Brussell, 14.12.2021

COM(2021) 793 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali






1Introduzzjoni

Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 1 (IED) hija l-istrument legali primarju tal-UE sabiex jiġu regolati l-emissjonijiet minn madwar 52 000 installazzjoni agroindustrijali madwar l-UE. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn: impjanti tal-enerġija, raffineriji, il-produzzjoni tal-azzar, tal-metalli mhux ferrużi, tas-siment, tal-ġir, tal-ħġieġ, tas-sustanzi kimiċi, tal-polpa u l-karti, tal-ikel u x-xorb, kif ukoll it-trattament tal-iskart u l-inċinerazzjoni, u t-trobbija intensiva tat-tjur u l-ħnieżer. Din għandha l-għan li tikseb benefiċċji sinifikanti għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni obbligatorja tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT). Is-setturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED jammontaw għal sehem konsiderevoli ta’ emissjonijiet fl-arja u fl-ilma kif ukoll għall-ġenerazzjoni ta’ skart mhux domestiku fl-Ewropa. Huwa stmat 2 li dawn jikkontribwixxu għal madwar 23 % skont il-massa tal-emissjonijiet totali tal-UE fl-arja u madwar 40 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE 3 .

Għall-emissjonijiet fl-ilma, is-sitwazzjoni hija inqas ċara - huwa stmat li dawn jirrappreżentaw 20 sa 40 % tal-emissjonijiet ta’ metalli tqal u 30 sa 60 % tas-sustanzi niġġiesa apparti n-nutrijenti u l-karbonju organiku.

Id-dokumenti ta’ Referenza tal-BAT (BREFs) huma mħejjija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Prevenzjoni u tal-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (EIPPCB) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. L-iżvilupp tal-BREFs jinvolvi parteċipazzjoni intensa tal-partijiet ikkonċernati fi proċess ibbażat fuq l-evidenza u mmexxi mid-data. Il-BREFs fihom il-Konklużjonijiet tal-BAT (BATC) li jingħataw saħħa legali bl-adozzjoni tagħhom fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-BATC jipprovdu l-qafas tal-BAT għal settur agroindustrijali partikolari u l-awtoritajiet kompetenti jridu jużawhom bħala r-referenza għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-permessi.

L-Artikolu 73 tal-IED jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni sas-7 ta’ Jannar 2016 u, wara dan, kull tliet snin. Ir-rapport dwar il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ġie ppubblikat fl-2017 4 . Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor id-data miġbura mill-Istati Membri matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ bejn l-2013 u l-2018, u l-fatturi fit-tnejn li huma, il-progress li sar minn meta s-sistema ta’ rapportar tjiebet fl-2018 (ara t-Taqsima2) u l-evalwazzjoni tal-2020 tal-IED (ara t-Taqsima5). Dan ir-rapport jiddeskrivi wkoll azzjonijiet oħra fil-livell tal-UE mwettqa sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-IED.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 , il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tal-miżuri tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar, bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tniġġis Żero 6 li għandu l-għan ukoll li jiżgura konsistenza mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari.

F’Settembru tal-2020, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) dwar l-evalwazzjoni tal-IED, li pprovda valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tagħha. B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni bdiet taħdem sabiex tirrevedi l-IED. Il-pakkett ta’ reviżjoni leġiżlattiva huwa ppjanat għall-ewwel trimestru tal-2022. Il-Kummissjoni ppubblikat Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu u wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati 7 . F’dan il-kuntest, dan ir-rapport iħares ukoll lejn il-futur u fih konklużjonijiet utli għar-reviżjoni tal-IED.

2Rapportar mill-Istati Membri

L-Artikolu 72 tal-IED jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-IED, kif ukoll informazzjoni annwali dettaljata dwar impjanti kbar tal-kombustjoni.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/795/UE 8 tiddeskrivi t-tip ta’ informazzjoni li l-Istati Membri kienu meħtieġa jirrapportaw lill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ implimentazzjoni bejn l-2013 u l-2016.

Filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1135 l-aktar reċenti 9 mexxiet evoluzzjoni sinifikanti tal-proċess ta’ rapportar, li sa issa jseħħ kull sena (minflok kull tliet snin) u tuża għodda elettronika (ir-Reġistru tal-UE dwar is-Siti Industrijali 10 ) magħmula disponibbli għall-Istati Membri kollha mill-Kummissjoni. Għalkemm qed jiffaċċja xi kwistjonijiet inizjali, ir-rapportar tal-Istati Membri issa huwa ħafna aktar sistematiku u armonizzat.

