Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Pakkett leġiżlattiv li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja {KUMM(2009) 293 finali} {KUMM(2009) 294 finali} {SEG(2009) 836} {SEG(2009) 837} /* KUMM/2009/0292 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 24.6.2009 KUMM (2009) 292 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Pakkett leġiżlattiv li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja {KUMM(2009) 293 finali}{KUMM(2009) 294 finali}{SEG(2009) 836}{SEG(2009) 837} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Pakkett leġiżlattiv li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja L-GħAN L-għan ta' dan il-pakkett leġiżlattiv huwa li tiġi stabbilita Aġenzija responsabbli għall-ġestjoni operattiva fit-tul tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)[1], is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS)[2] u l-EURODAC[3]. Minbarra dan, l-Aġenzija tista' tingħata r-responsabbiltà għal sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. L-ISFOND Sabiex jinkiseb benefiċċju mill-iżviluppi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u sabiex tkun possibbli l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet ġodda, Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) se tieħu post is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen eżistenti (SIS 1+). SIS II se tassigura livell għoli ta' sigurtà fi ħdan iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluża ż-żamma tas-sigurtà pubblika u l-politika pubblika u kif ukoll il-ħarsien tas-sigurtà fit-territorji tal-Istati Membri. Is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viżi (VIS) se tkun l-istrument essenzjali bbażat fuq l-IT għall-appoġġ tal-implimentazzjoni ta' politika komuni dwar il-viżi u l-iffaċilitar, inter alia, ta' kontrolli effettivi fuq il-fruntieri billi tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati sabiex idaħħlu u jaġġornaw id-dejta dwar il-viża, inkluża dejta bijometrika, u kif ukoll jikkonsultaw din id-dejta elettronikament. EURODAC hija sistema tal-IT għat-tqabbil tal-marki tas-swaba ta' dawk li jitolbu l-ażil u tal-immigranti illegali sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin II[4], li jagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminar tal-applikazzjoni għall-ażil. L-SIS II u l-VIS qed jiġu żviluppati mill-Kummissjoni. Skont l-istrumenti legali li jirregolaw dawn is-sistemi, il-Kummissjoni hija fdata bil-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS matul perjodu ta' tranżizzjoni. Dan il-perjodu m'għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data li fiha l-istrumenti legali tal-SIS II jibdew japplikaw jew ir-Regolament VIS jidħol fis-seħħ rispettivament. Il-Kummissjoni bħalissa qed tafda l-ġestjoni operattiva tal-SIS II u l-VIS f'idejn entitajiet nazzjonali tas-settur pubbliku f'żewġ Stati Membri differenti, jiġifieri Franza u l-Awstrija. Fir-rigward tal-EURODAC, il-Kummissjoni żviluppat is-sistema u bħalissa hija responsabbli sabiex tħaddem l-Unità Ċentrali u tassigura s-sigurtà tat-trażmissjoni tad-dejta. Madankollu, it-tħaddim ta' sistemi tal-IT ta' skala kbira bħal dawn mhux parti mid-dmirijiet proprji tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-istrumenti legali tal-SIS II u l-VIS jistipulaw il-ħtieġa li eventwalment tiġi stabbilita Awtorità tal-Ġestjoni, l-aktar sabiex tassigura l-kontinwità u l-ġestjoni operattiva tas-sistemi rispettivi u l-fluss permanenti tad-dejta. F'dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw l-istrumenti legali tal-SIS II u l-VIS, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew stiednu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, wara stima tal-impatt, il-proposti leġiżlattivi neċessarji li jgħaddu f'idejn l-Aġenzija l-ġestjoni operattiva fit-tul tal-SIS II Ċentrali u parti mill-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni, u kif ukoll il-VIS. