European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3978

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tad-Danimarka

(C/2025/3978)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f’dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Id-Danimarka żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)

Fit-30 ta’ April 2021, id-Danimarka ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fid-9 ta’ Novembru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li d-Danimarka tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)

Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tad-Danimarka (7). Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta’ rata massima ta’ tkabbir fin-nefqa netta fuq 4 snin.

(6)

Fis-26 ta’ Novembru 2024, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport ta’ Mekkaniżmu tat-Twissija tal-2025, li fih ma identifikatx lid-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom hemm il-ħtieġa ta’ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)

Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)

Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta’ pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)

Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għad-Danimarka. F’dan ġie vvalutat il-progress tad-Danimarka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tad-Danimarka. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa d-Danimarka. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet id-Danimarka fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)

Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin fin-nefqa netta għad-Danimarka: 5,0 % fl-2025, 5,7 % fl-2026, 3,8 % fl-2027, u 2,9 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 12,6 % fl-2025, 18,9 % fl-2026, 23,5 % fl-2027, u 27,1 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025, id-Danimarka ippreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali (9) tagħha, dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati fin-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-2025 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tad-Danimarka dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tad-Danimarka fit-30 ta’ April 2025, fit-8 ta’ Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lid-Danimarka tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati (10).

(13)

Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat (11), is-surplus tal-gvern estiż tad-Danimarka żdied minn 3,3 % tal-PDG fl-2023 għal 4,5 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 33,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 31,1 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 3,3 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-Danimarka tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 5,1 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien iktar baxx milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal estima ogħla tal-Kummissjoni tal-komponent ċikliku tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Id-differenza hija spjegata minn differenzi metodoloġiċi, peress li d-Danimarka tuża metodu nazzjonali (aktar milli l-metodu maqbul b’mod komuni) li jiddependi fuq data oħra għajr l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, kienet restrittiva, bi 0,5 % tal-PDG fl-2024.

(14)

Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mid-Danimarka jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,3 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,0 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 3,6 % fl-2025 u ta’ 2,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 1,6 % fl-2025 u 1,5 % fl-2026.

(15)

Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 0,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 30,0 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 8,2 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 1,5 % tal-PDG għall-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment nefqa primarja netta ogħla ffinanzjata fil-livell nazzjonali, inkluż in-nefqa fid-difiża, u dħul aktar baxx, inkluż id-dħul mit-taxxa fuq ir-rendiment tal-pensjonijiet. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 10,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għal suppożizzjonijiet differenti li jikkonċernaw il-komponent ċikliku tal-benefiċċji tal-qgħad kif ukoll l-effetti bażi. Id-differenza bejn is-surplus tal-gvern estiż ipprojettat mill-Kummissjoni u mid-Danimarka hija dovuta għal stima aktar baxxa tal-Kummissjoni għan-nefqiet tal-gvern, b’mod partikolari n-nefqiet fid-difiża, fejn il-profil tal-infiq għadu ma ġiex speċifikat bis-sħiħ. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, bi 2,6 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 29,7 % sa tmiem l-2025.

(16)

In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,0 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tad-Danimarka.

(17)

In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fid-Danimarka ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2021, 1,2 % tal-PDG fl-2022 u 1,8 % tal-PDG fl-2023 (13). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 2,1 % tal-PDG fl-2024 u għal 3,0 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lid-Danimarka tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b’mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)

Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fid-Danimarka hija pprojettata li tikber b’10,0 % fl-2025 u bi 13,6 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tad-Danimarka fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni (14) ta’ 2,1 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv fin-nefqa netta hija wkoll ipprojettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 0,5 % tal-PDG. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża.

(19)

Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tas-surplus fl-2026 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir fin-nefqiet, inkluż in-nefqiet fid-difiża. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,4 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, bi 0,7 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 29,4 % sa tmiem l-2026.