Ir-rapporti tal-Istati Membri taħt iż-żewġ skemi ta’ rapportar (il-perjodi bejn l-2013 u l-2016 u bejn 11 12 l-2017 u l-2018) ġew ivvalutati u s-sommarji ta’ dawn il-valutazzjonijiet huma disponibbli online 13 .

3Implimentazzjoni tal-IED 14

Numru ta’ installazzjonijiet

Għas-sena 2018, ġiet irrapportata informazzjoni għal 51 917-il installazzjoni, li juru żieda ta’ 9 % fin-numru ta’ installazzjonijiet mill-2015.

L-akbar numru ta’ installazzjonijiet huwa rrapportat għas-settur tat-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer - 39 % tal-installazzjonijiet kollha. Is-sehem relattiv ta’ diversi setturi tal-IED jidher fl-Illustrazzjoni 1.

Illustrazzjoni 1 – Ishma settorjali tal-installazzjonijiet tal-IED fl-2018 15

Ħruġ ta’ permessi

Skont l-Artikolu 4 tal-IED, l-ebda installazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma tista’ titħaddem mingħajr permess.

Fl-2018, 87 % tal-installazzjonijiet operazzjonali ġew irrapportati li għandhom permess, iżda għad hemm numru ta’ installazzjonijiet irrapportati mingħajr permess – b’mod partikolari dawk li joperaw fl-industriji tal-iskart (17 % tal-installazzjonijiet operazzjonali għall-industrija) u l-industriji tas-sustanzi kimiċi (16 % tal-installazzjonijiet operazzjonali għall-industrija). L-akbar numru ta’ installazzjonijiet mingħajr permess ġie rrapportat għal installazzjonijiet li joperaw fis-settur tat-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer (2 685 installazzjoni, li jammontaw għal 14 % tal-installazzjonijiet operazzjonali). Seba’ Stati Membri rrapportaw każijiet ta’ installazzjonijiet mingħajr permessi, li prinċipalment jinsabu fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Greċja u fi Spanja. Madankollu, ma huwiex ċar jekk din is-sitwazzjoni tikkorrispondix għan-nuqqas ta’ permess jew għal rapportar ħażin. Pereżempju, mill-2018, jekk ma jkun ingħata l-ebda permess, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddeskrivu liema azzjoni ta’ infurzar tkun ittieħdet kontra l-operatur tal-installazzjoni kkonċernat (u jirrapportaw dan lir-Reġistru tal-UE). Madankollu, in-numru ta’ installazzjonijiet mingħajr permess huwa akbar mill-ammont ta’ każijiet ta’ azzjonijiet ta’ infurzar irrapportati lir-Reġistru tal-UE, li juri li hija meħtieġa kjarifika ulterjuri (ara t-Taqsima 6).

Valuri ta’ Limitu tal-Emissjonijiet

Skont l-Artikolu 15(3) tal-IED, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet (VLE) li huma stabbiliti fil-kundizzjonijiet tal-permess għandhom jiżguraw li, f’kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT-AELs), kif jinstab fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti.

Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvezja rrapportaw total ta’ 22 każ fejn il-VLE fil-kundizzjonijiet tal-permessi huma aktar stretti mill-medda tal-BAT-AEL. Minnhom, ta’ min jinnota li kundizzjonijiet aktar stretti għall-permessi ġew irrapportati aktar skont l-Artikolu 14(4) tal-IED (sabiex jinkiseb tnaqqis akbar fl-emissjonijiet minn dak li jista’ jinkiseb bl-użu tal-BAT fil-Konklużjonijiet tal-BAT adottati) f’16-il każ u skont l-Artikolu 18 (sabiex jintlaħqu l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali għall-arja jew għall-ilma) f’5 każijiet. Għal każ wieħed irrapportat mill-Ġermanja, ġew stabbiliti kundizzjonijiet aktar stretti għall-permessi f’konformità mal-Artikoli 14(4) u 18 tal-IED. Kundizzjonijiet aktar stretti għall-permessi ġew stabbiliti b’mod l-aktar komuni għal installazzjonijiet li joperaw fl-industrija tal-ħġieġ. Madankollu, dan jista’ jirrifletti biss il-fatt li l-Konklużjonijiet tal-BAT għal dan is-settur kienu fost l-ewwel li ġew adottati skont l-IED u l-avvanzi teknoloġiċi fit-tekniki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet seħħew minn dak iż-żmien.