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-istrumenti legali tal-SIS II u VIS, l-istrumenti legali neċessarji sabiex tgħaddi għand Aġenzija l-ġestjoni operattiva fit-tul ta' dawn is-sistemi. Fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar l-aġenziji Ewropej[5], il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li ma tagħmilx proposti għal aġenziji regolatorji ġodda, minbarra għal dawk diġà ppjanati fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, bħall-proposta għal Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira. L-ISTRUTTURA TAL-PAKKETT LEġIżLATTIV Ħarsa ġenerali lejn l-Aġenzija Aġenzija Regolatorja ġdida hija l-aħjar għażla sabiex jitwettqu d-dmirijiet tal-'Awtorità tal-Ġestjoni' għall-SIS II, il-VIS u l-EURODAC fit-tul[6]. L-aħjar mod kif tittejjeb il-produttività u jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi huwa li jiġu sfruttati s-sinerġiji. Dan jista' jinkiseb jekk it-tliet sistemi kollha kemm huma, u possibilment sistemi oħra wkoll, ikunu miġbura fl-istess post u jiffunzjonaw fuq l-istess pjattaforma. Il-funzjoni ewlenija tal-Aġenzija għandha tkun li tipprovdi l-ġestjoni operattiva għal dawn is-sistemi u żżommhom jiffunzjonaw 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Minbarra dawn id-dmirijiet operattivi, ir-responsabbiltajiet li jikkorrispondu magħhom għall-adozzjoni ta' miżuri tas-sigurtà, rappurtar, pubblikazzjonijiet, monitoraġġ u informazzjoni u kif ukoll l-organizzazzjoni ta' taħriġ speċifiku relatat mal-VIS u l-SIS II għandhom ukoll jiġu allokati lill-Aġenzija. Bosta mid-dmirijiet relatati mat-tħaddim ta' dawn is-sistemi tal-IT, bħall-akkwisti u l-ġestjoni tal-proġetti, jirkbu fuq xulxin, u dan jippermetti l-ħolqien ta' sinerġiji. L-analiżi fl-istima tal-impatt uriet ukoll li, sabiex tiżdied il-bażi operattiva u jiġu ġġustifikati aħjar l-ispejjeż ġenerali tal-ġestjoni, Aġenzija tista' tingħata r-responsabbiltà għall-iżvilupp u l-ġestjoni operattiva ta' kwalunkwe sistema ġdida li tista' tiġi stabbilita fil-futur fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. L-istruttura tal-governanza tal-Aġenzija għandha wkoll tirrifletti l- ġometrija varjabbli eżistenti, jiġifieri grupp eteroġenju ta' Stati Membri u pajjiżi assoċjati b'livell differenti ta' parteċipazzjoni fis-sistemi. Elementi tas-sistemi li jkopru iktar minn pilastru wieħed L-SIS II hija stabbilita kemm fl-ewwel u kif ukoll fit-tielet pilastru. L-aspetti tal-ewwel pilastru tal-SIS II ikopru twissijiet għal rifjut ta' dħul u wkoll aċċess mis-servizzi tal-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi. L-aspetti tat-tielet pilastru tal-SIS II jkopru t-twissijiet kollha li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat tal-UE, jiġifieri dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali. L-istrumenti legali li jirregolaw l-SIS II fihom dispożizzjonijiet identiċi dwar l-Awtorità tal-Ġestjoni u d-dmirijiet tagħha. Il-VIS hija bbażata fuq strument tal-ewwel pilastru (ir-Regolament tal-VIS) iżda hemm ukoll Deċiżjoni tal-Kunsill tat-tielet pilastru li tirregola l-aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS minn awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni tar-reati terroristiċi u reati serji oħra. Din id-Deċiżjoni fiha wkoll referenza għall-Awtorità tal-Ġestjoni fil-kuntest tas-sorveljanza u l-valutazzjoni, u għalhekk huwa meħtieġ strument legali tat-tielet pilastru sabiex l-Aġenzija tkopri d-dmirijiet rispettivi. L-EURODAC II hija stabbilita wkoll fl-ewwel pilastru. L-elementi li fuqhom huma bbażati dawn is-sistemi tal-IT u li jinvolvu aktar minn pilastru wieħed joħolqu l-ħtieġa li jiġu adottati strumenti legali differenti sabiex tiġi stabbilita l-Aġenzija. Il-pakkett preżenti ta' strumenti legali jiġbor fih żewġ strumenti legali: Regolament li jirregola l-aspetti tal-ewwel pilastru tal-SIS II u l-VIS u kif ukoll il-EURODAC u Deċiżjoni dwar l-aspetti tat-tielet pilastru tal-SIS II u l-VIS. Wieħed miż-żewġ strumenti ppreżentati hawnhekk, ir-Regolament, se jiddeskrivi l-istruttura u l-funzjonijiet