Sfidi ta’ politika ewlenin

(20)

F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennija jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta’ Danimarka permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta’ Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta’ ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(21)

L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) aċċellerat fid-Danimarka. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Id-Danimarka diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Madankollu, hemm lok għal aktar titjib fil-forza tax-xogħol u titjib tal-kompetittività reġjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll id-disparitajiet bejn iż-żoni urbani u rurali. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-Danimarka hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 (15) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu għal wara l-31 ta’ Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi għal ħames oqsma ta’ prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f’teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f’setturi ta’ prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+.

(22)

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta’ investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta’ 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Id-Danimarka tista’ tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(23)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, jenħtieġ li d-Danimarka tindirizza b’mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mal-innovazzjoni u t-tkabbir, id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-ekonomija, in-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, u l-akkomodazzjoni.

(24)

Il-livelli ta’ produttività fid-Danimarka huma fost l-ogħla fl-UE. Madankollu, hemm diskrepanza dejjem tikber fil-produttività bejn kumpaniji kbar u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises). Dan jindika dgħufijiet fir-rata ta’ diffużjoni tal-avvanzi teknoloġiċi. Barra minn hekk, l-investimenti fir-R&Ż huma kkonċentrati fi ftit kumpaniji kbar. L-iffaċilitar tad-diffużjoni tat-teknoloġiji u ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn ditti kbar u żgħar u istituzzjonijiet tar-riċerka, b’mod partikolari f’setturi b’potenzjal emerġenti bħall-computing kwantistiku, it-teknoloġiji tal-ispazju u d-difiża, għandhom il-potenzjal li jinvolvu aktar kumpaniji f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u jżidu l-produttività fost il-kumpaniji ta’ kull daqs. Minkejja l-progress reċenti, it-titjib tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-ekwità privata, flimkien mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-offerti pubbliċi inizjali, jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-investiment f’kumpaniji innovattivi u jappoġġaw l-espansjoni tal-attivitajiet.

(25)

Id-Danimarka impenjat ruħha li tilħaq miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Il-pajjiż huwa minn ta’ quddiem fl-adozzjoni u l-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u t-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju. Id-Danimarka għandha rata eċċellenti ta’ enerġija rinnovabbli integrata fit-taħlita tagħha għall-ġenerazzjoni tal-elettriku: fl-2024, 88 % tal-elettriku tad-Danimarka kien iġġenerat minn sorsi rinnovabbli, bir-riħ jammonta għal 58 %. Minkejja dawn il-kisbiet, l-offerti reċenti għal mill-inqas 3 gigawatt ta’ kapaċità addizzjonali ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana naqsu milli jattiraw interess mill-iżviluppaturi, li sussegwentement wassal għall-annullament ta’ sejħiet għall-offerti għal 3 gigawatt ieħor ta’ enerġija mir-riħ il barra mill-kosta fl-ilmijiet territorjali Daniżi. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal ambjent ta’ appoġġ għall-kumpaniji fis-settur u tfassil mill-ġdid potenzjali tat-termini tal-offerti. F’dan il-kuntest, fid-19 ta’ Mejju 2025 tħabbar ftehim politiku dwar “oqfsa tal-offerti għal tliet parks eoliċi lil hinn mill-kosta”, li jipprevedi sejħiet għall-offerti futuri għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta għal mill-inqas 3 GW ta’ kapaċità addizzjonali biex jikkwalifikaw għall-appoġġ mill-Istat. Barra minn hekk, id-Danimarka tibbenefika minn azzjoni rapida fuq ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mit-Tim Nazzjonali għall-Kriżi tal-Enerġija (NEKST, National Energy Crisis Team) biex tissimplifika u tħaffef il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u l-proċeduri amministrattivi għall-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx fuq l-art.