Derogi fl-Artikolu 15(4)

Skont l-Artikolu 15(4) tal-IED, permezz ta’ deroga, l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet speċifiċi, tistabbilixxi valuri tal-emissjonijiet anqas stretti minn dawk stabbiliti fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Tali deroga tista’ tapplika meta l-kisba tal-livelli ta’ emissjonijiet fi ħdan il-BAT-AELs twassal għal kostijiet sproporzjonalment ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali.

Abbażi tad-data rrapportata, ingħataw total ta’ 133 deroga fir-rigward tal-Konklużjonijiet tal-BAT applikati fi 98 installazzjoni li joperaw fi 15-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja), bl-akbar numri mogħtija mill-Iżvezja, miċ-Ċekja u mill-Italja. L-akbar numru ta’ derogi ngħataw lil installazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Konklużjonijiet tal-BAT għall-manifattura tal-ħġieġ, segwiti minn installazzjonijiet fejn japplikaw il-Konklużjonijiet tal-BAT għall-produzzjoni tal-polpa, tal-karta u tal-bord. Ingħataw aktar derogi għall-emissjonijiet fl-arja (għal 59 BAT-AELs, mit-total ta’ 811-il BAT-AELs fil-Konklużjonijiet tal-BAT) milli għall-emissjonijiet fl-ilma (għal 24 BAT-AELs, mit-total ta’ 252 BAT-AELs fil-Konklużjonijiet tal-BAT).

L-itwal deroga kienet relatata mal-Konklużjonijiet tal-BAT għall-manifattura tal-ħġieġ (sa 202 xahar f’każ wieħed irrapportat mir-Repubblika Ċeka). Ingħataw 22 deroga għal perjodu ta’ żmien indefinit. Derogi fit-tul jew indefiniti ma humiex f’kunflitt mad-dispożizzjoni rilevanti tal-IED li ma tistabbilix terminu espliċitu, iżda qed jiġu investigati taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ reviżjoni kontinwa tal-IED.

Rapporti ta’ referenza

Skont l-Artikolu 22(2) tal-IED, fejn l-attività tinvolvi l-użu, il-produzzjoni jew ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, u wara li jitqiesu ċerti ċirkostanzi, għandu jiġi ppreżentat rapport ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat l-istat tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art fis-sit tal-installazzjoni 16 .

Sitt Stati Membri biss (Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovenja) irrapportaw li ġew sottomessi r-rapporti ta’ referenza kollha meħtieġa. Għall-bqija tal-Istati Membri, ġew identifikati każijiet fejn ir-rapporti ta’ referenza kienu meħtieġa skont l-Artikolu 22(2) tal-IED, iżda ma kinux ġew sottomessi. Din hija problema, b’mod partikolari, għall-installazzjonijiet li joperaw fl-Awstrija, fid-Danimarka, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja, fin-Netherlands, fil-Polonja, fil-Portugall u fl-Iżvezja.

Bħala medja, 57 % tar-rapporti ta’ referenza meħtieġa ġew sottomessi fil-ħin. Fil-każ ta’ installazzjonijiet fejn japplikaw il-Konklużjonijiet tal-BAT għall-konzar tal-ġlud, 14 % biss (erba’ rapporti mit-28 meħtieġa) ġew irrapportati li ġew sottomessi. Dan jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ implimentazzjoni jew konformità għal din l-attività industrijali partikolari. B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni u l-konformità għal dan l-aspett jidhru li huma sfida għall-Istati Membri fl-industriji kollha.

Azzjoni ta’ infurzar meħuda

Skont l-Artikolu 8(1) tal-IED, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-permessi jiġu sodisfatti.

Sitt Stati Membri rrapportaw azzjonijiet ta’ infurzar (il-Kroazja, Ċipru, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, u Spanja). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw bejn 1 u 11-il każ ta’ azzjoni ta’ infurzar. It-tipi ta’ azzjoni ta’ infurzar irrapportati huma fil-biċċa l-kbira proċedimenti legali.