tal-Aġenzija, il-proċeduri tal-votazzjoni tagħha u elementi neċessarji oħra. Hija tispeċifika li meta jkun qed iwettaq id-dmirijiet tal-ġestjoni, il-Bord tal-Ġestjoni għandu jikkonsisti f'rappreżentant wieħed minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen u l-miżuri relatati mal-EURODAC flimkien ma' żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-pajjiżi assoċjati m'għandhomx drittijiet ta' vot. L-istrument legali l-ieħor, Deċiżjoni, li jieħu f'kunsiderazzjoni l-elementi tas-sistemi li jinvolvu aktar minn pilastru wieħed, se jgħaddi għand l-Aġenzija d-dmirijiet relatati mal-ġestjoni tal-SIS II u l-VIS f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE. Il-proposti li ġejjin jikkostitwixxu l-pakkett leġiżlattiv kurrenti: 1. Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà, u l-ġustizzja; 2. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti lill-Aġenzija stabbilita permezz tar-Regolament XX dmirijiet dwar il-ġestjoni tal-SIS II u l-VIS f'applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat tal-UE. Implikazzjonijiet finanzjarji L-istima tal-ispejjeż totali relatati mal-fażi ta' tħejjija u twaqqif tal-ġestjoni operattiva fit-tul għall-SIS II, il-VIS u l-EURODAC bejn l-2010 u l-2013 hija ta' EUR 113-il miljun. Dan l-ammont huwa kopert mill-qafas finanzjarju għall-2007-2013. Ħarsa ġenerali lejn in-nefqa operattiva u amministrattiva hija pprovduta fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-ġestjoni operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Id-dikjarazzjoni finanzjarja hija prinċipalment ibbażata fuq stimi u ċifri mill-istima tal-impatt li saret fl-2007. Hija bbażata wkoll fuq il-premessa li din il-proposta se tiġi adottata fl-2010, sabiex l-Aġenzija tiġi legalment stabbilita fl-2011 u ssir Aġenzija attrezzata għal kollox u tkun f'pożizzjoni li tieħu fuqha d-dmirijiet relatati mal-ġestjoni operattiva tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-2012. L-istima tal-ispejjeż għall-Aġenzija jkopru n-nefqa operattiva u kif ukoll dik amministrattiva meħtieġa sabiex tiġi assigurata l-ġestjoni operattiva effettiva tal-SIS II, il-VIS u l-EURODAC. L-ammont totali jinkludi wkoll l-ispejjeż relatati mall-persunal u t-taħriġ tiegħu. Bħalissa huwa previst li l-Aġenzija se timpjega 120 persuna. Madankollu, mhumiex previsti fil-baġit tal-Aġenzija l-ispejjeż relatati mal-konnessjoni tat-tliet sistemi man-netwerk s-TESTA. Skont il-proposta, il-Kummissjoni tibqa' responsabbli għall-aspetti kuntrattwali u baġitarji kollha relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni. L-ispejjeż annwali tal-konnessjoni tat-tliet sistemi jammontaw għal madwar EUR16.5 miljun, ammont li se jiġi kopert mill-baġit tal-Komunità. Fl-aħħar nett, ġew previsti r-riżorsi għall-akkwist ta' sit ġdid għall-Aġenzija li għandu wkoll il-kapaċità li jospita s-sistemi. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni kurrenti, fejn is-sistemi huma żviluppati u operati separatament, u ladarba jkunu saru l-investimenti inizjali neċessarji, struttura ta' ġestjoni konġunta tirriżulta f'sinerġiji u effiċjenza fl-ispejjeż fuq tul ta' żmien. [1] Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533//JHA tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II). [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tikkostitwixxi l-bażi legali għall-inklużjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-approprjazzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp tal-VIS. [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' Eurodac għat-tqabbil ta' marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin. [4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz. [5] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – 'L-aġenziji Ewropej – Il-mixja 'l quddiem', COM(2008) 135 finali. [6] Dan l-approċċ huwa appoġġjat mill-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-istima tal-impatt ibbażat fuq studju prepatatorju mwettaq minn kuntrattur estern, COM (2009) XX finali.