(26)

L-elettriku ammonta għal madwar għoxrin fil-mija tal-konsum finali tal-enerġija tal-pajjiż fl-2023, sehem li baqa’ relattivament stabbli matul l-aħħar 10 snin. Il-proporzjon għoli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tad-Danimarka jfisser li hemm potenzjal sinifikanti għal aktar elettrifikazzjoni fis-setturi kollha biex jgħin fit-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jippermetti lill-konsumaturi jaħsdu l-benefiċċji ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli affordabbli. Domanda domestika ogħla għall-elettriku ssaħħaħ ukoll l-argument għall-vijabbiltà fit-tul għall-iżviluppaturi biex jespandu l-kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk jixprunaw aktar investiment u tkabbir fis-settur tal-enerġija nadifa. Sabiex jinkisbu rati ogħla ta’ elettrifikazzjoni u ta’ penetrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa meħtieġ li tiġi aġġornata l-grilja elettrika u li jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà nadifa kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, bħall-ħżin, il-ġenerazzjoni rinnovabbli distribwita, u r-rispons għad-domanda. F’Diċembru 2024, grupp ta’ ħidma tematiku NEKST ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jaċċellera l-espansjoni tal-grilja elettrika. Intlaħaq qbil politiku dwar xi wħud minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jidentifikaw tliet oqsma fejn il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-infrastruttura tal-elettriku jistgħu jiġu ssimplifikati. Filwaqt li l-impenji li jinsabu fil-ftehim huma pass pożittiv ‘il quddiem, l-implimentazzjoni rapida ta’ sett usa’ ta’ rakkomandazzjonijiet tan-NEKST tibqa’ kruċjali biex jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-grilja tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet futuri b’kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli installata ogħla u b’domanda ogħla għall-elettriku. F’termini ta’ flessibbiltà, id-Danimarka tista’ tippromwovi aktar il-ħżin tal-enerġija li jkun proprjetà tal-konsumaturi finali u l-parteċipazzjoni fis-suq fir-riżorsi tal-enerġija distribwiti u fis-servizzi ta’ bbilanċjar u flessibbiltà.

(27)

Is-settur agrikolu Daniż huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (16). Il-prattiki agrikoli intensivi qed jikkawżaw ukoll lixxivjazzjoni eċċessiva ta’ nutrijenti u ilma tax-xeba’ mill-għelieqi, b’riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-ħamrija u fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar. Għalhekk, huwa essenzjali li s-settur agroalimentari jsir aktar sostenibbli biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, kif ukoll biex jiġu restawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi degradati. Fit-18 ta’ Novembru 2024, il-gvern laħaq ftehim politiku wiesa’ dwar “Danimarka Ekoloġika” mal-biċċa l-kbira tal-partiti tal-oppożizzjoni. Il-miżuri deskritti fil-ftehim, ikkomplementati minn inizjattivi oħra skont il-pjan strateġiku tal-politika agrikola komuni tad-Danimarka u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandhom l-għan li jtejbu l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tal-art fil-pajjiż. L-implimentazzjoni rapida u l-promulgazzjoni tal-miżuri maqbula issa huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali ambizzjużi stipulati fil-ftehim, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-ekwità soċjali.

(28)

Minkejja l-isforzi reċenti, id-Danimarka għadha qed tiffaċċa sfidi fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari aktar b’saħħitha u fit-tisħiħ tal-politiki tagħha dwar il-ġestjoni tal-iskart. Skont l-aħħar data disponibbli tal-Eurostat, il-pajjiż għandu t-tieni l-ogħla volum għal kull persuna ta’ ikel u skart muniċipali ġġenerat fl-UE, u r-rata tal-użu ċirkolari tal-materjal u r-rata tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali tiegħu għadhom taħt il-medja tal-UE, mingħajr sinjal ċar ta’ xejra ‘l fuq. Il-pass biex tiddaħħal sistema ta’ ġbir separat għall-flussi kollha tal-iskart fil-biċċa l-kbira tal-muniċipalitajiet fid-Danimarka u biex jiġu infurzati regoli aktar stretti dwar il-ġestjoni tal-iskart kummerċjali minn Jannar 2025 huma passi pożittivi ‘l quddiem. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni tad-Danimarka għall-2021 għal ekonomija ċirkolari jinkludi firxa ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-iskart tul il-katina tal-valur ċirkolari kollha. Madankollu, hija meħtieġa azzjoni addizzjonali, speċjalment biex jitnaqqsu l-produzzjoni u l-inċinerazzjoni tal-iskart, biex l-inċinerazzjoni tal-iskart tiġi sostitwita b’sorsi ta’ ġenerazzjoni tas-sħana aktar ekoloġiċi fis-sistemi nazzjonali tat-tisħin distrettwali, u biex tingħata spinta lir-rata tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-iskart elettroniku.