Spezzjonijiet - żjarat fuq il-post

Skont l-Artikolu 23 tal-IED, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistema ta’ spezzjonijiet ambjentali tal-installazzjonijiet tal-IED.

Il-frekwenza taż-żjarat fuq il-post għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni sistematika tar-riskji rilevanti u għandha tkun mill-anqas kull sena għal installazzjonijiet li jippreżentaw l-ogħla riskji u kull tliet snin għal installazzjonijiet li jippreżentaw l-aktar riskji baxxi.

Fuq medja madwar l-UE, l-Istati Membri rrapportaw li ż-żjarat fuq il-post saru f’49 % tal-installazzjonijiet matul kull sena ta’ rapportar. Madankollu, skont ir-rapportar, fi Franza, fil-Greċja, fin-Netherlands, fil-Portugall u fi Spanja saru żjarat fuq is-sit f’anqas minn 25 % tal-installazzjonijiet. Minn din l-informazzjoni ma huwiex possibbli li jiġi konkluż jekk l-installazzjonijiet kollha ġewx spezzjonati jew le fi żmien xieraq, għal żewġ raġunijiet:

-l-obbligu li jsir rapport dwar il-frekwenza taż-żjarat fuq il-post fir-Reġistru tal-UE beda biss fil-perjodu bejn l-2017 u l-2018 u l-informazzjoni għadha ma hijiex disponibbli għal serje kronoloġika suffiċjenti;

-ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli fir-Reġistru tal-UE dwar jekk iż-żjarat fuq il-post ta’ installazzjoni għandhomx jitwettqu aktar ta’ spiss minn kull 3 snin skont il-livell ta’ riskju ambjentali tagħha.

Impjanti kbar tal-kombustjoni

3 162 impjant kbir tal-kombustjoni (LCPs) ġew irrapportati fir-Reġistru tal-UE fl-2018. Il-maġġoranza għandhom input termiku nominali totali ta’ bejn 50 u 300 MWth. L-akbar numru ta’ LCPs joperaw fil-Ġermanja (534 fl-2018). Seba’ Stati Membri oħra rrapportaw aktar minn 100 LCPs (il-Finlandja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja). 19-il Stat Membru rrapportaw anqas minn 100 LCPs.

L-LCPs jistgħu jingħataw derogi b’terminu milli jissodisfaw l-VLE preskritti mill-Anness V tal-IED permezz tal-Artikoli 31 sa 35. Proporzjonijiet relattivament żgħar tal-LCPs ingħataw dawn id-derogi (ara Table 1 ).


Tabella 1 - In-numru ta’ derogi mogħtija lil-LCPs mill-2018 17

Tip ta’ deroga LCP

In-numru ta’ LCPs li jibbenefikaw minn derogi mill-2018

L-Artikolu 31 - applika perċentwal minimu tar-rati ta’ desulfurizzazzjoni minflok il-VLE tal-SO2

16

L-Artikolu 32 - l-installazzjonijiet inklużi fil-Pjanijiet Nazzjonali Tranżizzjonali huma soġġetti għal limitu massimu ġenerali tal-emissjonijiet li jonqos b’mod lineari bejn l-2016 u nofs l-2020

234

L-Artikolu 33 - deroga sabiex titqies il-ħajja limitata tal-installazzjonijiet u assoċjata ma’ massimu ta’ 17 500 siegħa ta’ tħaddim sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023

117

L-Artikolu 34 - sistemi iżolati żgħar

22

L-Artikolu 35 - impjanti tat-tisħin distrettwali

217


Impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart

Fl-2018, ġew irrapportati lir-Reġistru tal-UE 750 impjant tal-(ko)inċinerazzjoni tal-iskart fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED b’kapaċità nominali totali ogħla minn 2 tunnellati fis-siegħa. L-akbar numru ta’ impjanti bħal dawn ġie rrapportat minn Franza (179), mill-Ġermanja (149) u mill-Iżvezja (117). Fl-UE b’mod ġenerali, il-maġġoranza huma impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart aktar milli impjanti tal-koinċinerazzjoni tal-iskart. Dan huwa dovut għan-numru kbir ħafna ta’ impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart fi Franza u fil-Ġermanja, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra għandhom prinċipalment impjanti ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart, iżda f’numri relattivament iżgħar. L-akbar proporzjon ta’ impjanti għandhom kapaċità ta’ bejn 2 u 25 tunnellata fis-siegħa.

