20.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 29/4


Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea

(2022/C 29/03)

Skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (2) huma b’dan emendati kif ġej:

Fil-paġna 412, tiddaħħal in-Nota ta’ Spjegazzjoni li ġejja:

“9503 00 41

Mimlijin

Il-ġugarelli mimlijin ta’ din is-subintestatura normalment ikollhom id-drapp ta’ barra ta’ materjal artab u normalment jimtlew b’materjal flessibbli/artab u għalhekk jinħass pjaċevoli li żżomm ġugarell minn dawn. Il-moduli mużikali, il-housings tal-batteriji u l-oqfsa strutturali ta’ ġewwa ma jitqisux bħala materjal tal-mili. Ma hemmx għalfejn ikun mimli kompletament, ġugarell mimli, dment li l-partijiet li jkunu mimlijin jagħtuh il-karattru essenzjali ta’ ġugarell mimli.

Għall-ġugarelli li għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9503 00 41 , ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)Nru 2015/352(*) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2184/97(**).

 

 

(*)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/352 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 61, 5.3.2015, p. 5).

(**)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2184/97 tat-3 ta’ Novembru 1997 li jikkonċerna l-klassifika ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 299, 4.11.1997, p. 6).

Hawn jinsabu eżempji oħrajn ta’ ġugarelli li għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9503 00 41 bħala ġugarelli mimlijin li jirrappreżentaw annimali jew kreaturi li mhumiex umani:

Image 1

Ġugarell mimli li jirrappreżenta ors, magħmul minn drapp artab, twil madwar 30 cm, b’ras relattivament kbira, mimlija, b’saqajh u dirgħajh mimlijin u f’żaqqu fih modulu tal-ħoss. Apparti l-modulu tal-ħoss, fih ukoll ftit mili fil-parti li tifforma l-ġisem.

Image 2

Ors żgħir li jkanta, b’karatteristiċi interattivi, twil madwar 19-il cm.

Il-ġisem magħmul mill-plastik, u fih modulu tal-ħoss li jaħdem bil-batteriji, u fuqu hemm 3 buttuni jixegħlu li jistgħu jintgħafsu.

Rasu, riġlejh, saqajh, dirgħajh u jdejh mimlijin. Il-biċċa l-kbira tal-materjal tal-mili ta’ ġewwa hija kkostitwita mill-partijiet mimlijin meħudin flimkien.

Image 3

Ġugarell li jirrappreżenta ras ta’ żiemel mimlija mwaħħla fuq lasta tal-injam (twila bejn 60 u 100 cm) u b’żewġ roti mwaħħla fit-tarf ta’ isfel tagħha.

Hawn jinsabu eżempji ta’ ġugarelli li għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9503 00 49 bħala ġugarelli oħrajn li jirrappreżentaw annimali jew kreaturi li mhumiex umani:

Image 4

Ġugarell li jirrappreżenta kelb, għoli madwar 25 cm, miksi bi drapp artab innittjat tal-filpa. Dan għandu l-ġisem u l-qafas magħmulin mill-plastik, huwa mgħammar b’mutur li jaħdem bil-batteriji u b’modulu tal-ħoss. L-erba’ saqajn għandhom saff inforra mwaħħal man-naħa ta’ ġewwa u r-ras hija mimlija.

Image 5

Ġugarell li jirrappreżenta lama, għoli madwar 17-il cm, miksi bi drapp artab tal-filpa. Il-ġisem, ir-ras u l-qafas ta’ ġewwa huma magħmula mill-plastik. Hemm saff ta’ kuttunar bejn ir-ras tal-plastik u d-drapp artab tal-filpa li jgħatti r-ras, iżda l-ġisem ma fihx materjal mimli. Il-ġugarell għandu mutur li jaħdem bil-batteriji, li permezz tiegħu il-ġugarell iċaqlaq saqajh u denbu, u fih modulu tal-ħoss.

Image 6

Ġugarell li jirrappreżenta ferħ ta’ qattus, għoli madwar 15-il cm, miksi bi drapp artab tal-filpa nnittjat. Dan għandu l-ġisem u l-qafas magħmulin mill-plastik, huwa mgħammar b’mutur li jaħdem bil-batteriji u b’modulu tal-ħoss. L-erba’ saqajn huma mimlijin.

Image 7

Ġugarell li jirrappreżenta kelb tas-salvataġġ, għoli madwar 30 cm, miksi bi drapp artab tal-filpa nnittjat. Dan għandu l-ġisem u l-qafas magħmulin mill-plastik, huwa mgħammar b’mutur li jaħdem bil-batteriji u b’modulu tal-ħoss. L-erba’ saqajn u parti mill-geddum huma mimlijin.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  ĠU C 119, 29.3.2019, p. 1.