(29)

Is-suq tax-xogħol Daniż huwa ristrett u marbut ma’ xi nuqqas ta’ ħiliet u spariġġi fil-ħiliet, u potenzjalment iżomm lura l-impjiegi u t-tkabbir. In-nuqqas ta’ ħiliet huwa partikolarment mifrux f’ċerti professjonijiet tal-kura tas-saħħa, fost l-ispeċjalisti tal-ICT, il-ħaddiema tas-sengħa fil-kostruzzjoni u f’setturi oħra, inklużi s-setturi marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika. Biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, id-Danimarka bbenefikat minn influss ta’ ħaddiema barranin matul dawn l-aħħar snin. Jista’ jsir aktar progress fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet ta’ ħiliet billi jiġu indirizzati b’mod effettiv l-inugwaljanzi fil-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola ilu jiżdied f’dawn l-aħħar snin u issa huwa ogħla mill-medja tal-UE; it-treġġigħ lura ta’ din ix-xejra jista’ jgħin biex tingħata spinta lill-provvista tax-xogħol u potenzjalment jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet.

(30)

F’dawn l-aħħar snin, il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ma laħqitx il-pjanijiet. Il-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni, il-prezzijiet għoljin għall-akkomodazzjoni okkupata mis-sidien, u s-swieq tal-kiri regolati ħafna wasslu għal nuqqasijiet persistenti f’akkomodazzjoni affordabbli f’żoni urbani ewlenin u ħinijiet twal ta’ stennija għal akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. Parzjalment b’riżultat ta’ dan, proporzjon sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi, inklużi ħafna żgħażagħ li jgħixu waħedhom, jiffaċċaw kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni. Il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tista’ tiżdied jekk il-limitu massimu għall-kostijiet tal-kostruzzjoni jkun allinjat aktar mill-qrib mal-prezzijiet tas-suq.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.

Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża.

2.

Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.

Tindirizza d-diskrepanza fil-produttività bejn kumpaniji kbar u żgħar billi tappoġġa lill-SMEs biex jinnovaw u jadottaw teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari f’setturi b’potenzjal emerġenti. Tagħti spinta lin-negozji innovattivi billi ttejjeb l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-ekwità privata u l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-offerti pubbliċi inizjali.

4.

Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi tappoġġa l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nadifa u effiċjenti, u billi taċċellera l-elettrifikazzjoni fis-setturi kollha. Tindirizza l-ħtiġijiet dejjem akbar tad-domanda u tal-flessibbiltà billi tipprovdi inċentivi biex isiru l-aġġornamenti tan-network tal-elettriku meħtieġa fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u billi tippromwovi r-rispons għad-domanda, il-ħżin tal-enerġija u soluzzjonijiet oħra ta’ flessibbiltà nadifa. F’konformità mal-miżuri ppjanati, tnaqqas l-intensità tal-attivitajiet agrikoli u tal-biedja. Issaħħaħ il-politiki tal-ekonomija ċirkolari u tal-ġestjoni tal-iskart billi tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali u skart ieħor, iżżid ir-rati ta’ riċiklaġġ, tnaqqas il-ħela tal-ikel u titbiegħed mill-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali għall-ġenerazzjoni tas-sħana għall-użu ta’ sorsi aktar nodfa.

5.

Tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż billi żżid l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiġu żgurati l-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Timplimenta miżuri biex ittejjeb l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka (ST 10154/2021).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka (ST 14473/2023).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tad-Danimarka (ĠU C, C/2025/654, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/654/oj).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).

(9)  Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti lid-Danimarka jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3963, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3963/oj).

(11)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.

(12)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(13)  Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista’ tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.

(14)  Mill-2026 dawn iċ-ċifri ser jidhru fil-kont ta’ kontroll stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(15)  Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu – COM(2025) 123 final.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/857/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3978/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)