Installazzjonijiet li jużaw solventi organiċi

Fl-2018, 26 022 installazzjoni ġew irrapportati li jużaw solventi organiċi u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu V tal-IED. Minn dawn, sehem żgħir (3 570, li jammonta għal 14 % tat-total) juża l-iskema ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 59(1.b) tal-IED u sehem saħansitra iżgħar (77 installazzjoni li jammontaw għal 0,3 % tat-total) ingħataw derogi tal-Artikolu 59 sabiex jippermettu lill-installazzjonijiet jaqbżu l-VLE.

Aċċess pubbliku għall-informazzjoni

Skont l-Artikolu 24 tal-IED, il-permessi u r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. Bl-istess mod, ir-rapporti dwar iż-żjarat fuq il-post għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 23(6) tal-IED).

Għall-aċċess pubbliku għal tali dokumentazzjoni (l-Artikolu 24 tal-IED), ir-repożitorji ċentrali tal-permessi huma disponibbli fil-livell nazzjonali f’20 Stat Membru u, fil-livell reġjonali, f’5 Stati Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja u Spanja); madankollu, f’każijiet bħal dawn, ir-repożitorji ma jeżistux għar-reġjuni kollha. Barra minn hekk, il-faċilità tal-aċċess għal u l-leġġibbiltà ta’ tali dokumentazzjoni xi drabi hija affettwata b’mod negattiv mill-format tagħha kif ukoll mill-permessi multipli u d-dokumenti relatati disponibbli għal kull installazzjoni.

Għaż-żjarat fuq il-post, l-informazzjoni disponibbli ta’ spiss tkun limitata. L-użu ta’ repożitorji ċentrali tal-permessi sabiex jiġu ppubblikati rapporti dwar iż-żjarat fuq il-post (l-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja u d-Danimarka) jagħmel l-aċċess għalihom aktar faċli, kif ukoll l-użu ta’ mudell ta’ rapport komuni (l-Awstrija, iċ-Ċekja, ir-Rumanija u xi reġjuni ta’ Spanja).

Għad-data dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet, il-punt sa fejn id-data ssir disponibbli għall-installazzjonijiet kollha huwa limitat. Fi ftit każijiet, ġew stabbiliti bażijiet tad-data, li jipprovdu aċċess għad-data, filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-informazzjoni hija disponibbli permezz ta’ rapporti annwali.

4Azzjonijiet fil-livell tal-UE

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni wettqet diversi azzjonijiet sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-IED.

Konklużjonijiet tal-BAT

L-impjanti kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II tal-IED huma obbligati japplikaw il-BAT skont l-Artikolu 11(b) tal-IED. Fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport, ġew ippubblikati 17-il Konklużjoni tal-BAT għal diversi setturi industrijali bħala deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE 18 .

Illustrazzjoni 2 hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn in-numru kumulattiv tal-Konklużjonijiet tal-BAT ippubblikati mid-dħul fis-seħħ tal-IED u n-numru approssimattiv ta’ installazzjonijiet koperti minn dawn. Il-Konklużjonijiet tal-BAT adottati sal-lum ikopru aktar minn 70 % tal-installazzjonijiet tal-IED.

Illustrazzjoni 2 - Evoluzzjoni tal-Konklużjonijiet tal-BAT u tal-installazzjonijiet koperti

Promozzjoni tal-konformità u appoġġ għall-implimentazzjoni

Ir-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni effettiva tal-IED hija tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-kompiti tagħhom jinkludu l-ħruġ ta’ permessi, il-valutazzjoni tal-VLE xierqa u kundizzjonijiet oħra, filwaqt li jikkunsidraw talbiet ta’ deroga u jiżguraw b’mod ġenerali li l-installazzjonijiet qed jiġu operati kif suppost. Il-Kummissjoni tappoġġa lil dawn l-awtoritajiet bl-għan li jiġu żgurati approċċi komparabbli u armonizzati fil-livell nazzjonali b’konformità mal-liġi tal-UE.

