kamp ta' applikazzjoni ġenerali li jirrifletti l-firxa wiesa' ta' kooperazzjoni eżistenti fl-oqsma ekonomiċi, kummerċjali u politiċi, kif ukoll fil-politiki settorjali. Il-Ftehim ikompli jiżviluppa dawn l-oqsma, u b'hekk jipprovdi bażi fit-tul għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja. Billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, il-Ftehim jipprovdi l-bażi għal relazzjoni bilaterali iktar effettiva mal-Armenja.
Dan il-Ftehim jinkludi l-klawsoli politiċi standard tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-qrati kriminali internazzjonali, l-armi ta' qerda massiva, armi żgħar u armamenti ħfief u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huwa jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, l-impjieg u l-affarijiet soċjali, l-attività bankarja u l-assigurazzjoni, il-politika industrijali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-estrazzjoni minerarja. Barra minn hekk, ikopri wkoll il-kooperazzjoni legali, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
Titlu fil-Ftehim huwa ddedikat għal kwistjonijiet sostanzjali fir-rigward tal-kummerċ u jintroduċi impenji importanti f'diversi oqsma tal-politika kummerċjali. Dawn se jtejbu l-kundizzjonijiet għall-kummerċ bilatarali bejn l-UE u l-Armenja, filwaqt li jikkunsidraw bis-sħiħ l-obbligi tal-Armenja bħala membru tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika. Huma se jiżguraw ambjent regolatorju aħjar għall-operaturi ekonomiċi f'oqsma bħall-kummerċ tal-oġġetti u tas-servizzi, it-twaqqif u l-ġestjoni ta' kumpaniji, il-movimenti ta' kapital, l-akkwist pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetizzjoni.
Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, il-Ftehim ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja bħala Ftehim imħallat.
F'ċerti oqsma, il-Ftehim huwa mfassal ukoll biex iqarreb id-dritt Armenjan gradwalment lejn l-acquis tal-UE. Madankollu, huwa ma jasalx sal-punt li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja.
2.2 Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni proposta
L-Artikolu 218(6)(a)(iii) tat-TFUE jipprevedi li meta ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz tal-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' kooperazzjoni, il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qafas li fih tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward ta’ miżura li tipprova tilħaq fl-istess ħin diversi objettivi jew li għandha diversi komponenti li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat KE jkunu applikabbli, tali miżura għandha tkun fondata, b’mod eċċezzjonali, fuq il-bażijiet legali korrispondenti differenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali ma jkunux inkompatibbli ma' xulxin (il-Kawża C-490/10 ll-Parlament vs Il-Kunsill, ECLI EU:C:2012:525, il-paragrafu 46).
Il-Ftehim isegwi l-objettivi u jinkludi komponenti fl-oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-Politika Kummerċjali Komuni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor.
Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni hija qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali billi jorganizza proċeduri ta' kooperazzjoni bejn l-Armenja u l-UE.
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun tinkludi l-Artikolu 37 tat-TUE, l-Artikolu 207 tat-TFUE u l-Artikolu 209 tat-TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Ma hija meħtieġa l-ebda dispożizzjoni addizzjonali bħala bażi ġuridika (ara l-Kawża C-377/12 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECLI: EU: C:2014:1903).
Wara li vvalutaw it-test tal-Ftehim, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma tal-fehma li l-Ftehim ma jkopri ebda qasam li jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u li kieku kien jiġġustifika, f'termini ġuridiċi, l-użu ta' ftehim imħallat. Madankollu, peress li d-direttivi ta' negozjati inħarġu bil-għan ta' ftehim imħallat, it-test tal-Ftehim ġie inizjalat bħala tali u konsegwentement ġie propost għall-iffirmar u l-konklużjoni bħala ftehim imħallat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra.
2.3
Il-ħtieġa tad-deċiżjoni proposta
L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew iktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.
It-Trattati jipprevedu l-konklużjoni ta' ftehimiet bħal dan, jiġifieri fl-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 209 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Ftehim hija meħtieġa għall-fini li jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-objettivi msemmija fit-Trattati, inkluż it-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikoltura.
2017/0238 (NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Sħubija
Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6) (a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) ta' …, il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “il-Ftehim”), ġie ffirmat fl-24 ta' Novembru 2017, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.
(2)Il-Ftehim huwa pass importanti lejn involviment politiku u ekonomiku ikbar tal-Unjoni Ewropea fil-Kawkasu tan-Nofsinhar. Billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' oqsma, dan se jipprovdi l-bażi għal relazzjoni bilaterali iktar effettiva mar-Repubblika tal-Armenja.
(3)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq in-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li tipproċedi/jipproċedu, f’isem l-Unjoni Ewropea, bin-notifika prevista fl-Artikolu 385 tal-Ftehim biex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.
Artikolu 3
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 240 tal-Ftehim, il-modifiki tal-Ftehim permezz ta’ deċiżjonijiet tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet marbuta ma' indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta tali pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.
2. Għall-fini tal-Artikolu 270(2), l-ewwel sentenza, tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-Anness XI tal-Ftehim.
Għall-fini tal-Artikolu 270(2), it-tieni sentenza, tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata li toġġezzjona għal modifika jew rettifika tal-Anness XI propost mir-Repubblika tal-Armenja.
Artikolu 5
1. Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu V tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.
2. Skont l-Artikolu 301 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 297 sa 300 tal-Ftehim, indipendentement minn jekk intalbux jagħmlu dan minn parti interessata.
Artikolu 6
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Magħmul fi Brussell,