Fl-2019, il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma online 19 għall-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddiskutu, jiskambjaw l-għarfien u l-esperjenza u jaċċessaw ir-riżorsi relatati mal-implimentazzjoni tal-IED. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed torganizza sensiela ta’ workshops u webinars sabiex tiffaċilita l-iskambju bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet speċifiċi. Fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport, ġew organizzati tmien avvenimenti bħal dawn.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għamlet disponibbli fuq l-Internet sommarju tat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni 20 .

Attivitajiet internazzjonali

Qasam wieħed mill-ħidma tal-Kummissjoni relatata mal-IED kien l-għoti ta’ appoġġ lil organizzazzjonijiet f’partijiet oħra tad-dinja li jużaw il-BAT, jew li huma interessati fihom, u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u esperjenza magħhom. Il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma li għaddejja f’Iżrael, fil-Każakistan, fir-Russja u fil-Korea t’Isfel hekk kif dawn qed ifittxu li jiżviluppaw reġimi għall-permessi industrijali li fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq l-approċċi tal-UE dwar il-BAT u l-BREF. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll lill-Komunità tal-Enerġija 21 fil-passi li ħadet sabiex timplimenta l-għanijiet ambjentali tal-IED għal Impjanti Kbar tal-Kombustjoni.

Bil-ħsieb ta’ sensibilizzazzjoni usa’, il-Kummissjoni tappoġġa proġett tal-OECD 22 f’dan il-qasam u bdiet tittraduċi l-Konklużjonijiet tal-BAT f’lingwi mhux tal-UE 23 .

5Sejbiet ewlenin mill-evalwazzjoni tal-IED 

L-evalwazzjoni kienet appoġġata minn studju estern li ġabar evidenza permezz ta’ riċerka fil-letteratura u fid-dokumentazzjoni, konsultazzjonijiet immirati, konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa u żewġ workshops mal-partijiet ikkonċernati. F’Settembru tal-2020 ġie ppubblikat 24 SWD li jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni huma dawn li ġejjin:

Effettività

Permezz tal-istabbiliment ta’ permessi bbażati fuq il-BAT, l-IED kienet effettiva fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali tas-setturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u fit-tnaqqis tad-distorsjonijiet kompetittivi fl-UE. Il-proċess kollaborattiv, inklużiv u bbażat fuq l-evidenza għall-produzzjoni tal-BREFs u għall-identifikazzjoni tal-BAT ħadem sewwa; dan huwa rikonoxxut bħala mudell ta’ governanza kollaborattiva.

L-IED wasslet għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja (u l-kostijiet assoċjati tal-ħsara kif muri fl-Illustrazzjoni 3) u, sa ċertu punt, fl-ilma. Id-data skarsa tissuġġerixxi wkoll emissjonijiet minimizzati fil-ħamrija mill-installazzjonijiet tal-IED. Għal numru ta’ aspetti oħra, bħall-kontribut għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-ekonomija ċirkolari, kif ukoll għal mod anqas tossiku ta’ produzzjoni, huwa ħafna aktar diffiċli li wieħed jasal għal kwalunkwe konklużjoni soda; madankollu, l-indikazzjonijiet huma li l-IED għamlet kontribuzzjoni pożittiva, anke jekk ferm iżgħar.

Illustrazzjoni 3 – Il-kost annwali tad-danni tal-emissjonijiet fl-arja mill-installazzjonijiet tal-IED skont is-sustanza niġġiesa, espress f’ewro 25

L-IED tat kontribut limitat għall-innovazzjoni. Aspetti oħra, bħall-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja, jidhru li tjiebu xi ftit, għalkemm għad fadal aktar xi jsir.

Effiċjenza

L-IED hija strument fil-biċċa l-kbira effiċjenti u ssimplifikat l-acquis tal-UE. Il-benefiċċji ġenerali tal-implimentazzjoni tal-BATC huma sostanzjalment akbar mill-kostijiet. Ma hemm l-ebda parti mill-IED fejn il-kostijiet ġew identifikati bħala sproporzjonati u ma ġew identifikati l-ebda kostijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Hemm impatti mħallta fuq il-kompetittività tal-UE, madankollu ma hemm l-ebda evidenza disponibbli li dawn huma sinifikanti.

Rilevanza

Il-gruppi differenti kollha tal-partijiet ikkonċernati jqisu li l-IED tibqa’ rilevanti għall-ħtiġijiet, għall-problemi u għall-kwistjonijiet tal-UE. Hija kapaċi twieġeb għal kwistjonijiet ambjentali ġodda jew emerġenti, għalkemm hemm limitazzjonijiet għal dan, minħabba n-natura u t-tul tal-proċessi tar-rieżami tal-BREF.

Koerenza

L-IED għandha grad għoli ta’ koerenza interna. Madankollu, hemm sfidi ta’ interpretazzjoni fir-rigward ta’ diversi aspetti, li jidher min-numru ta’ mistoqsijiet li rċeviet il-Kummissjoni. Dawn ma jindikawx kontradizzjonijiet jew inkonsistenzi fundamentali, iżda diversi aspetti jistgħu jiġu ċċarati aktar. L-IED hija fil-biċċa l-kbira koerenti ma’ politiki oħra tal-UE u tappoġġa, tal-anqas sa ċertu punt, it-twettiq tagħhom. Madankollu, hemm lok għal kontribut akbar f’xi oqsma, bħall-politika dwar l-ilma.

Valur miżjud tal-UE

L-IED tipprovdi valur miżjud sinifikanti tal-UE, peress li tiġġenera numru ta’ benefiċċji importanti. L-azzjoni tal-UE żgurat approċċ aktar konsistenti fl-adozzjoni ta’ standards tal-emissjonijiet industrijali ambjentalment effettivi u l-monitoraġġ u l-infurzar tagħhom b’devjazzjoni relattivament limitata fost l-Istati Membri. Il-proċess tal-BREF innifsu ma jistax jiġi replikat mill-azzjonijiet individwali tal-Istati Membri b’impatti simili. Nuqqas ta’ azzjoni tal-UE kien iwassal għal standards ambjentali inqas eżiġenti, tal-anqas f’ħafna Stati Membri. Ir-riżultat kien ikun livell ġenerali ogħla ta’ emissjonijiet u impatti fuq is-saħħa u l-ambjent. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni inizjali ta’ rekwiżiti ambjentali inkonsistenti kienet tipperpetwa u possibbilment taggrava d-distorsjonijiet tas-suq intern tal-UE, jiġifieri billi tiffavorixxi li installazzjonijiet li ma humiex meħtieġa jinvestu f’tekniki ambjentalment effettivi. Is-sistema tal-BAT tal-IED wasslet għal xi grad ta’ azzjoni f’pajjiżi terzi mad-dinja kollha, u ġiet adottata f’numru ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità huma riflessi sew fl-IED, bir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-UE u l-interazzjonijiet bejniethom jaħdmu sew.

6Konklużjonijiet

B’segwitu għall-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni maħruġ fl-2017, dan ir-rapport jipprovdi t-tieni ħarsa ġenerali tal-Kummissjoni lejn l-istat tal-implimentazzjoni tal-IED. Il-Kummissjoni tislet numru ta’ konklużjonijiet mid-data rrapportata mill-Istati Membri matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2018, li fil-biċċa l-kbira jaqblu mal-konklużjonijiet mill-evalwazzjoni tal-IED tal-2020:

·Numru ta’ dispożizzjonijiet b’terminu tal-IED sabiex jingħataw derogi għal-LCPs waslu fit-tmiem (l-Artikoli 32 u 34) jew qed joqorbu lejn it-tmiem tagħhom (l-Artikoli 33 u 35). Peress li l-LCPs huma sors ewlieni ta’ emissjonijiet, b’mod partikolari fl-arja, il-Kummissjoni qed timmonitorja b’mod sistematiku s-sitwazzjoni wara d-data tat-tmiem ta’ tali derogi sabiex tivverifika l-konformità tal-LCPs ikkonċernati mal-VLE applikabbli.

·Għad hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni, pereżempju relatati mas-sottomissjoni tar-rapporti ta’ referenza. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għal numru ta’ snin: diffikultajiet bħal dawn jenfasizzaw il-ħtieġa għal appoġġ u komunikazzjoni kontinwi.

·Għalkemm id-dokumentazzjoni tal-permessi hija aċċessibbli għall-pubbliku f’numru kbir ta’ Stati Membri, għad hemm lok għal titjib, inkluż f’termini ta’ kwistjonijiet tekniċi (aċċessibbiltà online, format/ċarezza u lingwa tad-dokumenti), il-faċilità sabiex jiġu lokalizzati d-dokumenti (speċjalment meta ma jiġux ittrattati fil-livell nazzjonali), id-disponibbiltà tar-rapporti dwar iż-żjarat fuq il-post u d-data dwar il-monitoraġġ. Dan huwa wkoll punt li qed jiġi investigat fir-reviżjoni kontinwa tal-IED.

·Is-sistema l-ġdida ta’ rapportar skont ir-Reġistru tal-UE ssimplifikat b’mod ċar ir-rapportar u tejbet il-kompletezza u l-konsistenza tiegħu. Madankollu, bħala riżultat tal-valutazzjoni mwettqa, se jkun meħtieġ li jiġu indirizzati numru ta’ kwistjonijiet ta’ rapportar, eż. informazzjoni dwar permessi, aġġornamenti tal-permessi, derogi.


Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-kwalità tar-rapportar u tagħmel progress fuq diversi linji ta’ ħidma: appoġġ kontinwu għall-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità tal-IED.

Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-każijiet identifikati ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni sinifikanti mad-dispożizzjonijiet tal-IED. Jekk tikkonkludi li dan jirriżulta minn ksur sistemiku tal-IED, il-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet ta’ infurzar xierqa.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija impenjata li tirrevedi l-IED sabiex din issir strument legali ewlieni li jakkumpanja t-trasformazzjoni tal-industrija tal-UE meħtieġa biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(1)

Id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17-119

(2)

 Il-kontribut tal-industrija għall-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja u fl-ilma ( https://circabc.europa.eu/ui/group/06f33a94-9829-4eee-b187-21bb783a0fbf/library/c4bb7fee-46df-4f96-b015-977f1cca2093/details )

(3)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2020)181 final

(4)

Ir-Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE; COM (2017) 727

(5)

COM(2019) 640 final

(6)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Towards Zero Pollution for Air, Water and Soil” ( COM/2021/400 final )

(7)

  https://ec.europa.eu/environment/industry/stationary/ied/evaluation.htm  

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali; Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 349, d-19 ta’ Diċembru 2012

(9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1135 tal-10 ta’ Awwissu 2018 li tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali; Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L205, l-14 ta’ Awwissu 2018

(10)

 Minn hawn ’il quddiem ir-Reġistru tal-UE, aċċessibbli permezz tal-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali ( https://industry.eea.europa.eu/ )

(11)

Is-Slovakkja ma rrapportatx għas-snin 2017 sa 2018

(12)

Għalkemm ir-Renju Unit kien Stat Membru fl-2017 sa 2018, dan ma huwiex inkluż fl-analiżi għal dan il-perjodu.

(13)

  CIRCABC>environment>IED>Library>Studies> 2019 - IED Implementation Report 2013 – 2016 u CIRCABC>environment>IED>Library>Studies> 2021 - IED Implementation Reports for 2017 and 2018

(14)

L-informazzjoni mogħtija f’din it-taqsima ma tinkludix ir-rapportar li sar mir-Renju Unit

(15)

Sors: Il-valutazzjoni u s-sommarju tar-rapporti tal-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/1135/UE, RICARDO, 2021

(16)

Ir-rapport ta’ referenza għandu jiġi ppreżentat qabel il-bidu tal-operazzjoni tal-installazzjoni jew qabel ma l-permess tal-installazzjoni jiġi aġġornat għall-ewwel darba wara s-7 ta’ Jannar 2013.

(17)

Sors: Il-valutazzjoni u s-sommarju tar-rapporti tal-Istati Membri skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/1135/UE, RICARDO, 2021

(18)

Il-Konklużjonijiet tal-BAT għall-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442) ġew annullati permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-27 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jibqgħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġdida, li trid issir mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tas-sentenza, jiġifieri sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Jannar 2022.

(19)

  https://ec.europa.eu/environment/industry/stationary/ied/implementation.htm  

(20)

  CIRCABC>environment>IED>Library>Questions answered by DG ENV  

(21)

  https://www.energy-community.org/  

(22)

  http://www.oecd.org/chemicalsafety/risk-management/best-available-techniques.htm  

(23)

 Il-verżjonijiet bl-Għarbi, biċ-Ċiniż u bir-Russu tal-Konklużjonijiet tal-BAT huma disponibbli fuq https://eippcb.jrc.ec.europa.eu/translation/index.html  

(24)

  https://europa.eu/!hR34Qx

(25)

Sors: Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2020)181 final